Language of document : ECLI:EU:C:2017:593

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’Awla)

26 ta’ Lulju 2017(*)

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet – Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/77/KE – Attribuzzjoni tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju ta’ trażmissjoni diġitali terrestri għar-radju u għat-televiżjoni – Annullament ta’ proċedura ta’ selezzjoni gratwita (“konkors ta’ sbuħija”) pendenti u sostituzzjoni ta’ din il-proċedura bi proċedura ta’ rkant – Intervent tal-leġiżlatur nazzjonali – Indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Konsultazzjoni minn qabel – Kriterji ta’ għoti – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C-560/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura

Europa Way Srl,

Persidera SpA

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

Ministero dello Sviluppo economico,

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

fil-preżenza ta’:

Elettronica Industriale SpA,

Cairo Network Srl,

Tivuitalia SpA,

Radiotelevisione italiana SpA (RAI),

Sky Italia Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Europa Way Srl, minn A. Terranova, A. Marcantonio, F. Ferraro u R. Mastroianni, avvocati,

–        għal Persidera SpA, minn F. Pace, L. Sabelli u B. Caravita di Toritto, avvocati,

–        għal Elettronica Industriale SpA, minn L. Medugno, G. Rossi u A. Lauteri, avvocati,

–        għal Cairo Network Srl, minn F. Elefante u D. Ielo, avvocati,

–        għal Radiotelevisione italiana SpA (RAI), minn G. de Vergottini u P. Cotone, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae kif ukoll minn L. Malferrari u G. Braun, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 258 TFUE, tal-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’”), tal-Artikoli 3, 6, 8 u 9 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Qafas’”), tal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE, tas-16 ta’ Settembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Kompetizzjoni’”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ liberta tal-kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ effettività, tal-pluraliżmu tal-informazzjoni u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Europa Way Srl u Persidera SpA, u min-naħa l-oħra, l-Autorità per le Garanzie nelle Communicazioni (aġenzija regolatorja tal-komunikazzjoni, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“AGCOM”), il-Ministero dello Sviluppo economico (ministeru għall-iżvilupp ekonomiku, l-Italja), il-Presidenza del Consiglio dei Ministri (presidenza tal-kunsill tal-ministri, l-Italja) u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (ministeru tal-ekonomija u tal-finanzi, l-Italja), dwar il-legalità tal-proċedura ta’ selezzjoni ta’ operaturi għall-attribuzzjoni tal-użu ta’ frekwenzi tar-radju ta’ trażmissjoni diġitali terrestri għar-radju u għat-televiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-qafas regolamentari ġdid li huwa komuni għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, għan-netwerks ta’ komunikazzjoni elettroniċi kif ukoll għar-riżorsi u għas-servizzi relatati (iktar ’il quddiem il-“QRĠK”) huwa kompost mid-Direttiva “Qafas” u minn erba’ direttivi speċifiċi oħra, fosthom id-Direttiva “Awtorizzazzjoni”, li huma kkompletati bid-Direttiva “Kompetizzjoni”.

 Id-Direttiva “Qafas”

4        Il-premessi 11 u 21 tad-Direttiva “Qafas” huma fformulati kif ġej:

“(11)      Skond il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali regolatorji bil-ħsieb li jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-ħtieġa ta’ l-indipendenza hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligazzjonijiet kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri jew tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tas-sidien tal-proprjetà preskritta f’Artikolu 295 tat-Trattat. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu fil-pussess tar-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan-numru ta’ impjegati, kapaċità, u mezzi finanzjarji, għat-twettieq tax-xogħol tagħhom. […]

[…]

(21)      L-Istati Membri jistgħu jużaw, fost ħwejjeġ oħra, proċeduri ta’ għażla kompetittivi jew komparattivi għall-assenjament ta’ frekwenzi tar-radju kif ukoll tan-numri b’valur ekonomiku eċċezzjonali. Fl-amministrazzjoni ta’ dawk l-iskemi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jagħtu kont tad-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 8 [tad-Direttiva “Qafas”].”

5        Skont l-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva, l-“awtorità nazzjonali regolatorja” (ANR) tfisser “il-korp jew kopri fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva jew fid-Direttivi Speċifiċi”. Mill-punt (1) ta’ dan l-Artikolu 2 jirriżulta li d-Direttiva “Awtorizzazzjoni” hija waħda mid-“Direttivi Speċifiċi”.

6        L-Artikolu 3(3) u (3)(a) tad-Direttiva “Qafas” ġie emendat bid-Direttiva 2009/140. It-tlettax-il premessa ta’ din tal-aħħar tipprovdi:

“L-indipendenza tal-[ARN] għandha tissaħħaħ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni iktar effettiva tal-qafas regolatorju u biex tiżdied l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà fid-deċiżjonijiet tagħhom. Għal dan il-għan, għandha ssir dispożizzjoni espressa fil-liġi nazzjonali biex jiġi żgurat li, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi tkun protetta mill-interventi esterni jew pressjoni politika li jistgħu jipperġudikaw l-evalwazzjoni indipendenti tagħha ta’ materji li jiġu quddiemha. Din l-influwenza esterna tirrendi l-entità leġiżlattiva nazzjonali mhux adatta biex taġixxi bħala awtorità regolatorja nazzjonali taħt il-qafas regolatorju. […]”

7        L-Artikolu 3 tad-Direttiva “Qafas” jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mix-xogħlijiet assenjati lill-[ANR] f’din id-Direttiva u fid-Direttiva Speċifiċi jitwettaq minn korp kompetenti.

2.      L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-[ANR] billi jassiguraw li jkun legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, apparat jew servizzi. L-Istati Membri li jżommu l-proprjetà jew jikkontrollaw intrapriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi għandhom jassiguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni regolatorja mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew kontroll.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ANR] jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u tempestiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jkollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex iwettqu d-dmirijiet assenjati lilhom.

3a.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, [ANR] responsabbli għal regolazzjoni tas-suq ex-ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn impriżi skont l-Artikolu 20 jew 21 ta’ din id-Direttiva għandhom jaġixxu indipendentement u m’għandhom jitolbu jew jieħdu struzzjonijiet minn ebda korp fir-rigward tal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi Komunitarja. Dan ma għandux ifixkel is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali. Korpi ta’ appell biss stabbiliti skont l-Artikolu 4 għandu jkollhom is-setgħa jissospendu jew idawru deċiżjonijiet mill-[ANR].

[…]”

8        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li bihom kull utent jew impriża li jipprovdu n-networks u/jew s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u li jkunu affettwati minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali jkollhom id-dritt li jappellaw kontra d-deċiżjoni quddiem entità ta’ appell li tkun indipendenti mill-partijiet involuti. Din l-entità, li tista’ tkun qorti, għandu jkollha l-kompetenza xierqa biex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod effettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jitqiesu kif xieraq u li jkun hemm mekkaniżmu ta’ appell effettiv.”

