Language of document : ECLI:EU:T:2013:121

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

tal-11 ta’ Marzu 2013 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Servizzi ta’ taħriġ lingwistiku – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni u għall-miżuri provviżorji –Telf ta’ opportunità – Assenza ta’ dannu gravi u irreparabbli – Nuqqas ta’ urġenza”

Fil-Kawża T‑4/13 R,

Communicaid Group Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn C. Brennan, solicitor, F. Randolph, QC, u M. Gray, barrister,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Delaude u S. Lejeune, bħala aġenti, assistiti minn P. Wytinck, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba intiża, minn naħa, li tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet sottomessi mir-rikorrenti għal diversi lottijiet fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti dwar kuntratti qafas li jirrigwardaw il-provvista ta’ taħriġ lingwistiku għall-persunal tal-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni Ewropea li jinsabu fi Brussell (il-Belġju) u, min-naħa l-oħra, li tipprojbixxi lill-Kummissjoni li tikkonkludi mal-offerent rebbieħ il-kuntratti dwar il-lottijiet inkwistjoni,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċeduri u t-talbiet tal-partijiet

1        Ir-rikorrenti Communicaid Group Ltd hija kumpannija ta’ dritt Ingliż li, għal ċertu numru ta’ snin ilha tipprovdi servizzi ta’ taħriġ lingwistiku lil diversi istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni Ewropea (tħalli għad-dispożizzjoni dawk li jħarrġu u dokumenti lingwistiċi), u dan, attwalment, fuq il-bażi ta’ ftehim qafas li t-tul ta’ validità tiegħu jasal sax-xahar ta’ Lulju 2013.

2        Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt ippubblikat fis-6 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea tefgħet sejħa għal offerti dwar kuntratti qafas (multipli) li tirrigwarda t-taħriġ lingwistiku għall-persunal tal-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni Ewropea li jinsabu fi Brussell (il-Belġju) (Nru ta’ referenza: HR/R3/PR/2012/002). Il-kuntratt kien diviż f’diversi lottijiet, kull offerent seta’ jippreżenta offerti għal lott wieħed jew iktar. Il-lottijiet 1 sa 9 kienu jinkludu l-volumi stmati f’numru ta’ sigħat jew f’numru ta’ liċenzji għal provvisti kollha indikati, filwaqt li l-lott 10 kien jirrigwarda korsijiet ta’ lingwi online (“e-learning”). L-avviż ta’ kuntratt kien jipprevedi li, għal kull lott, kuntratt qafas multiplu ma’ serje ta’ attribuzzjonijiet ikunu konklużi b’massimu ta’ tliet kumpanniji jew gruppi għal żmien massimu ta’ erba’ snin.

3        Il-kuntratt inkwistjoni ġie sottomess għall-proċedura ristretta u kellu jingħata fuq il-bażi tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, evalwata skont kriterji msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, peress li l-għan kien li jintgħażlu l-kandidati li jirċievu l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li jkunu mistiedna jippreżentaw offerta. Qabel ma jiġu mistiedna jippreżentaw offerta, l-offerenti potenzjali kellhom b’mod partikolari jissodisfaw — skont l-avviż ta’ kuntratt u l-Artikolu 136(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145) — għar-rekwiżiti ta’ evidenza meħtieġa fil-qasam ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja, taħt piena ta’ esklużjoni mill-proċedura.

4        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti ġiet mistiedna titfa’ l-offerti għal-lottijiet 1, 2, 4, 5, 7, 8, 9 u 10. B’risposta, hija ssottomettiet offerti separati għal kull wieħed minn dawn il-lottijiet, bl-eċċezzjoni tal-lot 10. Sussegwentement, fit-30 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti, permezz ta’ ittri separati, seba’ deċiżjonijiet li jikkorrispondu għal kull wieħed mil-lottijiet li għalihom hija kienet issottomettiet offerta, li minnhom irriżulta li, bl-eċċezzjoni tal-lot 5 li hija kienet rebħet, ir-rikorrenti kienet ġiet kull darba kklassifikata t-tieni wara l-offerent CLL‑Allingua, li għalhekk kienet rebħet is-sitt lottijiet inkwistjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

