Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Admnistrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fit-28 ta’ Diċembru 2021 – “Vinal” AD vs Direktor na Agentsia “Mitnitsi”

(Kawża C-820/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Admnistrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “Vinal” AD

Konvenut: Direktor na Agentsia “Mitnitsi”

Domandi preliminari

Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE 1 sa fejn jipprevedi li l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ u t-tħaddim ta’ maħżen tat-taxxa għandha tingħata taħt il-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet huma intitolati li jistabbilixxu għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni jew abbuż tat-taxxa possibbli [u] x’kontenut għandu jkollhom dawn il-kundizzjonijiet sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-prevenzjoni tal-evażjoni jew tal-abbuż tat-taxxa?

Kif għandha tiġi interpretata l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fil-premessa 10 tal-preambolu tad-Direttiva 2008/118?

Kif għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huma d-dispożizzjonijiet previsti fil-punt 3 tal-Artikolu 53(1) u fi-punt 5 tal-Artikolu 47(1) taż-Zakon za aktsizite i danachnite skladove (il-Liġi dwar is-Sisa u l-Imħażen tat-Taxxa), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jipprevedu l-irtirar tal-liċenzja b’mod inkundizzjonat, prospettiv, immedjat u mingħajr limitazzjoni ratione temporis, u dan flimkien ma’ sanzjoni diġà imposta għall-istess att?

____________

1     ĠU 2009, L 9, p. 12.