Language of document : ECLI:EU:C:2023:400

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑11 ta’ Mejju 2023 (1)

Kawża C201/22

Kopiosto r.y.

vs

Telia Finland Oyj

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2014/26/UE – Ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati – Organu ta’ ġestjoni kollettiva – Direttiva 2004/48/KE – Miżuri, proċeduri u rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Artikolu 4 – Persuni li għandhom il-kwalità sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti mid-Direttiva – Organi ta’ ġestjoni kollettiva awtorizzati sabiex joħorġu liċenzji kollettivi estiżi – Proprjetarji ta’ drittijiet li ma awtorizzawx lill-organu sabiex jirrappreżentahom”






 Introduzzjoni

1.        Minkejja armonizzazzjoni speċifika (2), l-aspetti proċedurali tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jibqgħu suġġetti, fil-parti l-kbira tagħhom, għal leġiżlazzjonijiet nazzjonali eteroġenji. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48/KE (3) jfittxu li jillimitaw l-inkonvenjenzi li jirriżultaw minnhom għall-iżvilupp tas-suq intern, billi jiddefinixxu għal dan il-għan katalogu ta’ miżuri li għandhom jiġu previsti fid-dritt nazzjonali sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji.

2.        Madankollu, id-diffikultajiet li jqumu f’din il-kawża ma jirrigwardawx il-katalogu ta’ miżuri inkwistjoni, iżda jirrigwardaw il-persuni li għandhom jingħataw is-setgħa li jagħmlu użu minnhom quddiem il-qrati nazzjonali. Il-kwistjoni prinċipali hija dik li jsir magħruf jekk l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 jobbligax lill-Istati Membri jagħtu lill-organi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (iktar ’il quddiem il-“OĠK”) il-kwalità sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja f’isimhom stess fit-tilwimiet li jkollhom bħala suġġett l-applikazzjoni tal-miżuri previsti minn din id-direttiva.

3.        Din il-kwistjoni tqum f’dan il-każ b’riferiment għall-attività ta’ organu li għandu s-setgħa li jagħti liċenzji kollettivi msejħa “estiżi”. Il-liċenzji estiżi ddaħħlu fil-pajjiżi Skandinavi mis-snin 1960 (4) u jikkostitwixxu mekkaniżmu oriġinali ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jippermetti lil ċerti OĠK jagħtu d-drittijiet ta’ użu mhux biss f’isem il-membri tagħhom, iżda wkoll f’isem proprjetarji oħra li ma għażlux ġestjoni individwali tad-drittijiet tagħhom. Dan il-mekkaniżmu ntuża b’suċċess fl-oqsma fejn in-numru kbir ta’ xogħlijiet li jistgħu jintużaw mill-persuni liċenzjati u l-frammentazzjoni eċċessiva tas-suq jirrendu l-ġestjoni permezz ta’ kuntratti individwali diffiċli, b’mod li tinħoloq inċertezza legali sinjifikattiva (5).

4.        Il-kompetenzi estiżi mogħtija lill-OĠK fil-qasam tal-ġestjoni tad-drittijiet iwasslu sabiex wieħed jistaqsi x’għandu jkun ir-rwol ta’ dawn l-organi fil-protezzjoni ġudizzjarja tal-proprjetà intellettwali. It-tweġiba għal din il-mistoqsija għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi sostanzjali li jeżistu bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-proċeduri kontenzjużi. Fil-fehma tiegħi, dawn id-differenzi jispjegaw il-prudenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li ma ddeċidiex li jwettaq armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 93/83/KEE

5.        Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 93/83/KEE (6), intitolat “Eżerċizzju tal-jedd ta’ ritrasmissjoni bil-cable”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-jedd ta’ min għandu d-drittijiet ta’ l-awtur u dawk li jkollhom jeddijiet relatati li jagħtu jew jirrifjutaw awtorizzazzjoni lil operatur tal-cable għal cable retransmission jista’ jkun estiż biss permezz ta’ soċjetà kollettriċi.

2.      Meta dak li jkollu jedd ma jkunx trasferixxa l-immaniġġjar tal-jeddijiet tiegħu lil soċjetà kollettriċi, is-soċjetà kollettriċi li timmaniġġja jeddijiet ta’ l-istess kategorija għandha titqies li ngħatatilha l-mandat li timmaniġġja l-jeddijiet. Meta aktar minn soċjetà kollettriċi waħda timmaniġġja jeddijiet ta’ dik il-kategorija, dak li jkollu l-jedd għandu jkun liberu li jagħżel liema minn dawk is-soċjetajiet kollettriċi tkun meqjusa li jkollha l-mandat li timmaniġġja l-jeddijiet tiegħu. Dak li jkollu l-jedd kif imsemmi f’dan il-paragrafu għandu jkollu l-istess jeddijiet u obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-ftehim bejn l-operatur tal-cable u s-soċjetà kollettriċi li tkun meqjusa li jkollha l-mandat li timmaniġġja l-jeddijiet tiegħu daqs dak li jkollu l-jeddijiet li jkun ta mandat lil dik is-soċjetà kollettriċi u dan għandu jkun jista’ jinvoka dawk il-jeddijiet f’perjodu ta’ żmien, li għandu jkun stabbilit mill-Istat Membru interessat, li m’għandux ikun iqsar minn tliet snin mid-data tat-ritrasmissjoni bil-cable li tinkludi xi-xogħol tiegħu jew suġġett ieħor protett.