5        Meta rċeviet id-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni, minn naħa, informazzjoni fuq il-karatteristiċi u l-vantaġġi fir-rigward tal-offerti ta’ CLL‑Allingua kif ukoll fuq l-evalwazzjoni tal-offerta tagħha proprja u, min-naħa l-oħra, spjegazzjoni dettaljata tar-risposti mogħtija minn CLL‑Allingua fil-qasam tal-prezz. Barra minn hekk, hija rrilevat ċertu numru ta’ diffikultajiet. Għaldaqstant, hija b’mod partikolari qalet li ex membru tal-persunal tal-Kummissjoni — li kien ġie impjegat fl-unità tar-riżorsi umani matul ix-xhur ta’ qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt kontenzjuż u kien ipparteċipa fil-kumitati tal-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ offerti li jixxiebhu li jikkonċernaw kuntratti ta’ servizzi lingwistiċi għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) — kien issa impjegat minn CLL‑Allingua, wara li kien lagħab rwol fil-preparazzjoni tal-offerti ta’ din tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni spjegazzjonijiet fuq l-implikazzjoni ta’ din il-persuna fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti qabel u wara t-tluq tagħha mill-Kummissjoni. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni indikat li l-persuna inkwistjoni kienet telqet mill-unità tar-riżorsi umani qabel is-sejħa għal offerti u li ma kinitx fittxet li terġa’ tagħmel kuntatt magħha, b’tali mod li ma kien seħħ ebda kunflitt ta’ interess.

6        Barra minn hekk, ir-rikorrenti qajmet id-dubji dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ CLL‑Allingua li timplementa l-kuntratt inkwistjoni. Peress li kienet regolarment subit telf finanzjarju kunsiderevoli, l-offerenti rebbieħa ma tissodisfax il-ħtiġijiet inizjali tal-avviż tal-kuntratt. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-metodoloġija ta’ evalwazzjoni u tal-iskedi tal-evalwazzjoni ppreparati mill-kumitat ta’ evalwazzjoni, huwa ċar li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati minn diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mill-kriterji li kien jintuża bħala bażi għall-evalwazzjoni kwalitattiva tal-offerti sottomessi.

7        Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposti tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar 2013, ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qajmet tliet motivi bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, nondiskriminazzjoni u ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tar-rwol li lagħab l-ex membru tal-persunal tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq (ara punt 5 iktar ’il fuq), it-tieni, tal-inosservanza tar-regoli dwar l-adegwatezza tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-offerenti fir-rigward ta’ CLL‑Allingua (ara punt 6 iktar ’il fuq) u, it-tielet, tal-eżistenza ta’ diversi żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-kumitat ta’ evalwazzjoni (ara punt 6 iktar ’il fuq).

8        B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti ppreżentat din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija titlob sabiex jogħġob lill-President tal-Qorti Ġenerali:

–        jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati sa ma tingħata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża prinċipali;

–        jipprojbixxi lill-Kummissjoni li tikkonkludi ma’ CLL‑Allingua kuntratti dwar lottijiet 1, 2, 4, 7, 8 u 9, jew li timplementhom fil-każ li dawn diġà ġew konklużi.

9        Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fuq it-talba għal miżuri provviżorji, ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, sabiex jogħġob lill-President tal-Qorti Ġenerali:

–        jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

10      Hija tindika hemm, b’mod partikolari, li l-kuntratti kollha previsti fl-aħħar tal-proċedura tas-sejħa għal offerti kontenzjużi ġew konklużi f’Diċembru 2012 mal-offerenti rebbieħa, u inkluż dak fir-rigward tal-lott 5 mar-rikorrenti.

11      Permezz ta’ nota tat-8 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ħadet pożizzjoni fuq l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li, min-naħa tagħha, wieġbet permezz ta’ nota tal-15 ta’ Frar 2013.

 Id-dritt

12      Minn qari flimkien tal-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, minn naħa, u tal-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-imħallef għal miżuri provviżorji jista’, jekk iqis li ċ-ċirkustanzi jkunu jeżiġu dan, jordna s-sospensjoni tal-implementazzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali jew jippreskrivi l-miżuri provviżorji neċessarji. Madankollu, l-Artikolu 278 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tan-natura mhux sospensiv tar-rikorsi, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ legalità. Għalhekk, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ tali att jew jippreskrivi miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2009, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il‑Kummissjoni, T‑396/09 R, Ġabra p. II‑246, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

13      Barra minn hekk, l-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba. B’hekk, is-sospensjoni u l-miżuri provviżorji jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk ikun stabbilit illi l-għoti tagħhom ikun iġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huma urġenti fis-sens li huwa meħtieġ, sabiex ma jkunx hemm dannu serju u irrimedjabbli għall-interessi tar-rikorrenti, illi huma jiġu deċiżi u jkollhom l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il‑Kummissjoni, C‑268/96 P(R), Ġabra p. I‑4971, punt 30).

14      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami komplessiv, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod kif dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, billi ebda regola tad-dritt Komunitarju ma timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita għall-evalwazzjoni tal-bżonn li tingħata deċiżjoni provviżorja (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Lulju 1995, Il‑Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C‑149/95 P(R), Ġabra p. I‑2165, punt 23, u tat-3 ta’ April 2007, Vischim vs Il‑Kummissjoni, C‑459/06 P (R), Ġabra p. I‑53, punt 25). L-Imħallef għal miżuri provviżorji, skont il-każ, għandu anki jiżen l-interessi involuti (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2001, L‑Awstrija vs Il‑Kunsill, C‑445/00 R, Ġabra p. I‑1461, punt 73).

