Language of document : ECLI:EU:T:2005:191

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

31 ta' Mejju 2005(*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark verbali PARMITALIA – Terminu għal appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni – Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Regola 48 tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 – Inammissibbiltà ta' l-imsemmi appell"

Fil-kawża T‑373/03,

Solo Italia Srl, stabbilita f’Ossona (l-Italja), irrappreżentata minn A. Bensoussan, M.‑E. Haas u L. Tellier-Loniewski, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn I. de Medrano Caballero u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

bil-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Nuova Sala Srl, stabbilita fi Brescia (l-Italja), irrappreżentata minn E. Gavuzzi, S. Hassan u C. Pastore, avocats,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-10 ta' Settembru 2003 (Każ R 208/2003-2), li tikkonferma r-rifjut ta' reġistrazzjoni tat-trade mark verbali PARMITALIA,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, I. Labucka u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Novembru 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Marzu 2004,

wara li rat in-nota ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Marzu 2004,

wara s-seduta tas-16 ta' Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-14 ta' Jannar 2000, Solo Italia Srl, (aktar 'il quddiem ir-"rikorrenti") ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal verbali PARMITALIA.

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 29, skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade Marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "Ġobon".

4        Fis-26 ta' Diċembru 2000, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji.

5        Fis-16 ta' Marzu 2001, Nuova Sala Srl (aktar 'il quddiem l-"intervenjenti") ressqet oppożizzjoni abbażi ta' l-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94 kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għal trade mark. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta' trade mark Komunitarja figurattiva PARMITAL, irreġistrata fl-1 ta' Diċembru 1998, għall-prodotti li jaqgħu fl-istess klassi u li jikkorrispondu għall-istess deskrizzjoni bħal dawk indikati fil-punt 3 aktar ‘il fuq.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta' Novembru 2002, innotifikata lill-partijiet fl-istess jum permezz ta' faks, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni. Essenzjalment, hija kkunsidrat li t-trade marks in kwistjoni kienu simili fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali.

7        Fl-4 ta' Diċembru 2002, l-UASI rċieva fil-kont tiegħu, mingħand kumpannija Franċiża bl-isem OK SA, kumpannija li ma identifikax il-konnessjonijiet tagħha mar-rikorrenti, l-ammont ta’ EUR 800 permezz ta' trasferiment bi kreditu bankarju, bir-referenza PARMITALIA. L-ordni għat-trasferiment ġiet trażmessa fid-29 ta’ Novembru 2002. Barra minn hekk, ir-rikorrenti bagħtet lill-mandatarju tagħha ċekk ta’ EUR 1,375 għad-depożitu ta’ nota ta’ oppożizzjoni quddiem l-UASI. Madankollu, jirriżulta li dan il-mandatarju ma ddepożitax l-imsemmija nota.

8        Fis-17 ta' Jannar 2003, bil-ħsieb li qiegħed jindirizza lir-rikorrenti, is-servizz finanzjarju ta' l-UASI bagħat ittra lil kumpannija Franċiża bl-isem Solo Italia France sabiex jikseb informazzjoni dwar l-għan ta' dan il-pagament li kien irċieva fl-4 ta' Diċembru 2002, filwaqt li indika li kien ġie stabbilit terminu ta' xahar, li kien jiskadi fis-17 ta' Frar 2003, sabiex din tidentifika l-għan tal-pagament u li, fin-nuqqas ta' dan, il-pagament kien ħa jiġi kkunsidrat daqs li kieku ma sarx u għalhekk kien ħa jitħallas lura.

9        Fis-17 ta' Frar 2003, l-UASI rċieva ittra mingħand ir-rikorrenti fejn din indikat li d-dritt imħallas kien jikkonċerna l-appell imressaq kontra d-deċiżjoni tas-26 ta' Novembru 2002. Ma’ din l-ittra ntbagħat rikors ta’ appell ifformulat bil-Franċiż. It-traduzzjoni ta' dan l-att fil-lingwa tal-kawża (jiġifieri l-Ingliż) ġiet prodotta fl-20 ta' Frar 2003.

