Language of document : ECLI:EU:C:2015:845

Kawża C‑333/14

Scotch Whisky Association et

vs

Lord Advocate u Advocate General for Scotland

[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Court of Session (Scotland)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Prezz minimu tax-xarbiet alkoħoliċi kkalkulat abbażi tal-kwantità ta’ alkoħol fil-prodott – Ġustifikazzjoni – Artikolu 36 TFUE – Protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-23 ta’ Diċembru 2015

1.        Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Inbid – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol għall-bejgħ bl-imnut tal-inbid – Ammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1308/2013, Artikolu 167)

2.        Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol għall-bejgħ bl-imnut ta’ xarbiet alkoħoliċi – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni – Obbligu ta’ rikors għal miżuri inqas restrittivi – Verifika mill-qorti nazzjonali

(Artikolu 34 TFUE u 36 TFUE)

3.        Moviment liberu tal-merkanzija – Derogi – Protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol għall-bejgħ bl-imnut ta’ xarbiet alkoħoliċi – Ġustifikazzjoni – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni

(Artikolu 36 TFUE)

1.        Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix miżura nazzjonali li timponi prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol għall-bejgħ bl-imnut tal-inbid, sakemm din il-miżura tkun effettivament adatta sabiex tiżgura l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u sakemm, b’kont meħud tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni kif ukoll tal-funzjonament korrett tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni.

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1308/2013 la jinkludi dispożizzjonijiet li jawtorizzaw l-istabbiliment tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-inbid, irrispettivament minn jekk dan ikunx fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni, u lanqas dispożizzjonijiet li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri nazzjonali li jistabbilixxu tali prezzijiet. Konsegwentement, l-Istati Membri fil-prinċipju jibqgħu kompetenti sabiex jadottaw ċerti miżuri li ma humiex previsti fl-imsemmi regolament dment li dawn il-miżuri ma jkunux ta’ natura li jidderogaw jew jippreġudikaw l-imsemmi regolament jew jostakolaw il-funzjonament korrett tiegħu. F’dan ir-rigward, dwar l-impożizzjoni ta’ prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol, dion tisa’ tippreġudika r-Regolament Nru 1308/2013 sa fejn tali miżura tmur kontra l-prinċipju ta’ determinazzjoni libera tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti agrikoli abbażi tal-eżerċizzju liberu tal-kompetizzjoni li fuq huwa bbażat dan ir-regolament. Madankollu, peress li l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw regoli nazzjonali li jsegwu għan ta’ interess ġenerali minbarra dawk koperti minn dik l-organizzazzjoni, Stat Membru jista’ jinvoka l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni bil-għan li jiġġustifika miżura li tippreġudika s-sistema ta’ determinazzjoni libera tal-prezzijiet f’kundizzjonijiet effettivi ta’ kompetizzjoni, li fuqha huwa bbażat ir-Regolament Nru 1308/2013.

Miżura restrittiva għandha, madankollu, tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li tkun adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan segwit u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. L-eżami tal-proporzjonalità għandu jsir billi jittieħed kont, b’mod partikolari, tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni kif ukoll tal-funzjonament korrett tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, fatt li jinvolvi bbilanċjar bejn dawk l-għanijiet u dak segwit mill-imsemmija leġiżlazzjoni, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

(ara l-punti 17, 19, 24, 26-29, dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu lil Stat Membru, bil-ħsieb li jsegwi l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni permezz taż-żieda tal-prezz tal-konsum tal-alkoħol, milli jagħżel li jadotta leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol għall-bejgħ bl-imnut tax-xarbiet alkoħoliċi u jwarrab miżura, bħaż-żieda tad-dazji, li tista’ tkun inqas restrittiva fir-rigward tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Is-sempliċi ċirkustanza li din l-aħħar imsemmija miżura tista’ tiġġenera vantaġġi addizzjonali u tissodisfa b’mod iktar wiesa’ l-għan tal-ġlieda kontra l-abbuż mill-alkoħol ma tistax tiġġustifika li din tiġi mwarrba.