15      Fid-dawl tal-elementi tal-inkartament, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jqis li huwa għandu l-elementi kollha meħtieġa sabiex jiddeċiedi fuq din it-talba għal miżuri provviżorji, mingħajr ma hemm bżonn li jinstemgħu, qabel, l-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet.

16      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-ewwel għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni relatata mal-emerġenza hija sodisfatta.

17      Ir-rikorrenti tafferma li jeżisti riskju reali u imminenti għaliha li hija tbati dannu gravi u irreparabbli fin-nuqqas tal-miżuri provviżorji mitluba. Fil-fatt, huwa probabbli ħafna, skontha, li l-kuntratti konklużi ma’ CLL‑Allingua li jikkonċernaw il-lottijiet kontenzjużi li jkunu ġew implementati qabel l-għoti tas-sentenza fuq il-mertu. Barra minn hekk, huwa improbabbli ħafna li l-Kummissjoni torganizza proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti fil-każ fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati jiġu annullati, b’mod li l-ħsara li soffriet ir-rikorrenti ma tkunx tista’ tiġi msewwija b’dan il-mod. Peress li rriferiet għad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Lulju 2006, Globe vs Il-Kummissjoni (T‑114/06 R, Ġabra p. II‑2627, punt 117), ir-rikorrenti żżid li huwa diffiċli ħafna, tabilħaqq impossibbli, li tiġi kkwantifikata l-opportunità li jinkiseb is-suq inkwistjoni u tiġi vvalutata bil-preċiżjoni meħtieġa l-ħsara li tirriżulta minn telf tagħha.

18      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ rebħ li hija tissubixxi minħabba d-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti tallega li l-kuntratti konklużi bejnha u bejn l-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni jippermettulha għal żmien fit-tul li tirrealizza madwar [kunfidenzjali] (1)% tad-dħul mill-bejgħ tagħha u jikkostitwixxu għaldaqstant element ewlieni biex tkopri l-ispejjeż ġenerali tal-grupp tagħha. Jekk il-kuntratt inkwistjoni kien ingħata lilha, b’konsegwenza l-implementazzjoni tal-kuntratti konklużi kienu jiżguraw [kunfidenzjali] % tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp tagħha. Id-deċiżjonijiet ikkontestati kien ikollhom bħala konsegwenza diretta li l-previżjoni tal-profitt tal-grupp għat-tliet snin li ġejjin kien jgħaddi minn EUR [kunfidenzjali] għal EUR [kunfidenzjali], jiġifieri tnaqqis ta’ [kunfidenzjali] % f’termini ta’ profitabilità u profitt medju annwali ta’ madwar EUR [kunfidenzjali] fis-sena ([kunfidenzjali] diviż bi 3), liema fatt ma jidhirx li huwa biżżejjed sabiex [kunfidenzjali].

19      Ir-rikorrenti tippreċiża li, meta [kunfidenzjali].

20      Ir-rikorrenti għadha tibża li ssofri dannu serju u irreparabbli għar-reputazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-kuntratti qafas li jirrigwardaw il-provvista ta’ taħriġ lingwistiku għall-persunal tal-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni Ewropea li jinsabu fi Brussell jiġu meqjusa bħala l-kuntratti l-iktar importanti u l-iktar prestiġjużi ta’ dan it-tip fuq il-livell Ewropew. Meta hija tipprepara offerti għall-kuntratti oħra, ir-rikorrenti tirreferi ħafna għall-esperjenza u l-ħiliet miksuba fil-kuntest tat-taħriġ tal-lingwa pprovdut lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, peress li l-grupp tagħha ilu jipprovdi għal numru kbir ta’ snin servizzi ta’ taħriġ tal-lingwa ta’ kwalità fil-kuntest ta’ kuntratti komparabbli. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti kienet issib lilha nnifisha f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’CLL‑Allingua, sa fejn hija kienet rebħet il-kuntratt inkwistjoni u tista’ tiġi invokata għall-finijiet ta’ kompetizzjoni, minkejja li raġunijiet serji jħallu x’wieħed jifhem li dan il-kuntratt ma kienx imissu jingħata lilha.

