Language of document : ECLI:EU:C:2018:83

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Frar 2018 (*)

“Appell – Rikors għal annullament – Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Ammissibbiltà – Terminu għall-preżentata tar-rikors – Komputazzjoni – Ex membru tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni dwar l-irkupru tal-allowance ta’ assistenza parlamentari – Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament – Artikolu 72 – Proċedura ta’ lment fi ħdan il-Parlament – Notifika tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Posta rreġistrata li ma nġabritx mid-destinatarju tagħha”

Fil-Kawża C‑326/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid-9 ta’ Ġunju 2016,

LL, irrappreżentat minn J. Petrulionis, advokatas,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn G. Corstens u S. Toliušis, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Mejju 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant, LL, ex membru tal-Parlament Ewropew, jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ April 2016, LL vs Il-Parlament(T‑615/15, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2016:432), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet bħala manifestament inammissibbli, minħabba tardività, ir-rikors tiegħu intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tas-17 ta’ April 2014, dwar l-irkupru ta’ allowance ta’ assisstenza parlamentari mħallsa lill-appellant matul il-mandat parlamentari tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad‑9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2009, C 159, p. 1), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ wara l-21 ta’ Ottubru 2010 (ĠU 2010, C 283, p. 9) (iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut”), tipprovdi, fl-Artikolu 68(1) tagħha, intitolat “Irkupru ta’ ħlasijiet indebiti”:

“Kwalunkwe somma li titħallas b’mod indebitu skont dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandha tiġi rkuprata. Is-Segretarju Ġenerali għandu jagħti istruzzjonijiet bil-għan li jiġu rkuprati dawn l-ammonti mill-Membru kkonċernat.”

3        L-Artikolu 72 tal-Miżuri ta’ Implementazzjoni tal-Istatut, intitolat “Ilmenti” jipprovdi li:

“1.      Membru li jidhirlu li dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni ma ġewx applikati sew mis-servizz kompetenti fir-rigward tiegħu jista’ jagħmel ilment bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali.

Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali dwar l-ilment għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.

2.      Jekk Membru ma jaqbilx mad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, fi żmien xahrejn wara n-notifika tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, jista’ jitlob li l-kwestjoni tintbagħat lill-Kwesturi, li jieħdu deċiżjoni wara konsultazzjoni mas-Segretarju Ġenerali.

3.      Jekk parti għall-proċedura tal-ilment ma taqbilx mad-deċiżjoni adottata mill-Kwesturi, din tista’, fi żmien xahrejn wara n-notifika dwar dik id-deċiżjoni, titlob li l-kwestjoni tintbagħat lill-Bureau li jieħu d-deċiżjoni finali.

4.      Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għal suċċessur legali tal-Membru kif ukoll għal dawk li kienu Membri u s-suċċessuri legali tagħhom.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

4        L-appellant serva bħala Membru tal-Parlament Ewropew mill-1 ta’ Mejju sad-19 ta’ Lulju 2004.

5        Wara investigazzjoni mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li tikkonstata li allowance ta’ assistenza parlamentari tal-ammont ta’ EUR 37 728 kienet tħallset indebitament lill-appellant, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament adotta, fis-17 ta’ April 2014, id-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-irkupru ta’ dan l-ammont. Fit‑22 ta’ Mejju 2014, din id-deċiżjoni kif ukoll in-nota ta’ debitu tal-5 ta’ Mejju 2014, li kienu jagħtu d-dettalji tal-irkupru, ġew innotifikati lill-appellant.

6        Peress li ma kienx jaqbel mad-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellant għamel talba, konformement mal-Artikolu 72(2) miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut, lill-kwesturi.

7        L-appellant ġie informat biċ-ċaħda tal-ilment tiegħu permezz ta’ ittra tal-kwesturi, tat-3 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem id-”deċiżjoni tal-Kwesturi”) li tagħha indika li ħa konoxxenza l-jum ta’ wara.

8        Fit-2 ta’ Frar 2015, l-appellant ippreżenta, skont l-Artikolu 72(3) tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut, ilment quddiem il-Bureau tal-Parlament kontra d-deċiżjoni tal-kwesturi u kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

9        Il-Bureau tal-Parlament ċaħad l-ilment tal-appellant permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bureau”).

