Language of document :

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-18 ta’ Frar 2016 (1)

Kawża C‑80/15

Robert Fuchs AG

vs

Hauptzollamt Lörrach

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (Baden-Württemberg, il-Ġermanja)]

“Unjoni Doganali u Tariffa Doganali Komuni – Kunċett ta’ ‘użu kummerċjali’ ta’ mezz ta’ trasport – Inklużjoni ta’ titjiriet mħallsa ma’ għalliem tat-titjir”






I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, ir-rikorrenti quddiem il-qorti nazzjonali, Robert Fuchs AG (iktar ’il quddiem “Fuchs”), iddaħħal temporanjament mill-Isvizzera ħelikopters fit-territorju tal-Unjoni Ewropea sabiex tagħti taħriġ fit-titjir. It-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali hija sempliċiment jekk Fuchs tistax titlob eżenzjoni temporanja fuq importazzjoni mill-ħlas ta’ dazji doganali għal dawn il-ħelikopters.

2.        Il-qorti nazzjonali tiffoka fuq l-eżenzjoni mid-dazji fil-każ ta’ ammissjoni temporanja ta’ mezzi ta’ trasport. Il-motiv ta’ eżenzjoni huwa previst fl-Artikolu 558(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 (2) li jimplementa r-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (3) (iktar ’il quddiem, “ir-Regolament ta’ Implementazzjoni” u “l-Kodiċi Doganali”, rispettivament).

3.        Sabiex jiġi aċċertat jekk tistax tingħata l-eżenzjoni lil Fuchs, il-qorti nazzjonali tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta t-tifsira tal-espressjoni “użu kummerċjali” fl-Artikolu 555(1)(a) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. B’mod speċifiku, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “użu kummerċjali” jkoprix it-tip ta’ attività li tagħmel Fuchs, jiġifieri t-taħriġ fit-titjir.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

1.      Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul

4.        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/329/KEE (4) saret l-adeżjoni mill-KEE għall-Konvenzjoni dwar l-Ammissjoni Temporanja, konkluża fis-26 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Istanbul”). Konformement mal-Artikolu 37 ta’ din id-deċiżjoni, it-testi bl-Ingliż u bil-Franċiż tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul huma awtentiċi t-tnejn.

5.        L-Artikolu 1(a) tal-Anness C tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jiddefinixxi “mezzi ta’ trasport” bħala “kull bastiment […] ħoverkraft, inġenju tal-ajru, vetturi bil-mutur tat-triq u materjal ferrovjarju fuq ir-roti […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. L-Artikolu 1(b) tal-Anness C jiddefinixxi “użu kummerċjali” bħala t-“trasport ta’ persuni bi ħlas jew għal trasport industrijali jew kummerċjali ta’ merkanzija, sew jekk bi ħlas u sew jekk le” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (5). L-Artikolu 1(c) tal-Anness C jiddefinixxi “użu privat” bħala t-“trasport esklużivament għal użu personali mill-persuna kkonċernata bl-esklużjoni ta’ użu kummerċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (6).

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Kodiċi Doganali

6.        L-Artikolu 137 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi għal proċedura li biha wieħed jista’ jiġi eżentat mill-ħlas ta’ dazji doganali għall-ammissjoni temporanja ta’ merkanzija fl-Unjoni.

7.        Il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni skont il-proċedura ta’ ammissjoni temporanja ġew stabbiliti fir-Regolament ta’ Implementazzjoni skont l-Artikolu 141 tal-Kodiċi Doganali.

8.        L-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li jkun hemm dejn doganali meta l-obbligi ġejjin mill-użu tal-proċedura tad-dwana rilevanti ma jkunux ġew issodisfatti.

2.      Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni

9.        L-Artikolu 232 u l-Artikolu 233 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni moqrija flimkien jipprovdu li l-“mezzi tat-trasport imsemmija fl-Artikoli 556 sa 561” jitqiesu li huma ddikjarati għal importazzjoni temporanja għaliex ikunu qasmu l-fruntiera tat-territorju doganali tal-Unjoni.

10.      Il-Kapitolu 5 tat-Titolu III tal-Taqsima II tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandu l-isem “Importazzjoni temporanja”. It-Taqsima 2 ta’ dak il-Kapitolu għandha l-isem “Kondizzjonijiet għall-ħelsien totali miid-dazji ta’ importazzjoni”. It-Taqsima 2 mbagħad hija maqsuma f’seba’ subtaqsimiet, kull waħda telenka tipi differenti ta’ oġġetti potenzjalment eliġibbli għall-eżenzjoni. Is-subsubartikolu tat-Taqsima 2, bl-isem “Mezzi ta’ trasport” fih l-Artikoli 555 sa 562. L-Artikolu 555(1) jiddefinixxi l-kliem li ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ din is-subtaqsima [subartikolu]:

(a)      ‘użu kummerċjali’ tfisser l-użu ta’ mezzi ta’ trasport għat-trasport ta’ persuni b’rimunerazzjoni jew it-trasport industrijali jew kummerċjali ta’ merkanzija, kemm jekk b’rimunerazzjoni kemm jekk le;

(b)      ‘użu privat’ tfisser l-użu barra minn dak kummerċjali ta’ mezzi ta’ trasport;