3.      Stat Membru jista’ jipprovdi li, meta dak li jkollu jedd jawtorizza t-trasmissjoni inizjali fit-territorju tiegħu ta’ xogħol jew suġġett ieħor protett, dan għandu jitqies li jkun qabel li ma jeżerċitax il-jeddijiet tiegħu ta’ ri-trasmissjoni fuq bażi individwali iżda li jeżerċitahom skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

 Id-Direttiva 2004/48

6.        Il-premessi 3, 10 u 18 tad-Direttiva 2004/48 jiddikjaraw:

“(3)      […] mingħajr mezz effettiv għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-innovazzjoni u l-kreattività huma skorraġiti u l-investiment jonqos. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi assigurat li l-liġi sostantiva dwar proprjetà intellettwali, li llum tinsab fil-parti l-kbira bħala parti mill-acquis communautaire, hija applikkata b’mod effettiv fil-Komunità. Għalhekk, il-mezzi ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma ta’ importanza kbira għas-suċċess tas-Suq Intern.

[…]

(10)      L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.

[…]

(18)      Il-persuni li huma ntitolati li jitolbu l-applikazzjoni [tal-]miżuri, il-proċeduri u r-rimedji [previsti minn din id-direttiva] m’għandhomx ikunu dawk biss li qegħdin iżommu id-dritt, imma wkoll dawk il-persuni li għandhom interess dirett u pożizzjoni legali sa fejn jistgħu u skond il-liġi applikabbli, li jistgħu jinkludu organiżazzjonijiet professjonali li għandhom l-inkarigu ta’ dawk id-drittijiet jew għad-difiża ta’ interessi kollettivi u individwali li għalihom huma jġorru ir-risponsabbilità.”

7.        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Materja tas-suġġett”:

“Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘diritijiet tal-proprjetà intellettwali’ jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.”

8.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-[leġiżlazzjoni tal-Unjoni] jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet [tal-Unjoni] u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

9.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligu ġenerali”, jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. […]

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun […] effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

10.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-persuni ntitolati biex japplikaw għall-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala persuni intitolati biex jistgħu japplikaw għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji li għalihom saret riferenza f’dan il-kapitolu:

(a)      id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

(b)      il-persuni l-oħra kollha awtoriżżati, b’mod partikolari dawk li għandhom liċenza, safejn huwa permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

(ċ)      is-soċjetajiet li jamministraw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod kollettiv li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet intellettwali, safejn hu permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

(d)      is-soċjetajiet professjonali ta’ difiża li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, safejn hu permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;”

 Id-Direttiva 2014/26/UE

11.      Il-premessa 12 tad-Direttiva 2014/26/UE (7) tiddikjara:

“Din id-Direttiva, filwaqt li tapplika għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kollha, bl-eċċezzjoni tat-Titolu III [li] japplika biss għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jimmaniġġjaw id-drittijiet tal- awturi f’xogħlijiet mużikali onlajn fuq bażi multiterritorjali, ma tinterferixxix mal-arranġamenti li jirrigwardaw l-immaniġġjar tad-drittijiet fl-Istati Membri bħalma huma l-immaniġġjar individwali, l-effett estiż ta’ ftehim bejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv rappreżentattiva u utent, jiġifieri liċenzjar kollettiv estiż, immaniġġjar kollettiv mandatarju, preżunzjonijiet ġuridiċi ta’ rappreżentazzjoni u trasferiment ta’ drittijiet lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv.”

12.      L-Artikolu 3(a) ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt a tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv’ tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet, bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha, u li tissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(i)      tkun ipposseduta jew ikkontrollata mill-membri tagħha;

(ii)      tkun organizzata fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ;”

13.      Skont l-Artikolu 35 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Riżolviment ta’ tilwim”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tilwim bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti fir-rigward, b’mod partikolari, kundizzjonijiet attwali u proposti ta’ ħruġ ta’ liċenzji jew ksur ta’ kuntratt, ikunu jistgħu jitressqu quddiem il-qorti, jew jekk xieraq, lil korp ta’ riżolviment ieħor li jkun indipendenti u imparzjali, meta dak il-korp ikollu l-għarfien espert fid-dritt dwar il-proprjetà intelletwali.

2.      L-Artikoli 33 u 34 u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jasserixxu u jiddefendu id-drittijiet tagħhom billi jieħdu azzjoni f’qorti.”

 Id-dritt Finlandiż

14.      L-Artikolu 26(1) tat-tekijänoikeuslaki (404/1961) (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur), fil-verżjoni tagħha kif emendata bil-Liġi 607/2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur”), intitolat “Liċenzja kuntrattwali”, jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi dwar il-liċenzji kuntrattwali għandhom ikunu applikabbli għal ftehim konkluż bejn utent u l-organu, awtorizzat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u għall-Kultura, li jirrappreżenta, f’qasam speċifiku, bosta awturi ta’ xogħlijiet użati fil-Finlandja, għall-użu ta’ xogħlijiet ta’ awturi li jaqgħu taħt dan l-istess qasam. Fid-dawl ta’ dan il-ftehim, organu awtorizzat jitqies li għandu s-setgħa jirrappreżenta wkoll lill-awturi ta’ xogħlijiet oħra fl-istess qasam. Id-detentur ta’ liċenzja li jkun kiseb liċenzja kollettiva b’effett estiż permezz ta’ tali ftehim jista’, skont il-kundizzjonijiet iddeterminati minn dan tal-aħħar, juża x-xogħlijiet kollha tal-awturi li jaqgħu taħt l-istess qasam.