9        Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva:

“Għajr f’każijiet li jaqgħu taħt l-Artikoli 7(9), 20, jew 21, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-[ARN] jkollhom l-intenzjoni li jieħdu miżuri skont din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi, jew fejn jkollhom l-intenzjoni jipprovdu għal restrizzjonijiet skont l-Artikolu 9(3) u 9(4), li għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq rilevanti, huma jagħtu lill-partijiet ikkonċernati l-opportunità li jikkummentaw fuq l-abbozz ta’ miżura fi żmien raġonevoli.

[…]”

10      L-Artikolu 8 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi b’mod partikolari:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

[…]

2.      L-[ANR] għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi […]

3.      L-[ANR] għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern […]

4.      L-[ANR] għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea […]”.

11      L-Artikolu 9 tad-Direttiva “Qafas” jipprovdi:

“1.      B’kont debitu meħud tal-fatt li l-frekwenzi tar-radju huma beni pubbliċi li għandhom valur soċjali, kulturali u ekonomiku importanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġestjoni effettiva ta’ frekwenzi tar-radju għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fit-territorju tagħhom skont l-Artikolu 8 u 8a. Huma għandhom jiżguraw li l-allokazzjoni tal-[…] [ispettru] użat għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet individwali ta’ użu ta’ tali frekwenzi tar-radju minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.

[…]

3.      Sakemm ma jipprovdux mod ieħor it-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi kollha ta’ teknoloġija użati għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jkunu jistgħu jintużaw fil-meded ta’ frekwenzi tar-radju dikjarati disponibbli għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fil-Pjan ta’ Allokazzjoni ta’ Frekwenzi Nazzjonali tagħhom skont il-liġi [tal-Unjoni].

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq it-tipi ta’ teknoloġija tan-network tar-radju jew tal-aċċess bla wajer użati għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, fejn dan ikun iġġustifikat biex:

a)      tiġi evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara;

b)      titħares is-saħħa pubblika mill-kampijiet elettromanjetiċi;

c)      tiġi żgurata kwalità teknika ta’ servizz;

d)      jiġi żgurat li l-użu tal-frekwenza tar-radju kemm jista’ jkun jinqasam;

e)      ikun issalvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru, jew

f)      iġi żgurat li jinkiseb għan ta’ interess ġenerali taħt il-paragrafu 4.

4.      Sakemm ma jipprovdux mod ieħor fit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi kollha ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jistgħu jkunu provduti fil-meded tal-frekwenzi tar-radju u dikjarati disponibbli għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Pjan ta’ Allokazzjoni ta’ Frekwenzi Nazzjonali tagħhom skont il-liġi Komunitarja. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq it-tipi ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li se jkunu pprovduti, inklużi, fejn hu meħtieġ, biex jiġi ssodisfatt rekwiżit skont ir-Regolamenti tal-[Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni] dwar ir-Radju.

[…]

5.      L-Istati Membri għandhom jirrevedu regolarment il-ħtieġa tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 u għandhom jagħmlu r-riżultati ta’ dawn ir-reviżjonijiet pubbliċi.

[…]”

 Id-Direttiva “Awtorizzazzjoni”

12      Il-premessi 11 u 23 tad-“Direttiva Awtorizzazzjoni” huma fformulati kif ġej:

“ (11)      L-għoti ta’ drittijiet speċifiċi jista’ jibqa’ jkun meħtieġ għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju […]. Dawk id-drittijiet ta’ użu m’għandhomx jiġu ristretti ħlief fejn dan ikun inevitabbli minħabba l-iskarsezza tal-frekwenzi tar-radju u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-użu effiċjenti tagħhom.

[…]

(23)      L-[ARN] għandhom jiżguraw, fl-istabbiliment tal-kriterji għall-proċeduri ta’ għażla kompetittivi jew komparattivi, li l-miri f’Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru [Qafas]) jiġu mħarsa. Għalhekk ma jkunx kuntrarju għal din id-Direttiva jekk kriterji ta’ għażla oġġettivi, mhux diskriminatorji u proporzjonati biex jippromvovu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni jkollhom l-effett li jeskludu ċerti impriżi minn proċedura ta’ għażla kompetittiva jew komparattiva għal-frekwenz partikolari tar-radju.”

13      Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva:

“ 1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-libertà ta’ forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bla ħsara għall-kondizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva. Għal dan il-għan, l-Istati Membri m’għandhomx jipprevjenu impriża milli tforni networks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ħlief fejn dan ikun meħtieġ għar-raġunijiet stipulati f’Artikolu [52(1) TFUE].

2.      Il-forniment ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’, mingħajr preġudizzju għall-obbligi speċifiċi msemmija f’Artikolu 6(2) jew għad-drittijiet ta’ użu msemmija f’Artikolu 5, biss ikun suġġett għal awtorizzazzjoni ġenerali. L-impriża konċernata tista’ tkun meħtieġa li tissottometti notifikazzjoni iżda m’għandhiex tkun meħtieġa li tikseb deċiżjoni espliċita jew xi att amministrattiv ieħor mill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma teżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni. Man-notifikazzjoni, fejn meħtieġa, impriża tista’ tibda l-attività, fejn meħtieġ suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ użu f’Artikoli 5, 6 u 7.

[…]”

14      L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“ 1.      L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-użu ta’ frekwenzi tar-radju taħt awtorizzazzjonijiet ġenerali. Fejn hu neċessarju, l-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet individwali ta’ użu sabiex:

–        tkun evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara;

–        tkun żgurata l-kwalità teknika tas-servizz;

–        ikun issalvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru; jew

–        jiġu issodisfati għanijiet oħrajn ta’ interess ġenerali kif definiti mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi [tal-Unjoni].

2.      Fejn huwa meħtieġ li jingħataw drittijiet individwali ta’ użi ta’ frekwenzi tar-radju u numri, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet, meta mitluba, lil kull impriża għall-provvista ta’ netwerks jew servizzi taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 3, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7 u 11(1)(c) ta’ din id-Direttiva u kull regola oħra li tiżgura l-użu effiċjenti ta’ dawk ir-riżorsi skont id-Direttiva [“Qafas”].

Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lil fornituri ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni bil-għan li jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali skont il-liġi Komunitarja, id-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħa, oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali, u, fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva [“Qafas”]. Tista’ tapplika eċċezzjoni għall-ħtieġa ta’ proċeduri miftuħa f’każijiet fejn l-għoti ta’ drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lill-fornuturi ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi [tal-Unjoni].

[…]

4.      […]

Fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għażla kompetittivi jew komparattivi għall-frekwenzi tar-radju, l-Artikolu 7 għandu japplika.