21      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata b’relazzjoni mal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li dannu gravi u irreparabbli ma jiġix ikkawżat lill-parti li titlob il-miżuri provviżorji (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1991, Abertal et vs Il‑Kummissjoni, C‑213/91 R, Ġabra p. I‑5109, punt 18; digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Diċembru 2001, Government of Gibraltar vs Il‑Kummissjoni, T‑195/01 R u T‑207/01 R, Ġabra p. II‑3915, punt 95, u tat-3 ta’ Diċembru 2002, Neue Erba Lautex vs Il‑Kummissjoni, T‑181/02 R, Ġabra p. II‑5081, punt 82). Madankollu, mhuwiex biżżejjed li jiġi allegat li l-eżekuzzjoni tal-att li qed jintalab sospensjoni tiegħu hija imminenti, iżda hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova attenibbli li hija ma tistax tistenna tmiem il-proċedura relatata mar-rikors prinċipali mingħajr ma tkun personalment ġarrbet dannu ta’ din in-natura (digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2002, B vs Il‑Kummissjoni, T‑34/02 R, Ġabra p. II-2803, punt 85). Għalkemm l-imminenza tad-dannu ma għandhiex tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta, it-twettiq tiegħu għandu madankollu jkun prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Diċembru 1999, HFB et vs Il‑Kummissjoni, C‑335/99 P(R), Ġabra p. I‑8705, punt 67, u digriet Neue Erba Lautex vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 83).

22      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita ferm li dannu ta’ natura finanzjarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi meqjus bħala irrimedjabbli jew anki diffiċilment rimedjabbli, meta jista’ normalment ikun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju sussegwenti. F’każijiet bħal dawn, il-miżura provviżorja mitluba hija ġġustifikata biss jekk jidher li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, ir-rikorrent jinsab f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-periklu l-vijabbiltà finanzjarja tiegħu qabel ma tingħata s-sentenza li ġġib fi tmiem il-proċedura fil-kawża prinċipali jew li l-ishma tas-suq tiegħu jkunu inbidlu b’mod irriversibbli u sostanzjali fid-dawl, b’mod partikolari, tad-daqs tal-impriża tiegħu (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2009, United Phosphorus vs Il‑Kummissjoni, T‑95/09 R, Ġabra p. II‑47, punti 33 sa 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fir-rigward tad-dannu finanzjarju allegat f’dan il-każ, ir-rikorrenti, jekk hija tilmenta dwar pożizzjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv li fiha hija ssib ruħha meta mqabbla ma’ CLL‑Allingua, sa fejn din tal-aħħar kienet rebħet il-kuntratt inkwistjoni, ma jipprevalix, madankollu, telf fis-sehem tas-suq fil-qasam tas-servizzi tat-taħriġ tal-lingwa. Fi kwalunkwe każ, hija ma ppreżentat l-ebda data kwantitattiva dwar dan il-punt u lanqas uriet li ostakoli ta’ natura strutturali jew ġuridika jipprekluduhom milli jerġgħu jikkonkwistaw sehem kunsiderevoli tal-ishma tas-suq li hija kienet tilfet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 2009, Cheminova et vs Il‑Kummissjoni, C‑60/08 P(R), Ġabra p. I‑43, punt 64). Kwalunkwe dannu subit bħala tali ma jistax għalhekk jitqies bħala irreparabbli.

24      Sa fejn ir-rikorrenti tafferma li tinsab f’sitwazzjoni, f’każ ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, [kunfidenzjali], għandu jitfakkar li, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk id-dannu allegat jippreżenta natura gravi u irreparabbli u jiġġustifika għalhekk li jingħataw, eċċezzjonalment, il-miżuri provviżorji mitluba, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollu indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, appoġġjati b’dokumentazzjoni ddettaljata li turi s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent u li tippermettilu jevalwa l-konsegwenzi preċiżi li jirriżultaw, possibbilment, mill-assenza tal-miżuri mitluba. Ir-rikorrent għalhekk għandu jipprovdi dokumenti ta’ sostenn, informazzjoni li tista’ tistabbilixxi stampa reali u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Mejju 2010, Almamet vs Il‑Kummissjoni, T‑410/09 R, Ġabra p. II‑80, punti 32, 57 u 61, ikkonfermat fl-appell b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2010, Almamet vs Il‑Kummissjoni, C‑373/10 P(R), Ġabra p. I‑171, punt 24).

25      Din l-istampa reali u globali għandha wkoll tkun ipprovduta fit-test tat-talba għal miżuri provviżorji. Fil-fatt, din it-talba għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża biex tippermetti, fiha nfisha, lill-parti konvenuta tipprepara l-osservazzjonijiet tagħha u lill-imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi fuq it-talba, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn, peress illi l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom din tkun ibbażata għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u komprensibbli mit-test innifsu tat-talba għal miżuri provviżorji (digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Awwissu 2010, Babcock Noel vs Impriża Konġunta Fusion for Energy, T‑299/10 R, Ġabra p. II‑161, punt 17; ara wkoll, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2010, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑113/09 P(R), Ġabra p. I‑50, punt 13). Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet li jistabbilixxu din l-istampa ġusta u globali għandhom ikunu appoġġjati minn dokumenti dettaljati, iċċertifikati minn espert indipendenti u esterjuri għar-rikorrent, li jippermettu li tiġi evalwata l-veraċità ta’ dawn l-indikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2001, Le Canne vs Il‑Kummissjoni, T‑241/00 R, Ġabra p. II‑37, punt 35; tat-13 ta’ Ottubru 2006, Vischim vs Il‑Kummissjoni, T‑420/05 R II, Ġabra p. II‑4085, punt 83; u tal-15 ta’ Marzu 2010, GL2006 Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑435/09 R, Ġabra p. II‑32, punt 34).

