Language of document : ECLI:EU:C:2014:245

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ April 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Skart — Direttiva 75/442/KEE — Artikolu 7(1) — Pjan ta’ mmaniġġar — Siti jew installazzjonijiet xierqa għar-rimi tal-iskart — Kunċett ta’ ‘pjan ta’ mmaniġġar tal-iskart’ — Direttiva 1999/31/KE — Artikoli 8 u 14 — Landfills li ġew mogħtija permess jew li kienu diġà qed jitħaddmu fid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva”

Fil-Kawża C‑225/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2013, fil-proċedura

Ville d’Ottignies-Louvain-la-Neuve,

Michel Tillieut,

Willy Gregoire,

Marc Lacroix,

vs

Région wallonne,

fil-preżenza ta’:

Shanks SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-ville d’Ottignies-Louvain-la-Neuve kif ukoll għal M. Tillieut, W. Gregoire u M. Lacroix, minn J. Sambon, avukat,

–        għal Shanks SA, minn F. Haumont, avukat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent, assistit minn É. Orban de Xivry, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-F. Brakeland, P. Oliver, u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, tal-24 ta’ Mejju 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 59, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 75/442”) u tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-ville d’Ottignies-Louvain-la-Neuve kif ukoll M. Tillieut, W. Gregoire u M. Lacroix u r-Région wallonne, dwar is-suġġett ta’ permess mitlub minn Shanks SA bil-għan li topera u tiżviluppa sit intiż għar-rimi tal-iskart.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 75/442 jipprovdi:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet immedjati msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6 għandhom ikunu meħtieġa li jfasslu malajr kemm jista’ jkun pjan jew pjani għall-immaniġġjar ta’ l-iskart. Tali pjani għandhom b’mod partikolari jkollhom x’jaqsmu ma’:

–        it-tip, il-kwantità u l-oriġini ta’ l-iskart li jrid jiġi rkuprat jew mormi;

–        il-ħtiġiet ġenerali tekniċi,

–        kull arranġament speċjali għal skart partikolari,

–        il-postijiet jew l-istallazzjonijiet xierqa għar-rimi (ta’ l-iskart).

[...]”

4        Il-premessa 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April tal-1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/97/UE, tal-5 ta’ Diċembru 2011 (ĠU L 328, p. 49, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/31”), tipprovdi:

“Billi, minħabba l-elementi partikolari tal-metodu ta’ rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], huwa neċessarju li tiġi introdotta ta’ permess speċifiku għal kull klassi ta’ terraferma bi qbil mal-ħtiġijiet ta’ liċenżjar ġenerali li huma diġa stipulati fid-Direttiva 75/442/KEE [...]”

5        Il-premessa 26 tad-Direttiva 1999/31 tipprovdi:

“Billi l-kundizzjonijiet tal-futur ta’ tħaddim ta’ terraferma [landfill] eżistenti jridu jkunu regolati sabiex jittieħdu miżuri neċessarji, matul perjodu ta’ żmien speċifikat, għall-adattazzjoni tagħhom għal din id-Direttiva fuq il-bażi ta’ pjan ta’ kundizzjoni [kundizzjonament] tas-sit”.

6        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan ġenerali”, jipprovdi:

“Bl-għan li jintlaħqu l-ħtiġijiet tad-[Direttiva 75/442], u partikolarment l-Artikoli 3 u 4 tagħha, l-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz ta’ ħtiġijietet tekniċi u operazzjonali iebsa fuq l-iskart u t-terraferma [landfill], biex jiprovdu miżuri, proċeduri u gwida biex jiġu prevenuti jew jitnaqqsu kemm jista’ jkun possibbli effetti negattivi fuq l-ambjent [...]”

7        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kundizzjonijiet tal-permess”, jippreċiża:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex:

a)      l-awtoritá kompetenti ma toħroġġ permess għall-terraferma [landfill] sakemm tkun sodisfatta li:

i)            mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(4) u (5), il-proġett tat-terraferma jaqbel mal-ħtiġijiet kollha rilevanti ta’ din id-Direttiva, inklużi l-Annessi;

[...]

b)      il-proġett tat-terraferma huwa skond il-pjan jew pjanijiet ta’ amministrazzjoni ta’ l-iskart rilevanti imsemmija fl-Artikolu 7 tad-[Direttiva 75/442];

[...]”

