Language of document : ECLI:EU:T:2005:187

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

tal-31 ta' Mejju 2005(*)

"Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Kostruzzjoni ta' linja ta' metro f'Napli (L-Italja) – Tmiem ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja – Rikors għal annullament – Aspettattivi leġittimi – Ekwità – Motivazzjoni"

Fil-kawża T-272/02,

Comune di Napoli (L-Italja), irrappreżentat minn M. Merola, C. Tesauro, G. Tarallo u E. Barone, Avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Flynn u A. Aresu, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata f'ittra tal-11 ta' Ġunju 2002 lill-Ministeru ta' l-Ekonomija u tal-Finanzi Taljan, li tordna t-tmiem ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (Għajnuna Nru 850503066) u ċ-ċaħda impliċita ta' talba għal korrezzjoni tal-kont relatat ma' għajnuna finanzjarja oħra mogħtija mill-FEŻR (Għajnuna Nru 850503067),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li jwasslu għall-kawża

1        Fl-24 ta' Lulju 1981, ir-rikorrent approva proġett ta' kostruzzjoni ta' linja ta' metro (linja 1) f'Napli (L-Italja) ippreżentat mill-kumpannija Metropolitana di Napoli SpA li tgħaqqad l-istazzjonijiet Garibaldi u Colli Aminei. Din il-linja tinkludi, b'mod partikolari, parti bejn l-istazzjon Dante sa l-istazzjon Vanvitelli u li fuqha jinsabu l-istazzjonijiet li ġejjin: Dante, Museo, Materdei, Salvator Rosa, Cilea u Vanvitelli.

2        B'deċiżjoni C(88) 0166/038, tas-16 ta' Frar 1988 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tas-16 ta' Frar 1988"), indirizzata lir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni tat, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 20(2) u ta' l-Artikolu 22(4) tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 1784/84, tad-19 ta' Ġunju 1984, dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 169, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 3641/85, ta' l-20 ta' Diċembru 1985 (ĠU L 350, p. 40), għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għat-twettiq ta' parti minn dan il-proġett, jiġifieri l-kostruzzjoni tal-parti Museo-Cilia u ta' l-istazzjon Materdei (iktar 'il quddiem il-"Proġett Nru 850503067"). Din l-għajnuna kienet tammonta għal 50% ta' l-infiq pubbliku eliġibbli relatat mal-Proġett Nru 850503067 [iffissat għal 156 963 000 000 lira Taljana (ITL)], u għalhekk għal ammont massimu ta' 78 481 500 000 ITL (iktar 'il quddiem l-"Għajnuna Nru 850503067"). Il-kost ta' investiment totali ta' dan il-proġett kien meqjus li huwa ta' ITL 156 963 000 000.

3        Permezz tad-deċiżjoni C (89) 2178/021, tal-21 ta' Diċembru 1989, (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 1989"), indirizzata lir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni tat, b'applikazzjoni ta' l-istess provvedimenti tar-Regolament Nru 1784/84, it-tieni għajnuna mill-FEŻR għat-twettiq ta' parti oħra mill-proġett ta' kostruzzjoni tal-linja 1, jiġifieri l-kostruzzjoni tal-parti Dante-Museo u ta' l-istazzjonijiet tal-metro Museo u Dante (iktar 'il quddiem il-"Proġett Nru 850503066". Din l-għajuna kienet ta' 35.22% ta' l-infiq pubbliku eliġibbli relatat mal-Proġett Nru 850503066 (iffissati għal ITL 227 153 000 000 ), u għalhekk għal ammont massimu ta' ITL 80 000 000 000  (iktar 'il quddiem l-"Għajnuna Nru 850503066"). Il-kost ta' investiment totali ta' dan il-proġett kien meqjus li kien ta' ITL 227 153 000 000 .

4        Għajnuna mill-FEŻR (Għajnuna Nru 850503068) ġiet mogħtija ukoll għall-kostruzzjoni tal-parti Cilea-Vanvitelli u ta' l-istazzjonijiet tal-metro Salvator Rosa u Cilea [deċiżjoni C (87) 250/27 tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 1987]. Din l-għajnuna mhijiex in kwistjoni f'dan ir-rikors.

5        Ir-rikorrent jallega li, fid-deċiżjonijiet tagħhom li japprovaw l-proġett ta' kostruzzjoni tal-linja 1, l-awtoritajiet Taljani kkonċernati [jiġifieri r-rikorrent, fl-24 ta' Lulju 1981, il-Ministeru tat-Trasport Taljan, fis-7 ta' Awwissu 1982, u r-Reġjun ta' Campagna (L-Italja), fit-2 ta' Frar 1983] "kienu rrakkomandaw li ssir emenda għall-proġett oriġinali kif ippreżentat minn [Metropolitana di Napoli] għall-istazzjon ta' Museo (li kien jaqa' taħt [l-Għajnuna Nru 850503066])". L-iskop kien li jiġi evitat li x-xogħlijiet ikkonċernati jkunu mwettqa fuq il-livell tat-triq peress li dan ifixkel serjament iċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku fit-toroq.

6        Ir-rikorrent isostni li, matul is-sena 1991 (huwa jirreferi, notevolment, għad-"Deċiżjoni Muniċipali Nru 257, ta' l-14 ta' Mejju 1991"), l-imsemmija awtoritajiet iddeċidew li jressqu xi emendi għall-proġett oriġinali, li jikkonsistu fit-tqegħid ta' l-istazzjon tal-metro Museo taħt l-art u fit-tqegħid tagħha aktar viċin l-istazzjon tal-metro Dante. Dan wassal għall-estensjoni tal-parti Museo-Materdei (minn 638 għal 1160 metru), għat-taqsir tal-parti Dante-Museo (minn 450 għal 405 metru) u għaż-żieda tal-kost tax-xogħlijiet.

7        Fit-28 ta' Ottubru 1999, l-awtorità li tħallas, f'dan il-każ id-Dipartiment ta' Żvilupp u Koeżjoni tal-Ministeru Taljan tat-Teżor, ippreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni għal ħlas tal-bilanċ ta' l-Għajnuna Nru 850503067. L-awtorità li tħallas indikat li l-kost ta' investiment totali kif ukoll l-infiq pubbliku eliġibbli għall-Proġett Nru 850503067 kienu ta' ITL 225 473 000 000 u li l-bilanċ li kellu jiġi mħallas kien jirrappreżenta ITL 15 696 300 000, jiġifieri d-differenza bejn l-ammont massimu previst fid-deċiżjoni tas-16 ta' Frar 1988 (ITL 78 481 500 000) u l-ammont diġà mħallas skond din l-għajnuna (ITL 62 785 200 000).

8        Fl-istess data, l-awtorità li tħallas ippreżentat ukoll talba lill-Kummissjoni għall-ħlas tat-tieni parti ta' l-Għajnuna Nru 850503066.