26       F’dan il-każ, ir-rikorrenti, ċertament, ippreżentat sensiela ta’ figuri bil-għan li juru d-daqs tal-waqgħa fid-dħul mill-bejgħ tagħha u tan-nuqqas tagħha ta’ profitt f’każ ta’ telf tas-suq inkwistjoni. Madankollu, hija naqqset li tipprovdi, fit-talba għal miżuri provviżorji, informazzjoni kompleta fuq l-istruttura tal-impriża tagħha. Għalhekk, hija ma ppreċiżatx il-konsegwenzi, għas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, taċ-ċirkustanzi, enfasizzata mill-Kummissjoni u mhux ikkontestata mir-rikorrenti, li hija kienet timpjega kważi esklużivament ħarrieġa lingwistiċi freelance, u mhux impjegati li jibbenefikaw minn kuntratti għal żmien indeterminat. Tali struttura tidher, prima facie, li tippermetti lir-rikorrenti li tadatta għal tnaqqis fl-ordnijiet tagħha mingħajr ma tidħol fi spejjeż fissi kbar billi sempliċiment tirrinunzja għas-servizzi ta’ persunal freelance matul il-perijodi ta’ attività baxxa. Għalhekk, it-telf tas-suq inkwistjoni ma huwiex probabbli li jikkawżalha spejjeż tal-persunal li jheddu s-sopravivenza finanzjarja tagħha. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti għandha tispjega, vawċers iċċertifikati minn espert indipendenti u esterjuri b’appoġġ, għaliex, minkejja l-istruttura tal-impriża tagħha, [kunfidenzjali].

27      Barra minn hekk, ir-rikorrenti espressament taqbel li [kunfidenzjali].

28      Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jitfakkar li d-dannu invokat mir-rikorrenti jkun subit fl-okkażjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Issa, din il-proċedura għandha bħala għan li tippermetti lill-awtorità kkonċernata li tagħżel, fost diversi offerti li jikkompetu, dik li lilu tidher li hija l-iktar konformi mal-kriterji tal-għażla stabbiliti minn qabel, din l-awtorità għandha, għal dan l-iskop, setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Impriża li tipparteċipa f’tali proċedura, ma għandha qatt, għalhekk, il-garanzija assoluta li l-kuntratt ser jingħata lilha, iżda għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà tal-għoti tagħha lil offerent ieħor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsegwenzi finanzjarji negattivi għall-impriża inkwistjoni, li jirriżultaw miċ-ċaħda tal-offerta tagħha, huma fil-prinċipju parti mir-riskju kummerċjali komuni, li kull impriża attiva fis-suq għandha tiffaċċja (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Jannar 2012, Euris Consult vs Il‑Parlament, T‑637/11 R, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Minn dan isegwi li t-telf ta’ opportunità li offerent jingħata u li jwettaq kuntratt huwa inerenti għall-esklużjoni mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni u ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi, fih nnifisu, dannu serju, tant li anki offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet aċċettata għandu jistenna l-awtorità kontraenti, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 101 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjaru applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145) li tipproċedi, qabel l-iffirmar tal-kuntratt, bir-rinunzja għall-kuntratt, jew bil-kanċellazzjoni tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, mingħajr ma dan l-offerent ikun jista’, fil-prinċipju, jitlob kwalunkwe kumpens (digriet Euris Consult vs Il‑Parlament, iċċitat iktar ’il fuq, punt 20). Fil-fatt, qabel l-iffirmar tal-kuntratt mal-offerent magħżul, l-awtorità kontraenti ma hijiex involuta u tista’ għalhekk, fil-kuntest tal-funzjoni tagħha li taqa’ taħt l-interess ġenerali, liberament tirrinunzja għall-kuntratt jew tikkanċella l-proċedura ta’ sejħa għal offerti mingħajr ma tkun obbligata tindennizza lil dan l-offerent (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2008, Icuna Com vs Il‑Parlament, T‑383/06 u T‑71/07, Ġabra p. II‑727, punt 59), sakemm ma tat lok f’dan tal-aħħar għat-twemmin biex jikseb il-kuntratt u mħeġġeġ jagħmel minn qabel investimenti irriversibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il‑Parlament, T‑203/96, Ġabra p. II‑4239, punti 76 u 80).

