Language of document : ECLI:EU:T:2011:299

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Annullament tad-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali – Preskrizzjoni – Terminu għal raġuni ta’ distanza – Rikors parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”

Fil-Kawża T‑409/09,

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Wilderspin u E. Manhaeve, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors għad-danni bl-għan li jinkiseb kumpens għad‑dannu allegatament sostnut mir-rikorrenti wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2004 li tiċħad l-offerta tagħha u li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor, fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti li tikkonċerna l-provvista ta’ servizzi tal-informatika u tal-provvisti relatati mas-sistemi ta’ informazzjoni tad‑Direttorat Ġenerali “Sajd”,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

1        Fid-19 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE għamlet offerta għas-sejħa għal offerti FISH/2004/2 li tikkonċerna l-provvista ta’ servizzi tal-informatika u l-provvisti relatati marbuta mas-sistemi ta’ informazzjoni tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Sajd” tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem l-“ewwel kuntratt”), ippubblikat fis-Suppliment f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ April 2004 (ĠU S 73, p. 61407).

2        Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 2004, riċevuta mir-rikorrenti fl-istess jum, id-DĠ “Sajd” informa lil din tal-aħħar li l-offerta tagħha ma kinitx intgħażlet, filwaqt li ppreċiża li l-motivi ta’ din iċ-ċaħda kienu jirrigwardaw il-kompożizzjoni u l-istabbiltà tat-tim, il-proċeduri proposti għat-trasferiment tal-għarfien fi tmiem il-proġett, kif ukoll il-fatt li l-offerta ma kinitx l-aħjar waħda f’termini ta’ kwalità u prezz. Huwa indika wkoll li r-rikorrenti setgħet titlob bil-miktub għal informazzjoni addizzjonali dwar il-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tagħha.

3        Fis-16 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti, filwaqt li esprimiet l-oġġezzjonijiet tagħha dwar il-motivi ta’ ċaħda tal-offerta tagħha, talbet lid-DĠ “Sajd” sabiex jgħarrafha bl-isem tal-offerent magħżul, ir-riżultati miksuba mill-offerta teknika tagħha u minn dik tal-offerent magħżul għal kull kriterju ta’ evalwazzjoni, kopja tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni kif ukoll it-tqabbil bejn l-offerta finanzjarja tagħha u dik tal-offerent magħżul.

4        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ottubru 2004, id-DĠ “Sajd” irrisponda lir-rikorrenti li l-offerenti kollha li talbu informazzjoni supplementari dwar iċ-ċaħda tal-offerta tagħhom kienu rċivew kollha f’daqqa din l-informazzjoni permezz ta’ ittra, mehmuża, datata t-18 ta’ Ottubru 2004. F’din l-ittra, id-DĠ “Sajd” ta xi informazzjoni addizzjonali dwar l-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti, filwaqt li indika wkoll l-isem tal-offerent magħżul u l-fatt li l-offerta ta’ dan tal-aħħar kienet intgħażlet għaliex din kienet l-iktar waħda vantaġġuża ekonomikament. Fl-aħħar nett, huwa kkomunika l-marki miksuba mir-rikorrenti u dawk tal-offerent magħżul għal kull wieħed mill-kriterji tekniċi ta’ evalwazzjoni, kif ukoll ir-riżultat tal-evalwazzjoni finanzjarja, permezz ta’ tabella.

5        Permezz ta’ rikors ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2004 u rreġistrat bir-referenza T‑465/04, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, għall-annullament tal-ittra tad-DĠ “Sajd” tal-15 ta’ Settembru 2004 msemmija hawn fuq.

6        Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (T‑465/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta magħmula mir-rikorrenti u li tagħti l-ewwel kuntratt lill-offerent.

7        F’ittri tas-7 ta’ Ottubru 2008 u tal-5 ta’ Marzu 2009, indirizzati direttament lill-President tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti, filwaqt li lmentat dwar l-azzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tagħha, essenzjalment stiednet lil din tal-aħħar sabiex tagħmel eżami mill-ġdid tal-każijiet kontenzjużi kollha, filwaqt li ddikjarat li hija disposta li tirtira r-rikorsi kollha pendenti dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi mill-Kummissjoni.