(ċ)      ‘traffiku intern’ tfisser il-ġarr ta’ persuni jew oġġetti miġbura jew mgħobbija fit-territorju doganali tal-Komunità biex jitniżżlu jew jinħattu f’post f’dak it-territorju. ”

11.      L-Artikolu 558(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprevedi:

“(1)      Ħelsien totali mid-dazji ta’ importazzjoni għandhom jingħataw għal mezzi ta’ trasport bit-triq, ferrovija, ajru, baħar u trasport minn kanali nterni ta’ l-ilma fejn huma:

(a)       reġistrati barra t-territorju doganali tal-Komunità f’isem persuna stabbilita barra dak it-territorju; iżda, jekk il-mezzi ta’ trasport m’humiex reġistrati, il-kundizzjonijiet msemmija hawn fuq jistgħu jitqiesu li jkunu tħarsu fejn huma l-proprjetà ta’ persuna stabbilita barra t-territorju doganali tal-Komunità;

(b)      huma wżati minn persuna stabbilita barra dak it-territorju, mingħajr preġudizzju għal l-Artikoli 559, 560 u 561; u

(ċ)      fil-każ ta użu kummerċjali u bl-eċċezzjoni ta’ mezz ta’ trasport tal-ferrovija, huma wżati esklussivament għal trasport li jibda jew jintemm barra t-territorju doganali tal-Komunità; iżda, jistgħu jintużaw fi traffiku intern fejn id-disposizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tat-trasport, partikolarment dawk li jikkonċernaw id-dħul u l-operazzjonijiet, hekk jipprovdu.”

III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

12.      Fuchs hija impriża tat-titjir u ta’ manutenzjoni. Għandha s-sede tagħha fl-Isvizzera, iżda hija ċċertifikata wkoll fil-Ġermanja. Hija toffri (fost affarijiet oħrajn) servizzi fin-negozju tat-titjir tal-ħelikopters, b’mod partikolari, taħriġ fit-titjir għal individwi privati u bdoti professjonali.

13.      B’deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2009, il-Hauptzollamt Lörrach (uffiċċju prinċipali tad-dwana, Lörrach, il-Ġermanja) ta eżenzjoni lil Fuchs mill-obbligu li jinżel f’ajruport doganali (“Zollflugplatzzwang”), fir-rigward ta’ għaxar ħelikopters elenkati individwalment irreġistrati f’isem ir-rikorrenti ġewwa l-Isvizzera.

14.      Fl-2009 u l-2010 dawk il-ħelikopters ittajru għal ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni. Il-ħelikopters ittajru jew minn għalliem tat-titjir impjegat mir-rikorrenti jew minn bdoti studenti fil-preżenza tal-għalliem tat-titjir (7) u niżlu fil-mitjar speċjali ta’ Bremgarten (il-Ġermanja). Wara d-dħul ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni mill-Isvizzera, saru titjiriet ta’ taħriġ. Dawn bdew u ntemmu fil-mitjar speċjali ta’ Bremgarten, mingħajr ma ħallew it-territorju doganali tal-Unjoni. Sussegwentement, il-ħelikopters ttajru mill-mitjar speċjali ta’ Bremgarten lura għall-Isvizzera.

15.      B’deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2011, il-Hauptzollamt Lörrach irrevoka l-eżenzjoni ta’ Fuchs mill-obbligu li tinżel fl-ajruporti doganali ta’ Fuchs. Sussegwentement huwa stabbilixxa d-dazji dovuti minn Fuchs għall-użu li sar tal-ħelikopters għall-finijiet ta’ taħriġ.

16.      Id-dejn ta’ Fuchs allegatament irriżulta skont l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali għall-ksur tal-obbligi ġejjin mill-proċedura ta’ importazzjoni temporanja. Intqal li Fuchs kienet użat il-ħelikopters kummerċjalment mingħajr ma ngħatat il-liċenzja tal-liġi tal-avjazzjoni korrispondenti.

17.      B’deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012, l-Uffiċċju Doganali, Lörrach, ċaħad bħala infondata l-oġġezzjoni ta’ Fuchs għall-impożizzjoni tad-dazju doganali. Fuchs ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht, Baden-Württemberg (qorti finanzjarja, Baden-Württemberg), li wassal għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

18.      Fil-kuntest tal-azzjoni tagħha quddiem il-qorti nazzjonali, Fuchs issottomettiet li kienu ġew issodisfatti r-rekwiżiti għal eżenzjoni totali mid-dazji tal-importazzjoni fil-każ ta’ dħul temporanju ta’ mezzi ta’ trasport. Hija sostniet li dawn il-ħelikopters ma kinux intużaw għal finijiet kummerċjali fit-tifsira tar-Regolament ta’ Implementazzjoni billi ma kinux intużaw “għat-trasport ta’ persuni b’rimunerazzjoni jew it-trasport industrijali jew kummerċjali ta’ merkanzija, kemm jekk b’rimunerazzjoni kemm jekk le”. Ir-remunerazzjoni li tħallset mill-bdoti studenti ġiet irċevuta għat-taħriġ u mhux bħala ħlas għat-trasport.