30      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 101 tar-Regolament Nru 1605/2002 jeskludi għalhekk li l-offerent magħżul jista’ jobbliga lill-awtorità kontraenti li tikkonkludi l-kuntratt rilevanti, billi jasserixxi li l-benesseri finanzjarju tiegħu, tabilħaqq is-sopravivenza ekonomika tiegħu tiddependi fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt mogħti lilu. Issa, din l-inċertezza inerenti għas-sitwazzjoni legali u ekonomika tal-impriża rebbieħa li, minkejja l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, għandha tistenna l-ewwel nett li titilfu mingħajr kumpens, hija fi ħdan in-numru ta’ fatturi li għandhom jitqiesu mill-Imħallef għal miżuri provviżorji fl-evalwazzjoni tat-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn offerent li l-offerta tiegħu ġiet skartata: kollox bħal fil-każ tal-offerent magħżul, is-sempliċi fatt li ċ-ċaħda ta’ offerta jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji negattivi, anki gravi, għall-offerent skartat ma jistax għalhekk jiġġustifika, fih nnifsu, il-miżuri provviżorji mitluba minn dan tal-aħħar.

31      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 136 tar-Regolament Nru 2342/2002, l-awtorità li taġġudika tista’ żżomm l-offerta ta’ impriża biss bil-kundizzjoni li din tiġġustifika, qabel l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, il-kapaċità finanzjarja u ekonomika tagħha li tipproċedi għall-eżekuzzjoni tajba tagħha. Jekk wieħed jassumi li r-rikorrenti ssodisfat dan il-kriterju f’dan il-każ, bilkemm jidher konċepibbli li t-telf biss tal-kuntratt inkwistjoni jista’ f’daqqa waħda jaffettwa s-saħħa ekonomika u finanzjarja tagħha, minkejja li hija timpjega kważi esklużivament ħarrieġa lingwistiċi freelance, [kunfidenzjali], speċjalment peress li hija ngħatat lott 5 ta’ dan il-kuntratt, li hija tibqa’ d-detentriċi ta’ diversi kuntratti ta’ taħriġ tal-lingwa konklużi ma’ aġenziji tal-Unjoni, bħall-[kunfidenzjali] u l-[kunfidenzjali], u li hija żżomm relazzjonijiet kuntrattwali mal-klijenti mhux istituzzjonali stabbiliti, b’mod partikolari, f’Londra (ir-Renju Unit), f’[kunfidenzjali] (ir-Renju Unit) u f’Pariġi (Franza).

32      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilietx, kif jeħtieġ id-dritt, li hija tinsab f’sitwazzjoni, fin-nuqqas tal-miżuri provviżorji mitluba, li tista’ tqiegħed fil-periklu l-eżistenza tagħha stess.

33      Fir-rigward jekk id-dannu morali allegat mir-rikorrenti jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju ulterjuri, hija ġurisprudenza stabbilita ferm li, meta l-qorti tal-Unjoni tagħti danni fuq il-bażi tal-għoti ta’ valur ekonomiku għad-dannu subit minħabba nuqqas ta’ profitt, dan il-kumpens huwa fil-prinċipju kapaċi li jissodisfa r-rekwiżit, stabbilit mill-ġurisprudenza, sabiex jiżgura l-kumpens sħiħ tad-dannu individwali li l-parti konċernata tkun attwalment sofriet minħabba l-atti illegali partikolari li tagħhom hija kienet vittma (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punt 76, u digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ April 2008, Vakakis vs Il‑Kummissjoni, T‑41/08 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 66).

34      Bħala riżultat ta’ dan, fil-każ li r-rikorrenti tikseb suċċess fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi attribwit valur ekonomiku għad-dannu subit minħabba t-telf tal-opportunità tagħha li tirbaħ is-sejħa għal offerti kontenzjuża, li tippermettilha li tikseb il-kumpens sħiħ għad-dannu finanzjarju li kienet effettivament subit. B’konsegwenza, l-argument tar-rikorrenti li d-dannu tagħha huwa irreparabbli minħabba li ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat it-telf tal-opportunità tagħha li tikseb il-kuntratt inkwistjoni ma jistax jintlaqa’ (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali Vakakis vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punti 67 u 68, u tal-15 ta’ Lulju 2008, CLL Centres de langues vs Il‑Kummissjoni, T‑202/08 R, Ġabra p. II‑143, punti 79 u 80).

35      Id-digriet Globe vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, (punti 117 u 127) invokat mir-rikorrenti, għandu għalhekk jiġi abbandunat favur il-ġurisprudenza iktar reċenti, peress li, f’dan id-digriet, kien ġie deċiż li t-telf tal-opportunità li jiġi assenjat kuntratt pubbliku kien diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli li jiġi kkwantifikat, b’mod li dan it-telf jista’ jiġi kklassifikat bħala dannu irreparabbli.

