Language of document : ECLI:EU:C:2020:467

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

11 ta’ Ġunju 2020(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal perijodu twil – Direttiva 2003/109/KE – Artikolu 12 – Adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra resident għat-tul – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Ġurisprudenza nazzjonali – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi – Kompatibbiltà – Direttiva 2001/40/KE – Rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Rilevanza”

Fil-Kawża C‑448/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla‑La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla‑La Mancha, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

WT

vs

Subdelegación del Gobierno en Guadalajara,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, M. Vilaras (Relatur), President tar-Raba’ Awla, u K. Jürimäe, Imħallef,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal WT, minn A. García Herrera u A. Abeijón Martínez, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn M. J. García‑Valdecasas Dorrego, sussegwentement minn S. Jiménez García, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), moqri flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat‑28 ta’ Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 107).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn WT u s-Subdelegacion del Gobierno en Guadalajara (ir-Rappreżentanza tal-Gvern fil-Provinċja ta’ Guadalajara, Spanja) fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ din l-awtorità li ordnat it-tkeċċija ta’ WT mit-territorju Spanjol.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/109

3        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Protezzjoni kontra tkeċċija” jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni li jkeċċu residenti għat-tul unikament fejn hu/i jikkostitwixxi theddiha attwali u suffiċjentement serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika.

[…]

3.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jitkeċċa residenti għat-tul, l-Istati membri għandhom jagħtu kont tal-fatturi li ġejjin:

a)      it-tul tar-residenza fit-territorju tagħhom;

b)      l-età tal-persuna konċernata;

c)      il-konsegwenzi għall-persuna konċernata u l-membri tal-familja;

d)      ir-rabtiet mal-pajjiż tar-residenza jew in-nuqqas ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.”

 Id-Direttiva 2001/40

4        Mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/40 jirriżulta li l-għan tagħha huwa li jippermetti r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru kontra ċittdin ta’ pajjiż terz li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

5        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-espulsjoni [tkeċċija] riferita fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-każijiet li ġejjin:

a)      ċittadin ta’ pajjiż terz huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni dwar l-espulsjoni msejsa fuq theddida gravi u preżenti għall-ordni pubbika jew dwar is-sigurtà u s-salvagward nazzjonali, meħuda fil-każijiet li ġejjin:

–        il-kundanna ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz mill-Istat Membru tal-ħruġ għal offiża kkastigata b’piena li tinvolvi iċ-ċaħda tal-libertà ta’ mill-inqas sena,

[…]”

 Id-dritt Spanjol

6        Il-Ley Orgánica 4/2000 sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social (il-Liġi Qafas 4/2000 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Barranin fi Spanja u l-Integrazzjoni Soċjali Tagħhom), tal‑11 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 10, tat‑12 ta’ Jannar 2000, p. 1139), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 4/2000”), tiddetermina, fit-Titolu III tagħha, “il-ksur li jaqa’ taħt il-liġi tal-barranin u r-reġim ta’ sanzjoni tiegħu”.

7        L-Artikolu 57, li jagħmel parti minn dan it-titolu, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Meta l-awturi tal-ksur ikunu barranin u l-aġir inkwistjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘serju ħafna’ jew ‘serju’, skont l-Artikolu 53(1)(a), (b), (c), (d) u (f) ta’ din il-Liġi Qafas, il-multa tista’ tiġi sostitwita, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proprzjonalità, bit-tneħħija mit-territorju Spanjol fi tmiem il-proċedura amministrattiva korrispondenti u permezz ta’ deċiżjoni li tevalwa l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur.

2.      Bl-istess mod, raġuni oħra għal tkeċċija, wara l-proċedura amministrattiva korrispondenti, hija kkostitwita mill-fatt li l-barrani ġie kkundannat, fi Spanja jew post ieħor, għal aġir intenzjonali li [fi Spanja] jikkostitwixxi reat li jinvolvi piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena, sakemm il-preċedenti kriminali tiegħu ma jkunux ġew imħassra miċ-ċertifikat tal-kondottta tiegħu.