15.      Skont l-Artikolu 26(4) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, il-modalitajiet iddeterminati mill-organu previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, dwar it-tqassim tar-remunerazzjonijiet għar-riproduzzjoni, għall-komunikazzjoni jew għat-trażmissjoni tax-xogħlijiet bejn l-awturi li huwa jirrappreżenta direttament jew l-użu tar-remunerazzjonijiet għal finijiet komuni għall-awturi, għandhom japplikaw ukoll għall-awturi tal-istess qasam li ma humiex irrappreżentati direttament minn dan l-organu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura fil-kawża prinċipali

16.      Kopiosto r.y. huwa organu ta’ ġestjoni kollettiva li jirrappreżenta lill-proprjetarji ta’ drittijiet tal-awtur fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2014/26, awtorizzat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u għall-Kultura bħala organu li għandu s-setgħa joħroġ liċenzji estiżi. Dawn tal-aħħar jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid tax-xogħlijiet inklużi fi programm tar-radju jew tat-televiżjoni. Fl-istess ħin, Kopiosto jiġġestixxi u joħroġ liċenzji f’isem numru kbir ta’ awturi abbażi tal-mandati li jingħatawlu minn dawn tal-aħħar.

17.      Il-kumpannija Telia Finland Oyj (iktar ’il quddiem “Telia”) topera network ta’ televiżjoni bil-cable li jittrażmetti s-sinjali ta’ xandir tal-emittenti televiżivi nazzjonali mingħajr restrizzjonijiet bil-għan ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku.

18.      Fl‑24 ta’ Jannar 2018, Kopiosto adixxa l-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja) b’azzjoni għal kontrafazzjoni intiża sabiex jiġi kkonstatat li Telia kienet wettqet trażmissjoni mill-ġdid ta’ programmi televiżivi fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni min-naħa tagħha. Għal din ir-raġuni, Kapiosto talab kumpens u rimedju, billi invoka, prinċipalment, il-kwalità tiegħu ta’ organu li għandu s-setgħa joħroġ liċenzji estiżi, u, sussidjarjament, il-kwalità tiegħu ta’ mandatarju tal-awturi li kienu fdawlu l-ġestjoni tad-drittijiet tagħhom.

19.      Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) ċaħdet it-talbiet ta’ Kopiosto, għar-raġuni li ma kienx ammissibbli għal dan l-organu li jressaq azzjoni għal kontrafazzjoni f’ismu stess.

20.      Kopiosto adixxa l-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), b’appell minn din is-sentenza, billi invoka l-interess ġuridiku dirett tiegħu fit-tilwimiet li jirrigwardaw id-drittijiet koperti mil-liċenzji li huwa joħroġ.

21.      Bi tweġiba għall-argumenti ta’ Kopiosto, Telia ssostni li l-kapaċità ta’ dan l-organu li joħroġ liċenzji kollettivi ma tippermettilux iressaq azzjoni għal kontrafazzjoni f’ismu stess, billi tali azzjoni hija rriżervata għall-proprjetarji ta’ dawn id-drittijiet, jiġifieri jew għall-kreaturi, jew għaċ-ċessjonarji tagħhom.

 Id-domandi preliminari

22.      Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-qasam inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ammissibbiltà tal-azzjoni għal kontrafazzjoni mressqa minn Kopiosto tiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2004/48, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

23.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk il-kwalità tal-OĠK sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri previsti mid-Direttiva 2004/48 tiddependix biss mil-locus standi in judicio ġenerali tagħhom, jew inkella wkoll mill-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli speċifikament adottati għal dan il-għan.

24.      Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tistaqsi, sussegwentement, jekk il-kunċett ta’ “interess dirett” użat fil-premessa 18 tad-Direttiva 2004/48 jikkostitwixxix kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li l-interpretazzjoni uniformi ta’ dan il-kunċett għandha twassal sabiex jiġi rrikonoxxut l-interess dirett tal-OĠK li jitolbu f’isimhom stess l-applikazzjoni tal-miżuri previsti minn din id-direttiva.

25.      Fl-aħħar nett, fl-eventwalità li l-OĠK ikollhom il-kwalità sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri previsti mid-Direttiva 2004/48, il-qorti tar-rinviju tistaqsi x’inhuma l-konsegwenzi tagħha, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali tal-proprjetarji mhux membri, irrikonoxxuti fl-Artikoli 17 u 47 tal-Karta, fil-każijiet fejn dawn l-organi jkollhom is-setgħa joħorġu liċenzji kollettivi estiżi.

26.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet ta’ liċenzjar kuntrattwali, li kollettivament jimmaniġġjaw drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-locus standi għad-difiża ta’ dawn id-drittjiet, li jingħata mill-Artikolu 4[1](ċ) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li huwa bbażat fuq leġittimità attiva preżunta, jirreferi esklużivament għal-locus standi in judicio ġenerali, jew jeħtieġ dritt espressament irrikonoxxut mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali sabiex titressaq azzjoni f’isem il-parti stess għad-difiża tad-drittijiet inkwistjoni?

2)      F’interpretazzzjoni bbażata fuq l-Artikolu 4[1](ċ) tad-Direttiva 2004/48, it-terminu ‘interess dirett fid-difiża tal-drittijiet tal-awtur tad-detenturi li lilhom tirrappreżenta’ għandu jiġi interpretat uniformement fl-Istati Membri kollha fir-rigward ta’ dritt ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern sabiex titressaq azzjoni għal ksur tad-drittijiet tal-awtur f’isem il-parti stess, fejn

i)      jikkonċerna użu ta’ xogħlijiet li fir-rigward tagħhom organizzazzjoni għandha dritt, bħala organizzazzjoni ta’ liċenzjar kuntrattwali fis-sens tat-Tekijänoikeuslaki (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur), li tagħti liċenzji kollettivi estiżi li jippermettu lill-persuna li għandha liċenzja li tuża wkoll xogħlijiet minn awturi f’dak is-settur li ma jkunux taw mandat lill-organizzazzjoni sabiex timmaniġġja d-drittijiet tagħhom;

ii)      jikkonċerna użu ta’ xogħlijiet li fir-rigward tagħhom l-awturi jkunu awtorizzaw lill-organizzazzjoni sabiex timmaniġġja d-drittijiet tagħhom permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ mandat, mingħajr ma jkunu ġew assenjati drittijiet tal-awtur lill-organizzazzjoni?