9        Fis-7 ta' April 2000, l-Għajnuna Nru 850503067 ġiet definittivament mitmuma (ara punt 12 iktar 'l isfel).

10      Fis-26 ta' Frar 2001, l-awtorità li tħallas bagħtet dokument lill-Kummissjoni relatat ma' l-Għajnuna Nru 850503066 u intitolat "estratt mir-rapport ta' spezzjoni tal-11 ta' Jannar 2001". Dan id-dokument jipprovdi, b'mod partikolari, li:

"8. Kunsiderazzjonijiet fuq ix-xogħlijiet effettwati u fuq l-għajnuna FEŻR mogħtija

L-Għajnuna […] Nru 850503066 […] ġiet mogħtija, fl-ammont ta' [ITL] 80 biljun, għall-kostruzzjoni tal-linja 1 tal-metro ta' Napli, b'referenza għax-xogħlijiet segwenti:

–       l-istazzjon ta' Museo

–       l-istazzjon ta' Dante

–       il-mina tal-linja Museo-Dante.

Fid-data tad-deċiżjoni Komunitarja, il-kost ta' investiment ġie stmat għal [ITL] 227,153 biljun.

Kien ġie previst li l-istazzjon Museo u l-mini Dante-Museo jsiru "fuq livell tat-triq", iżda dan kien iwaqqaf iċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku fit-toroq pubbliċi importanti għal matul iż-żmien kollu li fih kienu jkunu qed isiru x-xogħlijiet […]

Billi l-Ministeru tat-Trasport, ir-Reġjun ta' Campagna u r-[rikorrent] ikkunsidraw din is-soluzzjoni inkompatibbli mal-problemi tat-traffiku fil-belt, huma talbu li tiġi adottata verżjoni differenti tal-proġett għat-twettiq ta' l-istazzjon Museo u tal-mini Dante-Museo li tinvolvi li dawn it-tnejn isiru taħt l-art u b'hekk ma jkunx hemm interruzzjoni tat-traffiku fit-triq sakemm ikunu għaddejjin ix-xogħlijiet, u, konsegwentement, l-istazzjon Museo jsir taħt l-art.

Fid-dawl ta' l-inklinazzjoni massima tal-linji fuq din ir-rotta, it-tqegħid fuq livell iktar 'l isfel tax-xogħlijiet ħoloq il-bżonn li l-parti tal-mina tiġi estiża 'l fuq mill-istazzjon Museo (parti Materdei-Museo, li kienet is-suġġett ta' l-Għajnuna […] Nru 850503067).

Il-pjanta li tinsab annessa […] turi kjarament it-tibdil fir-rotta u l-post il-ġdid ta' l-istazzjon Museo.

Dan iċ-ċaqliq wassal għat-tqassir tar-rotta Museo-Dante (kif jidher mid-deċiżjoni li hija s-suġġett ta' dan ir-rapport).

Meta l-ispejjeż inkorsi fir-rigward tar-rotta Materdei-Museo ġew ivverifikati [Għajnuna Nru 850503067], l-ispejjeż inkorsi għall-estensjoni tal-linja 'il fuq mill-istazzjon Museo (li kienu dovuti, kif intqal iktar 'il fuq minħabba t-tqegħid ta' l-istazzjon Museo fuq livell iktar 'l isfel) ġew attribwiti lil din ta' l-aħħar, li wassal għal kost globali ta' ITL 225 795 934 379 imqabbla ma' spiża prevista, skond id-deċiżjoni Komunitarja, ta' ITL 156 963 000 000, li tammonta għal spiża ta' ITL 68 832 934 379 iktar.

Għandu jiġi osservat li (i) id-diviżjoni f'partijiet hija purament finanzjarja, peress li dan huwa proġett wieħed [u li l-partijiet] huma marbuta mill-qrib bejniethom kemm mill-aspett tat-twettiq tagħhom u kif ukoll fuq il-pjan funzjonali; (ii) l-attribuzzjoni ta' l-ispejjeż sostnuti għall-estensjoni tal-parti 'il fuq mill-istazzjon Museo hija attribwibbli għat-tqegħid fuq livell 'l isfel ta' l-imsemmija stazzjon u għaċ-ċaqliq fiżiku tagħha; (iii) dan iċ-ċaqliq wassal għal tqassir tal-linja Museo-Dante (minn 450 metru sa 405 metri); (iv) it-tul totali tal-mini mwettqa fuq dawn iż-żewġ partijiet (1160 metru + 405 metri = 1565 metri) huwa, kif jirriżulta mill-iskema li tinsab annessa […], għola minn dik prevista fil-proġetti inizjalment approvati (638 metru + 450 metru = 1088 metri); (v) il-fatt li d-dokumenti probatorji ta' l-ispejjeż relatati ma' din l-estensjoni ġew użati għall-parti Materdei-Museo u mhux għall-parti Museo-Dante (li jinkludi l-kost tar-realizzazzjoni ta' l-istazzjon Museo) huwa dovut għal żball ikkawżat mid-denominazzjoni tad-deċiżjonijiet FEŻR; (vi) l-effett tat-trasferiment ta' l-attribuzzjoni ta' l-ispiża relatata ma' l-estensjoni in kwistjoni tal-parti Materdei-Museo għall-parti Dante-Museo huwa li l-applikazzjoni FEŻR Nru 850503067 (diġà magħluqa) tippreżenta madankollu kost sostanzjali żejjed; (vii) jekk dan it-trasferiment jiġi kkunsidrat inaċċettabbli, d-dokumenti probatorji dwar l-applikazzjoni FEŻR Nru 850503066 in kwistjoni ikunu insuffiċjenti sabiex ikopru l-għajnuna kollha, li jwassal sabiex parti mill-għajnuna globali ma tkunx tista' tiġi koperta finanzjarjament; (viii) l-għajnuna kollha tkun ippenalizzata inġustament: tintilef parti mill-għajnuna (li tikkonċerna l-applikazzjoni FEŻR Nru 850503066) minkejja l-fatt li l-proġett globali kien jeħtieġ xogħlijiet ikbar u li l-infiq totali sostnut kien jeċċedi dak previst u approvat.

Fid-dawl ta' dawn l-elementi, aħna nikkunsidraw li l-applikazzjoni magħmula [mir-rikorrent] sabiex tiġi approvata l-parti ta' l-ispejjeż sostnuti minħabba t-tqegħid fuq livell iktar 'l isfel ta' l-istazzjon Museo, li qabel kienu attribwiti lid-deċiżjoni FEŻR Nru 850503067, fil-kuntest ta' dan l-intervent, hija loġika, aċċettabbli u ġġustifikata."