5.      L-Istati Membri ma għandhom jillimitaw l-għadd ta’ drittijiet ta’ użu li jingħataw, għajr fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-frekwenzi tar-radju skont l-Artikolu 7.

[…]”

15      L-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva, dwar il-proċedura intiża li tillimita d-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju li għandhom jingħataw, jipprovdi:

“1.      Fejn Stat Membru jkun qed jikkunsidra jillimitax in-numru tad-drittijiet għall-użu li jridu jingħataw għall-frekwenzi tar-radju, jew jekk iġeddidx il-validità ta’ drittijiet eżistenti jekk mhux skont it-termini speċifikati f’dawk id-drittijiet, għandu inter alia:

a)      jieħu kont debitu tal-ħtieġa li jimmasimizza l-benefiċċji għall-utenti u li jiffaċilita l-iżvilupp tal-kompetizzjoni;

b)      jagħti lill-partijiet kollha nteressati, nklużi utenti u konsumaturi, l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar kull limitazzjoni skond Artikolu 6 tad-Direttiva [“Qafas”];

c)      jippubblika kull deċiżjoni biex jillimita l-għoti tad-drittijiet għall-użu jew it-tiġdid tad-drittijiet għall-użu, waqt li jagħti r-raġunijiet għal dan;

d)      wara li jkunu stabbilixxa il-proċedura, jistieden applikazzjonijiet għad-drittijiet ta’ użu; u

e)      jirrevedi l-limitazzjoni f’intervalli raġonevoli jew fuq it-talba raġonata ta’ l-impriżi affettwati.

2.      Fejn Stat Membru jikkonkludi li aktar drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jistgħu jingħataw, għandu jippublika dik il-konklużjoni u jistieden applikazzjonijiet għal dawk id-drittijiet.

3.      Fejn l-għoti ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jeħtieġ li ma jkunx limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawn id-drittijiet fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla li jridu jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. Kull wieħed minn dawn il-kriterji tal-għażla jrid jagħti l-importanza li tistħoqq lill-kisba tal-għanijiet li jidhru fl-Artikolu 8 tad-Direttiva [“Qafas”] u tar-rekwiżiti li jidhru fl-Artikolu [9] ta’ dik id-Direttiva.

4.      Fejn proċeduri ta’ għażla kompetittivi jew komparattivi għandhom jintużaw, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu ta’ sitt ġimgħat imsemmi f’Artikolu 5(3) sakemm ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li dawk il-proċeduri jkunu ġusti, raġonevoli, miftuħa u trasparenti għall-partijiet kollha nteressati, iżda b’mhux aktar minn tmien xhur.

[…]”

 Id-Direttiva “Kompetizzjoni”

16      Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva “Kompetizzjoni”, li jikkonċerna d-drittijiet esklużivi u speċjali għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi:

“1.      L-Istati Membri m’għndhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ drittijiet esklussivi jew speċjali għall-istabbiliment u/jew il-provvediment tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jew għall-provvediment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li kull impriża hija intitolata biex tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew li tistabbilixxi, testendi jew tipprovdi n-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija lil impriża biex tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u biex tistabbilixxi u/jew tipprovdi networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll il-kondizzjonijiet mehmuża magħha, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, proporzjonali u trasparenti.

[…]”

17      L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li jikkonċerna d-drittijiet ta’ użu frekwenzi, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri biex jagħtu drittijiet ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju lil min jipprovdi s-servizzi tal-kontenut tax-xandir tar-radju jew tat-televiżjoni bil-ħsieb li jfittxu għanijiet ta’ interess ġenerali konformi mal-liġi [tal-Unjoni]:

1)      L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu drittijiet esklussivi jew speċjali ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju għall-provvediment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

2)      L-assenjament tal-frekwenzi tar-radju għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Il-kawża prinċipali tikkonċerna l-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju ġodda ta’ trażmissjoni diġitali, li ġew illiberati minħabba t-tranżizzjoni minn televiżjoni analoga għal televiżjoni diġitali (iktar ’il quddiem it-“tranżizzjoni diġitali”). It-teknoloġija diġitali hija kkaratterizzata minn effikaċja ta’ trażmissjoni superjuri għal dik tat-teknoloġija analoga sa fejn tippermetti, għad-differenza ta’ din tal-aħħar, it-trażmissjoni simultanja ta’ diversi programmi fuq l-istess frekwenza tar-radju. Il-frekwenzi tar-radju lliberati b’dan il-mod jikkostitwixxu “dividend diġitali”.

19      It-tranżizzjoni diġitali bdiet fl-Italja waqt li kienet pendenti proċedura għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat Membru sa mis-sena 2006, dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana relatata mal-ġestjoni tal-frekwenzi tar-radju ta’ trażmissjoni televiżiva, mat-tranżizzjoni diġitali u mal-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju diġitali, mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Qafas”, kif ukoll tad-Direttivi “Awtorizzazzjoni” u “Kompetizzjoni”. Fl-opinjoni motivata tagħha tad-19 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni Ewropea essenzjalment sostniet li din il-leġiżlazzjoni, billi kienet tawtorizza biss lill-operaturi li kienu diġà jittrażmettu permezz tat-teknoloġija analoga jaċċedu għas-suq tar-radju u tat-televiżjoni diġitali, kienet tillimitahom għal dan is-suq. Il-Gvern Taljan adotta diversi miżuri sabiex irendi l-imsemmija leġiżlazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

20      Huwa f’dan il-kuntest li l-AGCOM adottat id-Deċiżjoni 181/09/CONS, tas-7 ta’ April 2009, li sussegwentement inbidlet f’liġi permezz tal-legge comunitaria 2008 n. 88 (Liġi Komunitarja 2008 Nru°88), tas-7 ta’ Lulju 2009. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-AGCOM stabbilixxiet il-kriterji tad-diġitalizzazzjoni integrali tan-netwerks terrestri.

21      L-imsemmija deċiżjoni kienet tipprovdi b’mod partikolari l-attribuzzjoni ta’ 21 “multiplex” nazzjonali, li jippermettu li jinġabru fi fluss ta’ data komuni varji sinjali u li jiġu trażmessi diversi servizzi tat-televiżjoni diġitali terrestri simultanjament. Għall-finijiet tat-tqassim tagħhom bejn l-operaturi l-ġodda, l-operaturi li kienu ħolqu netwerks diġitali u dawk li kienu diġà joperaw netwerks analogi, dawn il-multiplex tqassmu fi tliet gruppi li kellhom jiġu attribwiti skont kriterji differenti. Barra minn hekk, kien previst, fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni, li ebda operatur ma seta’ jikseb iktar minn ħames multiplexes nazzjonali.

22      B’mod partikolari, il-frekwenzi tar-radju disponibbli li kienu joriġinaw minn dividend diġitali, li huma l-uniċi frekwenzi li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, għandhom jiġu attribwiti gratwitament lill-operaturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti fi tmiem proċedura ta’ selezzjoni organizzata skont mudell imsejjaħ “konkors tas-sbuħija”.