8        Skont l-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Siti eżistenti ta’ terraferma [landfill]”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex terraferma li ġew mogħtija permess [awtorizzati], jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux ikomplu jaħdmu sakemm il-passi indikati hawn taħt jiġu mtemma malajr kemm jista’ jkun u fi żmien tmien snin minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) l-aktar tard:

(a)      f’perijodu ta’ sena min wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1), l-operatur ta’ terraferma irid jipprepara u jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan ta’ kondizzjonament għas-sit inklużi l-partikolari elenkati fl-Artikolu 8 u kull miżura korrettiva li l-operatur jikkonsidera li tkun meħtieġa sabiex ikun konformi mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1;

(b)      skond il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ kondizzjonament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni definita fuq jekk l-operazzjonijiet ikomplux fuq il-bażi ta’ l-imsemmi pjan ta’ kundizzjonalment u ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħlqu malajr kemm jista’ jkun possibbli, bi qbil ma l-Artikolu 7(g) u 13, siti li ma ġewx mogħtija, bi qbil ma’ l-Artikolu 8, permess biex ikomplu joperaw;

(ċ)       fuq il-bażi tal-pjan ta’ kondizzjonament tas-sit approvat, l-awtortá kompetenti għandha tawtorizza x-xogħol neċessarju u tistipula perijodu tranżitorju għat-temma tal-pjan. Terraferma eżistenti trid taqbel mall-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1 fi żmien tmien snin wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1);

[...]”

9        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 1999/31, intitolat “Transpożizzjoni”, jippreċiża:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ, regolamenti u dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jaqblu ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn sentejn minn wara d-dħul tagħha fis-seħħ. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni [Ewropea] b’dan immedjatament.”

10      Il-punt 1 tal-Anness I ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Post

1.1.       Il-post ta’ terraferma [landfill] jrid jikkonsidra l-ħtiġijiet relatati ma:

(a)      d-distanzi mill-fruntiera tas-sit għal żoni residenzjali u rikreazzjonali, passaġġi ta’ l-ilma, korpi ta’ l-ilma u siti oħra urbani u agrikoli;

(b)      l-eżistenza ta’ l-ilma tal-qiegħ, ilma tal-kosta jew żoni ta’ protezzjoni tan-natura fiż-żona;

(ċ)       il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi jew idroġeoloġiċi fiż-żona;

(d)      ir-riskju ta’ diluvju, saħħa, irdum jew valangi fuq is-sit;

(e)      il-protezzjoni tal-patrimonju kulturali jew naturali fiż-żona.

1.2.       Il-terraferma tista’ tiġi awtorizzata biss jew il-karatteristiċi tas-sit b’rispett għal ħtiġijiet imsemmja fuq, jew miżuri korrettivi li jridu jittieħdu, jindikaw li t-terraferma mhux qegħda f’pożizzjoni ta’ riskju serju għall-ambjent.”

11      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/42 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–        li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–        li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

[...]”

12      Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel il-21 ta’ Lulju 2004. Dawn għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummisjoni b’dan.

[...]

3.      L-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tgħodd għall-pjanijiet u programmi li dwarhom l-ewwel att preparatorju formali jkun sussegwenti għad-data msemmija fil-paragrafu 1. [...]

[...]”

Id-dritt Belġjan

13      Id-digriet tar-Région wallonne tas-27 ta’ Ġunju 1996 dwar l-iskart (Moniteur belge tat-2 ta’ Awwissu 1996, p. 20685) fil-verżjoni tiegħu li jirriżulta mill-emendi prodotti fl-aħħar lok mid-digriet tar-Région wallonne, tas-16 ta’ Ottubru 2003 (Moniteur belge tat-23 ta’ Ottubru 2003, p. 51644, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-1996”), jinkludi l-Artikolu 24, li l-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdu:

“1.      Il-Gvern għandu jistabbilixxi skont l-Artikoli 11 sa 16 tad-digriet tal-21 ta’ April 1994 dwar l-ippjanar fil-qasam tal-ambjent fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, pjan dwar l-immaniġġar tal-iskart. Dan il-pjan jikkostitwixxi programm settorjali fis-sens ta’ dan id-digriet. Jista’ jinkludi ppjanar skont it-tip ta’ skart jew skont is-settur tal-attivitajiet.

Il-pjan jinkludi b’mod partikolari:

1° deskrizzjoni tat-tipi, kwantitajiet u oriġini tal-iskart, modalitajiet ta’ mmaniġġar tal-iskart prodott u trasferit kull sena, istallazzjonijiet li jkunu qed jitħaddmu u siti okkupati;

[...]

Il-pjan huwa akkumpanjat minn data dwar [...] il-konsegwenzi prevedibbli tiegħu fuq l-ambjent.

2.      Il-Gvern għandu jistabbilixxi, skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 25 u 26, pjan tal-landfills li jinkludi siti li jistgħu jiġu allokati għall-istabbiliment u l-operat ta’ landfills, bl-eċċezzjoni tal-landfills riżervati għall-użu esklużiv ta’ min jipproduċi l-iskart.