10      Fit-3 ta' Marzu 2003, il-mandatarju tar-rikorrenti bagħat lill-UASI l-kopja ta' l-ordni għat-trasferiment li saret fid-29 ta' Novembru 2002. Fl-14 ta' Marzu 2003, l-UASI ġie infurmat dwar in-nomina ta' mandatarju ġdid, li ppreżenta noti ġodda fil-21 ta' Marzu 2003.

11      Fl-24 ta' Marzu 2003, l-UASI informa lir-rikorrenti li kien irċieva l-appell tagħha u rrinvija l-każ quddiem il-Bord ta' l-Appell. Fl-14 ta' Mejju 2003, l-UASI informaha dwar in-noti ta' l-oppożizzjoni tad-9 ta' Mejju 2003. Ir-rikorrenti tat risposta għal dawn in-noti fl-10 ta' Ġunju 2003 u l-UASI kkonferma li rċieva r-risposta tagħha fis-17 ta' Ġunju 2003. Hija bagħtet risposta ġdida lill-UASI fil-21 ta' Awwissu 2003, u dan ta rikonoxximent tagħha fl-10 ta' Settembru 2003.

12      Permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' Settembru 2003, innotifikata lir-rikorrenti fis-17 ta' Settembru 2003, it-Tieni Bord ta' l-Appell iddeċieda dwar l-appell u ċaħdu bħala inammissibbli minħabba n-nuqqas ta' osservanza tat-terminu ta' l-appell kif previst mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li dan it-terminu kien skada fis-26 ta' Jannar 2003 u li l-komunikazzjonijiet li saru wara din id-data ma setgħux jirregolarizzaw l-imsemmi appell.

 It-talbiet tal-partijiet

13      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta tas-16 ta' Novembru 2004.

14      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiddikjara ammissibbli l-preżenti appell u tannulla d-deċiżjoni ta' l-10 ta' Settembru 2003;

–        tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

15      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad l-appell;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

16      L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex::

–        tiċħad l-appell;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

17      Minħabba li l-intervenjenti ma setgħatx tkun preżenti għas-seduta, hija bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta' faks, li, bil-kunsens tar-rikorrenti u ta' l-UASI, kienu inklużi fil-proċess.

 Id-dritt

18      Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur ta' l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), fuq ksur tar-Regoli 55, 61 u 65 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), u fuq ksur ta' l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ammissibbiltà ta' l-ewwel żewġ motivi

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 6 tal-KEDB

–       L-argumenti tal-partijiet

19      Skond ir-rikorrenti, l-Artikolu 6 tal-KEDB jitlob li min ikun intimat għandu jiġi mgħarraf dwar l-azzjonijiet mibdija kontra tiegħu. In-notifika tad-deċiżjoni tas-26 ta' Novembru 2002 permezz tal-faks tmur kontra din id-dispożizzjoni, minħabba li din ma tirrispettax il-kundizzjoni ta' ċertezza tan-notifiki. Peress li mhijiex valida, in-notifika ma setgħetx tagħti lok li jibda jiddekorri xi terminu; għalhekk, minn dan, ir-rikorrenti tikkonkludi li l-appell għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti reġgħet sostniet li l-ewwel motiv kien jirrigwarda n-nuqqas ta' ċertezza legali u li faks li mhux biss ma kinitx iffirmata, iżda wkoll, kif żiedet ir-rikorrenti, li fir-rigward tagħha l-UASI ma pprovdiex konferma ta' riċeviment, ma setgħatx tiggarantixxi din iċ-ċertezza legali.

20      L-UASI jikkunsidra li l-ewwel motiv huwa inammissibbli minħabba li mhux immotivat biżżejjed u għalhekk imur kontra l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

21      Waqt is-seduta, huwa żied li l-motiv ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 6 tal-KEDB huwa, fi kwalunkwe każ, inammissibbli minħabba li ma ġiex ippreżentat quddiem il-Bord ta' l-Appell.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

22      Quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti invokat biss in-nuqqas ta' għarfien min-naħa tagħha tar-Regoli tal-Proċedura ta' l-UASI, in-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn Parmital u Parmitalia u l-argument, żviluppat aktar 'il quddiem fil-kuntest tat-tielet motiv, li l-ħlas tad-dritt ta' appell huwa biżżejjed sabiex jifformalizza l-appell.