23      Inizjalment, dan il-“konkors tas-sbuħija” kien jikkonċerna ħames multiplexes, jiġifieri sinjali li kull wieħed minnhom jista’ jittrażmetti diversi servizzi tat-televiżjoni diġitali terrestri simultanjament. Dawn il-multiplexes kienu kkategorizzati f’żewġ partijiet. It-tliet multiplexes tal-Parti A kienu rriżervati għall-operaturi ġodda fis-suq u għall-operaturi żgħar. Dawn ma setgħux jiġu attribwiti lil Radiotelevisione Italiana SpA (RAI), lil Mediaset u lil Telecom Italia Media Broadcasting, li saret Persidera. Il-Parti B kienet tikkorrispondi għal żewġ multiplexes miftuħa għall-offerenti kollha, sal-limitu ta’ multiplex wieħed għal RAI u Mediaset.

24      Ir-regoli tal-“konkors tas-sbuħija” ġew adottati b’mod konklużiv mill-AGCOM bid-Deċiżjoni 497/10/CONS, tat-22 ta’ Settembru 2010, wara konsultazzjoni pubblika u approvazzjoni tal-pjan ta’ attribuzzjoni tal-frekwenzi tar-radju diġitali. F’dan l-istadju, il-multiplex C1 żdied mal-imsemmija ħames multiplexes li kienu s-suġġett tal-“konkors tas-sbuħija”.

25      Fit-8 ta’ Lulju 2011, is-sejħa għall-offerti ġiet ippubblikata mill-ministeru għall-iżvilupp ekonomiku. Europa Way u Persidera ġew ammessi jipparteċipaw fil-proċedura. Kull waħda minn dawn il-kumpanniji kienet l-uniku offerent għal multiplex, rispettivament, filwaqt li ġie osservat li Persidera kienet ikkompetiet għall-attribuzzjoni ta’ tliet multiplexes.

26      Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Jannar 2012, il-ministeru għall-iżvilupp ekonomiku ssospenda l-“konkors tas-sbuħija”. Dan il-konkors ġie finalment annullat bl-Artikolu 3 quinquies tad-decreto legge n.16 Diposizioni urgenti in materia di semplificazioni tributarie, di efficientamento e potenziamento delle procedure di accertamento (Digriet Liġi Nru 16, dwar miżuri urġenti fil-qasam tas-simplifikazzjoni fiskali, tat-titjib tal-effikaċja u tat-tisħiħ tal-proċeduri ta’ kontroll), tat-2 ta’ Marzu 2012, li nbidel fil-Liġi Nru 44, tas-26 ta’ April 2012 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 16/2012”). Ġie deċiż ukoll li l-“konkors tas-sbuħija” ikun issostitwit bi proċedura ta’ selezzjoni oneruża, ibbażata fuq l-irkant skont il-prijoritajiet u l-kriterji ddefiniti mill-AGCOM, u li l-operaturi li jkunu pparteċipaw f’dan il-konkors jiġu kkumpensati.

27      Wara li wettqet konsultazzjoni pubblika, l-AGCOM adottat id-Deċiżjoni 277/13/CONS, tal-11 ta’ April 2013, li tinkludi r-regoli tal-proċedura ġdida ta’ selezzjoni. F’din id-deċiżjoni, l-AGCOM irristrutturat il-pjan ta’ attribuzzjoni tal-frekwenzi tar-radju, billi naqqset b’mod partikolari n-numru ta’ frekwenzi tar-radju intiżi għat-trażmissjoni televiżiva diġitali terrestri minn 25 għal 22, u stabbilixxiet għal tlieta n-numru ta’ multiplex li kellhom jiġu attribwiti. Kienu biss l-operaturi ġodda fis-suq u l-operaturi ż-żgħar, bl-esklużjoni ta’ operaturi li diġà kellhom minn tal-inqas tliet multiplexes, li setgħu jippreżentaw il-kandidatura tagħhom għal dawn il-multiplexes.

28      Is-sejħa għal kandidaturi ġiet ippubblikata fit-12 ta’ Frar 2014. La Europa Way u lanqas Persidera ma pparteċipaw fil-proċedura. Skont l-informazzjoni fil-faxxikolu sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, Persidera ma setgħetx tipparteċipa minħabba numru ta’ multiplexes li kienet diġà tippossjedi. Cairo Network SrL, l-uniku kandidat, ingħata multiplex.

29      Europa Way u Persidera ppreżentaw rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) sabiex jikkontestaw l-annullament tal-“konkors tas-sbuħija” u s-sostituzzjoni tiegħu bi proċedura oneruża.

30      Wara ċ-ċaħda tar-rikorsi tagħhom permezz tas-sentenzi tal-25 ta’ Settembru 2014, Europa Way u Persidera ppreżentaw appell minn dawn tal-aħħar quddiem il-qorti tar-rinviju.

31      Quddiem din il-qorti, Europa Way issostni li l-“konkors tas-sbuħija” kellu bħala għan li jindirizza t-tħassib li wriet il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li jiżgura kumpens lill-operaturi li kienu esklużi milli joperaw fis-suq minħabba irregolaritajiet invokati mill-Kummissjoni. Madankollu, dan l-għan, u għaldaqstant, il-ftuħ ta’ dan is-settur għall-kompetizzjoni, ma ntlaħaqx. Europa Way tikkontesta wkoll l-attribuzzjoni gratwita ta’ frekwenzi tar-radju lill-operaturi li kienu diġà preżenti fis-suq.

32      Persidera essenzjalment tinvoka argumenti simili. Hija ssostni wkoll li, minkejja li l-organizzazzjoni tal-“konkors tas-sbuħija” ġiet miftiehma mal-Kummissjoni, din tal-aħħar ma vvalidatx l-annullament tagħha u s-sostituzzjoni tagħha bi proċedura ta’ rkant.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dispożizzjoni leġiżlattiva kkontestata u l-atti ta’ implementazzjoni sussegwenti kisru r-regoli li skonthom il-funzjonijiet ta’ regolamentazzjoni tas-suq televiżiv jispettaw lil awtorità amministrattiva indipendenti [l-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva 2002/21/KE, (Direttiva Kwadru), kif emendata bid-Direttiva [Qafas]]?

2)      Id-dispożizzjoni leġiżlattiva kkontestata u l-atti ta’ implementazzjoni sussegwenti kisru d-dispożizzjonijiet [l-Artikolu 7 tad-Direttiva [2002/20/KE, (Direttiva “Awtorizzazzjoni”), u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru)[Qafas]] li jipprevedu l-organizzazzjoni minn qabel ta’ konsultazzjoni pubblika mill-[ARN] indipendenti kompetenti għal dan is-settur?