[…]

5.      Ħlief f’każijiet fejn il-ksur imwettaq huwa dak previst fl-Artikolu 54(1)(a) jew jekk jinvolvi, fuq perijodu ta’ sena, ir-reċidiva ta’ ksur ta’ liġi tal-istess natura punibbli bit-tkeċċija, is-sanzjoni tat-tkeċċija ma tistax tiġi imposta fuq il-barranin li jinsabu fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)      Ir-residenti għal perijodu twil. Qabel ma tiġi adottta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ resident għal perijodu twil, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza tiegħu fi Spanja u tar-rabtiet maħluqa [ma’ Spanja], tal-età tiegħu, tal-konsegwenzi għall-persuni kkonċernati u għall-membri tal-familja tiegħu, u tar-rabtiet mal-pajjiż li lejh ser jintbagħat.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        WT huwa ċittadin Marokkin detentur ta’ permess ta’ residenza fit-tul fi Spanja. Fit‑22 ta’ Frar 2016, meta mar quddiem l-awtoritajiet tal-pulizija kompetenti sabiex jiġu vverifikati xi formalitajiet marbuta mal-istatus tiegħu ta’ barrani, l-uffiċjal tal-pulizija inkarigat ikkonstata li bejn is-snin 2011 u 2014 WT kien ġie kkundannat għal numru ta’ pieni, fosthom b’mod partikolari tliet pieni ta’ priġunerija li kienu ogħla minn sena. Konsegwentement, infetaħ fajl amministrattiv ta’ tkeċċija fil-konfront ta’ WT li fil-kuntest tiegħu dan tal-aħħar instema’.

9        WT sostna b’mod partikolari li l-kundanni kriminali tiegħu ma setgħux, waħedhom, jiġġustifikaw it-tkeċċija tiegħu mit-territorju Spanjol u li, peress li rrisjeda f’dan l-Istat għal iktar minn għaxar snin, huwa kien integrat fis-soċjetà Spanjola, fejn kien ukoll assimila l-kultura tagħha. Huwa wkoll f’dan il-pajjiż li huwa għandu r-rabtiet tiegħu mill-perspettiva familjari u professjonali.

10      Fis‑26 ta’ April 2016, ir-Rappreżentanza tal-Gvern fil-provinċja ta’ Guadalajara adottat deċiżjoni li tordna t-tkeċċija ta’ WT mit-territorju Spanjol, billi qieset li ċ-ċirkustanzi għall-applikazzjoni tar-raġuni għal tkeċċija msemmija fl-Artikolu 57(2) tal-Liġi 4/2000 kienu ssodisfatti fil-każ tiegħu.

11      WT ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 1 de Guadalajara (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 1 ta’ Guadalajara, Spanja). Insostenn tar-rikors tiegħu, essenzjalment, huwa reġa’ tenna l-istess argumenti bħal dawk imressqa matul il-proċedura amministrattiva.

12      Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2017, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 1 de Guadalajara (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 1 ta’ Guadalajara) ċaħad ir-rikors ta’ WT bħala infondat. Huwa ppreżenta appell kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla‑La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla‑La Mancha, Spanja), billi invoka ksur tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109.

13      Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinvijui tindika żewġ sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), tad‑19 u s‑27 ta’ Frar 2019, li fihom din l-aħħar qorti, billi tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2001/40, iddeċidiet li hemm lok li sseħħ it-tkeċċija awtomatika ta’ barranin residenti għal perijodu twil ikkundannati għal ksur intenzjonat punibbli b’pieni ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena, b’applikazzjoni tal-Artikolu 57(2) tal-Liġi 4/2000, mingħajr ma jiġi applikat il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu.

14      Il-qorti tar-rinviju, li tippreċiża li hija marbuta bil-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), tqis li s-sentenzi msemmija iktar ’il fuq ta’ din l-aħħar qorti huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/109, hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell (C‑371/08, EU:C:2011:809) u tas‑7 ta’ Diċembru 2017, López Pastuzano (C‑636/16, EU:C:2017:949). Din il-ġurisprudenza tat‑Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) hija bbażata fuq id-Direttiva 2001/40, b’mod purament proċedurali, biex tislet konklużjonijiet li jidhru żbaljati fid-dritt.

15      Fil-fatt, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ din l-aħħar direttiva jipprevedi biss li deċiżjoni ta’ tkeċċija bbażata fuq theddida gravi u attwali għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà u s-salvagwardja nazzjonali tista’ tiġi eżegwita fi Stat Membru minbarra dak tal-adozzjoni tagħha, b’mod partikolari meta tkun ġiet adottata fuq il-bażi ta’ kundanna taċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat, mill-Istat Membru awtur ta’ deċiżjoni, għal ksur punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tirregolax iċ-ċirkustanzi li fihom tista’ tiġi adottata tali deċiżjoni.