Fil-fatt sempliċiment billi tostakola li l-prezz tal-produzzjoni inferjuri tal-prodotti importati jkun jista’ jinċidi fuq il-prezz tal-bejgħ lill-konsumatur, l-imsemmija leġiżlazzjoni tista’ tostakola l-aċċess għas-suq Brittaniku tax-xarbiet alkoħoliċi kkummerċjalizzati legalment fl-Istati Membri u tikkostitwixxi b’hekk miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE. Bħala tali, din il-miżura tista’ tiġi ġġustifikata, b’mod partikolari, minn raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE, biss jekk din il-miżura tkun adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. F’dan ir-rigward, dwar l-adattezza tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni sabiex tilħaq l-għan tagħha ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li jiġi kkunsidrat li miżura li tistabbilixxi prezz minimu ta’ bejgħ tax-xarbiet alkoħoliċi, li huwa intiż b’mod partikolari sabiex iżid il-prezz tax-xarbiet alkoħoliċi irħas, hija adatta sabiex tnaqqas il-konsum tal-alkoħol, b’mod ġenerali, u l-konsum perikoluż jew ta’ ħsara, b’mod partikolari, peress li l-persuni li jipprattikaw tali konsum jixtru f’ammonti kbar xarbiet alkoħoliċi irħas.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi protetta effettivament is-saħħa u l-ħajja tal-persuni, miżura fiskali li żżid it-tassazzjoni fuq ix-xarbiet alkoħoliċi tista’ tkun inqas restrittiva fir-rigward tal-kummerċ ta’ dawn il-prodotti fi ħdan l-Unjoni minn miżura li timponi prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol. Fil-fatt, din l-aħħar imsemmija miżura tillimita ferm il-libertà tal-operaturi ekonomiċi li jiddeterminaw il-prezz tagħhom tal-bejgħ bl-imnut u, konsegwentement, tikkostitwixxi ostaklu gravi għall-aċċess għas-suq Brittaniku tax-xarbiet alkoħoliċi legalment ikkummerċjalizzati fl-Istati Membri l-oħra kif ukoll għall-eżerċizzju liberu tal-kompetizzjoni f’dan is-suq. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li tassazzjoni miżjuda fuq ix-xarbiet alkoħoliċi twassal għal żieda ġeneralizzata tal-prezzijiet ta’ dawn ix-xarbiet li jaffettwaw kemm lill-persuni li jikkonsmaw l-alkoħol b’mod moderat kif ukoll lil dawk li jikkonsmaw l-alkoħol b’mod perikoluż jew b’mod li jagħmel ħsara ma tidhirx, fid-dawl tal-għan doppju segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li twassal għall-konklużjoni li l-imsemmija tassazzjoni miżjuda hija inqas effikaċi mill-miżura adottata. Għall-kuntrarju, il-fatt li miżura ta’ tassazzjoni miżjuda tista’ tiġġenera vantaġġi addizzjonali inkonnessjoni mal-impożizzjoni ta’ prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol billi tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ġenerali tal-ġlieda kontra l-abbuż mill-alkoħol, mhux biss ma jistax jikkostitwixxi raġuni sabiex tiġi miċħuda tali miżura, iżda jikkostitwixxi fil-fatt element li jiġġustifika ż-żamma ta’ din il-miżura minflok dik li timponi prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol.

(ara l-punti 32, 33, 36, 46-48, 50, dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 36 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tkun qiegħda teżamina leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-ġustifikazzjoni marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens ta’ dan l-artikolu, qorti nazzjonali tkun obbligata li teżamina b’mod oġġettiv jekk il-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat jippermettux raġonevolment li jitqies li l-motivi magħżula huma adatti sabiex jinkisbu l-għanijiet segwiti kif ukoll il-possibbiltà li dawn tal-aħħar jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

Fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol għall-bejgħ bl-imnut tax-xarbiet alkoħoliċi, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza possibbli ta’ inċertezzi xjentifiċi fir-rigward tal-effetti konkreti u reali fuq il-konsum tal-alkoħol ta’ miżura bħall-prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol bil-għan li jintlaħaq l-għan segwit. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li l-istabbiliment ta’ prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol għandu jintemm f’ċertu terminu, dment li l-leġiżlatur nazzjonali ma jiddeċidix li jżommu fis-seħħ, tikkostitwixxi prova li l-qorti nazzjonali tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni. Bl-istess mod, dik il-qorti għandha tevalwa n-natura u l-entità tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija naxxenti minn miżura bħall-prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol, meta tipparagunaha ma’ miżura possibbli oħra li jaffettwaw inqas il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll l-effett ta’ tali miżura fuq il-funzjonament korrett tal-organizzazzjoni komuni tas-suq, peress li din l-evalwazzjoni hija inerenti għall-eżami tal-proporzjonalità.

Barra minn hekk, fir-rigward tad-data li fiha għandha tiġi evalwata l-legalità tal-miżura inkwistjoni, l-Artikolu 36 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali li timponi prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol għall-bejgħ bl-imnut ta’ xarbiet alkoħoliċi, ma huwiex limitat biss għall-informazzjoni, provi jew atti oħra li l-leġiżlatur kellu għad-dispożizzjoni tiegħu meta adotta tali miżura. F’dan ir-rigward, f’ċirkustanzi fejn il-qorti nazzjonali tiġi mitluba teżamina l-legalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni anki jekk din tal-aħħar ma tkunx daħlet fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, l-istħarriġ tal-konformità tal-imsemmija miżura mad-dritt tal-Unjoni għandu jitwettaq abbażi tal-informazzjoni, provi u atti oħra li jkunu għad-dispożizzjoni tal-qorti nazzjonali fid-data li fiha hija tiddeċiedi l-kawża, fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħha.

(ara l-punti 57-59, 63, 65, dispożittiv 3, 4)