19.      Il-Hauptzollamt Lörrach, min-naħa l-oħra, sostna li Fuchs kienet użat il-ħelikopters kummerċjalment. Kien tal-fehma li l-persuni ġew ittrasportati għal remunerazzjoni. Sostna li l-kunċett ta’ trasport ma huwiex limitat għall-każijiet li jinvolvu bidla fil-post. Pjuttost jiddependi fuq jekk hemmx persuni fil-mezz tat-trasport.

20.      Fid-dawl ta’ dan in-nuqqas ta’ qbil dwar it-tifsira ta’ “użu kummerċjali”, b’digriet tas-17 ta’ Frar 2015, li ġiet irċevut fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Frar 2015, il-Finanzgericht Baden-Württemberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri ta’ quddiemha u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 555(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) [...] , li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali [...] kif emendat bir-Regolament [...] (KE) Nru 2286/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li titjiriet ta’ taħriġ bi ħlas li jsiru permezz ta’ ħelikopters, u li fil-kuntest tagħhom fil-ħelikopter ikun hemm bdot student u għalliem tat-titjir, għandhom huma wkoll jiġu kkunsidrati bħala użu kummerċjali ta’ mezz ta’ trasport?”

21.      Fuchs, il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-kawża. Il-Hauptzollamt Lörrach, il-konvenut fil-kawża prinċipali, ma ssottomettiex osservazzjonijiet bil-miktub. Il-partijiet ma talbux li ssir seduta u din ma saritx.

IV – Evalwazzjoni

A –    Introduzzjoni

22.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qed issirilha essenzjalment id-domanda jekk it-tagħlim tat-titjir jaqax fid-definizzjoni ta’ “użu kummerċjali” skont l-Artikolu 555(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (ara iktar ’l isfel, B).

23.      L-interpretazzjoni ta’ dan it-terminu ser ikun importanti għad-determinazzjoni jekk Fuchs tikkwalifikax għal eżenzjoni mid-dazji doganali skont is-subartikolu korrispondenti. Din il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx speċifikament sabiex tgħid il-fehma tagħha dwar jekk Fuchs potenzjalment tikkwalifikax għal eżenzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, din hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali. Madankollu, l-eżami tal-kunċett ta’ “użu kummerċjali” bilfors li tqajjem domandi dwar il-portata tal-eżenzjoni mid-dazji doganali fil-każ ta’ importazzjoni temporanja ta’ “mezzi ta’ trasport”. Sabiex tingħata risposta ta’ għajnuna għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, inqis li, għalhekk, huwa importanti li tiġi indirizzata wkoll din il-kwistjoni (ara t-taqsima C iktar ’l isfel).

B –    It-tifsira ta’ “użu kummerċjali”

24.      “Użu kummerċjali” huwa wieħed mit-termini ddefiniti fis-subartikolu tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ddedikat għall-eżenzjoni sħiħa minn dazji ta’ importazzjoni għall-ammissjoni temporanja ta’ mezzi ta’ trasport. L-Artikolu 555(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jgħid li “‘użu kummerċjali’ ifisser l-użu ta’ mezzi ta’ trasport għat-trasport ta’ persuni b’rimunerazzjoni […]” (8).

25.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ terminu għandhom ikunu ddeterminati billi titqies it-tifsira abitwali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jitqies il-kuntest li fih jintuża u l-finijiet tar-regoli li tagħhom jagħmel parti (9).

26.      Is-sens naturali ta’ “mezz ta’ trasport” jinkludi ħelikopters (10). Għalhekk, il-qofol tal-kwistjoni hu jekk Fuchs hijiex qed tuża l-ħelikopters “għat-trasport ta’ persuni b’rimunerazzjoni”.

27.      Bħala rimarka preliminari f’dan ir-rigward, il-fatt li t-titjiriet ta’ taħriġ jibdew u jintemmu fl-istess post evidentement ma jeskludihomx mill-kunċett ta’ “trasport ta’ persuni”. Meta jsiru t-titjiriet ta’ taħriġ, hemm “trasport” f’ċertu sens, billi l-persuni qed jiċċaqilqu minn post għal ieħor. Dan huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi eżempji ta’ vjaġġi f’rotot bir-ritorn li jitqiesu bħala li jidħlu fil-qasam tal-politika tat-trasport (11). Jista’ jsir riferiment għal dawn il-każijiet b’analoġija fil-kuntest ta’ klassifikazzjonijiet doganali.

28.      B’mod simili, kuntrarjament għall-argumenti li ressqet Fuchs u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-fatt li l-kontroll tal-inġenju tal-ajru jgħaddi mill-istudent għall-għalliem, li t-tnejn huma membri tal-ekwipaġġ, ma jeskludix ovvjament l-eżistenza ta’ trasport. Is-sitwazzjoni tista’ tiġi titqies bħala eżempju mhux tas-soltu, iżda għal darba oħra, jibqa’ l-fatt li l-persuni qed jiġu “ttrasportati” fis-sens li qed jinġarru minn post għal ieħor (12).

29.      Madankollu, anki sempliċi qari testwali, il-kliem “trasport ta’ persuni b’rimunerazzjoni” ma jidhirx li jkopri s-sitwazzjoni fattwali f’din il-kawża. Hemm remunerazzjoni, iżda hija titħallas speċifikament bħala korrispettiv ta’ taħriġ fit-titjir. Fi kliem ieħor, hemm “taħriġ ta’ persuni għal rimerazzjoni”. It-“trasport” huwa sempliċi korollarju tat-taħriġ.

