Language of document : ECLI:EU:T:2013:523

Kawża T‑545/11

Stichting Greenpeace Nederland

u

Pesticide Action Network Europe (PAN Europe)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti li jirrigwardaw l-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tas-sustanza attiva glyphosate — Rifjut parzjali ta’ aċċess — Riskju li jiġu ppreġudikati l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika — Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 — Interess pubbliku superjuri — Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 — Direttiva 91/414/KEE”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Ottubru 2013

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Interpretazzjoni u applikazzjoni stretti

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, premessi 1, 2, 4 u 11, u Artikoli 1 u 4)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Talba għal aċċess fir-rigward ta’ informazzjoni ambjentali — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Regolament Nru 1367/2006 li għandu natura speċjali meta mqabbel mar-Regolament Nru 1049/2001 — Preżunzjoni inkonfutabbli ta’ eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jimponi l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent — Rilevanza tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Ftehim TRIPs — Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 16 u 17; Ftehim TRIPs, Artikolu 39(2) u (3); Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2) u (5), Nru 1367/2006, premessi 8 u 15 u Artikoli 3 u 6(1), u Nru 1107/2009, Artikolu 63(2); Direttiva tal-Kunsill 91/414)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Talba għal aċċess fir-rigward ta’ informazzjoni ambjentali — Regolament Nru 1367/2006 — Preżunzjoni inkonfutabbli ta’ eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jimponi l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent — Kunċett ta’ emissjonijiet fl-ambjent

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001 u Nru 1367/2006, premessa 15 u Artikolu 6(1); Direttiva tal-Kunsill 96/61, Artikolu 2(5))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 27-29, 50)

2.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità [Ewropea] tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, tobbliga l-iżvelar ta’ dokument meta l-informazzjoni mitluba tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent, anki f’każ ta’ riskju li jiġu ppreġudikati l-interessi protetti mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, billi din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata taħt il-pretest ta’ interpretazzjoni koerenti jew armonjuża mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jew ta’ interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (Ftehim TRIPs), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, tad-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jew tar-Regolament Nru 1107/2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-Regolament Nru 1367/2006 fih dispożizzjonijiet li jissostitwixxu, ibiddlu jew jippreċiżaw ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001.

It-tieni nett, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprovdi preżunzjoni legali inkonfutabbli li l-iżvelar jippreżenta interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba tkun marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent, ħlief meta din l-informazzjoni tkun tikkonċerna investigazzjoni, b’mod partikolari dik relatata ma’ ksur possibbli tad-dritt Komunitarju. L-istess dispożizzjoni teżiġi li l-istituzzjoni kkonċernata tiżvela dokument wara li jkun intalab l-aċċess għalih meta l-informazzjoni mitluba tkun marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent, anki jekk tali żvelar jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari. F’dan ir-rigward, la d-Direttiva 91/414 u lanqas ir-Regolament Nru 1107/2009 ma jippermettu li tiġi kkontestata l-imsemmija preżunzjoni inkonfutabbli u li l-interessi pubbliċi u privati li huma jipproteġu jipprevalu fuq l-interess pubbliku superjuri msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

It-tielet nett, l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 6(1) ma tistax tiġi evitata taħt il-pretest ta’ ekwilibriju ġust bejn il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-proprjetà, li jinkludi d-drittijiet marbuta mal-proprjetà intellettwali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Ftehim TRIPs, u l-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali oħra. Tali approċċ jammonta għal nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ċara u inkundizzjonali ta’ regolament tal-Unjoni, li barra minn hekk hija nieqsa minn kull allegazzjoni li din tmur kontra dispożizzjoni legali superjuri.

Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs jikkostitwixxu parti integrali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li, meta leġiżlazzjoni tal-Unjoni teżisti f’qasam ikkonċernat mill-Ftehim, jeżisti obbligu li tingħata interpretazzjoni konformi ma’ dan il-ftehim, ma huwiex possibbli li, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli skont l-Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim TRIPs, id-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma jiġux applikati, billi tali approċċ iwassal, fir-realtà, sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ dan l-Artikolu 6(1) fir-rigward tal-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs.

(ara l-punti 35-38, 40, 41, 44-46)

3.      La l-loġika tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif tirriżulta mir-Regolamenti Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità [Ewropea] tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, kif ukoll mill-applikazzjoni tagħhom, u lanqas il-kliem ta’ dan l-aħħar regolament, kif iċċarati fix-xogħol preparatorju, ma jimplikaw li l-kunċett ta’ emissjoni fl-ambjent għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Sussegwentement, sabiex l-iżvelar ikun legali, ikun biżżejjed jekk l-informazzjoni mitluba tkun tirrigwarda b’mod suffiċjentement dirett l-emissjonijiet fl-ambjent.

4.      Fil-fatt, billi tqis li, meta l-informazzjoni mitluba tkun tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent, l-iżvelar għandu interess pubbliku superjuri għall-interess protett minn eċċezzjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tippermetti implementazzjoni speċifika ta’ dan il-prinċipju ġenerali, li tikkonsisti fil-fatt li l-pubbliku jingħata l-ikbar aċċess possibbli għad-dokumenti fil-pussess tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1367/2006, huma biss ir-raġunijiet għal rifjut fir-rigward tal-aċċess għal informazzjoni ambjentali li għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud tal-interess li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba għandu għall-pubbliku u tal-fatt jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax jew le emissjonijiet fl-ambjent.

Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-emissjoni fl-ambjent li tirriżulta mill-Gwida ta’ Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma tistax tintuża għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006. Fil-fatt, peress li l-Gwida ta’ Applikazzjoni hija nieqsa minn natura obbligatorja għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-istess għandu japplika a fortiori għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006. F’dan ir-rigward, il-gwida ta’ applikazzjoni tirreferi għall-kunċett ta’ emissjoni kif jirriżulta mid-Direttiva 96/61, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, li l-Artikolu 2(5) tiegħu jiddefinixxi l-emissjoni bħala r-rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn sorsi individwali jew diffużi mill-installazzjoni fl-arja, fl-ilma jew fl-art, fejn l-installazzjoni hija unità stazzjonarja fejn titwettaq attività waħda jew iktar elenkati fl-Anness I tad-direttiva. Issa, tali definizzjoni tista’ tiġi spjegata permezz tal-għan tad-Direttiva 96/61, jiġifieri l-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis li joriġina minn attivitajiet esklużivament industrijali. Issa, la l-Konvenzjoni ta’ Aarhus u lanqas ir-Regolament Nru 1367/2006 ma jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għal tali attivitajiet.

(ara l-punti 51-53, 55, 56)