23      Għalhekk, hemm qbil li l-motiv ibbażat fuq allegat ksur ta' l-Artikolu 6 tal-KEDB qatt ma tqajjem mir-rikorrenti quddiem l-UASI u li, bħala konsegwenza, dan ta' l-aħħar qatt ma eżaminah.

24      Barra minn hekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 "fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, [l-UASI] għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba." [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 2003, Éditions Albert René vs L-UASI – Trucco (Starix), T-311/01, Ġabra p. II‑4625, punt 69].

25      Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li l-appell imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza għandu bħala għan l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Alcon vs L-UASI – Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T-237/01, Ġabra p. II‑411, punt 61; tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs L-UASI (Calandre), T-128/01, Ġabra p. II-701, punt 18; tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 67, u Starix, iċċitata aktar 'il fuq, punt 70]. Fil-fatt, minkejja li, skond l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim'Istanza "għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata", din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-paragrafu preċedenti, li jipprovdi li "[i]l-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter", u fil-kuntest ta' l-Artikoli 229 KE u 230 KE. Għalhekk, l-istħarriġ ta' legalità eżerċitat mill-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell għandu jsir b'referenza għall-kwistjonijiet ta' dritt li kienu tqajmu quddiem il-Bord ta' l-Appell (sentenza Starix, iċċitata aktar 'il fuq, punt 70).

26      Barra minn hekk, l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura jippreċiża espressament li "[i]s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord ta' l-Appell" (sentenza Starix, iċċitata aktar 'il fuq, punt 71).

27      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi dwar dan il-motiv ibbażat fuq allegat ksur ta' l-Artikolu 6 tal-KEDB, motiv li ma tqajjimx matul il-fażi amministrattiva tal-proċedimenti quddiem l-UASI.

28      Minkejja li fin-nota tiegħu l-UASI ma qajjimx in-novità ta' din il-motiv, iżda għamel biss referenza għaliha matul is-seduta, ċirkustanza bħal din m'għandha l-ebda effett fuq is-soluzzjoni li għandha tingħata lill-kawża, minħabba li l-kwistjoni tal-konkordanza bejn l-appell imressaq quddiem il-Bord ta’ l-Appell u dak ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza hija kwistjoni ta' ordni pubbliku li għandha tiġi eżaminata ex officio.

29      Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regoli 55, 61 u 65 tar-Regolament Nru 2868/95

–       L-argumenti tal-partijiet

30      Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li anke jekk tiġi kkunsidrata bħala konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-KEDB, in-notifika tad-deċiżjoni ta' oppożizzjoni tas-26 ta' Novembru 2002, xorta hija irregolari minħabba li ma tirrispettax il-kundizzjonijiet previsti mir-Regoli 55, 61 u 65 tar-Regolament Nru 2868/95.

31      Ir-rikorrenti tindika li l-eżami ta' din in-notifika jippermetti li jiġi kkonstatat li kemm l-ittra kif ukoll l-imsemmija deċiżjoni mhumiex iffirmati u li din ta' l-aħħar m'għandhiex is-siġill previst fir-Regola 55 tar-Regolament 2868/95, peress li l-logo li jidher fuq l-ewwel paġna ma jistax jirrappreżenta s-siġill mitlub mit-testi legali fis-seħħ.

32      L-UASI jikkunsidra li r-rikorrenti qiegħda toġġezzjona wkoll għall-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell, għalkemm iffirmata, lanqas m'għandha siġill.

33      Huwa jsostni li t-tieni motiv huwa inammissibbli.

34      Dejjem skond l-UASI, fir-rigward tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, dan il-motiv, peress li tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, minħabba li l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxi li n-noti tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord ta' l-Appell.