30.      Ninnota wkoll li l-bdot student (jiġifieri l-persuna li tħallas ir-remunerazzjoni) ser ikun huwa stess li se jagħmel it-“trasport” għal parti minn, jekk mhux ukoll forsi għal ħin kollu, li ddum il-lezzjoni. Dan jinftiehem aħjar jitqies li l-lezzjonijiet tat-titjir bħala li huma simili għal-lezzjonijiet tas-sewqan tal-karozzi. Meta taħseb fuq meta persuna tmur għal lezzjonijiet tas-sewqan f’karozza, ma tqisx lil dawk il-lezzjonijiet bħala “trasport ta’ persuni għal rimunerazzjoni” fit-tifsira normali ta’ dak il-kliem, iżda pjuttost “taħriġ ta’ persuni għal remunerazzjoni”. L-istess jgħodd għat-taħriġ fit-titjir.

31.      Għalhekk, is-servizzi ta’ taħriġ fit-titjir, bħal dawk ipprovduti minn Fuchs, huma esklużi mill-kunċett ta’ “użu kummerċjali” skont l-Artikolu 555(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

32.      L-interpretazzjonijiet litterali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jitqiesu mill-ġdid biss fid-dawl tal-kuntest u tal-għan fejn ikun hemm ambigwità testwali (13). F’dan il-każ, it-test huwa, fil-fehma tiegħi, pjuttost ċar u mhux ambigwu.. Madankollu, fejn jitqies li tibqa’ teżisti xi ambigwità (14), interpretazzjoni sistemika u teleoloġika tal-Artikolu 555(1) twassal għall-konklużjoni li “użu kummerċjali” għandu jiġi interpretat li jfisser li t-trasport għandu jkun l-għan ewlieni tas-servizz remunerat.

33.       Sa fejn jirrigwarda l-kuntest storiku tad-dispożizzjoni, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “użu kummerċjali” nbidlet fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’mod interessanti.

34.      Oriġinarjament, il-kliem użat kien “użu fin-negozju”. Dan kien iddefinit bħala “l-użu ta’ mezz ta’ trasport f’eżerċizzju dirett ta’ attività magħmula għal remunerazzjoni jew gwadann finanzjarju” (15)[traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan il-kliem kien insegwitu inbidel b’“użu kummerċjali”, li kien iddefinit bħala “l-użu ta’ mezzi ta’ trasport għat-trasport ta’ persuni jew ta’ oġġetti bi ħlas jew fil-qafas ta’ l-attività ekonomika ta’ l-intrapriża” (16). Huwa ċar li dawn iż-żewġ definizzjonijiet kienu jkopru t-tip ta’ attività ta’ taħriġ fit-titjir bħal dik li għamlet Fuchs.

35.      Madankollu, id-definizzjoni ta’ “użu kummerċjali” sussegwentement djieqet fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/2003 għall-formulazzjoni li hemm illum fl-Artikolu 555(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (u applikabbli fiż-żmien rilevanti). Dan sar espliċitament sabiex jinġieb f’konformità mad-definizzjoni tal-“użu kummerċjali” fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul (17).

36.      Għalhekk, qabel il-modifika magħmula mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/2003, “użu kummerċjali” kopra tliet tipi ta’ sitwazzjoni:

–        “użu ta’ mezzi ta’ trasport għat-trasport ta’ persuni […] bi ħlas”;

–        “użu ta’ mezzi ta’ trasport […] ta’ oġġetti bi ħlas”;

–        “użu ta’ mezzi ta’ trasport […] fil-qafas ta’ l-attività ekonomika ta’ l-intrapriża”

37.      It-tielet kategorija, li tinkludi dak kollu li fadal, kopriet l-użi kollha ta’ mezzi ta’ trasport f’kuntest ta’ negozju (a) kemm jekk għar-remunerazzjoni jew le u (b) irrispettivament mill-għan tal-użu.

38.      Min-naħa l-oħra, wara l-modifiki li saru mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/2003, “użu kummerċjali” kopra biss:

–        “użu ta’ mezzi ta’ trasport għat-trasport ta’ persuni b’rimunerazzjoni”;

–        “l-użu ta’ mezzi ta’ trasport għat-trasport [...] industrijali jew kummerċjali ta’ merkanzija, kemm jekk b’rimunerazzjoni kemm jekk le”.

39.      Il-modifiki manifestament neħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “użu kummerċjali” it-tielet kategorija li tinkludi dak kollu li fadal ta’ “użu ta’ mezzi ta’ trasport […] fil-qafas ta’ l-attività ekonomika”.

40.      Għalhekk wieħed jista’ jiddeduċi li t-tħassir ta’ din il-kategorija li tinkludi dak kollu li fadal fisser li t-trasport mhux remunerat ta’ persuni tneħħa mill-kunċett ta’ “użu kummerċjali”. Madankollu, kuntrarjament għas-suġġerimenti magħmula mill-qorti tar-rinviju, it-tħassir dejjaq il-kamp tal-kunċett ta’ “użu kummerċjali” bit-tieni mod billi għamel l-għan tal-użu fattur rilevanti (ara l-punt 37 iktar ’il fuq).