8        Fil-25 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors preżenti permezz ta’ faks. Il-pakkett bir-rikors oriġinali ffirmat, kif ukoll il-kopji u l-annessi tiegħu, intbagħtu fit-3 ta’ Ottubru 2009, permezz ta’ servizz ta’ tqassim tal-posta.

9        Fil-5 ta’ Ottubru 2009, ir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, li rċieva pakkett li kien fih biss kopji tar-rikors, avża lill-avukati tar-rikorrenti li l-pakkett li kien fih l-oriġinali kien għadu ma wasalx. Għaldaqstant, kopja tad-dokumenti nieqsa u oriġinal ġdid iffirmat ġew ippreżentati fir-Reġistru fl-istess jum.

10      Fis-16 ta’ Novembru 2009, ir-reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lir-rikorrenti li l-oriġinali tar-rikors, ippreżentat fil-5 ta’ Ottubru 2009, kien differenti mill-kopja tiegħu li ntbagħtet bil-faks fil-25 ta’ Settembru 2009. Għalhekk, skont l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija d-data tal-5 ta’ Ottubru 2009, u mhux tal-25 ta’ Settembru 2009, li tqieset bħala d-data tal-preżentata tar-rikors.

11      Permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Novembru 2009 u mibgħuta l-għada bil-faks lir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti, filwaqt li rrikonoxxiet ir-riċevuta tal-ittra tar-reġistru tas-16 ta’ Novembru 2009, esponiet ir-raġunijiet li għalihom l-oriġinali tar-rikors ma kinitx intbagħtet fit-termini stabbiliti u talbet lill-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ forza maġġuri f’dan il-każ, u bħala konsegwenza, li terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha li tqis il-5 ta’ Ottubru 2009 bħala data tal-preżentata tar-rikors.

12      Fis-26 ta’Novembru 2009, ir-rikorrenti bagħtet ittra lir-reġistru tal-Qorti Ġenerali bil-faks fejn fiha hija spjegat iċ-ċirkustanzi tat-telf tal-pakkett mill-kumpannija li hija kienet inkarigat għat-tqassim tal-posta u talbet mill-ġdid li d-data tal-preżentata tal-oriġinal tar-rikors titqies li kienet il-25 ta’ Settembru 2009.

13      Fit-3 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti ġiet infurmata mill-kumpannija tat-tqassim tal-posta li hija kienet użat li l-pakkett nieqes ma nstabx.

14      Permezz ta’ att separat, iddepożitat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà inkwantu t-talba għal kumpens hija preskritta.

15      Fl-14 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

16      Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 2010, il-Qorti Ġenerali għamlet domanda bil-miktub lill-partijiet dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura dwar iż-żieda tat-terminu ta’ proċedura b’terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart’ijiem, għal dan il-każ. Il-partijiet irrispondew fit-termini stabbiliti.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 2 miljuni, li tikkorrispondi għall-profitt gross li hi setgħet tagħmel mill-ewwel kuntratt kieku dan ġie mogħti lilha (50 % tal-valur tal-kuntratt);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 100 000, li tikkorrispondi għad-dannu sostnut minħabba l-opportunità mitlufa li jiġi eżegwit il-kuntratt;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      Fl-osservazzjonijiet fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

 Id-dritt

20      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fuq talba minn parti, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. B’konformità mal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor.

21      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors, jew fil-każ li tali rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tkompli bil-proċedura, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

22      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-eżami tal-proċess hija għandha biżżejjed informazzjoni u li ma hemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.

 L-argumenti tal-partijiet

23      Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors peress li l-azzjoni li huwa bbażat fuqha hija preskritta, minħabba li din ġiet ippreżentata wara li skada t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin stabbilit fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità Ewropea permezz tal-Artikolu 46 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24      Dan it-terminu beda jiddekorri mill-mument meta d-dannu allegat twettaq effettivament.

25      Il-Kummissjoni tfakkar li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob il-kumpens għad-dannu allegatament sostnut mill-fatt li l-ewwel kuntratt ma ngħatax lilha u, sussidjarjament, kumpens għal “telf ta’ opportunità” wkoll.