3)      Jekk l-organizzazzjoni, fil-kapaċità tagħha ta’ organizzazzjoni ta’ liċenzjar kuntrattwali, hija preżunta li għandha interess dirett u leġittimità attiva sabiex tressaq azzjoni f’isimha stess: fl-evalwazzjoni tal-leġittimità attiva sabiex tressaq proċeduri fid-dawl ta’, fejn applikabbli, l-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, x’tifsira għandha tingħata għall-fatt li l-organizzazzjoni, bħala organizzazzjoni ta’ liċenzjar kuntrattwali, tirrappreżenta wkoll awturi li ma jkunux awtorizzawha timmaniġġja d-drittijiet tagħhom, u li d-dritt tal-organizzazzjoni li tressaq azzjoni sabiex tiddefendi d-drittijiet ta’ dawk l-awturi ma hijiex irregolata mid-dritt?”

27.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Marzu 2022. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Finlandiż u mill-Gvern Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni. Fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kellha biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali.

 Analiżi

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

28.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ tal-organi responsabbli għall-ħruġ ta’ liċenzji kuntrattwali li jiġġestixxu kollettivament drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-locus standi in judicio bħala parti għad-difiża ta’ dawn id-drittijiet, li huwa prerekwiżit għall-kwalità sabiex titressaq azzjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, jirreferix biss għal-locus standi in judicio ġenerali previst mid-dritt nazzjonali bħala parti fil-proċedura, jew ukoll għal dritt li wieħed iressaq kawża f’ismu stess sabiex jiġu difiżi tali drittijiet, li għandu jiġi rrikonoxxut espressament fid-dritt nazzjonali.

29.      Għal finijiet ta’ leġibbiltà, u sabiex issir distinzjoni ċara bejn il-locus standi in judicio (li jirriżulta ġeneralment mill-personalità ġuridika) u l-kwalità sabiex titressaq azzjoni ġudizzjarja (li tiġi evalwata fid-dawl tan-natura u tas-suġġett tat-tilwima), nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirriformula din id-domanda fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kwalità tal-organi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48, fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) ta’ din id-direttiva, hijiex suġġetta biss għal-locus standi in judicio ta’ dawn l-organi, jew inkella wkoll għar-rikonoxximent espress fid-dritt nazzjonali tal-kwalità tagħhom sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja għad-difiża tad-drittijiet individwali li huma jkunu responsabbli għalihom.

30.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu qabelxejn jiġi ddeterminat jekk il-“[kwalità] biex jistgħu japplikaw”, fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, tiddependix biss mil-locus standi in judicio tal-OĠK, jew inkella wkoll mill-eżistenza tal-kwalità ta’ dawn l-organi sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja. Fit-tieni każ, għandu wkoll jiġi ddeterminat jekk din il-kwalità sabiex titressaq azzjoni ġudizzjarja għandhiex tkun irrikonoxxuta espliċitament mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-“[kwalità] biex jistgħu japplikaw”, fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48

31.      Ma jidhirlix li din l-ewwel domanda hija partikolarment kumplessa. Fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda dubju li l-kwalità tal-OĠK sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48 hija suġġetta għall-kwalità tagħhom sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja, b’mod li s-sempliċi locus standi in judicio ġenerali ma huwiex suffiċjenti għal dan il-għan.

32.      Il-kunċett ta’ “[kwalità] biex jistgħu japplikaw”, użat fl-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, jidher f’dan ir-rigward li ma tantx huwa preċiż. Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 18 ta’ din id-direttiva. Dawn id-dikjarazzjonijiet ġew interpretati fis-sentenza SNB-REACT (8), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Istati Membri huma obbligati li jirrikonoxxu lil organu ta’ rappreżentazzjoni kollettiva ta’ proprjetarji ta’ trade marks […] bħala persuna li għandha l-kwalità sabiex titlob, f’isimha stess, l-applikazzjoni ta’ rimedji previsti [mill-imsemmija]direttiva, bl-għan li jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawn il-proprjetarji, kif ukoll locus standi, f’isimha stess, sabiex tiddefendi dawn l-imsemmija drittijiet, bil-kundizzjoni li dan l-organu huwa kkunsidrat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħala persuna li għandha interess dirett li jiġu protetti dawn id-drittijiet u li din il-leġiżlazzjoni tippermettilha locus standi in judicio għal dan l-għan” (9).

33.      Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi kjarament li l-“[kwalità] biex jistgħu japplikaw”, fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) ta’ din id-direttiva tiddependi mhux biss mil-locus standi in judicio ġenerali, iżda wkoll mill-kwalità li teżisti għall-OĠK sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja skont il-leġiżlazzjoni applikabbli.

34.      Inżid li l-interpretazzjoni kuntrarja, li tissuġġetta l-“[kwalità] biex jistgħu japplikaw”, fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, għas-sempliċi locus standi in judicio, iċċaħħad lil din il-kundizzjoni minn kwalunkwe portata prattika.