41.      Dan ifisser li l-kunċett ta’ “użu kummerċjali” ma jkoprix kull sitwazzjoni fejn issir attività ekonomika li tinvolvi mezz ta’ trasport u jkun hemm it-trasport ta’ persuni f’sens wiesa’. Id-definizzjoni hija idjaq. Tirrikjedi li jitqies l-għan ewlieni tal-attività. Għalhekk, tirreferi għal attività ekonomika li għandha bħala l-għan ewlieni tagħha t-trasport ta’ persuni.

42.      L-għan ewlieni tat-taħriġ fit-titjir tat-tip li jsir minn Fuchs b’mod ċar ma huwiex it-trasport ta’ persuni. Bħal fil-każ ta’ lezzjonijiet tas-sewqan, l-għan ewlieni tal-eżerċizzju, u li qed ikun hemm remunerazzjoni għalih, huwa t-taħriġ. It-trasport huwa sempliċiment korollarju. Għalhekk, it-taħriġ fit-titjir tat-tip li għamlet Fuchs ma huwiex kopert mill-kunċett ta’ “użu kummerċjali”.

43.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nirrispondi d-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali b’dan il-mod: taħriġ fit-titjir bil-ħelikopters remunerat, fejn għalliem ta’ titjir u bdot student jinsabu fil-ħelikopter, ma jistax jitqies bħala “użu kummerċjali” ta’ mezz ta’ trasport fit-tifsira tal-Artikolu 555(1)(a) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

C –    Artikolu 558(1)

1.      Introduzzjoni

44.      L-Artikolu 555(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni fih numru ta’ definizzjonijiet. Madankollu, il-kundizzjonijiet sostantivi għall-eżenzjoni mid-dazji ta’ importazzjoni huma stabbiliti fl-Artikoli 556 et seq. Huma biss uħud minn dawk il-kundizzjonijiet li effettivament jużaw terminu wieħed jew iżjed iddefiniti fl-Artikolu 555(1).

45.      Il-qorti nazzjonali ma għamlet l-ebda domanda espliċita dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 558(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Kemm fil-fatt Fuchs tikkwalifika jew le għal eżenzjoni skont dik id-dispożizzjoni hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali li tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti partikolari tal-kawża.

46.      Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali, inqis li huwa meħtieġ li nikkummenta fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tal-applikazzjoni tal-Artikolu 558(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (18). Dan huwa parzjalment dovut ukoll għal fatt li l-Kummissjoni ssottomettiet osservazzjonijiet bil-miktub iddettaljati fuq dan il-punt.

2.      Portata tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 558(1)

47.      L-Artikolu 558(1)(a), (b) u (ċ) jistabbilixxi tliet kundizzjonijiet għal eżenzjoni għall-ammissjoni temporanja ta’ mezzi ta’ trasport. Hija biss waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet, l-Artikolu 558(1)(ċ),– li fiha xi riferiment għall-“użu kummerċjali”.

48.      Skont l-Artikolu 558(1)(ċ), meta mezz ta’ trasport qed jintuża kummerċjalment, normalment jista’ jikkwalifika biss għal eżenzjoni jekk it-trasport “jibda jew jispiċċa barra mit-territorju doganali tal-Komunità”. Madankollu, din ma hijiex kundizzjoni neċessarja li għandha tiġi ssodisfatta sabiex tikkwalifika għal kwalunkwe eżenzjoni taħt l-Artikolu 558(1). Dik il-limitazzjoni tapplika biss għall-każijiet speċifiċi li jaqgħu fil-punt (ċ), jiġifieri, każijiet ta’ “użu kummerċjali” ta’ mezz ta’ trasport. Fi kliem ieħor, eżenzjoni skont l-Artikolu 558(1) tista’ tingħata jekk il-kundizzjonijiet skont il-punti (a) u (b) jiġu ssodisfatti, bil-punti (ċ) ma jkun rilevanti xejn f’każ individwali.

49.      Għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq fit-Titlu B ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tip ta’ attivitajiet ta’ taħriġ li saru minn Fuchs ma jidħlux fil-kunċett ta’ “użu kummerċjali”. Għalhekk, il-fatt li dawk l-attivitajiet mhux neċessarjament jibda [jibdew] jew jispiċċa [jispiċċaw] barra mit-territorju doganali tal-Komunità” ma huwiex deċiżiv sabiex jikkwalifikaw għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 558(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

50.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li t-taħriġ fit-titjir ma jikkostitwixxix “użu kummerċjali”. Madankollu, tkompli tissuġġerixxi, fit-tieni stadju, li t-taħriġ fit-titjir ma jistax madankollu jikkwalifika għal eżenzjoni skont l-Artikolu 558(1). Fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni tikkontendi li dan huwa hekk essenzjalment għaliex l-għan ewlieni tat-taħriġ fit-titjir li jsir minn Fuchs ma huwiex it-trasport ta’ oġġetti jew ta’ persuni.

51.      Għar-raġunijiet spjegati diġà, naqbel mal-ewwel wieħed minn dawn l-argumenti. Madankollu, ma naqbilx mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-portata tal-Artikolu 558(1) għar-raġunijiet li ġejjin.

