Language of document : ECLI:EU:C:2017:593

Kawża C-560/15

Europa Way Srl
u
Persidera SpA

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet – Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/77/KE – Attribuzzjoni tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju ta’ trażmissjoni diġitali terrestri għar-radju u għat-televiżjoni – Annullament ta’ proċedura ta’ selezzjoni gratwita (“konkors ta’ sbuħija”) pendenti u sostituzzjoni ta’ din il-proċedura bi proċedura ta’ rkant – Intervent tal-leġiżlatur nazzjonali – Indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Konsultazzjoni minn qabel – Kriterji ta’ għoti – Aspettattivi leġittimi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-26 ta’ Lulju 2017

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Eżami tal-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni – Esklużjoni – Għoti lill-qorti tar-rinviju tal-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Inklużjoni

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Talba li ma tipprovdi ebda informazzjoni dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv u li ma tesponix ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja – Inammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 94)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Qafas regolamentari – Direttiva 2002/21 – Indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Annullament, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju organizzata mill-imsemmija awtorità - Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2002/21, Artikolu 3(3)(a))

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Qafas regolamentari – Direttivi 2002/20, 2002/21 u 2002/77 – Sostituzzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni gratwita għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju, imnedija sabiex tiġi rrimedjata l-esklużjoni illegali ta’ ċerti operaturi mis-suq, permezz ta’ proċedura oneruża stabbilita fuq pjan ristrutturat ta’ attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju wara limitazzjoni tan-numru tagħhom – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Verifika mill-qorti nazzjonali

(Direttivi tal-Parlament u tal-Kunsill 2002/20, Artikoli 3, 5 u 7, u 2002/21, Artikolu 8(2) sa (4), u 9; Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77, Artikoli 2 u 4)

5.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi –Annullament ta’ proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju – Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Assenza

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 35, 36)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 39-41, 45-48)

3.      L-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) kif emendata bid-Direttiva 2009/140 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-annullament, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju pendenti organizzata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li ġiet sospiża b’deċiżjoni ministerjali.

(ara l-punt 58 u d-dispożittiv 1)

4.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Awtorizzazzjoni”), kif emendata bid-Direttiva 2009/140, kif ukoll l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas-16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li proċedura gratwita ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni tal-frekwenzi tar-radju, li tkun tnediet sabiex tirrimedja l-esklużjoni illegali ta’ ċerti operaturi mis-suq, tiġi ssostitwita bi proċedura oneruża bbażata fuq pjan ristrutturat ta’ attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju wara limitazzjoni tan-numru tagħhom, sa fejn il-proċedura l-ġdida ta’ selezzjoni tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati u tkun konformi mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tad-Direttiva 2002/21, kif emendata. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-proċedura ta’ selezzjoni oneruża humiex ta’ natura li jippermettu d-dħul effettiv ta’ operaturi ġodda fis-suq tat-televiżjoni diġitali mingħajr ma tiffavorixxi indebitament l-operaturi diġà preżenti fis-suq tat-televiżjoni analoga jew diġitali.

(ara l-punt77 u d-dispożittiv 2)

5.      Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-annullament ta’ proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju għar-raġuni biss li operaturi, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienu ġew ammessi għal din il-proċedura u, bħala offerenti uniċi, kienu jingħataw drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju ta’ trażmissjoni diġitali terrestri għar-radju u għat-televiżjoni li kieku l-proċedura ma ġietx annullata.

(ara l-punt 83 u d-dispożittiv 3)