3)      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u b’mod iktar preċiż l-Artikolu 56 TFUE, l-Artikolu 9 tad-Direttiva [Qafas]), l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva “Awtorizzazzjoni”), u l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2002/77/KE (Direttiva “Kompetizzjoni”), kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà tal-kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ effettività u ta’ pluraliżmu tal-informazzjoni, jipprekludu l-annullament tal-konkors tas-sbuħija, li kien tniehed bħala rimedju għall-esklużjoni illegali ta’ operaturi tas-suq fis-sistema ta’ attribuzzjoni tal-frekwenzi diġitali televiżivi u sabiex jiġi permess l-aċċess tal-operaturi minuri, kif ukoll għas-sostituzzjoni tagħha minn [bi] proċedura ta’ selezzjoni oħra, oneruża, li tobbliga lill-parteċipanti jissodisfaw kundizzjonijiet u jwettqu obbligi li l-operaturi preżenti fis-suq ma kinux obbligati jwettqu qabel, b’mod li t-tressiq ta’ offerta kompetittiva jsir oneruż u ekonomikament żvantaġġuż?

4)      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u b’mod iktar preċiż l-Artikolu 56 TFUE, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE […], l-Artikoli 3, 5, u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE […], l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2002/77/KE […], u l-Artikolu 258 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ liberta tal-kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ effettività u ta’ pluraliżmu tal-informazzjoni, jipprekludu l-konfigurazzjoni mill-ġdid tal-pjan ta’ attribuzzjoni tal-frekwenzi li tipprevedi t-tnaqqis minn 25 stazzjon [netwerk] għal 22 stazzjon nazzjonali (fejn l-operaturi preżenti fis-suq iżommu n-numru ta’ multiplexes li huma għandhom), it-tnaqqis ta’ lottijiet suġġett tal-proċedura ta’ selezzjoni għal 3 mutliplexes u l-attribuzzjoni tal-frekwenzi fil-band VHF-III bir-riskju ta’ interferenzi qawwija?

5)      Il-protezzjoni tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, kif spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija kompatibbli mal-annullament tal-konkors tas-sbuħija li ma ppermettiex lill-appellanti, li kienu diġà ġew ammessi għall-proċedura ta’ selezzjoni mingħajr ħlas, li jkunu ċerti li ser jingħataw xi lottijiet li kienu s-suġġett tal-proċedura ta’ selezzjoni?

6)      Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-attribuzzjoni tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi [l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru), l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva “Awtorizzazzjoni”), l-Artikoli 2 u 4 tad-Diretiva 2002/77/KE (Direttiva “Kompetizzjoni”)] hija kompatibbli mal-adozzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 3 quinquies tad-Digriet-Leġiżlattiv Nru 16/2012, li ma tissodisfax il-karatteristiċi tas-suq tar-radju u tat-televiżjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

34      Fl-ewwel lok, kif isostnu ġustament il-Gvern Taljan u Elettronica Industriale, hemm lok li jiġi kkonstatat li mill-kliem stess tal-ewwel, tat-tieni, tal-ħames u tas-sitt domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-konformità jew il-kompatibbiltà ta’ miżuri nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

35      Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-konformità jew il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, għandha l-ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bil-kriterji kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettu lil din tal-aħħar tevalwa tali konformità jew tali kompatibbiltà sabiex taqta’ s-sentenza fil-kawża li tkun tressqet quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, EU:C:2008:59, punti 49 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tat-3 ta’ Lulju 2014, Talasca, C-19/14, EU:C:2014:2049, punt 16 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża preżenti, li għandha tillimita l-eżami tagħha għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi tipprovdi interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li hija utli lill-qorti tar-rinviju, li min-naħa tagħha għandha tevalwa l-konformità u l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet u ta’ atti nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, EU:C:2008:59, punt 51).

37      Peress li, b’mod partikolari, il-kliem tal-ewwel, tat-tieni, tal-ħames u tas-sitt domandi jirreferi għal normi tad-dritt tal-Unjoni, u l-interpretazzjoni tiegħu tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju, dawn id-domandi huma ammissibbli.

38      It-tieni nett, il-Gvern Taljan u Elettronica jikkontestaw l-ammissibbiltà, rispettivament, tat-tielet, tar-raba’ kif ukoll tas-sitt domanda u tat-tieni u tar-raba’ domanda, minħabba preżentazzjoni frammentarja tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali. Il-Gvern Taljan essenzjalment isostni li l-qorti tar-rinviju naqset milli tesponi r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rilevanza tad-dispożizzjonijiet li titlob l-interpretazzjoni tagħhom għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tal-aħħar tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li hemm riferiment espliċitu għalihom fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju għandha jkollha għarfien tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C-614/14, EU:C:2016:514, punti 18 u 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-27 ta’ Ottubru 2016, Audace et, C-114/15, EU:C:2016:813, punt 35).

40      Għaldaqstant, huwa indispensabbli, l-ewwel nett, kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju fiha nnifisha tinkludi espożizzjoni tal-motivi li jkunu wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

41      Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda spjegazzjoni dwar ir-rilevanza tal-Artikoli 56 u 258 TFUE għat-tilwima tal-kawża prinċipali.

42      Minn naħa, fir-rigward tal-Artikolu 56 TFUE, mill-informazzjoni sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kawża prinċipali hija kkaratterizzata minn informazzjoni li hija kkonfinata għall-Istat Taljan. Għaldaqstant, l-Artikolu 56 TFUE ma japplikax għal tali sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C-268/15, EU:C:2016:874, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 258 TFUE, huwa biżżejjed li jiġi speċifikat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din hija dispożizzjoni purament proċedurali applikabbli għall-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, eżegwiti mill-Kummissjoni u mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

44      Għaldaqstant, it-tielet u r-raba’ domandi huma inammissibbli, sa fejn huma intiżi għal interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 258 TFUE.

45      It-tieni nett, huwa wkoll indispensabbli, kif jipprevedi l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-fatti li fuqhom huma bbażati d-domandi.

46      Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju qiegħda tintalab tiddeċiedi, fil-kawża prinċipali, dwar ir-regolarità tal-proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni tal-frekwenzi tar-radju diġitali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-QRĠK. Sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-informazzjoni neċessarja sabiex jinftiehmu ċ-ċirkustanzi proċedurali u sostantivi relatati ma’ din il-proċedura, il-kuntest fattwali ġenerali tal-kawża prinċipali huwa espost b’mod suffiċjentement preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-punti essenzjali ta’ dawn id-domandi.