10      Skont il-Parlament, din id-deċiżjoni ntbagħtet permezz ta’ ittra rreġistrata fit-30 ta’ Ġunju 2015 fl-indirizz indikat mill-appellant fl-ilment tiegħu quddiem il-Bureau. Wara terminu ta’ ħażna ta’ ħmistax‑il jum, din l-ittra ntbagħtet lura mill-posta Belġjana mingħajr ma nġabret mill-appellant.

11      Fl-10 ta’ Settembru 2015, l-appellant irċieva posta elettronika minn uffiċjal tal-Parlament li magħha kien hemm anness, fost oħrajn, id-deċiżjoni tal-Bureau.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Novembru 2015, l-appellant beda azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll tan-nota ta’ debitu tal-5 ta’ Mejju 2014 u għall-kundanna tal-Parlament għall-ispejjeż.

13      Insostenn tar-rikors tiegħu, l-appellant essenzjalment invoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq in-natura illegali u infondata tad-deċiżjoni kontenzjuża, tad-deċiżjoni tal-kwesturi, tad-deċiżjoni tal-Bureau u tan-nota ta’ debitu kif ukoll, it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ preskrizzjoni u tal-prinċipji ta’ terminu raġonevoli, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll tan-nota ta’ debitu.

14      Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih. Wara li enfasizzat li dan it-terminu għall-preżentata tar-rikors huwa kwistjoni ta’ ordni pubbliku, hija kkonstatat, fil-punti 7 u 8 tad-digriet appellat, li l-atti kkontestati kienu ġew adottati fis-17 ta’ April u fil-5 ta’ Mejju rispettivament u ġew innotifikati lill-appellant fit-22 ta’ Mejju 2014, filwaqt li r-rikors kien ġie ppreżentat iktar minn 17-il xahar wara din id-data tal-aħħar, mingħajr ma l-appellant invoka l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors bħala manifestament inammissibbli minħabba tardività.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitolb li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat u

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid.

16      Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala manifestament infondat u

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż relatati mal-appell.

 Fuq l-appell

17      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba’ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju, huwa jinvoka eżami insuffiċjenti tal-proċess mill-Qorti Ġenerali kif ukoll żball ta’ liġi li jikkonċerna l-applikazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut. Permezz tat-tieni aggravju, huwa jqis li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ aggravju, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, bi ksur tal-Artikolu 133 u tal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li l-appellant ibati l-ispejjeż tiegħu stess.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

18      L-ewwel aggravju jinqasam f’żewġ partijiet.

19      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellant essenzjalment jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx b’mod eżawrjenti l-provi kollha prodotti insostenn tar-rikors, inkwantu naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-appellant kien beda l-proċedura ta’ lment prevista fl-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut.

20      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravu, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret id-dispożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut, inkwantu mid-digriet appellat jirriżulta, b’mod impliċitu, li l-fatt li tiġi invokata l-proċedura ta’ lment prevista f’dan l-Artikolu 72 ma għandux effett fuq il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata tar-rikors imsemmi fl-Atikolu 263, minkejja li, skont l-appellant, din il-proċedura tikkostitwixxi proċedura prekontenzjuża obbligatorja.

21      Il-Parlament isostni, b’mod partikolari, li l-proċedura inkwistjoni, bil-kontra tal-ilment previst fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, hija ta’ natura fakultattiva. Barra minn hekk, il-Parlament isostni li ladarba l-appellant għażel li jibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut, huwa ma kienx għad għandu l-possibbiltà li jippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, iżda kien obbligat jistenna l-eżitu tal-proċedura ta’ lment u, jekk ikun il-każ, jikkontesta d-deċiżjoni tal-Bureau.