36      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilietx li d-dannu finanzjarju invokat ikun diffiċli ħafna li jiġi kkwantifikat.

37      Ir-rikorrenti lanqas ma ppruvat li hija kienet ostakolata milli tikseb kumpens finanzjarju ulterjuri permezz ta’ rikors għad-danni eventwali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Novembru 2004, European Dynamics vs Il‑Kummissjoni, T‑303/04 R, Ġabra p. II‑3889, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, sa fejn dan id-dannu ma kienx reparat mill-eżekuzzjoni biss tas-sentenza fil-kawża prinċipali, jista’ jkun reparat fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji previsti mill-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Jannar 2004, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, T‑369/03 R, Ġabra p. II‑205, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata), bil-fehma li l-uniku possibbiltà sabiex jiġi ppreżentat rikors għad-danni huwa biżżejjed biex tiġi ppruvata n-natura inprinċipju reparabbli ta’ dan id-dannu, u dan minkejja l-inċertezza marbuta mar-riżultat tal-kawża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Euroalliages et, C‑404/01 P(R), Ġabra p. I‑10367, punti 70 sa 75, u digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Euroalliages et vs Il‑Kummissjoni, T‑132/01 R, Ġabra p. II‑777, punt 52).

38      B’konsegwenza, l-argument ippreżentat mir-rikorrenti ma jippermettix li d-dannu finanzjarju invokat jitqies bħala li huwa irreparabbli.

39      Minn dan isegwi li r-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi l-emerġenza għal dak li jikkonċerna d-dannu finanzjarju allegat.

40      Sa fejn ir-rikorrenti għadha tilmenta ħsara għar-reputazzjoni tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-parteċipazzjoni f’offerta pubblika, min-natura kompetittiva ħafna, timplika riskji għall-parteċipanti kollha u li l-eliminazzjoni ta’ offerent, skont ir-regoli tal-offerta, ma għandha, fiha nnifisha, xejn ta’ dannu. Meta impriża kienet skartata illegalment minn proċedura ta’ sejħa għal offerti, jeżisti anki inqas raġunijiet li wieħed jaħseb li hija tirriskja li ssofri ħsara gravi u irreparabbli għar-reputazzjoni tagħha li, minn naħa, l-esklużjoni tagħha hija mingħajr rabta mal-kompetenzi tagħha u, min-naħa l-oħra, is-sentenza ta’ annullament li tkun ser issegwi tippermetti inprinċipju li jerġa’ jiġi stabbilit ħsara eventwali għar-reputazzjoni tagħha (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Jannar 2009, Unity OSG FZE vs Il‑Kunsill, T‑511/08 R, Ġabra p. II‑10, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, il-konsegwenzi ta’ importanzi minuri tat-telf ta’ kuntratt pubbliku għar-reputazzjoni ta’ offerent skartat huma illustrati biċ-ċirkustanza li, mill-2004, il-kumpannija CLL Centres de langues u r-rikorrenti pparteċipaw f’sejħiet għal offerti differenti fir-rigward tat-taħriġ lingwistiku tal-persunal tal-Unjoni u ġew alternattivament mogħtija l-kuntratti pubbliċi inkwistjoni jew huma stess qasmu lottijiet differenti ta’ dawn il-kuntratti, mingħajr ma t-telf alternattiv ta’ wieħed jew l-ieħor ippreġudika r-reputazzjoni tagħha sa tali punt li ma tkunx involuta fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku segwenti. L-argument ibbażat fuq ħsara għar-reputazzjoni tar-rikorrenti ma jissodisfax għalhekk il-kundizzjonijiet tal-emerġenza.

42      Huwa l-istess argument ibbażat fuq li d-deċiżjonijiet ikkuntestati jostakolawha li tirreferi, għall-finijiet kompetittivi, għall-esperjenza u għall-ħiliet li nkisbu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, minkejja li CLL‑Allingua, peress li rebħet dan il-kuntratt, tista’ tinvokah. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li r-rikorrenti ngħatat lott 5 tal-kuntratt inkwistjoni u li hija, barra minn hekk, id-detentriċi ta’ diversi kuntratti ta’ taħriġ tal-lingwa konklużi ma’ aġenziji tal-Unjoni, bħall-[kunfidenzjali] u l-[kunfidenzjali]. B’konsegwenza, ’l bogħod milli tkun totalment eskluża mill-qasam ekonomiku inkwistjoni, hija tista’ tiftaħar bl-esperjenza u bil-ħila miksuba fl-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti. Fi kwalunkwe każ, peress li ebda mill-ħsarat l-oħra allegati mir-rikorrenti ma tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-emerġenza, it-telf ta’ tali vantaġġ kompetittiv, limitat għal xi lottijiet ta’ kuntratt pubbliku, ma tistax, waħedha, tiġi kklassifikata bħala dannu gravi u irreparabbli li jiġġustifika l-għoti ta’ miżuri provviżorji mitluba.