47      Madankollu, kif innotat l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, ċerti domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirreferu għall-fatti li ma huma spjegati jew sostnuti mkien fit-talba għal deċiżjoni preliminari u li, għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwarhom. Dan huwa għalhekk il-każ tar-riferiment, fit-tielet domanda, għall-“kundizzjonijiet [u għal] obbligi li l-operaturi preżenti fis-suq ma kinux obbligati jwettqu qabel”, tar-riferiment, fir-raba’ domanda, għall-“attribuzzjoni tal-frekwenzi fil-band VHF III bir-riskju ta’ interferenzi qawwija” kif ukoll tas-sitwazzjoni, li hija s-suġġett tas-sitt domanda, li l-Artikolu 3 quinquies tad-Digriet Liġi Nru°16/2012 “ma [j]issodisfax il-karatteristiċi tas-suq tar-radju u tat-televiżjoni”.

48      Isegwi li t-tielet u r-raba’ domanda huma inammissibbli kif iddefinit fil-punti 44 u 47 ta’ din is-sentenza. Is-sitt domanda hija inammissibbli fl-intier tagħha.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

49      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Qafas” għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-annullament, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju pendenti organizzata mill-ANR kompetenti f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġiet sospiża permezz ta’ deċiżjoni ministerjali.

50      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “Qafas”, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mill-kompiti assenjati lill-ANR f’din id-direttiva u fid-direttivi speċifiċi jkunu ssodisfatti minn korp kompetenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva “Qafas”, moqrija fi-dawl tal-ħdax-il premessa tagħha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza tal-ANR sabiex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw il-poteri tagħhom b’mod imparzjali u trasparenti kif ukoll meta meħtieġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-424/07, EU:C:2009:749, punt 54; tas-17 ta’ Settembru 2015, KPN, C-85/14, EU:C:2015:610, punt 54, kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2016, Ormaetxea Garai u Lorenzo Almendros, C-424/15, EU:C:2016:780, punt 33).

51      Filwaqt li l-Artikolu 3 tad-Direttiva “Qafas”, fil-verżjoni inizjali tagħha kienet essenzjalment intiża, konformement mal-imsemmija ħdax-il premessa, li tiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ANR billi tiżgura s-separazzjoni tal-funzjonijiet regolamentari u operazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, permezz tad-Direttiva 2009/140, u kif jirriżulta mill-premessa 13 tagħha, li jsaħħaħ l-indipendenza tal-ANR sabiex jiżgura applikazzjoni iktar effiċjenti tal-qafas regolamentari u jżid l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tagħhom (sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2016, Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni, C-240/15, EU:C:2016:608, punti 32 u 34, kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2016, Ormaetxea Garai u Lorenzo Almendros, C-424/15, EU:C:2016:780, punt 45).

52      Għaldaqstant, il-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140 tipprovdi li hemm lok, għal dan il-għan, li fid-dritt nazzjonali tiġi prevista dispożizzjoni espliċita li tiggarantixxi li, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tagħha, ANR responsabbli mir-regolamentazzjoni tas-suq ex ante jew mir-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi hija protetta minn kwalunkwe intervent estern jew pressjoni politika li jistgħu jikkompromettu l-imparzjalità tagħha fl-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet li jkunu sarulha.

53      Dan l-għan ta’ tisħiħ tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ ANR huwa stabbilit fl-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva “Qafas” (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Ormaetxea Garai u Lorenzo Almendros, C-424/15, EU:C:2016:780, punt 47). Konformement mal-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, bla ħsara għall-każijiet ta’ konsultazzjoni u ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra previsti fl-Artikolu 3(4) u (5), l-ANR responsabbli mir-regolamentazzjoni tas-suq ex ante jew mir-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa u la għandhom jitolbu u lanqas jaċċettaw struzzjonijiet mingħand ebda korp ieħor fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti li jkunu ġew assenjati lilhom. Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprovdi l-possibbiltà ta’ sorveljanza konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt kostituzzjonali u tispeċifika li huma biss il-korpi ta’ appell stabbiliti konformement mal-Artikolu 4 tad-Direttiva “Qafas” li għandhom il-poter li jissospendu jew li jinvalidaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-ANR.

54      It-tieni nett, għandu jiġi speċifikat li d-Direttiva “Qafas” tikkonferixxi lill-ANR kompiti speċifiċi ta’ regolamentazzjoni, li huma ddefiniti fl-Artikoli 8 sa 13 tal-imsemmija direttiva. Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, l-attribuzzjoni tal-ispettru għall-finijiet tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali u tad-drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, huma kompiti ta’ dawn l-awtoritajiet.

55      Għaldaqstant, l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni għall-finijiet tal-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju diġitali, bħall-“konkors tas-sbuħija” inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ kompitu ta’ regolamentazzjoni, fis-sens tad-Direttiva “Qafas”, li huwa fdat lil ANR.

56      L-indipendenza ta’ tali awtorità tkun kompromessa li kieku entitajiet esterni, bħall-ministru għall-iżvilupp ekonomiku u l-leġiżlatur Taljan fil-kawża prinċipali, kienu awtorizzati jissospendu, u saħansitra jannullaw, minbarra l-każijiet ta’ sorveljanza jew ta’ appelli msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva “Qafas”, proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju pendenti organizzata mill-imsemmija awtorità.

57      Mill-informazzjoni fil-faxxikolu sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-leġiżlatur Taljan, insegwitu għall-ministru għall-iżvilupp ekonomiku, intervjena fi proċedura ta’ selezzjoni pendenti organizzata mill-AGCOM u tterminaha. Madankollu, huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, il-leġiżlatur nazzjonali u l-ministru għall-iżvilupp ekonomiku ma aġixxewx bħala korpi ta’ appell, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva “Qafas”, liema korpi, skont l-Artikolu 3(3)(a) tal-imsemmija direttiva, huma l-uniċi kompetenti sabiex jissospendu jew jinvalidaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-ANR. Għalhekk, ir-rekwiżiti ta’ indipendenza tal-ANR jipprekludu tali interventi.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva “Qafas” għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-annullament, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju pendenti organizzata mill-ANR kompetenti f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li ġiet sospiża b’deċiżjoni ministerjali.

 Fuq it-tieni domanda

59      Fid-dawl tal-fatt li t-tieni domanda tirrigwarda l-istess atti bħall-ewwel domanda u fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

60      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva “Qafas”, l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni” u l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva “Kompetizzjoni” għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li proċedura gratwita ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju, li tnediet bħala rimedju għall-esklużjoni illegali ta’ ċerti operaturi tas-suq, tiġi ssostitwita bi proċedura oneruża stabbilita fuq pjan ristrutturat ta’ attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju wara limitazzjoni tan-numru tagħhom.

61      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8 tad-Direttiva “Qafas” jassenja lill-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-ANR jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli intiżi li jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, billi jiżguraw li ma jkunx hemm distorsjoni ta’ jew ostakolu għall-kompetizzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u billi jneħħu l-aħħar ostakoli għall-provvista tal-imsemmija servizzi fuq livell tal-Unjoni (sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, EU:C:2008:59, punt 81; tat-3 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-424/07, EU:C:2009:749, punt 92, u tas-7 ta’ Novembru 2013, UPC Nederland, C-518/11, EU:C:2013:709, punt 50).