26      Skont il-Kummissjoni, id-dannu allegat li ta lok għat-talba prinċipali u għat-talba sussidjarja, twettaq fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni li l-offerta tar-rikorrenti għandha tinċaħad, peress li huwa f’dan il-mument li r-rikorrenti ma baqgħetx tista’ tingħata l-ewwel kuntratt. Għaldaqstant, id-dannu seħħ fid-data meta l-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti li l-offerta tagħha ma ntgħażlitx, jiġifieri fil-15 ta’ Settembru 2004. Kif irrikonoxxiet b’mod impliċitu r-rikorrenti fl-ittra tagħha datata d-19 ta’ Novembru 2009 indirizzata lir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, huwa minn dak il-jum li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri. Għaldaqstant, ir-rikors ippreżentat fil-5 ta’ Ottubru 2009 huwa preskritt.

27      Skont il-Kummissjoni, din il-konlużjoni hija kkonfermata mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2005, Ehcon vs Il-Kummissjoni (T‑140/04, Ġabra p. II‑3287). Skont il-punt 43 ta’ dan id-digriet, id-dannu li jirriżulta mill-fatt li ma jinkisibx il-kuntratt li jikkostitwixxi s-suġġett tas-sejħa għal offerti u dak li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità li jinkiseb dan il-kuntratt jimmaterjalizzaw fil-jum meta l-Kummissjoni tiċħad l-offerta tal-offerent mhux magħżul. Din iċ-ċaħda għaldaqstant tikkostitwixxi l-fatt li jagħti lok għall-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28      Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, wara li kkonstatat li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri fil-jum taċ-ċaħda tal-offerta mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 46 tad-digriet Ehcon vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, li, f’dan il-każ, l-imsemmi perijodu kien beda, l-iktar tard, fid-data li fiha r-rikorrenti rċiviet it-tieni komunikazzjoni mill-Kummissjoni li kienet tinfurmaha bil-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tagħha.

29      Skont din, mill-punt 46 tad-Digriet Ehcon vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott li l-Qorti Ġenerali aċċettat id-data li fiha t-terminu ta’ preskrizzjoni kien beda jiddekorri kienet dik tal-jum li fih l-offerent irċieva l-ittra li fiha hija spjegatlu l-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tiegħu. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal dan id-digriet, fejn ir-rikors kien prekluż fi kwalunkwe każ, l-għarfien tad-data eżatta ta’ meta beda jiddekorri t-terminu tal-preskrizzjoni ftit kien jimporta. Barra minn hekk, konklużjoni bħal din tmur kontra l-kliem tal-punt 43 tal-istess digriet, deskritt hawn fuq.

30      Fl-aħħar nett, din il-konklużjoni ma tikkonformax mar-ratio legis tal-preskrizzjoni li, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tagħha tat-18 ta’ Lulju 2002, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il‑Kummissjoni (C‑136/01 P, Ġabra p. I‑6565, punt 28) għandha l-għan li tirrikonċilja l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna leża u l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li l-għarfien preċiż tal-fatti ma hijiex waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom ikunu sodisfatti sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri. F’dan il-każ, hija ddeduċiet li, sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri, ma kienx neċessarju li r-rikorrenti jkollha raġunijiet iddettaljati taċ-ċaħda tal-offerta tagħha. Fil-fatt, terminu ta’ preskrizzjoni relattivament twil jingħata preċiżament sabiex ir-rikorrenti jkollha ż-żmien sabiex tiġbor din l-informazzjoni matul dan il-perijodu.

31      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kellha tiġi ppreżentata sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Settembru 2009, jiġifieri ħames snin wara ċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-terminu għal raġunijiet ta’ distanza, ta’ għaxart’ijiem.

32      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-rikorrenti bbażat f’dan il-każ fuq l-eżistenza ta’ forza maġġuri. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, b’konformità mal-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ forza maġġuri huwa magħmul minn element oġġettiv u element suġġettiv. L-ewwel wieħed jikkonċerna ċirkustanzi mhux normali u indipendenti mir-rieda tal-persuna kkonċernata, filwaqt li t-tieni wieħed huwa relatat mal-obbligu tal-persuna kkonċernata li tipproteġi ruħha mill-konsegwenzi tal-avveniment anormali, billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Jannar 2009, Centro Studi Manieri vs Il-Kunsill (T‑125/06, Ġabra p. II‑69, punt 28), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-persuna kkonċernata għandha tosserva bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura u, b’mod partikolari, tkun diliġenti sabiex tosserva t-termini previsti.

