Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Lulju 2012 - Yuanping Changyuan Chemicals vs Il-Kunsill

(Kawża T-310/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd (Yuan Ping City, Xin Zhou, Iċ-Ċina) (rappreżentant: V. Akritidis, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 325/2012, tat-12 ta' April 2012, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġina mill-Indja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 106, p. 1);

tordna li l-ispejjeż kollha kkawżati mir-rikorrenti matul il-proċeduri preżenti għandhom jitħallsu mill-konvenut.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51) (iktar 'il quddiem ir-"Regolament bażiku"), li jistipula li l-ħsara tirreferi għall-ħsara lill-"Industrija tal-Unjoni"; u ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku dwar id-definizzjoni tal-Industrija tal-Unjoni, billi l-konvenut iddefinixxa l-Industrija tal-Unjoni b'mod żbaljat billi inkluda żewġ produtturi li ma kkooperawx, li minnhom wieħed kien waqqaf il-produzzjoni ħafna snin qabel il-perijodu ta' investigazzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, li jeħtieġ l-evalwazzjoni tal-ħsara lill-Industrija tal-Unjoni tkun ibbażata fuq provi pożittivi wara evalwazzjoni oġġettiva tal-fatturi rilevanti kollha, billi l-konvenut ikkommetta żball manifest ta' evalwazzjoni meta analizza l-fatturi ta' ħsara fuq il-bażi ta' żewġ settijiet separati u konfliġġenti ta' data (fatturi mikro- u makro-ekonomiċi) b'mod selettiv.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, li jeħtieġ li dazji jiġu imposti biss sa fejn huma neċessarji sabiex jikkumpensaw l-effetti ta' dumping dannuż; l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, li jeħtieġ li dazji jinġabru b'mod indipendenti mid-dazji tad-dwana, taxxi u u piżijiet oħra; u l-Artikoli 20(1) and 20(2) tar-Regolament bażiku, li jeħtieġu l-iżvelar tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom huma imposti dazji anti-dumping, billi l-konvenut ikkommetta serje ta' żbalji manifesti fil-kalkolu tal-marġni ta' ħsara kif ukoll naqas milli jipproduċi dikjarazzjoni tar-raġunijiet.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi għal perijodu minimu ta' 10 ijiem sabiex jiġu sottomessi kummenti dwar xi żvelar definittiv kif ukoll tal-prinċipji ġenerali ta' non-diskriminazzjoni, u d-dmir ta' amministrazzjoni tajba, billi l-konvenut ta lill-applikant limitu ta' żmien iqsar sabiex iwieġeb għall-iżvelar definittiv tal-investigazzjoni milli l-limitu ta' żmien li ngħata lill-partijiet l-oħra fil-proċedimenti.

____________