62      Konformement mal-Artikolu 8(1), l-ANR, fit-twettiq tal-kompiti ta’ regolamentazzjoni tagħhom, deskritti fid-Direttiva “Qafas”, kif ukoll, b’mod partikolari, fid-Direttiva “Awtorizzazzjoni”, għandhom jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli intiżi għat-twettiq tal-obbligi ddefiniti fl-Artikolu 8(2) u (4), li jikkonsistu fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fil-kontribuzzjoni għall-iżvilupp tas-suq intern u fis-sostenn tal-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, TDC, C-556/12, EU:C:2014:2009, punt 39, kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2016, Koninklijke KPN et, C-28/15, EU:C:2016:692, punt 46).

63      Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva “Kompetizzjoni”, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni” kif ukoll l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “Qafas”, id-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju għandhom jiġu attribwiti abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati. Din l-aħħar kundizzjoni timplika li dawn il-kriterji jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan li huma jsegwu u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C-376/13, mhux ippubblikata, EU:C:2015:266, punti 65 u 84).

64      Fl-ewwel lok, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-gratwità tal-attribuzzjoni tal-frekwenzi tar-radju ma hijiex fost il-prinċipji previsti mill-QRĠK li abbażi tagħhom għandhom jiġu organizzati l-proċeduri ta’ selezzjoni.

65      Kuntrarjament, minn naħa, għandu jiġi osservat li, mill-premessa 21 tad-Direttiva “Qafas”, mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni” kif ukoll mill-premessa 23 ta’ din tal-aħħar jirriżulta li l-proċeduri ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju jistgħu jkunu ta’ natura kompetittiva jew komparattiva. Għalhekk, l-Istati Membri, b’osservanza tal-għanijiet u tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva “Qafas” u mid-Direttivi “Speċifiċi”, igawdu minn libertà ta’ għażla bejn l-adozzjoni ta’ proċeduri kompetittivi jew komparattivi, kemm jekk gratwiti kif ukoll jekk onerużi. Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitqies li, fid-dawl tan-neċessità li tiġi żgurata ġestjoni effikaċji ta’ frekwenzi tar-radju u tal-valur soċjali, kulturali u ekonomiku sostanzjali tagħhom, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “Qafas”, kif ukoll tar-rarità tal-ispettru tal-imsemmija frekwenzi tar-radju, attribuzzjoni oneruża tista’ tkun iġġustifikata.

66      Isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-QRĠK ma jipprekludux l-organizzazzjoni ta’ proċedura oneruża ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju, bil-kundizzjoni madankollu li l-imsemmija proċedura tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati u li tkun konformi mal-għanijiet ddefiniti fl-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva “Qafas”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdilha l-gwida rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun utli għaliha għal dan il-għan.

67      L-ewwel nett, fid-dawl tal-għan tal-promozzjoni tal-kompetizzjoni, stabbilit fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva “Qafas” kif ukoll tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-ammont li jagħti dritt għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju għandu jiġi stabbilit għal livell xieraq li jirrifletti b’mod partikolari l-valur tal-użu tal-frekwenzi tar-radju, li jeżiġi teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjoni ekonomika, teknoloġika u kompetittiva tas-suq inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Telefónica Móviles España, C‑85/10, EU:C:2011:141, punti 27 u 28, kif ukoll tal-21 ta’ Marzu 2013, Belgacom et, C‑375/11, EU:C:2013:185, punti 50 u 51).

68      F’dan ir-rigard, minkejja li l-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ rkant tista’ tikkostitwixxi metodu xieraq sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-frekwenzi tar-radju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Belgacom et, C‑375/11, EU:C:2013:185, punt 52), għandu madankollu jiġi żgurat li l-prezz tad-dħul fl-irkant ma jkunx stabbilit għal livell li jkollu bħala effett li jostakola l-aċċess għall-operaturi ġodda tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Telefónica Móviles España, C‑85/10, EU:C:2011:141, punt 30). Din l-aħħar kundizzjoni tapplika iktar u iktar fil-każ, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, fejn l-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju ġodda tkun intiża li tirrimedja l-esklużjoni illegali ta’ operaturi tas-suq.

69      It-tieni nett, fir-rigward tar-rekwiżit li l-proċedura ta’ selezzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji nondiskriminatorji, għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, EU:C:2008:728, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). In-natura komparabbli tas-sitwazzjoni għandha, b’mod partikolari, tiġi ddeterminata u evalwata fid-dawl tal-għan u tal-fini tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet fil-qasam li jagħmel parti minnu dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, EU:C:2008:728, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fil-każ ineżami, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġie osservat li l-frekwenzi tar-radju diġitali ġew attribwiti gratwitament lil operaturi preżenti fis-suq sabiex, skont il-każ, tiġi żgurata l-kontinwità tal-offerta televiżiva jew li jingħata valur lill-investimenti li saru minn dawn l-operaturi fit-teknoloġija diġitali, filwaqt li l-frekwenzi tar-radju tad-dividend diġitali, intiżi b’mod partikolari għall-operaturi ġodda u għall-operaturi żgħar, ġew suġġetti għal proċedura ta’ selezzjoni oneruża. Madankollu, kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tagħha, fid-dawl tal-għanijiet hekk ippreżentati, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ operaturi ma jinsabux, fil-prinċipju, f’sitwazzjoni paragunabbli, b’mod li differenza fit-trattament possibbli ma tkunx kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

71      Minn naħa, hemm lok li jiġi indikat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament lanqas ma jipprekludi li Stat Membru, li jkun attribwixxa preċedentement frekwenzi tar-radju analogi gratwitament, jissuġġetta l-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju diġitali ġodda għal proċedura ta’ selezzjoni oneruża. Fil-fatt, peress li d-differenzi teknoloġiċi jikkaratterizzaw, rispettivament, il-frekwenzi tar-radju analogi u l-frekwenzi tar-radju diġitali, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jeżiġix trattament identiku għall-finijiet tal-attribuzzjoni tagħhom.

72      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, meta l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju jkollu jiġi llimitat, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni” tipprevedi li l-Istati Membri jagħtu dawn id-drittijiet abbażi ta’ kriterji ta’ selezzjoni oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati. Dawn il-kriterji għandhom barra minn hekk jieħdu debitament inkunsiderazzjoni t-twettiq tal-għanijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva “Qafas” kif ukoll ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 ta’ din l-aħħar direttiva. F’dan ir-rigward, mill-premessa 11 tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni” jirriżulta li d-drittijiet ta’ użu ma għandhomx ikunu limitati, ħlief jekk din il-limitazzjoni tkun inevitabbli peress li jkun hemm skarsezza ta’ frekwenzi tar-radju u peress li dawn għandhom jintużaw b’mod effikaċji.