35      Fir-rigward tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell, il-konstatazzjoni ta' allegat ksur ta' waħda mir-regoli proċedurali mhix biżżejjed sabiex twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-irregolaritajiet fil-proċedura ta' notifika ta' deċiżjoni m'għandhomx x'jaqsmu ma' din ta' l-aħħar u għalhekk ma jistgħux jivvizzjaw il-legalità tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 39 u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni, T-78/96 u T-170/96, Ġabra SP p. I-A-239 u II-745, punt 183). Fi kwalunkwe każ, l-ebda rekwiżit sostanzjali ma ġie miksur minħabba li fil-fatt id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrenti, li ma kinitx imfixxkla milli tiddefendi d-drittijet tagħha [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Lulju 2002, SAT.1 vs L-UASI (SAT.2), T-323/00, Ġabra p. II-2839].

36      Fl-aħħar nett, rikorrenti ma jkollu l-ebda interess leġittimu fl-annullament ta' deċiżjoni minħabba nuqqas ta' rekwiżit formali, fil-każ fejn l-annullament tad-deċiżjoni jista' biss jagħti lok għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ġdida, identika fis-sustanza għad-deċiżjoni annullata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il-Kummissjoni, 117/81, Ġabra p. 2191, punt 7; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1992, Díaz García vs Il-Parlament, T-43/90, Ġabra p. II-2619, punt 54; ta’ l-20 ta’ Settembru 2000, Orthmann vs Il-Kummissjoni, T-261/97, Ġabra SP p. I-A-181 u II-829, punti 33 u 35, u tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs L-UASI (TDI), T-16/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra].

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

37      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li mill-qari tat-tieni motiv tar-rikorrenti ma jirriżultax li din għandha l-intenzjoni li tikkritika l-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell m'għandhiex siġill. Fil-fatt, fid-dawl tar-rikors tagħha, il-kwistjoni tirrigwarda pjuttost in-notifika tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tas-26 ta’ Novembru 2002. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell bħala eżempju li għandu jkun segwit filwaqt li tenfasizza li “[i]l-paragun mad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-10 ta’ Settembru 2003 huwa interessanti minħabba li f’dan il-każ id-dokumenti nnotifikati għandhom fl-ewwel paġna, sempliċement bħala mezz ta’ identifikazzjoni, l-istess logo, iżda, għal dak li jirrigwarda din id-deċiżjoni, kemm l-ittra u kif ukoll id-deċiżjoni huma ffirmati”.

38      Għal dak li jirrigwarda n-notifika tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2002, hemm qbil li l-motiv ibbażat fuq allegat ksur tar-Regoli 55, 61 u 65 tar-Regolament 2868/95 qatt ma tqajjem mir-rikorrenti quddiem l-UASI u li, bħala konsegwenza, dan ta’ l-aħħar qatt ma eżaminah.

39      Għar-raġunijiet esposti fil-punti preċedenti 24 sa 26 u kif enfasizza ġustament l-UASI, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar dan il-motiv ibbażat fuq allegat ksur ta’ dawn ir-regoli, motiv li ma tqajjimx matul il-fażi amministrattiva tal-proċedimenti quddiem l-UASI.

40      Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma rrispondietx lill-UASI fuq dan il-punt.

41      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq il-fondatezza tat-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-Partijiet

42      Sussidjarjament għat-talba preċedenti, ir-rikorrenti ssostni li l-ordni tat-trasferiment tagħha tad-29 ta’ Novembru 2002 informat b’mod ċar lill-UASI dwar id-deċiżjoni tagħha li tressaq appell. Hija tindika li kien biss fis-17 ta’ Jannar 2003 li l-UASI talab lir-rikorrenti preċiżazzjonijiet dwar l-għan ta’ dan it-trasferiment. Sussegwentament, hija rrispondiet lill-UASI, fis-17 ta’ Frar 2003, fejn invokat l-iżball tal-mandatarju tagħha li ma intervjeniex kif kienet talbitu jagħmel hi.