11      F'dan l-istess dokument, l-awtorità li tħallas ikkunsidrat żewġ ipoteżi ta' "ċertifikazzjoni finanzjarja" għall-Għajnuna Nru 850503066, skond jekk jiġix irrifjutat jew aċċettat "trasferiment ta' l-ispejjeż". Fl-ewwel ipoteżi ("fin-nuqqas ta' trasferiment ta' l-ispejjeż"), l-ispejjeż totali eliġibbli effettwati fid-data ta' l-ispezzjoni kienu ta' ITL 187 181 583 042  u l-bilanċ ta' l-għajnuna kien ta' ITL 1 161 353 547 . Fit-tieni ipoteżi ("bi trasferiment ta' l-ispejjeż"), l-ispejjeż totali fid-data ta' l-ispezzjoni u l-bilanċ kienu jirrappreżentaw ITL 230 957 083 117 u ITL 15 236 000 000, rispettivament.

12      B'ittra tas-7 ta' Marzu 2001, il-Kummissjoni rrispondiet għall-ittra msemmija iktar 'il fuq tas-26 ta' Frar 2001. Hija indikat li:

"[…]

L-Għajuna Nru 850503066 u Nru 850503067 kienu s-suġġett ta' żewġ applikazzjonijiet separati ta' l-awtoritajiet Taljani u, konsegwentement, ta' żewġ deċiżjonijiet Komunitarji separati [id-deċiżjonijiet C (89) 2178 021 tal-21 ta' Diċembru 1989 u C (88) 0166 038 tas-16 ta' Frar 1988, rispettivament].

Ma jidhirx, fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni fil-pussess tagħna, li l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw fi żmien xieraq it-tibdil li sar fuq il-proġett, li wassal għal tibdil fl-istrutturi ekonomiċi rispettivi tagħhom.

Ir-Regolament Finanzjarju tal-Kummissjoni jimponi li l-impenji tal-baġit jikkorrispondu eżattament għall-ħlasijiet effettwati kif ukoll għall-obbligi legali li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet speċifiċi tal-Kummissjoni.

L-għeluq ta' l-Għajnuna Nru 850503067 seħħ fis-7 ta' April 2000 wara l-applikazzjoni ta' ħlas finali ppreżentata mill-Ministeru tagħkom fit-28 ta' Ottubru 1999.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, aħna nikkunsidraw li l-estinzjoni definittiva ta' l-Għajnuna Nru 850503066 għandha tiġi effettwata fuq il-bażi ta' l-ipoteżi 1 (nuqqas ta' 'trasferiment ta' l-ispejjeż') kif tirriżulta mill-paġna 7 ta' l-estratt mir-rapport ta' spezzjoni li jinsab anness ma' l-ittra tagħkom iċċitata iktar 'il fuq.

[…]"

13      Fis-26 ta' Marzu 2001, l-awtorità li tħallas ippreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni għal ħlas tal-bilanċ ta' l-Għajnuna Nru 850503066 għas-somma ta' ITL 15 236 000 000 billi tirreferi għat-total ta' l-infiq pubbliku eliġibbli ta' ITL 227 153 000 000 u ta' kost ta' investiment totali ta' ITL 230 957 000 000.

14      Fl-istess ġurnata, l-awtorità li tħallas indirizzat ukoll applikazzjoni lill-Kummissjoni għal ħlas tal-bilanċ ta' l-Għajnuna Nru 850503067 intiża sabiex tissostitwixxi dik tat-18 ta' Ottubru 1999. Il-bilanċ il-ġdid mitlub kien għadu ta' ITL 15 696 300 000, iżda l-kost ta' investiment totali u l-infiq pubbliku eliġibbli ma kinux iktar minn ITL 185 252 000 000 u ITL 156 963 000 000, rispettivament. Matul is-seduta, ir-rikorrent enfasizza li, b'din l-applikazzjoni, l-awtorità li tħallas kellha l-intenzjoni li tikseb korrezzjoni mhux tal-bilanċ ta' din l-għajnuna, iżda taċ-ċertifikazzjoni ta' l-infiq pubbliku eliġibbli għall-imsemmija għajnuna.

15      Fl-laqgħa tat-2 ta' April 2001, il-Kummissjoni kkonfermat lill-awtorità li tħallas il-pożizzjoni espressa fl-ittra tagħha tas-7 ta' Marzu 2001.

16      Fil-11 ta' Mejju 2001, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtorità li tħallas proposta li tiġi magħluqa l-Għajnuna Nru 850503066 "ibbażata fuq il-pożizzjoni adottata […] fl-ittra tagħha […] tas-7 ta' Marzu 2001 u kkonfermata matul il-laqgħa tat-[2 ta' April 2001]". Din il-proposta kienet ibbażata fuq it-total ta' l-infiq pubbliku eliġibbli ta' ITL 187 181 583 042 u għajnuna mill-FEŻR ta' ammont ta' ITL 65 922 645 280 (minflok ITL 80 000 000 000 inizjalment previsti), li jikkorispondi għal 35.22 % tat-total ta' l-infiq pubbliku eliġibbli. Hija stiednet lill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jikkomunikawlha l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom f'terminu ta' tliet ġimgħat.

17      L-awtorità li tħallas u r-Reġjun ta' Campagna ppreżentaw xi osservazzjonijiet lill-Kummissjoni, b'ittri tal-21 ta' Mejju u tal-5 ta' Ġunju 2001, rispettivament.

18      B'ittra tat-12 ta' Settembru 2001, indirizzata lir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni kkonfermat il-proposta magħmula fl-ittra tagħha tal-11 ta' Mejju 2001 u stiednet lill-awtoritajiet Taljani sabiex jikkomunikawlha l-pożizzjoni definittiva tagħhom f'terminu ta' xahrejn.

19      B'ittra tas-6 ta' Diċembru 2001, ir-rikorrent informa lill-Kummissjoni bin-"nuqqas għal kollox ta' qbil [tiegħu] fuq il-proposta li tiġi magħluqa l-Għajnuna [Nru 850503066]".

20      F'rapport datat 13 ta' Marzu 2002, stabbilit wara talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, l-awtorità li tħallas ikkonstatat li ma kienx hemm sovrapożizzjoni bejn l-ispejjeż relatati ma' l-Għajnuna Nru 850503066 u dawk relatati ma' l-Għajnuna Nru 850503067. Hija indikat li l-ammont ta' ITL 40 221 000 000, li jirrappreżenta d-differenza bejn il-kost ta' investiment totali tal-Proġett Nru 850503067 iddikjarat fl-ittra tat-28 ta' Ottubru 1999 (ITL 225 473 000 000) u dak iddikjarat fit-talba għal korrezzjoni tas-26 ta' Marzu 2001 (ITL 185 252 000 000), jikkorispondi għall-ispejjeż segwenti: xogħlijiet ta' estensjoni tal-mina Materdei-Museo, xogħlijiet ta' konsolidazzjoni wara din l-estensjoni u spejjeż ta' konċessjoni li jirrigwardaw dawn ix-xogħlijiet ta' estensjoni u konsolidazzjoni.