35.      Fil-fatt, kif irrileva l-Gvern Finlandiż (10), il-locus standi in judicio jikkostitwixxi attribut ordinarju tal-personalità ġuridika li jgawdu l-OĠK bħala regola ġenerali, indipendentement mill-varjetà ta’ forom li jkollhom dawn l-organi skont ir-regoli nazzjonali (11). Fil-prattika, huma biss il-kwalità tal-OĠK sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja jew l-interess ġuridiku tagħhom li joħolqu inċertezzi (12).

36.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, jidhirli li l-kwalità sabiex issir talba fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 hija suġġetta għar-rikonoxximent tal-kwalità tal-OĠK sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk din il-kwalità għandhiex tiġi rrikonoxxuta b’mod espliċitu.

 Fuq in-neċessità ta’ rikonoxximent espress tal-kwalità sabiex titressaq azzjoni ġudizzjarja

37.      Sa fejn l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda n-neċessità ta’ rikonoxximent espress tal-kwalità tal-OĠK sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja fid-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tfittex li jiġi stabbilit jekk ir-rikonoxximent ta’ din il-kwalità għandux ikun ibbażat fuq dispożizzjoni legali miktuba.

38.      Dwar dan il-punt, fid-dawl tad-diffikultajiet li jqumu fir-rigward tar-rikonoxximent eventwali tal-kwalità tal-OĠK sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja f’isimhom stess minflok il-proprjetarji tad-drittijiet (13), jidhirli li l-adozzjoni ta’ test leġiżlattiv tkun l-iktar adatta sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet taċ-ċertezza legali.

39.      Fil-prattika, madankollu, fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, ma jeżistix test li jirregola speċifikament il-kwalità tal-OĠK sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja (14). Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li din il-kwistjoni tkun irregolata permezz ta’ dispożizzjonijiet proċedurali ta’ natura ġenerali jew li tinqata’ permezz tal-ġurisprudenza (15), speċjalment f’dawk l-Istati Membri li fihom il-qrati ta’ grad inferjuri huma formalment obbligati jsegwu l-ġurisprudenza tal-qrati supremi (16).

40.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, sa fejn dan tal-aħħar jissuġġetta l-kwalità tal-OĠK sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja għad-“dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli” (korsiv miżjud minni), għandha mnejn iddgħajjef l-effett utli ta’ din id-direttiva f’ċerti ċirkustanzi.

41.      Għaldaqstant, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tispira ruħha f’dan il-każ mill-ġurisprudenza tagħha dwar il-modalitajiet ta’ traspożizzjoni tad-direttivi (17). Skont din il-ġurisprudenza, “it-traspożizzjoni ta’ direttiva ma teżiġix neċessarjament li l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħha jiġi riprodott formalment u testwalment f’dispożizzjoni legali jew leġiżlattiva espressa u speċifika, iżda tista’ ssir permezz ta’ kuntest ġuridiku ġenerali, sakemm dan jiżgura b’mod effettiv l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż” (18).

42.      Tali kuntest ġuridiku jista’ jirriżulta, b’mod partikolari, minn prassi ġudizzjarja stabbilita (19).

43.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari li l-kwalità tal-OĠK sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48, fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) ta’ din id-direttiva, hija suġġetta għar-rikonoxximent tal-kwalità tagħhom sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja għad-difiża tad-drittijiet individwali li huma jkunu responsabbli għalihom. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet adottati għal dan il-għan fil-leġiżlazzjoni applikabbli, din il-kwalità tista’ tirriżulta mill-kuntest ġuridiku ġenerali, bil-kundizzjoni li l-portata tagħha u l-konsegwenzi tagħha fuq is-sitwazzjoni tal-partijiet fil-kawża jkunu ddeterminati b’mod suffiċjentement ċar u preċiż.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

44.      Bil-mod kif ġiet ifformulata, it-tieni domanda preliminari tfittex li tiġi eżaminata n-natura awtonoma tal-espressjoni “interess dirett fid-difiża tal-drittijiet tal-awtur tad-detenturi li lilhom tirrappreżenta”.

45.      Din l-espressjoni ma tinsab f’ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/48. Mill-banda l-oħra, b’formulazzjoni kemxejn differenti, hija ntużat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SNB-REACT (20), fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) ta’ din id-direttiva fid-dawl tal-premessa 18 tal-imsemmija direttiva (21), li tirreferi għall-kunċett ta’ “interess dirett”.

46.      Filwaqt li bbażat ruħha fuq din il-premessa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 kellu jinftiehem fis-sens li, meta organu li huwa responsabbli għall-ġestjoni kollettiva ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali kien jitqies mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala organu li għandu interess dirett fid-difiża ta’ dawn id-drittijiet, l-Istati Membri kienu obbligati jirrikonoxxu li dan l-organu għandu l-kwalità sabiex jitlob l-applikazzjoni tal-miżuri previsti minn din id-direttiva (22).

47.      F’dan il-kuntest, jidhirli li dak li l-qorti tar-rinviju tfittex li jiġi stabbilit, billi tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura awtonoma tal-kunċett ta’ “interess dirett” imsemmi fis-sentenza SNB-REACT, huwa l-eżistenza u l-portata eventwali ta’ obbligu, li jaqa’ fuq l-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48, li jiġi rrikonoxxut l-interess tal-OĠK li jressqu azzjoni ġudizzjarja f’isimhom stess fit-tilwimiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 4(ċ) ta’ din id-direttiva, fil-każ li tali interess ma jirriżultax mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

48.      Għaldaqstant, nipproponi li t-tieni domanda preliminari tiġi rriformulata fis-sens li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu l-interess dirett tal-organi li għandhom is-setgħa joħorġu liċenzji kollettivi, previsti minn din id-dispożizzjoni, li jitolbu f’isimhom stess l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, bħall-azzjoni għal kontrafazzjoni, fil-każ li tali interess ma jirriżultax mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

49.      Essenzjalment, din id-domanda nqatgħet fin-negattiv fis-sentenza SNB-REACT (23), u ma narax li hemm raġunijiet li jistgħu jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta differenti għaliha f’din il-kawża.