52.      Il-Kummissjoni tissottometti li eżenzjoni skont l-Artikolu 558(1) tar-Regolament tal-Implementazzjoni tolqot biss sitwazzjonijiet fejn mezz ta’ trasport qed jintuża għall-għanijiet ta’ trasport (li tikkonkludi li ma huwiex il-każ hawnhekk).

53.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li d-diversi definizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 555(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kollha jimplikaw li l-mezzi ta’ trasport qed jintużaw speċifikament għall-għanijiet ta’ trasport. B’estensjoni, l-eżenzjoni għandha b’hekk tkun disponibbli biss meta l-għan tal-attività rilevanti huwa t-trasport. Hija tqis li din il-konklużjoni hija sostnuta wkoll mis-sentenza introduttorja tal-Artikolu 558(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirreferi għall-kawża Siig insostenn tal-argument li l-eżenzjoni għal ammissjoni temporanja tapplika biss meta ssir operazzjoni tat-trasport speċifika (19).

54.      Ma nqisx li dawn huma argumenti konvinċenti.

55.      L-ewwel nett, ma hemm l-ebda limitazzjoni espliċita dwar id-disponibbiltà ta’ eżenzjoni għall-ammissjoni temporanja ta’ mezz ta’ trasport għal sitwazzjonijiet fejn il-mezz ta’ trasport jintuża speċifikament għall-għanijiet ta’ trasport. Din il-limitazzjoni ma tinstabx fl-Artikolu 558(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Fil-fatt, l-anqas ma tinstab f’xi waħda mid-diversi raġunijiet għal eżenzjoni totali elenkati fl-Artikoli 556 sa 561 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Lanqas ma tinstab fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul. B’mod partikolari, hija assenti mid-definizzjoni ta’ “mezz ta’ trasport” fl-Artikolu 1(a) tal-Anness C ta’ din il-konvenzjoni.

56.      Limitazzjoni tali espliċita u mmirata kienet, madankollu, tkun faċli li tiddaħħal. Fil-fatt, limitazzjoni bħal dik iddaħħlet taħt il-parti l-kbira tar-raġunijiet oħra għall-eżenzjoni mid-dazji doganali f’każijiet ta’ ammissjoni temporanja (20).

57.      Fil-fehma tiegħi, l-assenza ta’ kwalunkwe limitazzjoni espliċita bħal din hija fiha nnifisha raġuni biżżejjed sabiex jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni fuq dan il-punt. Iżda għall-kompletezza nżid ngħid li limitazzjoni bħal din lanqas ma tista’ tkun impliċita.

58.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 558(1) tirreferi għal “mezzi ta’ trasport bit-triq, ferrovija, ajru, baħar u trasport minn kanali nterni ta’ l-ilma” mingħajr limitazzjoni funzjonali jew ta’ skop. L-Artikolu 558(1)(a) u (b) huma newtrali wkoll, b’riferiment għal kriterji oġġettivi jiġifieri, il-post ta’ reġistrazzjoni u stabbiliment. L-Artikolu 558(1)(ċ) ma japplika xejn, ħlief f’każijiet ta’ “użu kummerċjali” ta’ mezz ta’ trasport.

59.      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li d-definizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 555(1) jippresupponu li l-mezzi ta’ trasport msemmija hemmhekk qed jintużaw speċifikament għall-skopijiet ta’ trasport (u mhux, pereżempju, għall-skopijiet ta’ taħriġ). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tiddeduċi li l-eżenzjoni għal ammissjoni temporanja ta’ mezzi ta’ trasport skont l-Artikolu 558(1) tirrikjedi li dawn il-mezzi ta’ trasport jintużaw speċifikament għal għanijiet ta’ trasport.

60.      Jiena ma naqbilx. Wieħed ma għandux iħallat id-definizzjonijiet mar-raġunijiet għal eżenzjoni.

61.      L-implikazzjoni wiesgħa ħafna proposta mill-Kummissjoni tkun teħtieġ ġustifikazzjonijiet solidi u l-provi f’dan il-każ hija, fl-aħjar ipoteżi, ambigwi.

62.      F’dan ir-rigward ninnota li:

–        kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess, tnejn mit-tliet definizzjonijiet biss tal-Artikolu 555(1) fihom xi limitazzjoni funzjonali. Id-definizzjoni ta’ “użu privat” ma fihiex. Huwa veru li d-definizzjoni ta’ “użu privat” fil-verżjoni Ingliża tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jista’ jingħad li hija funzjonali. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fil-verżjoni Franċiża, li hija newtrali.

–        Id-definizzjoni ta’ “mezzi ta’ trasport” fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija newtrali dwar il-funzjoni (21). Iżda b’kuntrast, fil-verżjoni oriġinali tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, “mezzi ta’ trasport” kien iddefinit espliċitament b’mod funzjonali bħala “kull mezz użat għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija [...]” (22) (enfasi miżjuda). Madankollu, din id-definizzjoni tħassret sussegwentement (23). Kieku l-Kummissjoni kienet korretta, l-argument tagħha loġikament ikun japplika għar-raġunijiet kollha għall-eżenzjoni għal importazzjoni temporanja tal-mezzi ta’ trasport (u mhux biss għall-Artikolu 558(1)) (24).