21      Fir-rapport tagħha, l-awtorità li tħallas irrilevat ukoll li t-talba għal korrezzjoni tas-26 ta' Marzu 2001 ġiet min-"neċessità li tiġi ttrasferita l-attribuzzjoni ta' l-ispejjeż ta' l-estensjoni tal-mina Materdei-Museo […] għall-finanzjament ipprovdut mill-Għajnuna FEŻR Nru 850503066 billi kienet ikkawżata mit-tqegħid iktar 'l isfel u miċ-ċaqliq ta' l-istazzjon Museo". Hija kkonkludiet li l-applikazzjoni għal ħlas tal-bilanċ ta' l-Għajnuna Nru 850503066, li tinsab fl-ittra tas-26 ta' Marzu 2001 (ara punt 13 iktar 'il fuq), kienet "kompletament iġġustifikata".

22      B'ittra tal-11 ta' Ġunju 2002, li nbagħtet kopja tagħha lir-rikorrent fis-26 ta' Ġunju 2002, il-Kummissjoni informat lill-awtorità li tħallas bid-"deċiżjoni definittiva [tagħha] […] li tipproċedi għall-għeluq [ta' l-Għajnuna Nru 850503066] skond l-indikazzjonijiet ta' l-ittra tal-11 ta' Mejju 2001" (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Hija indikat, b'mod partikolari, li:

"[Mir-rapport tat-13 ta' Marzu 2002] jirriżulta li n-nefqa fl-ammont ta' ITL 39 971 416 958 iddikjarata preċedentement fil-kuntest [ta' l-Għajnuna Nru 850503067] ġew attribwiti mill-ġdid liċ-ċertifikat finali [ta' l-Għajnuna Nru 850503066]. Dawn l-ispejjeż huma relatati ma' l-estensjoni tal-mina Museo-Materdei.

Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-ispejjeż ma jistgħux jiġu attribwiti [lill-Għajnuna Nru 850503066] għar-raġunijiet li ġejjin:

–        id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati ma' l-[Għajnuna Nru 850503066 u Nru 850503067] jagħmlu distinzjoni fiżika preċiża:

–        id-deċiżjoni […] tal-21 ta' Diċembru 1989 tipprovdi għal għajnuna mill-FEŻR għax-xogħlijiet li għandhom jiġu mwettqa fuq il-parti Dante-Museo, inklużi l-istazzjonijiet Dante u Museo [Għajnuna Nru 850503066];

–        id-deċiżjoni […] tas-16 ta' Frar 1988 tipprovdi għal għajnuna mill-FEŻR għax-xogħlijiet li għandhom jiġu mwettqa fuq il-parti Museo-Cilea, inkluż l-istazzjon Materdei iżda bl-esklużjoni ta' l-istazzjonijiet S. Rosa u Cilea [Għajnuna Nru 850503067];

–        ix-xogħlijiet ta' estensjoni tal-mina Museo-Materdei msemmija iktar 'il fuq li ġew kjarament effettwati fuq il-parti Museo-Cilea, huma għalhekk relatati [ma' l-Għajnuna Nru 850503067] u huma koperti bid-deċiżjoni tas-16 ta' Frar 1988;

–        mid-dokumenti għad-dispożizzjoni tagħna jirriżulta kjarament li l-tibdil fil-proġett intervenut fl-aħħar ta' l-1988/fil-bidu ta' l-1989 kellu bħala effett li jżid l-infiq [ta' l-Għajnuna 850503067] u li l-infiq relatat ma' l-estensjoni tal-mina Materdei-Museo ma kienx inkluż fil-kost ta' l-intervent in kwistjoni."

23      Fit-3 ta' Settembru 2002, ir-rikorrent ippreżenta talba quddiem il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 32(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-disposizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p. 1), għal korrezzjoni tal-ħlas definittiv tal-bilanċ ta' l-Għajnuna Nru 850503066 u talab li tkun milqugħa "t-talba għal korrezzjoni tal-kontijiet relatati [ma' l-Għajnuna Nru 850503067] ippreżentata mill-awtoritajiet Taljani fis-26 ta' Marzu 2001". Ir-rikorrent indika, b'risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza skond il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, li, b'nota tal-25 ta' Settembru 2002, il-Kummissjoni kienet iddikjarat li kienet ser iżżomm l-istess pożizzjoni li kienet ħadet fid-deċiżjoni kkontestata.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

24      B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-4 ta' Settembru 2002, ir-rikorrent ippreżenta din il-kawża.

25      Il-Kummissjoni ma ppreżentatx risposta tad-difiża fit-terminu stabbilit. Madankollu, billi r-rikorrent ma talabx li jiġu milqugħa t-talbiet tiegħu, skond l-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ngħatat terminu ġdid għall-preżentazzjoni tar-risposta tad-difiża tagħha.

26      Fid-19 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni ppreżentat risposta tad-difiża, li fiha hija llimitat ruħha li ssostni l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

"1. B'rikors ippreżentat fis-6 ta' Settembru 2002 u rreġistrat fl-istess ġurnata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza, [ir-rikorrent] ippreżenta talba għal annullament tad-[deċiżjoni kkontestata].

2. Fl-introduzzjoni tar-rikors (punti 1 sa 4, paġni 3 u 4), [ir-rikorrent] isostni li fit-3 ta' Settembru 2002 ippreżenta talba amministrattiva ta' korrezzjoni tad-deċiżjoni kkontestata skond il-provvedimenti fis-seħħ f'dan ir-rigward u li huwa qed jistenna r-riżultati tagħha. F'dan il-kuntest, ir-rikorrent jippreċiża li huwa ppreżenta 'dan ir-rikors bħala prekawzjoni', sabiex jevita l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-kontestazzjoni u huwa jirriżerva l-possibbiltà li jirrinunċja għall-atti tal-kawża jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura relatata [ma' l-Għajnuna Nru 850503066] u li tilqa' simultanjament […] it-talba għal korrezzjoni tal-bilanċ relatat [ma' l-Għajnuna Nru 850503067] li kienet ġiet ippreżentata mill-awtorità li tħallas fis-26 ta' Marzu 2001.

3. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonstata li s-servizzi kompetenti tad-Direttorat Ġenerali 'Politika reġjonali' u [r-rikorrent] huma f'kuntatt biex jistudjaw il-possibbiltajiet li jsibu soluzzjoni extraġudizzjarja għall-kawża. F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mixtieq li l-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti malajr sabiex [ir-rikorrent] ikun jista' raġonevolment jirrinunċja għall-atti tal-kawża u l-Qorti tal-Prim'Istanza tkun tista', bla ma tiddeċiedi fuq is-suġġett tal-kawża, tikkanċella din il-kawża mir-reġistru.

4. Sadanittant, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija mitluba, bil-kunsens [tar-rikorrent], li tissospendi l-proċedura skond l-Artikolu 77(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura."

27      B'digriet ta' l-10 ta' Marzu 2003, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 77(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, iddeċieda li jissospendi l-proċedura sal-15 ta' Mejju 2003.