43      Kif kienet diġà indikat lill-UASI permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Awwissu 2003, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-ebda test legali ma jimponi forma partikolari għall-preżentata ta’ appell quddiem l-UASI u li t-trasferiment permezz ta’ kreditu bankarju ta’ l-ammont ta’ EUR 800, magħmul fl-4 ta’ Diċembru 2002 b’riferiment għat-trade mark PARMITALIA, ġie identifikat mill-UASI b’mod ċar bħala provenjenti mir-rikorrenti minħabba li dan kien is-suġġett ta’ l-ittra tas-17 ta’ Jannar 2003.

44      Għalhekk, ir-rikorrenti jidhrilha li l-ħlas tad-dritt jifformalizza l-appell. Hija żżid li l-UASI jaċċetta li kien irċieva din is-somma u li kien identifika mingħand min kien ġej it-trasferiment.

45      Għalhekk, l-appell tressaq fit-termini preskritti u għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, minħabba li, barra minn hekk, ġie mmotivat f'terminu ta' erba’ xhur, fis-17 u fl-20 ta’ Frar 2003 u fil-21 ta’ Marzu 2003, u minħabba li l-proċedura ġiet irregolarizzata fit-termini preskritti.

46      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tesponi li, anke jekk l-UASI għażel li jinnotifika d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ mezzi informali billi pproċeda permezz ta’ faks u daħħal l-użu ta’ dan il-mezz ta’ notifika flessibbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, huwa madankollu ma jistax jillimita l-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ dawn l-appelli u tal-proċedura ta’ restitutio in integrum prevista fl-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94. L-interpretazzjoni restrittiva min-naħa ta' l-UASI tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament u tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 78 tiegħu twassal sabiex iċċaħħad lill-parti vittma ta’ l-iżball tal-mandatarju tagħha minn kull mezz ta’ appell, b'tali mod li r-rikorrenti ma tkunx tista' tiddefendi ruħha b’mod ġust.

47      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti esponiet li l-UASI, fit-talba tiegħu għal preċiżazzjonijiet mibgħuta lil Solo Italia France – li hija fil-fatt indikat bħala “interlokutur tajjeb” –, kien imissu fakkar it-terminu ta’ xahrejn li kellu jibda jiddekorri mill-ġdid minn din it-talba. Il-fatt li l-UASI ma ħallasx lura l-ammont ta’ EUR 800 jipprova, barra minn hekk, li huwa kkunsidra l-appell bħala ppreżentat b'mod regolari.

48      Waqt is-seduta, r-rikorrenti ppreċiżat ukoll li fil-fatt hija ma kinitx qiegħdha titlob l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94, iżda riedet tenfasizza li l-proċedura ta’ restitutio in integrum ma tistax tiġi applikata fil-każ ta’ żball ta’ mandatarju.

49      L-UASI jikkunsidra li, fid-dawl tar-Regoli 48(1)(ċ) u 49 tar-Regolament Nru 2868/95, kif ukoll ta’ l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, appell, sabiex ikun ammissibbli, għandu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: fl-ewwel lok, l-appell għandu jiġi ppreżentat fix-xahrejn suċċessivi għan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jindika d-deċiżjoni kkontestata u jippreċiża safejn din id-deċiżjoni għandha tiġi mibdula jew annullata; fit-tieni lok, id-dritt ta' l-appell għandu jitħallas f'dan it-terminu ta' xahrejn; fit-tielet lok għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni li tesponi l-motivi ta’ l-appell fit-terminu ta' erba’ xhur wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata.

50      L-UASI jindika wkoll, anke jekk dan il-punt ma ġiex żviluppat mir-rikorrenti, li t-terminu mogħti sabiex isir il-ħlas tad-dritt ta’ l-appelll ma jistax ikollu bħala konsegwenza estensjoni tat-terminu għall-produzzjoni ta’ l-att.

51      Fl-aħħar nett, huwa jenfasizza li r-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda talba għal restitutio in integrum.