50.      Infakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, il-kwalità sabiex issir talba, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tibqa’ suġġetta għad-“dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli”. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, “filwaqt li l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu, fi kwalunkwe każ, lill-proprjetarji tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bħala persuni li għandhom il-kwalità sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji msemmija fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, il-punti (b) sa (d) tal-Artikolu 4 ta’ din tal-aħħar kollha jispeċifikaw li dan huwa biss sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli jippermettulhom jagħmlu dan u, konformement magħhom, li l-Istati Membri jirrikonoxxu din l-istess kwalità fir-rigward ta’ persuni oħra kif ukoll fir-rigward ta’ ċerti organi speċifiċi” (24).

51.      F’dak li jirrigwarda t-termini “liġi applikabbli” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn jirreferu mhux biss għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda wkoll għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (25).

52.      Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, għandu jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni attwalment fis-seħħ jirrikonoxxux l-interess dirett tal-OĠK, bħal Kopiosto, li jitolbu f’isimhom stess l-applikazzjoni tal-miżuri previsti mid-Direttiva 2004/48.

53.      Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ.

54.      Fl-ewwel lok, tali interess ma jistax jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48.

55.      Għall-kuntrarju – u indipendentement mill-kontenut tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, li jidhirli li huwa ċar –, l-iżvolġiment tax-xogħol leġiżlattiv relatat ma’ din id-dispożizzjoni jindika li din id-direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-possibbiltà għall-OĠK li jressqu azzjoni ġudizzjarja fit-tilwimiet li jirrigwardaw id-drittijiet individwali tal-proprjetarji. Fil-fatt, dispożizzjoni li tinsab fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni, li kienet tipprevedi tali obbligu, ġiet abbandunata (26).

56.      Fit-tieni lok, lanqas ma jidhirli li l-interess ġuridiku tal-OĠK jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/26. Dwar dan il-punt, jidhirli madankollu li hija permessa eżitazzjoni.

57.      Fil-fatt, l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/26 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw “li t-tilwim bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti fir-rigward, b’mod partikolari, kundizzjonijiet attwali u proposti ta’ ħruġ ta’ liċenzji jew ksur ta’ kuntratt, ikunu jistgħu jitressqu quddiem il-qorti” (korsiv miżjud minni). Fid-dawl tal-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni, minnha jista’ jiġi dedott rikonoxximent impliċitu tal-interess ġuridiku tal-OĠK fit-tilwimiet bejnhom u l-utenti.

58.      Madankollu, qari iżolat ta’ din id-dispożizzjoni jmur kontra l-għanijiet u l-istruttura tad-Direttiva 2014/26, li ma hijiex intiża li tirregola l-kapaċitajiet kontenzjużi tal-OĠK (27). Barra minn hekk, ikun diffiċli li tali qari jiġi rrikonċiljat mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, li jirregolaw dan is-suġġett u li d-Direttiva 2014/16 ma għandhiex l-effett li tidderoga minnhom. Għaldaqstant, jidhirli li l-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva tal-aħħar ma jirrikonoxxix l-interess ġuridiku tal-OĠK.

59.      Fl-aħħar lok, tali interess lanqas ma jirriżulta mill-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2019/790 (28), li jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu s-sistema ta’ liċenzji kollettivi estiżi (29) f’ċerti sitwazzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.

60.      Dwar dan il-punt, ma naqbilx mal-analiżi tal-Kummissjoni (30), li tidher li interpretat it-termini “organizzazzjoni […] preżunta li tirrappreżenta d-detenturi tad-drittijiet” u “preżunzjonijiet ġuridiċi ta’ rappreżentazzjoni”, li jinsabu fl-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva 2019/790 u fil-premessa 12 tad-Direttiva 2014/26, rispettivament, fis-sens li jindikaw il-kapaċitajiet proċedurali tal-OĠK. Issa, fil-kuntest li fihom intużaw, dawn it-termini jindikaw waħda mill-modalitajiet ta’ ħruġ tal-liċenzji estiżi, li hija differenti mill-mudell “klassiku” minħabba libertà ikbar li hija tħalli lill-proprjetarji ta’ drittijiet (31).

61.      Inżid li r-rikonoxximent tal-kwalità sabiex jiġu ġġestiti d-drittijiet ma jippreżupponix ir-rikonoxximent tal-kwalità sabiex titressaq azzjoni ġudizzjarja jew tal-interess ġuridiku relattivi għaliha. Ċerti mekkaniżmi ta’ ġestjoni kollettiva, bħas-sistema ta’ preżunzjoni legali ta’ rappreżentazzjoni, ma jwasslux neċessarjament għal trasferiment tad-drittijiet lill-OĠK, b’mod li l-kwalità sabiex tinħareġ liċenzja estiża ma timplikax ir-rikonoxximent impliċitu tal-kwalità sabiex titressaq azzjoni ġudizzjarja minflok il-proprjetarju tad-drittijiet (32). Jekk ikun il-każ, dan ir-rikonoxximent jista’ jirriżulta mid-dispożizzjonijiet speċifikament adottati għal dan il-għan (33).