28      B'ittra tad-9 ta' Mejju 2003, ir-rikorrent indika li huwa rrinunċja li jippreżenta replika.

29      Skond il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza, b'ittri tas-26 ta' Settembru 2003, tat-8 ta' Diċembru 2003 u tas-6 ta' April 2004, stiednet lir-rikorrent sabiex jipproduċi ċerti dokumenti u jirrispondi għal xi mistoqsijiet. Ir-rikorrent rrisponda għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini stabbiliti.

30      Il-proċedura bil-miktub ġiet magħluqa fit-23 ta' Diċembru 2003.

31      Matul is-seduta tas-6 ta' Lulju 2004, saret it-trattazzjoni tal-partijiet u taw ir-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

32      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ħlas ta' l-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni tifformula t-talbiet tagħha kif ġej:

"Il-Kummissjoni tixtieq:

–        li l-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti dalwaqt sabiex [ir-rikorrent] ikun jista' raġonevolment jirrinunċja għall-atti tal-kawża;

–        li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tkunx obbligata tiddeċiedi fuq is-suġġett tal-kawża u tkun tista' tikkanċella l-kawża mir-reġistru;

–        li sadanittant il-Qorti tal-Prim'Istanza tkun tista' tissospendi l-proċedura f'din il-kawża;

–        li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond ir-Regoli tal-Proċedura."

 Id-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari

34      Għandhom jiġu magħmula ċerti osservazzjonijiet preliminari fuq l-għan ta' l-Għajnuna Nru 850503066 u Nru 850503067 u tad-deċiżjonijiet tas-16 ta' Frar 1988 u tal-21 ta' Diċembru 1989.

35      Ir-rikorrent jibbaża, fil-fatt, il-parti l-kbira tar-rikors tiegħu fuq il-premessa li l-għajnuna mill-FEŻR mogħtija f'dan il-każ għanda "natura waħda". Huwa jallega li "il-linja [Dante-Vanvitelli] għandha tiġi kkunsidrata, fl-intier tagħha, bħala proġett wieħed fuq il-pjan tekniku, funzjonali u ekonomiku" u li d-diviżjoni ta' din il-linja fi tliet partijiet, jiġifieri l-parti Dante-Museo, Museo-Cilea u Cilea-Vanvitelli, kienet ġejja minn "kunsiderazzjonijiet purament finanzjarji marbuta mal-progress tax-xogħlijiet u, konsegwentement, mal-modalitajiet ta' ħlas tal-fondi strutturali".

36      Dawn l-affermazzjonijiet ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta kjarament li kull waħda mit-tliet partijiet, anki jekk dawn ta' l-aħħar jifformaw parti minn proġett ta' investiment iktar vast (jiġifieri, apparti l-ikkompletar tal-parti Dante-Vanvitelli stess, ir-realizzazzjoni tal-linja 1), kienet tikkostitwixxi proġett distint u li kull wieħed minn dawn il-proġetti kien jibbenefika minn għajnuna finanzjarja speċifika mill-FEŻR. Dawn l-għajnuniet finanzjarji kienu ġew mogħtija permezz ta' tliet deċiżjonijiet separati tal-Kummissjoni, adottati f'dati differenti u, li b'mod partikolari, jipprovdu rati differenti ta' sussidju, deċiżjonijiet li kienu huma stess ir-riżultat ta' tlett applikazzjonijiet separati mill-awtoritajiet Taljani.

37      Għalhekk, b'mod iktar partikolari, fir-rigward ta' l-Għajnuna Nru 850503066, din ta' l-aħħar kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 1989, adottata sussegwentement għall-applikazzjoni Nru 85/IT-03/064/CA ta' l-awtoritajiet Taljani tat-18 ta' Novembru 1985. Il-proġett li għalih din l-għajnuna ġiet mogħtija kien jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta' l-istazzjonijiet Dante u Museo kif ukoll tar-rotta li tissepara dawn l-istazzjonijiet. Ir-realizzazzjoni ta' dan il-proġett kien inizjalment ġie ffissat għal perijodu bejn l-1 ta' Novembru 1989 u t-30 ta' Ġunju 1994. Ir-rata ta' sussidju kienet tikkorispondi għal 35.22% tat-total ta' l-infiq pubbliku sostnut għal dawn ix-xogħlijiet.

38      Fir-rigward ta' l-Għajnuna Nru 850503067, din ta' l-aħħar kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tas-16 ta' Frar 1988, adottata sussegwentement għall-applikazzjoni Nru 85/IT-03/065/CA, tat-18 ta' Novembru 1985, ippreżentata mill-awtoritajiet Taljani. Il-proġett li għalih din l-għajnuna kienet ġiet mogħtija kien jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta' l-istazzjon Materdei u tal-parti Museo-Cilea. Ir-realizzazzjoni ta' dan il-proġett kien inizjalment ġie ppjanat għall-perijodu bejn Diċembru 1987 sa Diċembru 1990. Ir-rata ta' sussidju kienet tikkorispondi għal 50% ta' l-ammont ta' l-infiq pubbliku sostnut għal dawn ix-xogħlijiet.

39      Ir-rikorrent iqajjem tliet motivi in sostenn tar-rikors tiegħu. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, it-tieni fuq il-ksur tal-"prinċipju ta' ekwità sostanzjali" u t-tielet fuq nuqqas ta' motivazzjoni.

40      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-"prinċipju ta' ekwità sostanzjali".

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' "prinċipju ta' ekwità sostanzjali"

41      Ir-rikorrent jirrepeti, l-ewwel nett, li r-realizzazzjoni tal-partijiet Dante-Museo u Museo-Materdei kienet tifforma parti minn proġett wieħed "inseparabbli fuq il-pjanijiet tekniċi, funzjonali u ekonomiċi".

42      Sussegwentement, huwa jagħti l-ispjegazzjonijiet li ġejjin:

–        l-ewwel nett, l-awtorità li tħallas kienet illimitat ruħha li taqsam l-infiq totali eliġibbli "fuq il-bażi tal-lokalità tax-xogħlijiet bla ma kkunsidrat it-tibdil li kien sar", li kien wassal għal żieda kunsiderevoli ta' l-"investiment attribwibbli, skond din il-loġika, lill-parti Museo-Materdei" u, konsegwentement, "tnaqqis drastiku u inġustifikat tal-perċentaġġ ta' ko-finanzjament [ta' l-Għajnuna Nru 850503067]";

–        billi bidla fid-distribuzzjoni tal-"kreditu globali" bejn iż-żewġ għajnuniet in kwistjoni, bħala riżultat ta' l-attribuzzjoni ta' l-Għajnuna Nru 850503067 ta' parti mill-kreditu mogħti skond l-Għajnuna Nru 850503066 kien jirrikjedi l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta' deċiżjoni ġdida, l-awtorità li tħallas ippreferiet titlob korrezzjoni tar-rendikont ta' l-Għajnuna Nru 850503067 bl-għan li tissepara minnha l-ispejjeż okkażjonati permezz ta' l-estensjoni tal-parti u tattribwihom lill-Għajnuna Nru 850503066;