16      Huwa f’dan il-kuntest li t-Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla‑La Mancha) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hijiex kompatibbli mal-Artikolu 12 tad-Direttiva [2003/109] u, fost l-oħrajn, mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 2017, López Pastuzano (C-636/16, EU:C:2017:949), u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell (C-371/08, EU:C:2011:809), interpretazzjoni bħal dik mogħtija fis-sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) Nru 191/2019, tad-19 ta’ Frar 2019, Appell fil-Kassazzjoni Nru 5607/2017 (ES:TS:2019:580), u Nru 257/2019, tas-27 ta’ Frar 2019, Appell fil-Kassazzjoni Nru 5809/2017 (ES:TS:2019:663), li tgħid li, huwa possibbli, permezz ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva [2001/40/], li jiġi sostnut li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu permess ta’ residenza għal żmien twil li jkun wettaq delitt ikkastigat b’piena ta’ ħabs ta’ tul ta’ mill-inqas sena jista’ u għandu jkun suġġett ta’ tkeċċija b’mod ‘awtomatiku’, jiġifieri, mingħajr il-ħtieġa li ssir kwalunkwe evalwazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi personali, familjari, soċjali jew ta’ xogħol tiegħu.”

 Fuq id-domanda preliminari

17      Peress li fid-domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju tindika żewġ sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jeħtieġ li jitfakkar, preliminarjament, li fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, filwaqt li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt nazzjonali, inklużi dawk ta’ oriġini ġurisprudenzjali, mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità sabiex il-kawża li biha hija adita tkun tista’ tiġi deċiża (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Għalhekk, fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddetermina jekk l-interpretazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju tas-sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li din tiċċita fit-talba tagħha, hijiex korretta, u lanqas jekk is-sentenzi jmorrux kontra d-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindika lill-qorti tar-rinviju jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109 jipprekludix ġurisprudenza nazzjonali li għandha l-portata li din il-qorti tar-rinviju tattribwixxi lis-sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) msemmija.

19      Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, hekk kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali b’riferiment għad-Direttiva 2001/40, tipprevedi t-tkeċċija ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza fit-tul li wettaq ksur kriminali punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżentax theddida reali u suffiċjentement gravi għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, u mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, tal-età tiegħu, tal-konsegwenzi għalih u għall-membri tal-familja tiegħu kif ukoll tar-rabtiet tiegħu mal-Istat Membru ta’ residenza jew tal-assenza ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

20      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li fil-punt 29 tas-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Diċembru 2017, López Pastuzano (C‑636/16, EU:C:2017:949), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’risposta għal domanda ta’ qorti Spanjola adita b’kawża li kienet tirrigwarda l-istess dispożizzjoni tad-dritt Spanjol bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, iddeċidiet li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, hekk kif interpretata minn parti mill-qrati tiegħu, ma tipprevedix l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal perijodu twil għad-deċiżjonijiet amministrattivi ta’ tkeċċija kollha indipendentement min-natura jew mill-modalitajiet ġuridiċi ta’ din il-miżura.

21      Għalhekk, mill-punti 25 sa 27 ta’ din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, essenzjalment, li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109 jipprekludi l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal perijodu twil, fuq is-sempliċi bażi tal-kundanni kriminali li għalihom kien suġġett fil-passat, mingħajr ma jiġi ddeterminat jekk dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżentax theddida reali u suffiċjentement gravi għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika ta’ dan l-Istat Membru, jew li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi differenti elenkati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri t-tul tar-residenza tiegħu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, tal-età tiegħu, tal-konsegwenzi ta’ tkeċċija għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, kif ukoll tar-rabtiet mal-pajjiż ta’ residenza jew l-assenza ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

22      Id-dispożizzjonijiet taad-Direttiva 2001/40 ma jistgħux jiġġustifikaw interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109.

23      Kif irrilevat, essenzjalment, il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/40 jirriżulta li l-għan ta’ din tal-aħħar huwa r-rikonoxximent, minn Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

24      Għaldaqstant din id-direttiva ma tirregolax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ tali deċiżjoni fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal perijodu twil li jinsab fit-territorju tiegħu stess.

25      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, hekk kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali b’riferiment għad-Direttiva 2001/40, tipprevedi t-tkeċċija ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza fit-tul li wettaq ksur kriminali punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżentax theddida reali u suffiċjentement gravi għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, u mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, tal-età tiegħu, tal-konsegwenzi għalih u għall-membri tal-familja tiegħu kif ukoll tar-rabtiet tiegħu mal-Istat Membru ta’ residenza jew tal-assenza ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

26      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, hekk kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali b’riferiment għad-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat28 ta’ Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, tipprevedi t-tkeċċija ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza fit-tul li wettaq ksur kriminali punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżentax theddida reali u suffiċjentement gravi għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, u mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, tal-età tiegħu, tal-konsegwenzi għalih u għall-membri tal-familja tiegħu kif ukoll tar-rabtiet tiegħu mal-Istat Membru ta’ residenza jew tal-assenza ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.