Ebda landfill ħlief dawk intiżi għall-użu esklużiv ta’ min jipproduċi inizjalment l-iskart ma jista’ jiġi awtorizzat barra minn dawk previsti mill-pjan imsemmi f’dan il-paragrafu.”

14      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(2) tad-Digriet tal-1996 jipprovdi:

“L-abbozz tal-pjan tal-landfills huwa suġġett għal stima tal-effetti fuq l-ambjent. [...]”

15      B’implementazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 24 tad-digriet tal-1996 rispettivament, il-Gvern ta’ Wallonie adotta, minn naħa, fil-15 ta’ Jannar 1998, il-pjan tal-iskart ta’ Wallonie “Horizon 2010” (Moniteur belge tal-21 ta’ April 1998, p. 11806) u, min-naħa l-oħra, fl-1 ta’ April 1999, il-pjan tal-landfills (Moniteur belge tat-13 ta’ Lulju 1999, p. 26747), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Lulju 1999.

16      L-Artikolu 70 tad-digriet tal-1996 jipprovdi li:

“Sakemm il-pjan tal-landfills msemmi fl-Artikolu 24(2) ma jkunx daħal fis-seħħ, l-applikazzjonijiet għall-permess fis-sens tal-Artikolu 11 għall-istabbiliment u l-operat ta’ landfills, u l-applikazzjonijiet għall-permess ta’ ppjanar urban fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Kodiċi ta’ Wallonie tal-ippjanar tat-territorju, tal-ippjanar urban u tal-patrimonju li ġew iddikjarati ammissibbli qabel l-adozzjoni ta’ dan id-digriet mill-Parlament, jistgħu jagħtu lok għal permess ambjentali u permess tal-ippjanar urban fiż-żoni industrijali, agrikoli u ta’ minjieri, bħalma dawk iż-żoni huma ddefiniti fl-Artikoli 172, 176 u 182 tal-istess kodiċi.

B’deroga mill-Artikolu 24(2), l-applikazzjonijiet dwar il-landfills barra dawk intiżi għall-użu esklużiv ta’ min jipproduċi inizjalment l-iskart, awtorizzati preċedentement, li jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tal-pjan tal-landfills imsemmi fl-Artikolu 24(2) jew li kienu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ permess b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, jistgħu, tkun li tkun id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni, jagħtu lok skont il-każ għal permess ambjentali, permess uniku jew permess tal-ippjanar urban, fiż-żoni tal-pjan tas-settur fejn dawn il-landfills ġew awtorizzati preċedentement, biex jippermettu, fuq l-artijiet li huma s-suġġett ta’ din l-awtorizzazzjoni jew ta’ dan il-permess, l-estensjoni tat-tħaddim, il-modifika tal-kundizzjonijiet ta’ użu, inklużi dawk relatati mal-volum awtorizzat, jew il-modifika tal-riljiev tal-art lil hinn minn dak li ġie inizjalment awtorizzat. Dan il-paragrafu japplika biss għal-landfills li ġew mogħtija permess li jissemmew fit-Titolu VII, Kapitolu 1, tal-pjan tal-landfills adottat fl-1 ta’ April 1999.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Il-kawża prinċipali tikkonċerna l-permess għat-tħaddim u għall-kundizzjonament ta’ landfill tal-iskart domestiku u industrijali mhux perikoluż, li ilha tintuża mis-sena 1958 f’Mont-Saint-Guibert (il-Belġju), f’sit imsejjaħ “Trois burettes”.

18      Fl-20 ta’ Mejju 2003, il-kumpannija Page, li saret Shanks SA, ippreżentat applikazzjoni għall-“permess uniku” intiż kemm sabiex tkompli bl-attività kif ukoll sabiex jitwettqu diversi operazzjonijiet ta’ kundizzjonament ta’ din il-landfill.

19      Ingħata permess fit-18 ta’ Diċembru 2003 mill-awtorità lokali ta’ Mont-Saint-Guibert, imbagħad ġie kkonfermat mill-Gvern ta’ Wallonie, b’xi modifiki, minn digriet ministerjali tal-10 ta’ Mejju 2004, li kien is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti tar-rinviju.