62.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, jidhirli li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ ma jimponux fuq l-Istati Membri l-obbligu li jirrikonoxxu l-interess tal-OĠK li jressqu azzjoni ġudizzjarja f’isimhom stess fit-tilwimiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-miżuri previsti mid-Direttiva 2004/48.

63.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri ma humiex obbligati jirrikonoxxu l-interess dirett tal-organi li għandhom is-setgħa joħorġu liċenzji kollettivi, previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jitolbu f’isimhom stess l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, bħall-azzjoni għal kontrafazzjoni, fil-każ li tali interess ma jirriżultax mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli.

 Fuq it-tielet domanda preliminari

64.      It-tielet domanda preliminari hija magħmula fil-każ li, fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni rilevanti fid-dritt nazzjonali, jitqies li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48 jobbligaw lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-kwalità tal-OĠK sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja f’isimhom stess fit-tilwimiet li jirrigwardaw id-drittijiet koperti minn liċenzji estiżi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali obbligu huwiex konformi mad-drittijiet irrikonoxxuti fl-Artikoli 17 u 47 tal-Karta.

65.      Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għat-tieni domanda preliminari, inqis li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tielet domanda. Il-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju tista’ tqum u tista’ tiġi analizzata biss fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikonoxxi l-kwalità tal-OĠK sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja jew l-interess ġuridiku tagħhom, li huwa assenti f’dan il-każ (34).

66.      Inżid li l-kwalità tal-OĠK sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja tista’ tiġi rrikonoxxuta biss jekk l-interessi u d-drittijiet fundamentali tal-kreaturi jiġu żgurati b’mod adegwat, ħaġa li tiddependi minn assjem ta’ leġiżlazzjonijiet materjali u proċedurali li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali, li ġew parzjalment armonizzati permezz tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/26.

67.      Dawn il-leġiżlazzjonijiet jirrigwardaw kwistjonijiet bħall-eżistenza ta’ mekkaniżmu “opt-out” fil-qasam tal-ġestjoni tad-drittijiet, id-dritt ta’ intervent jew ta’ oppożizzjoni tal-proprjetarju, il-konsegwenzi ta’ eventwali rinunzja għall-atti min-naħa ta’ OĠK, il-portata u l-effetti tal-proċeduri ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim jew il-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà għad-danni tal-ġestjonarju fil-kuntest ta’ relazzjoni kważi kuntrattwali, bħan-negotiorum gestio. Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, dawn il-kwistjonijiet madankollu huma ta’ natura ipotetika.

 Konklużjoni

68.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) kif ġej:

1)      Il-kwalità tal-organi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) ta’ din id-direttiva, hija suġġetta għar-rikonoxximent tal-kwalità tagħhom sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja għad-difiża tad-drittijiet individwali li huma jkunu responsabbli għalihom. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet adottati għal dan il-għan fil-leġiżlazzjoni applikabbli, din il-kwalità tista’ tirriżulta mill-kuntest ġuridiku ġenerali, bil-kundizzjoni li l-portata tagħha u l-konsegwenzi tagħha fuq is-sitwazzjoni tal-partijiet fil-kawża jkunu ddeterminati b’mod suffiċjentement ċar u preċiż.

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri ma humiex obbligati jirrikonoxxu l-interess dirett tal-organi li għandhom is-setgħa joħorġu liċenzji kollettivi, previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jitolbu f’isimhom stess l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, bħall-azzjoni għal kontrafazzjoni, fil-każ li tali interess ma jirriżultax mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Ara l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).


4      Fuq l-inkorporazzjoni tal-liċenzji kollettivi estiżi fid-dritt tal-Unjoni, ara Quaedvlieg, A., “Les licences collectives étendues. Un oiseau exotique des lacs du Nord fait un atterrissage réussi à Bruxelles”, Revue internationale du droit d’auteur, Nru 4, 2020, p. 189.


5      Għal deskrizzjoni ġenerali tal-mekkaniżmu u kartografija ddettaljata tas-soluzzjonijiet adottati mill-Istati Membri fil-qasam tal-liċenzji estiżi fis-swieq diġitali, ara l-istudju mwettaq f’isem il-Kummissjoni, Study on Emerging Issues on Collective Licensing Practices in the Digital Environment, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021, p. 131 sa 242.


6      Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134).


7      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72, rettifika fil-ĠU 2022, L 245, p. 71).


8      Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018 (C‑521/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza SNB-REACT”, EU:C:2018:639).


9      Sentenza SNB-REACT (punt 39). Korsiv miżjud minni.


10      Ara l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Finlandiż, punti 12 u 14.


11      Mill-premessa 14 tad-Direttiva 2014/26 jirriżulta li din tal-aħħar ma tirrikjedix li l-OĠK jadottaw forma ġuridika speċifika. Fil-prattika, dawn l-organi jkollhom il-forma ta’ kumpanniji, ta’ assoċjazzjonijiet, ta’ sindakati jew ta’ fondazzjonijiet.


12      F’dak li jirrigwarda l-kontroversji mqajma fuq dan il-punt fid-dritt Franċiż, ara Vivant, M., Bruguière, J.‑M., Droit d’auteur et droits voisins, ir-raba’ edizzjoni, Dalloz, Paris, 2019, punt 1348, p. 1288 sa 1289.


13      Dawn id-diffikultajiet tqajmu mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari.


14      B’mod partikolari, ebda dispożizzjoni ta’ dan it-tip ma ġiet adottata fil-Finlandja (ara l-punti 16 et seq. tat-talba għal deċiżjoni preliminari).