22      Għal dak li jikkonċerna l-komputazzjoni tat-terminu għall-preżentata tar-rikors, il-Parlament jirrileva li l-appellant jitlob, kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fl-appell tiegħu, l-annullament mhux tad-deċiżjoni tal-Bureau, iżda dik tad-deċiżjoni kontenzjuża u tan-nota ta’ debitu. Minn dan jiddeduċi li, sa fejn it-terminu għall-preżentata tar-rikors fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ikkalkolat mill-jum tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża u tan-nota ta’ debitu, kien għadda b’iktar minn 17-il xahar, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata tiċħad ir-rikors bħala tardiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23      It-tieni parti tal-ewwel aggravju, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, hija bbażata fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut, sa fejn id-digriet appellat jimplika li l-fatt li nbdiet il-proċedura prevista f’dan l-Artikolu 72 ma għandux effett fuq il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors skont l-ewwel dispożizzjoni.

24      Għal dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ lment imsemmija fl-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li mill-kliem stess ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-proċedura msemmija fih għandha natura fakultattiva.

25      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li rimedju amministrattiv, kemm jekk ikun obbligatorju jew fakultattiv, għandu l-għan li jippermetti u li jippromwovi soluzzjoni bonarja għat-tilwima li tkun qamet bejn il-parti kkonċernata u l-amministrazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 1986, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, 173/84, EU:C:1986:29, punt 12, kif ukoll tas-7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il‑Kummissjoni, 52/85, EU:C:1986:199, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata) sabiex tiġi evitata kawża, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 35 u 36 tal-konklużjonijiet tiegħu.

26      Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li n-natura fakultattiva jew obbligatorja ta’ rimedju amministrattiv ma għandhiex effett fuq il-fatt li proċedura amminstrattiva preliminari tikkostitwixxi rimedju prekontenzjuż. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali indika fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, għal dak li jirrigwarda l-argument imressaq mill-Parlament ibbażat fuq l-assenza ta’ terminu għar-risposta impost fuq l-amministrazzjoni tal-Parlament b’differenza mill-eżistenza ta’ tali terminu fil-każ ta’ lment taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan it-terminu tal-aħħar jikkostitwixxi garanzija neċessarja fil-każ ta’ azzjoni amministrattiva obbligatorja sabiex jiġi evitat id-dewmien, jew saħansitra l-impossibbiltà għall-persuna ikkonċernata li tibda azzjoni ġudizzjara wara nuqqas min-naħa tal-amministrazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ tali terminu fil-kuntest ta’ proċedura amminstrattiva li hija ta’ natura fakultattiva ma tistax tillimita l-aċċess għall-qrati, peress li l-persuna kkonċernata tista’, f’kull mument, tirrinunzja li tkompli din il-proċedura amministrattiva preliminari u tibda azzjoni ġudizzjarja.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura ta’ lment tkun imċaħħda mill-effett utli tagħha kieku l-Membru tal-Parlament Ewropew ikollu jibda, wara li jkun uża din il-possibbiltà għall-finijiet ta’ soluzzjoni bonarja, azzjoni ġudizzjarja qabel tmiem din il-proċedura amministrativa sabiex josserva t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

28      Għaldaqstant, meta kkonstatat it-tardività tar-rikors mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-proċedura ta’ lment mibdija mill-appellant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

29      Konsegwentement, mingħajr ma hemm bżonn tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju jew dwar l-aggravji l-oħra, l-ewwel aggravju għandu jiġi milqugħ u d-digriet appellat għandu jiġi annullat.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza

30      Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’ fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

31      F’dan l-istadju tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li jinvolvi l-eżami ta’ kwistjonijiet ta’ fatt abbażi ta’ provi li ma ġewx evalwati mill-Qorti Ġenerali u lanqas ġew argumentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 66).

32      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-provi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittament dwar l-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 66).

33      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-komputazzjoni tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, fil-każ ineżami l-Parlament qies li jekk Membru tal-Parlament Ewropew jagħżel il-proċedura ta’ lment fis-sens tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut sabiex jikkontesta deċiżjoni, huwa ma jkunx għadu jista’ jibda azzjoni ġudizzjarja konta din id-deċiżjoni, iżda għandu jattakka d-deċiżjoni tal-Bureau li tiċħad l-ilment.

34      Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 26 tas-sentenza preżenti, in-natura fakultattiva jew obbligatorja ta’ rimedju amministrattiv la għandha effett fuq il-fatt li proċedura amministrattiva preliminari tikkostitwixxi rimedju prekontenzjuż u lanqas fuq id-dritt tal-persuna kkonċernata li tibda, fi kwalunkwe mument, azzjoni ġudizzjarja.