63.      It-tielet nett u fl-aħħar lok, jiena ma naqbilx mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tas-sentenza Siig.

64.      Is-sentenza Siig kienet tikkonċerna t-trasport ta’ merkanzija bit-triq. Sa fejn huwa rilevanti hawnhekk, il-merkanzija f’din il-kawża ġiet ittrasportata b’vettura waħda ġewwa l-Unjoni, imniżżla u wara miġbura minn vettura oħra biex tiġi ttrasportata barra l-Unjoni. L-eżenzjoni ntalbet fuq il-bażi li kien hemm “użu kummerċjali” li involva t-trasport li beda u ntemm barra l-UE (għalkemm bl-użu ta’ żewġ vetturi differenti).

65.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-eżenzjoni ma setgħetx tintalab f’dawn il-każijiet. Iddeċidiet li “l-benefiċċju tal-proċedura ta’ importazzjoni temporanja jiddependi direttament fuq it-twettiq, mill-vettura in kwistjoni, ta’ operazzjoni ta’ trasport speċifika, jiġifieri trasport li jinkludi qsim tal-fruntiera esterna tat-territorju doganali tal-Komunità mill-imsemmija vettura u mill-merkanzija jew il-persuni ttrasportati” (25).

66.      Il-Kummissjoni tidher li tikkonkludi minn dan li kwalunkwe eżenzjoni minn ammissjoni temporanja tirrikjedi “operazzjoni ta’ trasport” iddefinita b’mod ċar (mhux, pereżempju, operazzjoni ta’ taħriġ). Fil-fehma tiegħi, din hija interpretazzjoni skorretta tas-sentenza Siig. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi l-eżistenza ta’ “operazzjoni ta’ trasport” speċifika. Madankollu, dan kien għaliex waħda mill-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni, f’din il-kawża, kien li dan it-trasport “jibda jew jintemm barra t-territorju doganali tal-Komunità” (26).

67.      Barra minn hekk, rekwiżit bħal dan japplika wkoll skont l-Artikolu 558(1) biss f’każijiet fejn l-eżenzjoni qed tintalab speċifikament għal “użu kummerċjali” (27).

3.      Konklużjoni dwar l-Artikolu 558(1)

68.      Għar-raġunijiet imsemmijin iktar ’il fuq, ma nqisx li l-eżenzjoni skont l-Artikolu 558(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għal użi li ma humiex “użu kummerċjali” hija limitata għal każijiet fejn il-mezz rilevanti ta’ trasport jintuża speċifikament għall-skopijiet ta’ trasport.

69.      Fl-aħħar nett, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk Fuchs jikkwalifikax għal eżenzjoni f’dan il-każ. Meta tagħmel hekk, il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u/jew tad-drittijiet kweżiti.

70.      Skont id-digriet tar-rinviju, Fuchs talbet u kisbet l-eżenzjoni għal ammissjoni temporanja. Sussegwentement, din ġiet irtirata retroattivament minħabba n-natura tal-attivitajiet ta’ Fuchs u fid-dawl ta’ interpretazzjoni speċifika tal-Artikoli 555 u 558 tar-Regolament ta’ Interpretazzjoni. Kif indikat mill-Kummissjoni, numru ta’ raġunijiet oħra għal eżenzjoni elenkati fir-Regolament ta’ Implementazzjoni jistgħu jkunu rilevanti wkoll, għalkemm ma huwiex ċar jekk Fuchs tissodisfax il-kundizzjonijiet għalihom. Għal darba oħra, dawn huma kwistjonijiet għall-qorti nazzjonali.

V –    Konklużjoni

71.      Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, jiena nirrakkomanda lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domanda preliminari li saritilha mill-Finanzgericht Baden-Württemberg kif ġej:

Taħriġ fit-titjir bil-ħelikopters irremunerat, fejn l-għalliem tat-titjir u l-bdot student qegħdin fil-ħelikopter, ma jistax jitqies bħala użu kummerċjali ta’ mezz ta’ trasport fit-tifsira tal-Artikolu 555(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-Kodiċi Doganali kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/2003, tat-18 ta’ Jannar 2003.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2286/2003 tat-18 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 15, p. 118).


3 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307)


4 – Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 1993, li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Ammissjoni Temporanja u l-aċċettazzjoni tal-annessi tagħha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 15, p. 118).


5 – Bil-Franċiż: “l’acheminement des personnes à titre onéreux ou le transport industriel ou commercial des marchandises, que ce soit ou non à titre onéreux”.


6 – Bil-Franċiż: “l’utilisation par l’intéressé exclusivement pour son usage personnel, à l’exclusion de tout usage commercial”.


7 – Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-ħelikopters kienu mgħammra b’tali mod li kemm il-bdot kif ukoll il-kobdot setgħu jiddirieġu l-ħelikopter indipendentement minn xulxin. Apparentement, dan ġara fit-titjiriet kollha skont is-sitwazzjoni ta’ taħriġ partikolari.


8 – Kif qalet il-qorti nazzjonali fil-punt 14 tar-rinviju tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-bqija tad-definizzjoni “ […] jew it-trasport industrijali jew kummerċjali ta’ merkanzija, kemm jekk b’remunerazzjoni kemm jekk le” ma hijiex rilevanti f’din il-kawża. Jiena naqbel.