33      Fir-rigward tal-ewwel element, il-Kummissjoni tqis li l-kunsinna tardiva ta’ pakkett hija avveniment mhux tas-soltu, iżda mhux imprevedibbli. Jekk wieħed jissuponi li, minkejja dan, in-nuqqas ta’ kunsinna ta’ wieħed miż-żewġ pakketti mibgħuta mir-rikorrenti huwa xorta avveniment anormali, il-Kummissjoni madankollu tqis li r-rikorrenti ma wrietx id-diliġenza meħtieġa, peress li hija għażlet li tistenna mhux biss l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, iżda wkoll lejlet l-iskadenza tat-terminu għal raġuni ta’ distanza addizzjonali, sabiex tibgħat kopja tar-rikors lill-Qorti Ġenerali bil-faks. Imbagħad, ir-rikorrenti stenniet ġimgħa tax-xogħol sħiħa qabel ma għaddiet, fl-aħħar mument, id-dokumenti lill-kumpannija ta’ tqassim tal-posta, fit-3 ta’ Ottubru 2009, meta kienet taf li kwalunkwe dewmien fil-kunsinna jirriżulta fin-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu. Għaldaqstant, hija aċċettat dan ir-riskju konxjament.

34      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti tikkontesta d-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni magħmula mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, hija tiċħad it-teżi li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri fil-15 ta’ Settembru 2004, id-data li fiha hija ġiet infurmata li l-offerta tagħha ma ntgħażlitx. F’dan ir-rigward, hija tinvoka l-punti 44, 45 u 48 tad-digriet Ehcon vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, li huma kunfliġġenti mal-punt 43 li fuqu qed tibbaża ruħha l-Kummissjoni. Minn dawn il-punti jirriżulta li l-kundizzjonijiet li jippermettu lir-rikorrenti ssostni d-drittijiet tagħha għal kumpens jingħaqdu biss meta din issir taf il-motivazzjonijiet tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u mhux fid-data li fiha hija ġiet sempliċiment infurmata bir-riżultat tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma saritx taf dawn il-motivazzjonijiet qabel l-20 jew it-23 ta’ Ottubru 2004.

35      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-kuntratt f’dan il-każ huwa “kuntratt qafas” u li, bħala konsegwenza, ma seħħ l-ebda dannu u l-ebda preġudizzju ma jkun ċert qabel l-iffirmar ta’ “kuntratt speċifiku”. Minn dan jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri biss mill-mument meta “kuntratt speċifiku” ikun effettivament iffirmat bejn il-Kummissjoni u l-offerent magħżul.

36      Skont ir-rikorrenti, l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, għaldaqstant, ġiet preskritta l-iktar kmieni fit-3 ta’ Novembru 2009, jiġifieri ħames snin u għaxart’ijiem, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni t-terminu għal raġuni ta’ distanza, wara li saret taf il-motivazzjonijiet taċ-ċaħda mill-Kummissjoni tal-offerta tagħha.

37      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument li l-Kummissjoni bbażat fuq id-digriet Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, peress li l-fatti tal-kawża li tat lok għal dan id-digriet huma wisq ’il bogħod minn dan il-każ sabiex ikunu jistgħu jintużaw b’mod pertinenti. Skont din, fil-kawżi dwar il-kuntratti pubbliċi, filwaqt li l-offerent mhux magħżul ma jkunx jaf il-motivazzjoni eżatta taċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, huwa ma jkunx f’pożizzjoni li jevalwa jekk l-att huwiex illegali jew le, u allura jekk jeżistix dannu jew le, li hija l-ewwel kundizzjoni għall-preżentata ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-Komunità. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis, abbażi tal-punt 45 tad-digriet Ehcon vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, li l-komunikazzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni hija l-kundizzjoni sine qua non sabiex il-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-legalità tal-proċedura.