–        l-awtorità li tħallas ikkunsidrat, fil-fatt, li "l-imsemmi nfiq seta' ukoll jiġi attribwit fuq il-bażi tal-kriterju funzjonali minflok tal-kriterju marbut mal-post tax-xogħlijiet [koperti mill-Għajnuna Nru 850503066], billi huma kienu ġew sostnuti […] fil-kuntest tal-bidla fil-proġett li jirrigwarda l-istazzjon Museo, li kienet taqa' taħt l-[Għajnuna Nru 850503066]";

–        konsegwentement, l-awtorità li tħallas, fl-applikazzjoni tagħha ta' pagament tal-bilanċ ta' l-Għajnuna Nru 850503066, issemmi l-ispiża totali ta' ITL 230 957 000 000 u, fl-istess ħin, titlob il-korrezzjoni tar-rendikont ta' l-Għajnuna Nru 850503067;

–        filwaqt li ż-żieda fl-infiq iddikjarata bħala eliġibbli fil-kuntest ta' l-għajnuna Nru 850503067 ma wasslitx għal żieda fl-ammont ta' din l-għajnuna, min-naħa l-oħra, it-tqassir tal-parti Dante-Museo wassal għal tnaqqis fl-ammont ta' l-Għajnuna Nru 850503066.

43      Fid-dawl ta' dawn id-diversi fatturi, ir-rikorrent jikkunsidra li l-Kummissjoni uriet formaliżmu eċċessiv u inġustifikat billi ċaħdet it-talba għal korrezzjoni msemmija iktar 'il fuq u billi naqset l-ammont ta' l-Għajnuna Nru 850503066 "minħabba l-insuffiċjenza ta' l-infiq eliġibbli (billi dan ta' l-aħħar kien diġà ġie attribwit b'mod żbaljat [lill-Għajuna Nru 850503067]) minkejja l-fatt li l-infiq globali sostnut kien għola minn dak previst u li ġie rikonoxxut li x-xogħlijiet ġew irrealizzati skond il-proġett". Billi aġixxiet b'dan il-mod, il-Kummissjoni kienet ikkommettiet ksur manifest tal-"prinċipju ta' ekwità sostanzjali".

44      Ir-rikorrent iżid jgħid li, kieku l-Kummissjoni kienet ġenwinament ikkunsidrat il-"kriterju funzjonali ta' l-attribuzzjoni ta' l-ispejjeż" applikat mill-awtorità li tħallas fit-talba għal korrezzjoni bħala inaċċettabbli, hija kellha l-obbligu li tinforma lill-awtoritajiet Taljani b'dan fi żmien raġonevoli u tindikalhom il-proċedura korretta li kellha tiġi segwita. Huwa jikkunsidra li l-Kummissjoni setgħet issib soluzzjoni għal din il-problema purament formali u b'hekk tevita li tikkawżalu dannu.

45      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, kuntrarjament għal dak sostnut mir-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata hija kompletament ġustifikata u li bl-ebda mod ma turi formaliżmu eċċessiv.

46      B'mod aktar partikolari, din id-deċiżjoni hija ġġustifikata permezz tan-neċessità li jiġi ggarantiti l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja u l-immaniġġar finanzjarju tajjeb tal-fondi Komunitarji. Hija tirrispondi għall-prinċipju li l-kuntest legali u finanzjarju ta' kull għajnuna għandu jkun strettament definit mid-deċiżjoni Komunitarja li tagħti din l-għajnuna.

47      Kif il-Kummissjoni ġustament rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjonijiet tas-16 ta' Frar1988 u tal-21 ta' Diċembru 1989 jipprovdu "distinzjoni fiżika preċiża". Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li x-xogħlijiet relatati mal-Proġett Nru 850503067, kopert mid-deċiżjoni tas-16 ta' Frar 1988, kienu jirrigwardaw ir-realizzazzjoni tal-parti Museo-Cilea, inkluż l-istazzjon Materdei, iżda esklużi l-istazzjonijiet Salvator Rosa u Cilea, filwaqt li dawk relatati mal-Proġett Nru 850503066, kopert mid-deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 1989, kienu jirrigwardaw ir-realizzazzjoni tal-parti Dante-Museo, inklużi dawn l-aħħar żewġ stazzjonijiet.

48      Mill-proċess jirriżulta wkoll (ara, iktar partikolarment, id-dokument intitolat "estratt mir-rapport ta' spezzjoni tal-11 ta' Jannar 2001" imsemmi fil-punt 10 iktar 'il fuq u r-rapport datat 13 ta' Marzu 2002 ta' l-awtorità li tħallas imsemmi fil-punt 20 iktar 'il fuq) li l-infiq in kwistjoni f'din il-kawża huwa relatat esklużivament max-xogħlijiet li irrealizzati apparti l-istazzjon Museo, fir-rigward ta' l-estensjoni tal-linja Museo-Materdei.

49      Għalhekk m'hemmx dubju li dan l-infiq u dawn ix-xogħlijiet kienu jaqgħu taħt il-Proġett Nru 850503067 u mhux il-Proġett Nru 850503066. Barra minn hekk, dan huwa kif inizjalment fehmet l-awtorità li tħallas, billi fl-applikazzjoni tagħha tat-28 ta' Ottubru 1999 irreferiet għal ħlas tal-bilanċ ta' l-Għajnuna Nru 850503067 fis-somma ta' ITL 225 473 000 000 li jirrapreżenta l-kost totali ta' investiment u l-infiq pubbliku eliġibbli, jiġifieri t-total ta' l-infiq ikkonċernat.

50      Peress li d-deċiżjoni tas-16 ta' Frar 1988 ipprovdiet għal għajnuna fl-ammont massimu ta' ITL 78 481 500 000, il-Kummissjoni kienet ġustifikata li tillimita ruħha li tħallas dan l-aħħar ammont minkejja l-fatt li l-infiq pubbliku kollu, għall-Proġett Nru 850503067, kien iktar għoli minn dak li kien ġie inizjalment previst.

51      Bl-istess mod, billi l-ispejjeż in kwistjoni f'din il-kawża ma setgħux jiġu attribwiti lill-Proġett Nru 850503066 u kienu diġà ġew allokati għall-Proġett Nru 850503067, li kien magħluq minn April 2000, il-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta l-ipoteżi ta' "trasferiment ta' l-ispejjeż" imressqa mill-awtorità li tħallas fis-26 ta' Frar 2001. Kienet għalhekk iġġustifikata meta hija ffissat l-ammont ta' l-Għajnuna Nru 850503066 għal ITL 65 922 645 280, jiġifieri 35.22 % ta' l-infiq pubbliku eliġibbli (ITL 187 181 583 042).

52      Barra dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-metodu adottat f'dan il-każ mill-awtorità li tħallas sabiex tipprova tikseb il-pagament ta' l-ammont massimu kollu ta' ITL 80 000 000 000 kopert mid-deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 1989, u li jikkonsisti fil-preżentazzjoni ta' talba sempliċi għal korrezzjoni tar-rendikont ta' l-infiq relatat mal-Proġett Nru 850503067, ma kienx regolari.