35      Għaldaqstant, ma jistax jitqies, b’mod partikolari, fid-dawl tad-dritt għal rimedju ġudizzjarja effettiv, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewoprea, li l-fatt li tinbeda proċedura ta’ lment fis-sens tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut jippreġudika d-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

36      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-proċedura ta’ lment imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, li l-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jagħmlu parti integrali minn proċedura kumplessa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-azzjoni ġudizzjarja, anki jekk tkun formalment ippreżentata kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandha l-effett li tadixxi l-Qorti tal-Ġustizzja bl-att li jikkawża preġudizzju u li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment (sentenza tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8).

37      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, rigward l-imsemmi Regoli, li r-rikors huwa ammissibbli, kemm jekk ikun ippreżentat kontra d-deċiżjoni li kontra tagħha jkun sar l-ilment biss, kemm kontra d-deċiżjoni li tiċħad dan l-ilment u kemm jekk kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien, bil-kundizzjoni li dan l-ilment u r-rikors kienu ppreżentati fit-termini previsti fl-imsemmija artikoli (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, EU:C:1989:38, punt 7, u tal‑10 ta’ Marzu 1989, Del Plato vs Il-Kummissjoni, 126/87, EU:C:1989:115, punt 9).

38      Madankollu, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwar it-talbiet kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jekk tikkonstata li dawn huma nieqsa minn kontenut indipendenti u jingħaqdu, fil-fatt, ma’ dawk it-talbiet intiżi kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 sa 9).

39      Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ meta l-qorti tikkonstata li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, inkluż meta din id-deċiżjoni tkun impliċita, tkun purament konfermatorja tad-deċiżjoni li kontra tagħha jkun sar l-ilment u li, għalhekk, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad dan l-ilment ma jkollu ebda effett, fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata, distint minn dak li jirriżulta mill-annullament tad-deċiżjoni li kontra tagħha jkun sar l-istess ilment.

40      Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fil-kuntest tal-proċedura ta’ lment prevista għall-benefiċċju tal-Membri tal-Parlament Ewropew bis-saħħa tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut.

41      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat, ir-rikors ta’ LL bħala manifestament inammissibbli minħabba tardività, billi qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża, u mhux id-deċiżjoni tal-Bureau, bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament.

42      Fil-fatt, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, matul is-seduta, l-appellant ġie informat b’mod sommarju biss dwar iċ-ċaħda tal-ilmenti tiegħu mid-deċiżjoni tal-Kwesturi u d-deċiżjoni tal-Bureau, u dawn id-deċiżjonijiet, li huma purament konfermatorji tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma jbiddlux is-sitwazzjoni legali tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni legali li tirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża.

43      Min-naħa l-oħra, b’kont meħud tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 34 u 35 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament ma bediex jiddekorri, fir-rigward tal-appellant, ħlief mill-jum tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bureau li temmet il-proċedura ta’ lment imsemmija fl-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut.

44      Fi kwalunkwe kaz, mir-rikors promotur ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-appellant irrefera wkoll għad-deċiżjonijiet tal-kwesturi u tal-Bureau.

45      Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, in-notifika tad-deċiżjoni tal-Bureau, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, id-deċiżjonijiet li jispeċifikaw id-destinatarju tagħhom għandhom jiġu nnotifikati lilu u jidħlu fis-seħħ minn din in-notifika, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kunċett ta’ “notifika”.

46      Hekk kif l-Avukat Ġenerali indika fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi prinċipju ta’ ċertezza legali li minnu jirriżulta li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn att amministrattiv individwali ma jistgħux jiġu invokati fil-konfront tad-destinatarju tiegħu sakemm dan l-att ma jkunx ġie mgħarraf lil dan id-destinatarju debitament.

47      It-tieni nett, mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li r-rikors għal annullament għandu jitressaq fi żmien xahrejn li, għall-att li għandu jiġi nnotifikat, jiddekorru min-notifika tiegħu lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata meta r-rikorrent ikun sar jaf bih. Bħat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, il-kunċett ta’ “notifika” ma huwiex iddefinit f’din id-dispożizzjoni. Konformement mal-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dan it-terminu għandu jiżdied darba, b’terminu ta’ għaxart ijiem, għal raġuni ta’ distanza.