38      Barra minn hekk, hija tenfasizza li, wara t-talba tagħha, il-Kummissjoni damet iktar minn xahar biex tagħtiha l-motivi tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta tagħha u li l-Kummissjoni issa qiegħda tipprova tinkludi dan il-perijodu ta’ nuqqas ta’ azzjoni fit-terminu ta’ preskrizzjoni għall-preżentata ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali.

39      Fl-aħħar nett, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, punt 6 iktar ’il fuq, li tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtix l-ewwel kuntratt lir-rikorrenti, hija fondata b’mod partikolari fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Bħala konsegwenza, hija fid-data tal-għoti tal-imsemmija sentenza, jiġifieri fl-10 ta’ Settembru 2008, li r-rikorrenti rċiviet l-ispjegazzjoni taċ-ċaħda tal-offerta tagħha.

40      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-argument li l-Kummissjoni tibbaża fuq l-ittra tagħha datata d-19 ta’ Novembru 2009, jiġifieri li dik hija ekwivalenti għal aċċettazzjoni impliċita tal-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-15 ta’ Settembru 2004. Din l-ittra inkitbet, bħala miżura ta’ prekawzjoni, skont l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tantiċipa l-argumenti tal-Kummissjoni u fl-ebda każ ma tista’ tiġi interpretata bħala aċċettazzjoni tal-15 ta’ Settembru 2004 bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

41      Fir-rigward tal-kwistjoni tad-data tal-preżentata tal-oriġinal tar-rikors miżmuma mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti qabel xejn issostni li, minbarra l-firma li kellha ssir mill-avukati tagħha fuq il-verżjoni tar-rikors ipprintjata mill-ġdid wara t-telf tal-oriġinali mibgħuta bil-posta, ma hemm l-ebda differenza bejn il-verżjoni mibgħuta bil-faks fil-25 ta’ Settembru 2009 u l-oriġinali ppreżentata fir-reġistru fil-5 ta’ Ottubru 2009. Il-possibbiltà ta’ differenza fil-firma ma tikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura.

42      Imbagħad, ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-forza maġġuri għal dan il-każ. Hija tenfasizza li kull tranżazzjoni neċessarja għall-preżentata ta’ rikors twettqet fit-termini previsti. Fi kwalunkwe każ, skont din, jekk kunsinna tardiva ta’ pakkett tikkostitwixxi riskju konsiderevoli, dan ma jistax ikun minħabba t-telf tiegħu, iktar u iktar peress li l-imsemmi pakkett intbagħat f’idejn tajba ta’ kumpannija proprjetà tad-Deutsche Post.

43      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-prinċipji tal-ġurisprudenza invokati mill-Kummissjoni u tfakkar li f’dan il-każ, wara li bagħtet kopja tar-rikors bil-faks fit-termini, hija ħadet ħsieb li tivverifika fuq is-sit tal-internet tal-kumpannija ta’ tqassim tal-posta li l-pakkett li kien fih l-oriġinali u l-annessi kien twassal fit-terminu, jiġifieri fil-5 ta’ Ottubru 2009. Kien biss fil-wara nofsinhar tal-istess jum li r-rikorrenti ġiet infurmata mir-reġistru li l-oriġinali ma kinitx waslet. Sa minn dak il-ħin, il-kumpannija tat-tqassim tal-posta ġiet ikkuntattjata immedjatament u, malli indunaw li l-pakkett ma kienx se jinstab fil-ħin, ġiet ipprintjata kopja ġdida tar-rikors u ntbagħtet lir-reġistru fil-5 ta’ Ottubru 2009 filgħaxija.

44      Għaldaqstant, meta ħadet il-miżuri xierqa sabiex tiżgura l-preżentata tar-rikors fit-termini stabbiliti, ir-rikorrenti wriet diliġenza u ma setgħetx tipprevedi, jew fi kwalunkwe każ, tevita t-telf tad-dokument oriġinali.

45      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tilmenta li dan il-każ għandu jitqies b’mod ad hoc, minħabba l-karattru kemm ġdid u irriversibbli tat-telf ta’ dokument oriġinali mill-kumpannija tat-tqassim tal-posta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

46      Skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali b’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut, l-azzjonijiet kontra l-Komunità dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali huma preskritti wara ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi interrotta jew bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti, jew inkella bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjoni kompetenti.

