Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (l-Estonja) fid-19 ta’ Diċembru 2023 – OÜ Voore Mets, AS Lemeks Põlva vs Keskkonnaamet

(Kawża C-784/23, Voore Mets u Lemeks Põlva)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Riigikohus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: OÜ Voore Mets, AS Lemeks Põlva

Konvenut: Keskkonnaamet

Domandi preliminari

L-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi 1 , jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjonijiet li huwa jipprevedi japplikaw biss sa fejn dan ikun neċessarju sabiex il-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernati tinżamm f’livell li jikkorrispondi b’mod partikolari għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, fid-dawl tar-rekwiżiti ekonomiċi u rekreazzjonali, peress li l-qtil jew it-tfixkil tal-għasafar jew il-qerda jew il-ħsara fil-bejtiet jew il-bajd tagħhom ma huwiex għan tal-azzjoni?

L-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva 2009/147 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-atti pprojbiti skont dawn id-dispożizzjonijiet huma intenzjonali matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-għasafar, b’mod partikolari meta, abbażi ta’ data xjentifika u tal-osservazzjoni ta’ għasafar individwali, jista’ jitqies li, f’foresta li għandha tkun imnaddfa kompletament (tqaċċit totali tas-siġar), madwar għaxar pari ta’ għasafar għal kull ettaru qed ibejtu, mingħajr ma ġie kkonstatat li kampjuni ta’ speċi ta’ għasafar li jinsabu fi stat sfavorevoli qed ibejtu fiż-żona li ser titqaċċat?

L-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva 2009/147 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-atti pprojbiti skont dawn id-dispożizzjonijiet huma intenzjonali matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-għasafar, b’mod partikolari meta, abbażi ta’ data xjentifika u tal-osservazzjoni ta’ għasafar individwali, jista’ jitqies li, f’foresta li fiha parti biss mis-siġar ser jitqaċċtu (qtugħ tas-siġar tal-kenn), madwar għaxar pari ta’ għasafar għal kull ettaru qed ibejtu, mingħajr ma jkun hemm raġuni li wieħed jaħseb li kampjuni ta’ speċi ta’ għasafar li jinsabu fi stat sfavorevoli qed ibejtu fiż-żona li ser titqaċċat?

It-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2009/147 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, jista’ jiġi interpretat fis-sens li huwa konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti deroga mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(a), (b) u (d) tal-imsemmija direttiva, sabiex tippermetti t-twettiq tat-tqaċċit totali tas-siġar matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija tal-għasafar sabiex jiġi evitat dannu sinjifikattiv lill-qasam tal-forestrija?

It-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2009/147, moqri flimkien mal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, jista’ jiġi interpretat fis-sens li huwa konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti deroga mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(a), (b) u (d) tal-imsemmija direttiva, sabiex tippermetti t-twettiq tal-qtugħ tas-siġar tal-kenn matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija tal-għasafar sabiex jiġi evitat dannu sinjifikattiv lill-qasam tal-forestrija?

Jekk id-Direttiva 2009/147 ma tawtorizzax it-twettiq tat-tqaċċit totali tas-siġar matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija tal-għasafar sabiex jiġi evitat dannu sinjifikattiv lill-qasam tal-forestrija, tali sistema hija konformi mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tapplika anki jekk il-qtugħ ma jippreġudikax l-ispeċi ta’ għasafar li jinsabu fi stat sfavorevoli?

Jekk id-Direttiva 2009/147 ma tawtorizzax it-twettiq tal-qtugħ tas-siġar tal-kenn matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija tal-għasafar sabiex jiġi evitat dannu sinjifikattiv lill-qasam tal-forestrija, tali sistema hija konformi mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tapplika anki jekk il-qtugħ ma jippreġudikax l-ispeċi ta’ għasafar li jinsabu fi stat sfavorevoli?

____________

1     ĠU 2010, L 20, p. 7.