53      Fil-fatt, min-naħa, din it-talba ġiet ippreżentata filwaqt li, wara kważi sena, l-Għajnuna Nru 850503067 kienet ġiet definittivament magħluqa u li l-infiq pubbliku in kwistjoni kien ġie attribwit lill-Proġett Nru 850503067.

54      Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, talba sempliċi għal korrezzjoni tar-rendikont, anki jekk ippreżentata fi żmien raġonevoli qabel ma ġiet magħluqa l-Għajnuna Nru 850503067, ma kinitx tippermetti lir-rikorrent li jikseb ir-riżultat mixtieq. Fil-fatt, kif indikat diversi drabi l-Kummissjoni matul is-seduta, l-awtoritajiet kompetenti Taljani kellhom, mhux aktar tard minn meta approvaw it-tibdiliet miġjuba għall-parti Dante-Vanvitelli, jippreżentaw talba formali lill-Kummissjoni sabiex jiġu emendati d-deċiżjonijiet tas-16 ta' Frar 1988 u tal-21 ta' Diċembru 1989, li jkun fiha kalkolu ġdid tal-kost totali ta' investiment u ta' l-infiq pubbliku eliġibbli ta' kull wieħed miż-żewġ proġetti in kwistjoni. Tali talba kienet tkun tista' twassal għal definizzjoni mill-ġdid tax-xogħlijiet relatati ma' kull wieħed miż-żewġ proġetti jew għal aġġustament ta' l-ammont taż-żewġ għajnuniet finanzjarji.

55      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-applikazjzoni formali qatt ma ġiet ippreżentata f'dan il-każ. L-ittra ta' Metropolitana di Napoli lill-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 1988 li r-rikorrent ressaq bħala risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza kienet insuffiċjenti f'dan ir-rigward, peress li din l-ittra kienet sempliċement tippreżenta l-istat ta' progress tax-xogħlijiet fuq il-partijiet differenti li jikkomponu l-linja Nru 1. B'mod iktar partikolari, fir-rigward ta' l-itinerarju Museo-Materdei, din il-kumpannija tillimita ruħha, sostanzjalment, li ssemmi l-fatt li r-rikorrent għandu l-intenzjoni li japprova l-"proġett emendat".

56      Barra dan, ir-rikorrent ma ġabx l-iċken prova konvinċenti in sostenn ta' l-allegazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni "kienet ġiet kontinwament informata bit-tibdil magħmul lill-proġett oriġinali permezz ta' l-emenda [in kwistjoni]". Il-provi li huwa kkomunika lill-Qorti tal-Prim'Istanza b'risposta għal talba bil-miktub għal kjarifiki fuq dan il-punt huma l-aktar li jistgħu jistabbilixxu li, meta l-awtoritajiet Taljani ippreżentaw l-applikazzjonijiet għall-għoti ta' għajnuna mill-FEŻR, il-Kummissjoni ġiet informata li, ftit snin qabel, kienet ġiet eżaminata l-possibbiltà li x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ta' l-istazzjon Museo ma jiġux mwettqa fuq il-livell tat-triq. Fir-rigward tad-"deċiżjoni muniċipali" li r-rikorrent jagħmel referenza għaliha fil-kuntest ta' l-ewwel motiv tiegħu (ara punt 61 iktar 'l isfel), u li, f'kull probabbiltà, hija d-deċiżjoni muniċipali nru 257, ta' l-14 ta' Mejju 1991 (ara punt 6 iktar 'il fuq), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, barra l-fatt li hija ma tinsabx fil-proċess, xejn ma jippermetti li wieħed jemmen li hija qatt kienet ġiet mibgħuta lill-Kummissjoni.

57      Fl-aħħar, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li r-rikorrent ma jistax serjament jilmenta li l-Kummissjoni ma informatx fi żmien raġonevoli lill-awtoritajiet Taljani li l-kriterju ta' attribuzzjoni ta' l-ispejjeż li huma kienu qed jinvokaw ma kienx regolari u li ma indikatilhomx il-proċedura korretta li kellha tiġi segwita. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li huwa biss fis-26 ta' Frar 2001 (ara punt 10 iktar 'il fuq) li l-awtorità li tħallas ippreżentat, għall-ewwel darba, iż-żewġ ipoteżijiet tagħha lill-Kummissjoni għal attribuzzjoni ta' l-ispejjeż. Madankollu, diġà fit-2 ta' April 2001, il-Kummissjoni organizzat laqgħa ma' l-awtorità li tħallas, li matulha hija fakkritha r-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li l-ipoteżi ta' "trasferiment ta' l-ispejjeż" kellha tiġi miċħuda. Barra dan, fil-11 ta' Mejju 2001, il-Kummissjoni bagħtet proposta lill-awtorità li tħallas biex tagħlaq l-Għajnuna Nru 850503066 billi tirreferi espressament għall-ittra tagħha tas-7 ta' Marzu 2001 u għal-laqgħa tagħha tat-2 ta' April 2001 (ara punt 16 iktar 'il fuq).

58      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-"prinċipju ta' ekwità sostanzjali" ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi

59      Ir-rikorrent jiddikjara li l-Kummissjoni, billi naqqset l-ammont ta' l-Għajnuna Nru 850503066 meta mqabbel ma' dak li kien ġie previst fid-deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 1989 u billi ċaħdet it-talba għal korrezzjoni relatata ma' l-Għajnuna Nru 850503067, kisret il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi.

60      Huwa jallega li l-Kummissjoni, bl-aġir preċedenti tagħha, kienet ħolqot fih l-aspettattiva raġonevoli li l-Għajnuna Nru 850503066 kollha kienet ser tkun imħallsa lilu.

61      In sostenn ta' din l-affermazzjoni, ir-rikorrent isostni l-fatti segwenti:

–        id-"deċiżjoni muniċipali li temenda l-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-istazzjon Museo u tal-mina fuq l-parti Museo-Materdei" ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni;

–        din ta' l-aħħar ġiet għalhekk informata bin-neċessita teknika taċ-ċaqliq ta' l-istazzjon Museo fid-direzzjoni ta' l-istazzjon Dante, li wassal, min-naħa, għal tqassir tal-parti Dante-Museo u għall-estensjoni tal-parti Museo-Materdei kif ukoll tal-mina li tinsab f'din il-parti u, min-naħa l-oħra, għal żieda fit-tul totali tar-rotta;

–        il-Kummissjoni qatt ma oġġezzjonat għal din l-emenda tal-proġett u lanqas ma kkontestat l-espedjenza tagħha fuq il-pjan tekniku u l-"affidabbiltà ekonomika" tagħha;

–        il-Kummissjoni ma indikat qatt li r-realizzazzjoni ta' l-imsemmija emenda "kienet, minħabba d-diviżjoni tal-proġett – bi skop finanzjarju – f'żewġ għotjiet ta' għajnuna, ser twassal għal tnaqqis fl-ammont ta' l-għajnuna totali minkejja ż-żieda ta' l-investiment";

–        ix-xogħlijiet ġew ikkompletati skond il-modalitajiet u t-termini previsti;

–        l-infiq totali inkors għall-kostruzzjoni tal-parti Dante-Vanvitelli ma kienx inqas iżda, għall-kuntrarju, kien għola mill-infiq inizjalment previst;

–        ir-rikorrent qatt ma kellu l-intenzjoni li l-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-infiq supplimentari li jirriżulta mill-emenda magħmula għall-proġett, iżda sempliċement li tagħtih l-ammont kollu ta' l-għajnuna previst inizjalment.