52      Waqt is-seduta, l-UASI espona li kien impossibbli għalih li jidentifika l-konnessjoni bejn il-kumpanniji OK SA u Solo Italia, li l-ammont ta’ EUR 800 seta’ jikkorrispondi għall-ħlas ta’ drittijiet differenti jew talbiet differenti, li t-terminu ta’ xahrejn kien terminu obbligatorju li s-servizz finanzjarju tiegħu ma kellux is-setgħa li jestendi u li dan is-servizz ma setax ifakkar lir-rikorrenti li kien qiegħed jiddekorri terminu ta’ xahrejn għaliex hu ma setax ikun jaf li kien involut terminu għal appell. B’mod ġenerali, is-servizz finanzjarju, li, barra minn hekk, għandu sistema informatika awtonoma, mhux mistenni li jwettaq riċerki bħal dawn; barra minn hekk, anke kieku dan fehem li l-imsemmija somma kienet tikkorrispondi għad-dritt ta’ appell, huwa ma kienx obbligat li javża lir-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ terminu għal appell.

53      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-restitutio in integrum, waqt is-seduta l-UASI spjega li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju bl-ebda mod m'hija eskluża meta l-iżball ikun sar minn mandatarju; barra minn hekk, żewġ sentenzi tal-Qorti Komunitarja jħallu post għal din il-possibbiltà.

54      Ma’ l-argumenti ta’ l-UASI, l-intervenjenti żżid li, fuq l-ordni tat-trasferiment tad-29 ta’ Novembru 2002, kien jidher l-isem tal-kumpannija “OK SA”, u li dan ma kienx jippermetti li ssir il-konnessjoni mal-kumpannija Solo Italia Srl; hija ssostni li barra minn hekk l-UASI bagħat it-talba tiegħu għal spjegazzjoni tas-17 ta’ Jannar 2003 lil kumpannija kompletament differenti, jiġifieri l-kumpannija “Solo Italia France”, li għandha s-sede tagħha fi Franza u mhux fl-Italja.

55      Fl-aħħar nett, l-intervenjenti tindika li, minbarra l-fatt li skond l-Artikolu 78(2) tar-Regolament Nru 40/94 ir-restitutio in integrum huwa possibbli biss b’kundizzjoni li tiġi ppreżentata applikazzjoni bil-miktub u li d-dritt korrispondenti jitħallas fl-istess ħin, applikazzjoni bħal din ma tistax attwalment tiġi ppreżentata minħabba li t-terminu ta’ sena diġà skada.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

56      Skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, in-notifika ta’ l-appell għandha tiġi ppreżentata bil-miktub lill-UASI f'terminu ta' xahrejn li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata.

57      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li f’dan it-terminu l-ebda dokument bil-miktub ma ntbagħat lill-UASI f’dan is-sens.

58      Anke jekk, skond dan l-artikolu, huwa biss wara l-ħlas tad-dritt ta’ l-appell li l-appell jiġi kkunsidrat li tressaq, it-trasferiment tas-somma korrispondenti, fih innifsu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għall-att mitlub mill-imsemmi artikolu.

59      Barra minn hekk, la mit-test legali u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li huwa l-obbligu ta’ l-UASI, u b’mod partikolari, tas-servizz finanzjarju tiegħu, li javża l-eventwali rikorrenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-formalitajiet stabbiliti fir-Regolament Nru 40/94.

60      B’referenza għar-restitutio in integrum, it-test ta’ l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 ma jeskludix l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-każ ta’ żball mill-mandatarju. Madankollu, jeħtieġ li jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari, dawk li jippreżumu li ġie ppruvat li sar kull ma kien meħtieġ miċ-ċirkustanzi [ara, b’referenza għall-iżball ta’ l-inkarigat tal-mandatarju ta’ depożitatur, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Ġunju 2001, Ruf u Stier vs L-UASI (Immaġni “DAKOTA”), T-146/00, Ġabra p. II‑1797, punti 55 sa 61].

61      Minħabba li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 ma ġewx irrispettati f’dan il-każ, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud ukoll u, għalhekk, l-appell kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.



Cooke

Labucka

Trstenjak

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-31 ta’ Mejju 2005.

H. Jung

 

       J. D. Cooke

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.