48      Għal dak li jikkonċerna r-regolarità tan-notifika tal-atti tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li deċiżjoni hija debitament innotifikata, skont is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 263(2) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, meta tiġi kkomunikata lid-destinatarju tagħha u meta dan jitqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Olbrechts vs Il-Kummissjoni, 58/88, EU:C:1989:323, punt 10 u d-digriet tat-2 ta’ Ottubru 2014, Page Protective Services vs SEAE, C‑501/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2259, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għandu wkoll jitfakkar li hija l-parti li tinvoka t-tardività ta’ rikors li għandha tipprova minn liema jum it-terminu għall-preżentata ta’ dan ir-rikors beda jiddekorri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1980, Belfiore vs Il-Kummissjoni, 108/79, EU:C:1980:146, punt 7, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fil-każ ineżami, il-Parlament jafferma li l-appellant ġie informat bid-deċiżjoni tal-Bureau permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ġunju 2015, mibgħuta bil-posta rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, li għaliha s-servizzi postali Belġjani ħallew avviż ta’ attentat ta’ kunsinna, fit-30 ta’ Ġunju 2015. Fil-fehma tal-Parlament, skont ir-regoli nazzjonali fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-posta, din l-ittra għandha titqies bħala li ġiet debitament innotifikata lid-destinatarju tagħha fid-data tal-iskadenza tat-terminu normali ta’ ħażna ta’ ħmistax-il jum, applikat mill-posta Belġjana, peress li l-appellant ma ġabarx l-imsemmija ittra f’dan it-terminu.

51      F’dan il-kuntest, huwa paċifiku li l-appellant ma rċeviex l-ittra inkwistjoni peress li din intbagħtet lura lil min bagħtha mingħajr ma nġabret mill-appellant.

52      Madankollu, minbarra l-indirizz postali tiegħu, l-appellant indika, fl-ilment tiegħu, l-indirizz tal-posta elettroniku tiegħu li fih irċieva, fl-10 ta’ Settembru 2015, posta elettronika minn uffiċjal tal-Parlament, li magħha kienet annessa, fost oħrajn, id-deċiżjoni tal-Bureau. L-appellant iddikkjara li rċieva din il-posta elettronika mingħajr dewmien.

53      Għaldaqstant il-Parlament kien żbaljat meta sostna li fil-każ ineżami n-notifika saret biss billi ntbagħtet l-ittra rreġistrata, minkejja li din l-ittra ma nġabritx fit-terminu mogħti mis-servizzi postali Belġjani.

54      Bl-istess mod, il-fatt invokat mill-Parlament li l-ittra inkwistjoni ntbagħtet fl-indirizz Belġjan indikat fl-ilment tal-appellant huwa irrilevanti bħalma huwa dak li l-appellant la informa lill-Parlament li huwa mar jgħix fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu u lanqas ma għamel mezz biex il-posta tiegħu tmur fl-indirizz il-ġdid, u dan iktar u iktar peress li, anki jekk jiġi preżunt li jeżisti obbligu li wieħed jikkomunika l-imsemmija bidla ta’ indirizz, il-konsegwenzi legali marbuta man-nuqqas li jsir dan ma humiex iddefiniti.

55      Fil-fatt, fil-kawża preżenti, għandu jitqies li l-Parlament innotifika wkoll id-deċiżjoni kontenzjuża permezz tal-posta elettronika tal-10 ta’ Settembru 2015, b’tali mod li t-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem ma setax jibda jiddekorri fir-rigward tal-appellant ħlief fil-jum li fih sar jaf b’din id-deċiżjoni.

56      Peress li l-Parlament ma jipproduċix provi li l-appellant sar jaf bid-deċiżjoni kontenzjuża qabel ma rċieva l-imsemmija posta elettronika, it-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem ma bediex jiddekorri ħlief mill‑10 ta’ Settembru 2015. Konsegwentement, ir-rikors tal-ewwel istanza, ippreżentat fl-4 ta’ Novembru 2015, ma huwiex tardiv.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tad-19 ta’ April 2016, LL vs Il-Parlament (T‑615/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:432) huwa annullat.

2)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Litwan.