43      Għalhekk ir-rikorrenti lanqas ma rnexxielha tistabbilixxi l-emerġenza għal dak li jikkonċerna d-dannu morali allegat.

44      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-kundizzjoni relatata mal-emerġenza hija nieqsa f’dan il-każ.

45      Ma’ dan wieħed għandu jżid, għall-finijiet ta’ kompletezza, li, jekk wieħed jassumi li l-emerġenza tista’ — speċjalment fil-litigazzjoni għal miżuri provviżorji fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi — tkun ikkkostitwita mill-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati mill-iktar fis possibbli dak li jidher, prima facie, bħala illegalità flagranti u estremament gravi u, għalhekk, bħala fumus boni juris partikolarment serju (ara, f’dan is-sens, id-digriet Autriche vs Il‑Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, punt 110), il-proċess ma jħallix jidher, prima facie, li d-deċiżjonijiet ikkontestati jkunu vvizzjati minn illegalità ta’ din in-natura.

46      Fir-rigward ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, nondiskriminazzjoni u ugwaljanza fit-trattament (ara punti 5 u 7 iktar ’il fuq), li huwa, prima facie, l-uniku li jitqies f’dan ir-rigward, tali illegalità gravi u flagranti setgħet ġiet eventwalment miżmuma kieku r-rikorrenti kienet allegat, b’dokumenti ta’ sostenn, li CLL‑Allingua ngħatat il-kuntratt inkwistjoni bl-għajnuna ta’ membru tal-persunal tal-Kummissjoni li, bħala membru attiv tal-kumitat ta’ evalwazzjoni stabbilixxa għas-sejħa għal offerti kkontestata, kien eżerċizza influwenza deċiżiva fuq l-għażla ta’ dan l-offerent jew li, qabel ma telaq mill-Kummissjoni u ġie impjegat minn CLL‑Allingua, huwa stess kien żviluppa s-sejħa għal offerti kkontestata, u b’hekk ipprovda lil persuna l-ġdida li timpjegah, bħala persuna minn ġewwa, pass deċiżiv ’il quddiem fuq ir-rikorrenti.

47      Madankollu, l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan il-kuntest huma ħafna iktar vagi, sa fejn din tillimita ruħha li titlob li l-ex membru tal-persunal inkwistjoni li kien ġie impjegat fl-unità tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt kontenzjuż u kien ipparteċipa fil-kumitati tal-evalwazzjoni fil-proċeduri ta’ offerti li jixxiebhu li jikkonċernaw kuntratti ta’ servizzi lingwistiċi għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Jekk hija tirreferi iktar għad-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti impjegati minn tagħha, li dan l-ex membru tal-persunal tal-Kummissjoni kien enfasizza, matul konversazzjonijiet li saru magħhom, ir-rwol importanti li huwa kien lagħab fil-preparazzjoni tas-sejħa għal offerti kontenzjuża u r-relazzjonijiet li huwa kellu ma’ CLL‑Allingua, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, għall-bżonnijiet ta’ din il-proċedura ta’ miżuri provviżorji, li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex ta’ natura li jiġi stabbilit, għalihom biss, illegalità gravi u flagranti. Fil-fatt, minn naħa, il-valur tagħhom huwa indebolit għaliex l-impjegati tar-rikorrenti għandhom interess evidenti li l-kuntratt inkwistjoni jingħata lil din tal-aħħar u, għalhekk, għas-suċċess tagħhom quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji. Minn naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta li l-ex membru tal-persunal inkwistjoni kien daħal f’kuntatt mar-rikorrenti għall-finijiet li jiġi impjegat minnha, liema fatt seta’ wasslu biex jesaġera l-importanza tagħha sabiex jikseb il-pożizzjoni mfittxija, b’mod li l-portata tal-affermazzjonijiet li huwa kien esprima f’dan il-kuntest għandha tittieħed b’kawtela.

48      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti titlob l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba filwaqt li tinvoka l-prinċipju ġenerali tad-dritt għall-protezzjoni ġuridika kompleta u effettiva, għandu jiġi kkonstatat li hija naqset milli tressaq flimkien mar-rikors tagħha fil-kawża prinċipali talba għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Peress li tirrinunzja għall-opportunità li tikseb trattament imħaffef fil-kawża prinċipali, u għalhekk protezzjoni ġudizzjarja urġenti, hija ma tkunx tista’ ssostni b’mod utli li ċ-ċaħda tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji tikkostitwixxi, bħala tali, ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

49      Għal motivi kollha li jippreċedu, it-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

1)      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Marzu 2013.

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 Informazzjoni kunfidenzjali moħbija.