73      Isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-QRĠK jippermettu, fil-prinċipju, li jiġi llimitat, minħabba skarsezza ta’ frekwenzi tar-radju u sabiex tiġi żgurata ġestjoni effikaċji ta’ din tal-aħħar, in-numru tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju li għandhom jingħataw. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jissuġġettaw din il-limitazzjoni għall-kundizzjoni li din tkun neċessarja u proporzjonata, li ma tiksirx l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva “Qafas”, li fosthom hemm il-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista tan-netwerks, u li l-għoti tad-drittijiet ta’ użu jkun ibbażat fuq kriterji ta’ selezzjoni oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati.

74      Fil-każ ineżami, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi rrilevat li mill-informazzjoni tal-faxxikolu li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-limitazzjoni tan-numru ta’ frekwenzi tar-radju disponibbli li joriġinaw mid-dividend diġitali ġiet deċiża wara ftehimiet fil-kuntest tal-Unjoni internazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet u minħabba riskju ta’ interferenza dannuża.

75      Kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tagħha, tali kunsiderazzjonijiet jistgħu, fil-prinċipju, jiġġustifikaw limitazzjoni tan-numru ta’ frekwenzi tar-radju disponibbli b’osservanza tal-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 73 ta’ din is-sentenza.

76      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, kif diġà sostnew ċerti partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-operaturi diġà preżenti fis-suq tat-televiżjoni analoga ġewx ippreferuti fil-kuntest tat-tranżizzjoni diġitali minħabba l-attribuzzjoni ta’ numru ikbar ta’ frekwenzi tar-radju minn dak li huwa neċessarju għall-kontinwità tal-programmi tagħhom, filwaqt li l-limitazzjoni tan-numru ta’ frekwenzi tar-radju affettwat il-frekwenzi tar-radju li tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ operaturi ġodda.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 9 tad-Direttiva “Qafas”, l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni”, kif ukoll l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva “Kompetizzjoni”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li proċedura gratwita ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni tal-frekwenzi tar-radju, li tkun tnediet sabiex tirrimedja l-esklużjoni illegali ta’ ċerti operaturi fis-suq, tiġi ssostitwita bi proċedura oneruża bbażata fuq pjan ristrutturat ta’ attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju wara limitazzjoni tan-numru tagħhom, sa fejn il-proċedura l-ġdida ta’ selezzjoni tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati u tkun konformi mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tad-Direttiva “Qafas”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-proċedura ta’ selezzjoni oneruża humiex ta’ natura li jippermettu d-dħul effettiv ta’ operaturi ġodda fis-suq tat-televiżjoni diġitali mingħajr ma tiffavorixxi indebitament l-operaturi diġà preżenti fis-suq tat-televiżjoni analoga jew diġitali.

 Fuq il-ħames domanda

78      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-annullament ta’ proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju għar-raġuni biss li operaturi, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienu ġew ammessi għal din il-proċedura u, bħala offerenti uniċi, kienu jingħataw drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju ta’ trażmissjoni diġitali terrestri għar-radju u għat-televiżjoni li kieku ma ġietx annullata l-proċedura.

79      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle, C-545/11, EU:C:2013:169, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata) u għandu jiġi osservat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom li huma kkonferiti lilhom mid-direttivi tal-Unjoni (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C-183/14, EU:C:2015:454, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Id-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju jestendi għal kull individwu li fir-rigward tiegħu awtorità amministrattiva tkun ħolqot aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li tkun ipprovdietlu (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata, koerenti u li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi assigurazzjoni li tista’ toħloq tali tamiet, irrispettivament mill-forma li biha tkun ġiet ikkomunikata (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Fil-każ ineżami, mill-informazzjoni fil-faxxikolu trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali pparteċipaw f’“konkors tas-sħubija”. Dawn tal-aħħar jibbażaw l-argument tagħhom fuq il-fatt li, bħala offerenti uniċi għal ċerti multiplexes, huma għandhom jingħataw, mill-inqas, multiplex kull wieħed. Madankollu, huwa paċifiku li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ebda frekwenza tar-radju ma ġiet attribwita lilhom. Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li lanqas mill-informazzjoni mill-faxxikolu ma jirriżulta li ngħatawlhom tamiet preċiżi u inkundizzjonati fir-rigward tal-attribuzzjoni futura tal-multiplexes inkwistjoni.

82      Madankollu, fin-nuqqas ta’ kull tama preċiża minn sors awtorizzat u affidabbli, is-sempliċi fatt li operatur jiġi ammess għal proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju diġitali, bħall-“konkors tas-sbuħija” inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax ikun ta’ natura li joħloq aspettattivi leġittimi fil-konfront ta’ tali operatur. Din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll fil-każ li l-imsemmi operatur jipparteċipa fil-proċedura bħala offerent uniku għall-kisba ta’ multiplex.

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-annullament ta’ proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju għar-raġuni biss li operaturi, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienu ġew ammessi għal din il-proċedura u, bħala offerenti uniċi, kienu jingħataw drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju ta’ trażmissjoni diġitali terrestri għar-radju u għat-televiżjoni li kieku ma ġietx annullata l-proċedura.

 Fuq l-ispejjeż

84      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) kif emendata bid-Direttiva 2009/140 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-annullament, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju pendenti organizzata mill-ANR kompetenti f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li ġiet sospiża b’deċiżjoni ministerjali.

2)      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Awtorizzazzjoni”), kif emendata bid-Direttiva 2009/140, kif ukoll l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE, tas-16 ta’ Settembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li proċedura gratwita ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni tal-frekwenzi tar-radju, li tkun tnediet sabiex tirrimedja l-esklużjoni illegali ta’ ċerti operaturi fis-suq, tiġi ssostitwita bi proċedura oneruża bbażata fuq pjan ristrutturat ta’ attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju wara limitazzjoni tan-numru tagħhom, sa fejn il-proċedura l-ġdida ta’ selezzjoni tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati u tkun konformi mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tad-Direttiva 2002/21, kif emendata. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-proċedura ta’ selezzjoni oneruża humiex ta’ natura li jippermettu d-dħul effettiv ta’ operaturi ġodda fis-suq tat-televiżjoni diġitali mingħajr ma tiffavorixxi indebitament l-operaturi diġà preżenti fis-suq tat-televiżjoni analoga jew diġitali.

3)      Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-annullament ta’ proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju għar-raġuni biss li operaturi, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienu ġew ammessi għal din il-proċedura u, bħala offerenti uniċi, kienu jingħataw drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju ta’ trażmissjoni diġitali terrestri għar-radju u għat-televiżjoni li kieku l-proċedura ma ġietx annullata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.