20      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-konformità tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 70 tad-digriet tal-1996, fuq liema bażi dan il-permess ġie adottat, mad-dritt tal-Unjoni. Huma jsostnu, qabelxejn, li dan l-Artikolu ma huwiex konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 75/442, sa fejn dan jippermetti l-awtorizzazzjoni għat-tħaddim tal-landfills f’siti mhux previsti mill-pjan ta’ mmaniġġar tal-iskart u li s-sit ma jirriżultax, għaldaqstant, mill-kriterji ambjentali. Huma jsostnu sussegwentement li minn dan jirriżulta wkoll ksur tal-Artikolu 8(b) tad-Direttiva 1999/31, li jimponi li proġett ta’ landfill għandu, biex ikun awtorizzat, ikun skont il-pjan ta’ mmaniġġar tal-iskart imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 75/442. Fl-aħħar nett, dawn ir-rikorrenti jikkunsidraw li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 70 tad-digriet tal-1996 huwa ta’ natura li jikkomprometti b’mod serju l-għanijiet tad-Direttiva 2001/42, li teħtieġ li evalwazzjoni ambjentali titwettaq għall-pjanijiet u programmi kollha redatti fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 7 tad-[Direttiva 75/442] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-klassifikazzjoni bħala pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart dispożizzjoni leġiżlattiva li tipprovdi li, b’deroga mir-regola li l-ebda landfill ma tista’ tiġi awtorizzata barra mis-siti previsti mill-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart, il-landfills li ġew awtorizzati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart jistgħu, wara dan id-dħul fis-seħħ, jiġu awtorizzati mill-ġdid fuq l-artijiet li kienu s-suġġett tal-awtorizzazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart?

2)      L-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva 2001/42] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fil-kunċett ta’ pjan u programm dispożizzjoni leġiżlattiva li tipprovdi li, b’deroga mir-regola li l-ebda landfill oħra ma tista’ tiġi awtorizzata barra mis-siti previsti mill-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart mitlub mill-Artikolu 7 tad-[Direttiva 75/442], il-landfills li ġew mogħtija permess qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart jistgħu, wara dan id-dħul fis-seħħ, jiġu awtorizzati mill-ġdid fuq l-artijiet li kienu s-suġġett tal-awtorizzazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 70 tad-[digriet tal-1996] [jissodisfa] r-rekwiżiti tal-evalwazzjoni tal-effetti stabbiliti bid-[Direttiva 2001/42]?”

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

22      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati fl-ewwel lok u flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, b’deroga mir-regola li l-ebda landfill oħra ma tista’ tiġi awtorizzata barra mis-siti previsti mill-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart mitlub mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 75/442, il-landfills li ġew mogħtija permess qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart jistgħu, wara dan id-dħul fis-seħħ, jiġu awtorizzati mill-ġdid fuq l-istess artijiet li tikkostitwixxi “pjan” jew “programm”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/42. Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan il-pjan jew programm josservax ir-rekwiżiti ambjentali previsti minn din id-direttiva.

23      Madankollu, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju tal-fatt li l-qorti adita bil-kawża għandha tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fil-mument li tagħti d-deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2001/42 ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali ladarba kemm il-permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħti fit-18 ta’ Diċembru 2003, kif ukoll id-digriet ministerjali tal-10 ta’ Mejju 2004 li jikkonfermah ġew adottati qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza Commune de Braine-le-Château et, C‑53/02 u C‑217/02, EU:C:2004:205, punt 45).

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 75/442 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, b’deroga mir-regola li l-ebda landfill ma tista’ tiġi awtorizzata barra mis-siti previsti mill-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart mitlub minn dan l-artikolu, il-landfills li ġew mogħtija permess qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-pjan jistgħu, wara dan id-dħul fis-seħħ, jiġu awtorizzati mill-ġdid fuq l-istess artijiet, tikkostitwixxi “pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 75/442.

26      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll ir-risposti pprovduti mill-partijiet ikkonċernati għad-domanda bil-miktub li għamlitilhom skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja juru diverġenzi importanti dwar il-portata tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk din tal-aħħar tippermettix li jiġi dderogat mill-ippjanar tal-użu tal-art, li jirriżulta mill-pjan ta’ mmaniġġar ta’ landfills tal-Istat Membru, għat-tiġdid tal-permess biex jitħaddmu l-landfills diġà awtorizzati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-pjan. Minn ċerti osservazzjonijiet trażmessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod partikolari li dan ma huwiex il-każ, peress li din id-dispożizzjoni ssemmi biss il-landfills eżistenti u elenkati bħala tali minn dan il-pjan.