9 – Ara, fil-qasam doganali, is-sentenza Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 38.


10 – B’mod ċar dan jidħol ukoll fid-definizzjoni ta’ dan it-terminu fl-Artikolu 1(a) tal-Anness C tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li tkopri “kull bastiment … inklużi … inġenji tal-ajru”.


11 – Sentenza Neukirchinger, C‑382/08, EU:C:2011:27, punt 19 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Neukirchinger, C‑382/08, EU:C:2010:498, punti 25‑30; sentenza Alpina River Cruises u Nicko Tours, C‑17/13, EU:C:2014:191, punt 29. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawżi magħquda Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:505, punti 30‑34, li jikkonfermaw li l-kunċett ta’ “trasport” ma jiddipendix minn ġarr minn punt A sa punt B.


12 – Nixtieq nenfasizza li dan ma jfisser l-ebda evalwazzjoni dwar jekk l-attività tikkostitwixxix servizz ta’ trasport. Ara l-“manwal dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi”. Dan id-dokument mhux vinkolanti jinnota li l-eċċezzjoni għas-servizzi tat-trasport fl-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (“Direttiva dwar is-Servizzi”, ĠU L 376, p. 36, ) “ma tkoprix servizzi li mhumiex servizzi tat-trasport fihom infishom bħal servizzi ta’ l-iskejjel tas-sewqan […]”.


13 – Sentenza BĊE vs Il-Ġermanja, C‑220/03, EU:C:2005:748, punt 31; sentenza f’Carboni e derivati, C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 48.


14 – Numru ta’ verżjonijiet lingwistiċi jinkludu prepożizzjoni li x’aktarx toħloq rabta iktar espliċita bejn l-attività ta’ “trasport” u “remunerazzjoni”. Pereżempju bl-Ingliż naqraw “transport for remuneration”, bil-Ġermaniż “Beförderung von Personen gegen Entgelt” u biċ-Ċek “k dopravě osob za úhradu”. Għalkemm id-differenza tidher sottili, jista’ jiġi kkunsidrat potenzjalment li l-formula użata f’ċerti verżjonijiet oħrajn hija inqas espliċita. Pereżempju, fil-Franċiż hemm “acheminement de personnes à titre onéreux”. Hawnhekk l-użu ta’ espressjoni bħal “en contrepartie de rémuneration” setgħet ħolqot rabta iktar b’saħħitha bejn iż-żewġ elementi tad-definizzjoni (ara wkoll bit-Taljan u l-Ispanjol “trasporto di persone a titolo oneroso” u “transporte de personas a títolo oneroso”).


15 – Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1855/89, tal-14 ta’ Ġunju 1989, dwar l-importazzjoni tempornanja ta’ mezzi ta’ trasport (ĠU 1989 L 186, p. 8).


16 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 993/2001, tal-4 ta’ Mejju 2001, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 11, p. 286). Ara l-Artikolu 1(28), li jissostitwixxi t-Titolu III ta’ dak ir-regolament (fost affarijiet oħrajn) mal-Artikolu 555(1). Għall-kompletezza jista’ jingħad ukoll li r-Regolament ta’ Implementazzjoni oriġinali mill-1993 kellu l-istess definizzjoni ta’ “użu kummerċjali” li tidher issa fil-verżjoni kurrenti tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (fil-verżjoni oriġinali tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, id-definizzjoni kienet tidher fl-Artikolu 670). B’mod konfuż, din id-definizzjoni twessgħet temporanjament mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 993/2001, qabel mad-definizzjoni oriġinali reġgħet intużat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/2003, kif spjegat iktar fil-punt 35).


17 – Premessa 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/2003.


18 – Ara f’dan ir-rigward, pereżempju, is-sentenza Doc Generici, C‑452/14, EU:C:2015:644, punti 33 u 34.


19 – Sentenza Siig, C‑272/03, EU:C:2004:805, punt 18.


20 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 563 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni “għal għanijiet ta’ sport”; l-Artikolu 566 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni “għanijiet ta’ djanjosi u terapewtiċi”; l-Artikolu 568 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni “għall-għan ta’ preżentazzjoni qabel il-kummerċjalizzazzjoni”; u l-Artikolu 569 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni “bl-intenzjoni li jintużaw bħala tagħmir professjonali”.


21 – Artikolu 1(a) tal-Anness C tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.


22 – L-Artikolu 670 tal-verżjoni oriġinali tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq fejn dan huwa spjegat f’iktar dettall.


23 – Huwa dibattibbli jekk din il-limitazzjoni setgħetx titqies li hija f’konformità mad-definizzjoni newtrali li tinstab fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul (ara iktar ’il fuq fir-rigward tad-definizzjoni tal-“użu kummerċjali”, li ġiet immodifikata għal din ir-raġuni stess).


24 – Jingħad b’mod ċar li d-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 555(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni japplikaw għas-subartikolu kollu fejn jidhru.


25 – Sentenza Siig, C‑272/03, EU:C:2004:805, punt 18.


26 – Sentenza Siig, C‑272/03, EU:C:2004:805, punt 17.


27 –      Fil-fatt, kif indikat iktar ’il fuq, Siig kien jinvolvi wkoll “użu kummerċjali”.