15      Kif jidher li kien il-każ fi Franza, fejn il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) temmet id-diverġenzi ġurisprudenzjali (preċedenti) eżistenti billi rrifjutat li taċċetta l-kwalità tal-OĠK sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja fit-tilwimiet dwar id-difiża tad-drittijiet tal-kreaturi mhux membri (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2013, Nru 12‑17.795, FR:CCASS:2013:C100905).


16      Bħala eżempju, dan jista’ jkun il-każ fil-Polonja, fejn il-kulleġġi ġudikanti estiżi tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) għandhom is-setgħa jadottaw “riżoluzzjonijiet li għandhom saħħa ta’ prinċipju legali”, skont l-Artikolu 87(1) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema, il-Polonja).


17      Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata fil-kawża prinċipali inkwistjoni biss permezz ta’ analoġija, u mhux b’mod dirett, sa fejn, fil-fehma tiegħi, ir-rikonoxximent tal-kwalità tal-OĠK sabiex iressqu azzjoni ġudizzjarja fid-dritt nazzjonali ma jirriżultax mir-rekwiżiti stabbilit mid-Direttiva 2004/48. Ir-raġunijiet li jispiraw din il-konklużjoni tiegħi ser jiġu ppreżentati fil-parti tal-analiżi ddedikata għat-tieni domanda preliminari.


18      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑530/11, EU:C:2014:67, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑530/11, EU:C:2014:67, punti 34 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Sentenza SNB-REACT (punt 38).


21      Sentenza SNB-REACT (punt 33).


22      Sentenza SNB-REACT (punt 34).


23      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza SNB-REACT (punt 38).


24      Sentenza SNB-REACT (punt 28).


25      Sentenza SNB-REACT (punt 31).


26      L-Artikolu 5 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri u l-proċeduri intiżi li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (COM (2003)46 final), intitolat “Persuni li għandhom il-kwalità sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri u tal-proċeduri” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kien jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-“Istati Membri għandhom jagħtu lill-organi ta’ ġestjoni tad-drittijiet jew ta’ difiża professjonali, sa fejn dawn jirrappreżentaw il-proprjetarji ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jew persuni oħra awtorizzati jużaw dawn id-drittijiet skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, il-kwalità sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri u tal-proċeduri previsti f’dan il-kapitolu, inkluż il-locus standi in judicio għad-difiża tad-drittijiet jew tal-interessi kollettivi jew individwali li huma responsabbli għalihom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (korsiv miżjud minni).


27      Fid-dawl tal-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2014/26, din tal-aħħar għandha l-għan li tikkoordina r-regoli nazzjonali li jikkonċernaw l-aċċess tal-OĠK għall-attività ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, il-modalitajiet ta’ governanza ta’ dawn l-organi, il-qafas ta’ sorveljanza tagħhom kif ukoll li tiggarantixxi livell għoli ta’ governanza, ta’ ġestjoni finanzjarja, ta’ trasparenza u ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni minn dawn l-organi.


28      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU 2019, L 130, p. 92). Kif osservat il-Kummissjoni, din id-direttiva ma għandha ebda effett fuq ir-risposta li għandha tingħata f’dan il-każ għat-tieni domanda preliminari, sa fejn din ma tapplikax għall-kawża prinċipali ratione temporis. Madankollu, jidhirli li huwa opportun li tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(b) ta’ din id-direttiva, adottata mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.


29      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2019/790, intitolat “Ħruġ kollettiv ta’ liċenzji b’effett estiż”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:


      “L-Istati Membri jistgħu jipprevedu, sa fejn jikkonċerna l-użu fit-territorju tagħhom u soġġett għas-salvagwardji previsti minn dan l-Artikolu, li fejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, li hija soġġetta għar-regoli nazzjonali tad-Direttiva [2014/26], f’konformità mal-mandati tagħha mingħand id-detenturi tad-drittijiet, tidħol fi ftehim ta’ liċenzjar għall-isfruttament ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor:


      (a) tali ftehim jista’ jiġi estiż biex japplika għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux awtorizzaw lil dik l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv biex tirrappreżentahom permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor; jew,


      (b) fir-rigward ta’ tali ftehim, l-organizzazzjoni għandha mandat legali jew hija preżunta li tirrappreżenta d-detenturi tad-drittijiet li m’awtorizzawx lill-organizzazzjoni kif xieraq.”


30      Punti 24 u 26 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


31      Għal tipoloġija tal-mekkaniżmi ta’ liċenzja estiża u tal-karatteristika tagħhom, ara l-istudju mwettaq f’isem il-Kummissjoni, Study on Emerging Issues on Collective Licensing Practices in the Digital Environment, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021, p. 132.


32      Għall-istess raġuni, inqis li l-kwalità ta’ Kopiosto sabiex iressaq azzjoni ġudizzjarja fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi dedotta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/83, sa fejn l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprevedi mekkaniżmu ta’ ġestjoni kollettiva obbligatorju fil-qasam tat-trażmissjoni mill-ġdid bil-cable.


33      Bħala eżempju, dan huwa l-każ fil-Polonja, fejn il-kwalità sabiex titressaq azzjoni ġudizzjarja tal-OĠK li jibbenefikaw mill-preżunzjoni legali ta’ rappreżentazzjoni ġiet irrikonoxxuta fl-Artikolu 5(1) tal-ustawa o zbiorowym zarządzaniu prawami autorskimi i prawami pokrewnymi (il-Liġi dwar il-Ġestjoni Kollettiva tad-Drittijiet tal-Awtur u ta’ Drittijiet Relatati) tal‑15 ta’ Ġunju 2018.


34      Ara l-punti 16 sa 19 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.