27      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju, fil-kawżi li hija adita bihom, li tinterpreta d-dritt nazzjonali bl-għan li tiddetermina l-portata eżatta.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 75/442, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma meħtieġa li jfasslu malajr kemm jista’ jkun pjan jew pjani għall-immaniġġar tal-iskart biex iwettqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 3 sa 5 ta’ din id-direttiva. Skont dan l-istess paragrafu, dawn il-pjanijiet jirrigwardaw b’mod partikolari it-tipi, il-kwantitajiet u l-oriġini tal-iskart li jrid jiġi rkuprat jew mormi, il-ħtiġiet ġenerali tekniċi, kull arranġament speċjali għal skart partikolari kif ukoll is-siti jew l-installazzjonijiet xierqa għar-rimi tal-iskart.

29      B’hekk jirriżulta li dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn il-portata tagħha tikkonsisti biss f’li tipprovdi li, b’deroga mid-dritt ġenerali, il-permess biex jitħaddmu l-landfills diġà awtorizzati fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-pjan ta’ mmaniġġar tal-iskart fl-Istat Membru kkonċernat tista’ tingħata għall-istess artijiet, anki jekk dawn tal-aħħar ma jidhrux fuq dan il-pjan, ma tistax, waħedha, tiġi kkunsidrata bħala sistema organizzata u kkoordinata, intiża għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet li jikkostitwixxu “pjan ta’ mmaniġġar tal-iskart”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 75/442 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 76).

30      Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-fatt li qorti tar-rinviju fformulat domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet biss tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu wkoll jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/31, applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprekludix dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, bħal dik invokata mill-qorti tar-rinviju.

32      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 8(a) u (b) tad-Direttiva 1999/31 jirriżulta li permess għat-tħaddim ta’ landfill jista’ jingħata biss jekk il-proġett tal-landfill ikun skont il-pjan ta’ mmaniġġar tal-iskart imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 75/442.

33      Madankollu, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31 jissuġġetta l-landfills “li ġew mogħtija permess [awtorizzati], jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni [tagħha]”, li kellha ssir sa mhux iktar tard mis-16 ta’ Lulju 2001, għal sistema tranżitorja derogatorja.

34      Fil-fatt minn din is-sistema tranżitorja jirriżulta li, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jitħaddmu, dawn il-landfills għandhom, fi żmien tmien snin mis-16 ta’ Lulju 2001, isiru konformi mar-rekwiżiti ambjentali l-ġodda elenkati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/31, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fil-punt 1 tal-Anness I, ta’ din tal-aħħar. Issa, din l-eċċezzjoni ssemmi, preċiżament, ir-rekwiżiti dwar is-sit tal-landfill.

35      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31 jippermetti, għaldaqstant, li landfill awtorizzata, jew li kienet diġà qed titħaddem fil-mument tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva mill-Istat Membru, tista’ tkompli titħaddem u tiġi awtorizzata mill-ġdid, anki jekk hija ma tidhirx fuq il-lista ta’ siti pprevisti minn dan il-pjan ta’ mmaniġġar tal-iskart adottat skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 75/442, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra msemmija f’dan l-Artikolu 14 jiġu osservati.

36      Konsegwentement, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/31 ma jipprekludix li dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tista’ ssib il-bażi legali tagħha fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva u tapplika għal landfills li ġew mogħtija permess, jew li kienu diġà qed jitħaddmu fid-data tat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra msemmija f’dan l-Artikolu 14, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifikah.

37      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 75/442 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, b’deroga mir-regola li l-ebda landfill ma tista’ tiġi awtorizzata barra mis-siti previsti mill-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart mitlub minn dan l-artikolu, il-landfills li ġew mogħtija permess qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-pjan jistgħu, wara dan id-dħul fis-seħħ, jiġu awtorizzati mill-ġdid fuq l-istess artijiet, ma tikkostitwixxix “pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 75/442. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/31 ma jipprekludix, madankollu, lil din id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tista’ ssib il-bażi legali tagħha fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva u tapplika għal landfills li ġew mogħtija permess, jew li kienu diġà qed jitħaddmu fid-data tat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra msemmija f’dan l-Artikolu 14, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, tal-24 ta’ Mejju 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, b’deroga mir-regola li l-ebda landfill ma tista’ tiġi awtorizzata barra mis-siti previsti mill-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart mitlub minn dan l-artikolu, il-landfills li ġew mogħtija permess qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-pjan jistgħu, wara dan id-dħul fis-seħħ, jiġu awtorizzati mill-ġdid fuq l-istess artijiet, ma tikkostitwixxix “pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April tal-1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/97/UE, tal-5 ta’ Diċembru 2011, ma jipprekludix, madankollu, tali dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, li tista’ ssib il-bażi legali tagħha fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva u tapplika għal landfills li ġew mogħtija permess, jew li kienu diġà qed jitħaddmu fid-data tat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra msemmija f’dan l-Artikolu 14, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifikah.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.