Language of document : ECLI:EU:T:2022:139

Kawża T281/21

Nowhere Co. Ltd

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Marzu 2022

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea APE TEES – Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti mhux irreġistrati li jirrappreżentaw xadina – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Sistema tal-azzjoni tal-common law kontra l-abbuż tad-denominazzjoni (action for passing off) – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Euratom”

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Data rilevanti għall-eżami ta’ raġuni relattiva għal rifjut – Data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Ħruġ tal-Istat Membru kkonċernat mill-Unjoni – Assenza ta’ effett

(Artikolu 50 TUE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8; Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Artikoli 126 u 127)

(ara l-punti 28 sa 30)

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li jintuża fil-kummerċ – Oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark protetta fir-Renju Unit – Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni – Effett – Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell mogħtija wara l-perijodu ta’ tranżizzjoni – Żamma tal-interess ġuridiku għall-perijodu bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-iskadenza tal-perijodu ta tranżizzjoni

(Artikolu 50 TUE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(4) u 42(2) u (3); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2017/1001, Artikoli 51 u 52; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 19(1) u Artikolu 20(1); Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Artikoli 126 u 127)

(ara l-punti 34, 36 sa 39, 41 sa 43, 45, 46)

3.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata – Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2017/1001, Artikolu 72(3))

(ara l-punt 47)

Sunt

Junguo Ye talab, quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva APE TEES għal diversi prodotti u servizzi. Nowhere Co. Ltd ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark abbażi tat-tliet trade marks figurattivi preċedenti mhux irreġistrati, użati fil-kummerċ fir-Renju Unit, li, skont id-dritt applikabbli f’dan il-pajjiż, jippermettulha tipprojbixxi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2021, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-oppożizzjoni għar-raġuni li, wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ (1), Nowhere Co. ma setgħetx iktar tinvoka s-sistema tal-azzjoni tal-common law kontra l-abbuż tad-denominazzjoni (action for passing off) skont id-dritt tar-Renju Unit. Huwa qies, minn naħa, li d-data rilevanti għall-eżistenza tad-drittijiet preċedenti hija dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li seħħet, f’dan il-każ, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Min-naħa l-oħra, minn tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, ma jista’ jkun hemm ebda kunflitt bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti mhux irreġistrati, sakemm dawn jintużaw fil-kummerċ fir-Renju Unit.

Il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO. Hija tqis li, minkejja l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, Nowhere Co. għandha interess leġittimu fis-suċċess tal-oppożizzjoni tagħha għall-perijodu bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea u l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-eżistenza ta’ raġuni relattiva għal rifjut għandha tiġi evalwata fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li kontriha tkun tressqet l-oppożizzjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li oppożizzjoni skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 (2) hija bbażata fuq trade marks preċedenti mhux irreġistrati użati fil-kummerċ fir-Renju Unit u fuq id-dritt relatat mal-abbuż tad-denominazzjoni previst mid-dritt tar-Renju Unit huwa irrilevanti fil-każ ta’ oppożizzjoni magħmula kontra applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ppreżentata qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-ħruġ u l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.

Fir-rigward tal-argument tal-EUIPO, li d-data rilevanti għall-eżistenza tad-drittijiet preċedenti f’dan il-każ hija dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tirrileva, fl-ewwel lok, li s-sempliċi użu tal-preżent indikattiv fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jippermetti li tiġi dedotta ebda konklużjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha. Peress li din id-dispożizzjoni tibda bil-kliem “mal-oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark mhux reġistrata”, ma jistax jiġi eskluż li l-preżent użat sussegwentement f’din id-dispożizzjoni jirreferi pjuttost għall-mument tat-tressiq tal-oppożizzjoni, u mhux għal dak tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li t-terminu, li qabel l-iskadenza tiegħu kellha tiġi prodotta l-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tad-dritt preċedenti, ġie stabbilit mill-EUIPO f’data preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-ħruġ u mal-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprevedi obbligu tal-opponent li juri l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, jirreferi għall-ħames snin li jippreċedu l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, u mhux għall-perijodu li jintemm fid-data tad-deċiżjoni finali tal-EUIPO dwar l-oppożizzjoni.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tqis li anki jekk jiġi aċċettat li, wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, kunflitt bejn it-trade marks inkwistjoni ma jistax iseħħ iktar, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-każ ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tali kunflitt seta’ madankollu jeżisti matul il-perijodu bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea u l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Għaldaqstant, hija tirrikonoxxi li Nowhere Co. għandha interess leġittimu fis-suċċess tal-oppożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ dan il-perijodu. Min-naħa l-oħra, J. Ye seta’ jippreżenta applikazzjoni ġdida għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sa mill-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, li ma kienx għadu suġġett għal kunflitt mat-trade marks preċedenti mhux irreġistrati sa fejn dawn kienu ntużaw fil-kummerċ fir-Renju Unit.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-EUIPO ma jista’ jsostni l-pożizzjoni tiegħu li d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-uniku element f’dan il-każ li seħħ wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, kienet id-data rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.


1      Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7).


2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, jipprevedi fl-Artikolu 8(4) tiegħu li mal-oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma hijiex sempliċement lokali, it-trade mark li għaliha tkun saret l-applikazzjoni ma għandiex tkun irreġistrata meta u sa fejn, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew tad-dritt tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal: a) id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jew, skont il-każ, qabel id-data ta’ prijorità invokata insostenn tal-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea b) dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użi ta’ trade mark iktar reċenti.