62      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, skond il-ġurisprudenza, id-dritt li jipprevali ruħu mill-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi japplika għal kull operatur ekonomiku li jingħata speranzi ġustifikati minn istituzzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Lulju 1997, Interhotel vs Il-Kummissjoni, T-81/95, Ġabra p. II-1265, punt 45, u tad-29 ta' Settembru 1999, Sonasa vs Il-Kummissjoni, T-126/97, Ġabra p. II-2793, punt 33).

63      F'dan il-każ, il-fatturi invokati mir-rikorrent ma kinux ta' natura li jqajmu fih speranzi ġustifikati li kien ser jibbenefika mill-ammont kollu previst fid-deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 1989.

64      Fil-fatt, kif ġie diġà kkonstatat fil-punt 56 iktar 'il fuq, bl-ebda mod ma ġie stabbilit li d-"deċiżjoni muniċipali li temenda l-proġett ta' kostruzzjoni ta' l-istazzjon Museo u tal-mina fil-parti Museo-Materdei" ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. B'mod iktar ġenerali, ma ġiex ippruvat li l-awtoritajiet kompetenti Taljani kienu informaw lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli, u fid-dettall li hija kienet intitolata li tistenna mill-benefiċjarji ta' għajnuna, bl-emendi magħmula lill-proġetti kkonċernati. In-nuqqas ta' oġġezzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni kontra dawn l-emendi m'għandux, f'dawn iċ-ċirkustanzi, jiġi interpretat bħala li jfisser li hija aċċettat li ċertu nfiq pubbliku li jaqa' manifestament taħt il-Proġett Nru 850503067 seta' madankollu jiġi attribwit lill-Proġett Nru 850503066.

65      L-attitudni tal-Kummissjoni setgħet inqas u inqas tiġi nterpretata b'tali mod li hija l-awtorità li tħallas stess li, fl-applikazzjoni tagħha tat-28 ta' Ottubru 1999 għal ħlas tal-bilanċ ta' l-Għajnuna Nru 850503067, kienet attribwit l-imsemmi nfiq pubbliku lill-Proġett Nru 850503067, filwaqt li stenniet sas-26 ta' Frar 2001 sabiex issostni t-teżi tagħha li dan l-infiq jaqa' fil-fatt taħt il-Proġett Nru 850503066.

66      Fi kwalunkwe każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 54 iktar 'il fuq, ir-riżultat mistenni mir-rikorrent seta' biss, f'kull ipoteżi, javvera ruħu wara applikazzjoni formali ta' emenda tad-deċiżjonijiet tas-16 ta' Frar 1988 u tal-21 ta' Diċembru 1989, applikazzjoni li qatt ma ġiet ippreżentata f'dan il-każ.

67      Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi mhuwiex fondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni

68      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata b'nuqqas ta' motivazzjoni.

69      Huwa jsostni, l-ewwel nett, li f'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma spjegatx b'mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet għaċ-ċaħda ta' tat-talba għal korrezzjoni tar-rendikont ta' l-Għajnuna Nru 850503067 u lanqas ma indikat ir-raġunijiet għaliex hija kkunsidrat li ż-żieda ta' l-infiq li rriżultat mill-emenda tal-proġett kellha tiġi attribwita lil din l-għajnuna aktar milli lill-Għajnuna Nru 850503066.

70      It-tieni nett, ir-rikorrent jsostni li d-deċiżjoni kontestata ma tagħtix b'mod ċar ir-raġunijiet li ġġustifikaw it-tnaqqis ta' l-Għajnuna Nru 850503066 meta mqabbel ma' l-ammont inizjalment allokat. In sostenn ta' dan l-ilment, huwa jinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ġunju 1992, Cipeke vs Il-Kummissjoni (C-189/90, Ġabra p. I-3573, punti 16 sa 18), u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Diċembru 1994, Lisrestal et vs Il-Kummissjoni (T-450/93, Ġabra p. II‑1177).

71      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta' deċiżjoni individwali għandha turi, b'mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b'mod li tippermetti lil persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-eżistenza ta' motivazzjoni adegwata għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi tal-każ. Mhuwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta' dritt u ta' fatt rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem ta' l-att in kwistjoni, iżda anki fid-dawl tal-kuntest li fih dan l-att ikun ġie adottat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta bla ebda ambigwità li l-Kummissjoni kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 1989 kienet tirrigwarda x-xogħlijiet li kellhom isiru fuq il-parti Dante-Museo, filwaqt li d-deċiżjoni tas-16 ta' Frar 1988 kienet tirrigwarda x-xogħlijiet li kellhom isiru fuq il-parti Museo-Cilea, u li l-infiq in kwistjoni f'din il-kawża għandu jiġi esklużivament attribwit lill-Għajnuna Nru 850503067 minħabba li din kopriet ix-xogħlijiet effettwati fuq din l-aħħar parti. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll b'mod ċar li l-Kummissjoni, f'dawn iċ-ċirkustanzi, ikkunsidrat li dan l-infiq kellu jiġu mnaqqas mill-infiq iddikjarat fil-kuntest ta' l-Għajnuna Nru 850503066, li kellu bħala konsegwenza inevitabbli t-tnaqqis ta' l-ammont inizjalment allokat għal din l-għajnuna.

73      Barra dan, għandu jiġi rrilevat li fl-ittra tagħha tas-7 ta' Marzu 2001 (ara punt 12 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni kienet diġà enfasizzat kjarament in-natura distinta ta' l-Għajnuna Nru 850503066 u Nru 850503067 u tad-deċiżjonijiet tagħha li jagħtu dawn l-għajnuniet kif ukoll il-fatt li l-awtoritajiet Taljani ma kinux informawha fi żmien raġonevoli bl-emendi magħmula għall-proġett ta' kostruzzjoni tal-linja Dante-Vanvitelli.

74      Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni ma jistax jiġi milqugħ.

75      Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal preċedentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

76      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. F'din il-kawża, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddeċiedi fuq l-ispejjeż "skond ir-Regoli tal-Proċedura". Din it-talba ma tistax tiġi kkunsidrata bħala talba intiża sabiex ir-rikorrent jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 1992, Burban vs Il-Parlament, C-255/90 P, Ġabra p. I‑2253, punt 26). Għalhekk, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-31 ta' Mejju 2005.

H. Jung

 

      P. Lindh

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.