47      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, hija suġġetta għall-preżenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet flimkien, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, Ġabra p. I‑10833, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T‑175/94, Ġabra p. II‑729, punt 44, u Centro Studi Manieri vs Il-Kunsill, punt 32 iktar ’il fuq, punt 97).

48      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta jiġu sodisfatti dawk il-kundizzjonjiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu tal-kumpens, u, b’mod partikolari, meta d-dannu li jrid jiġi kkumpensat jikkonkretizza ruħu. B’mod partikolari, kwistjonijiet li jqumu, bħal f’dan il-każ, minn atti individwali, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri minn meta dawn l-atti jipproduċu l-effetti tagħhom fir-rigward tal-persuni li huma jsemmu [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, C‑282/05 P, Ġabra p. I‑2941, punti 29 u 30 u tal-11 ta’ Ġunju 2009, Transports Schiocchet – Excursions vs Il-Kummissjoni, C‑335/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 33; digriet tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Awwissu 2009, Abouchar vs Il-Kummissjoni, T‑367/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 23].

49      Għandu wkoll jitfakkar li l-preskrizzjoni għandha l-funzjoni li tgħaqqad il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna leża u l-prinċipju ta’ ċertezza legali. It-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni għaldaqstant ġie ddeterminat b’kunsiderazzjoni taż-żmien neċessarju għall-parti allegatament leża sabiex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għal rikors eventwali u sabiex tivverifika l-fatti li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ dan ir-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 28; digriet tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2009, Cattin vs Il‑Kummissjoni, T‑194/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 69, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2010, C‑Content vs Il-Kummissjoni, T‑247/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 54).

50      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, l-għarfien eżatt u ddettaljat tal-fatti inkwistjoni min-naħa tal-vittma ma għandu l-ebda importanza, peress li l-għarfien tal-fatti ma jinstabx fost l-elementi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni msemmi fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jibda jiddekorri. B’hekk, l-evalwazzjoni suġġettiva tar-realtà tad-dannu ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, C‑51/05 P, Ġabra p. I‑5341, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan il-każ, ir-rikorrenti prinċipalment titlob il-kumpens għad-dannu sostnut mill-fatt li l-ewwel kuntratt ma ngħatax lilha, jiġifieri somma li tikkorrispondi għall-profitt gross li hija setgħet tagħmel minn dan il-kuntratt (50 % tal-valur tal-kuntratt). Sussidjarjament, hija titlob kumpens għat-telf ta’ opportunità, li hija sostniet sew minħabba t-telf ta’ opportunità li twettaq l-ewwel kuntratt u anke dannu minħabba t-telf ta’ opportunità li tingħata kuntratti oħra, b’mod partikolari l-kuntratt mogħti fl-2008, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti MARE/2008/01 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt segwenti”), li l-valur inizjali tiegħu kien jaqbeż il-EUR 5 miljun, mid-DĠ “Affarijiet marittimi u Sajd” tal-Kummissjoni, lill-kuntrattur li ngħata l-ewwel kuntratt (iktar ’il quddiem id-“dannu li rriżulta mit-telf ta’ opportunità li jinkisbu l-kuntratti segwenti”).

 Fuq id-dannu li jirriżulta min-nuqqas ta’ ksib tal-ewwel kuntratt u tat-telf ta’ opportunità li dan jinkiseb

52      Kif diġà osservat il-Qorti Ġenerali fil-kawża li tat lok għad-digriet Ehcon vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, id-dannu li rriżulta min-nuqqas ta’ ksib tal-kuntratt inkwistjoni u tat-telf ta’ opportunità li jinkiseb dan il-kuntratt immaterjalizza fil-jum ta’ meta l-offerta tar-rikorrenti inċaħdet mill-Kummissjoni, b’din iċ-ċaħda tikkostitwixxi wkoll il-fatt li jagħti lok għall-azzjoni għal responsabbiltà, fis-sens tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, id-digriet Ehcon vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 43).

53      Iċ-ċaħda tal-offerta tagħha ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 2004, riċevuta minnha fl-istess jum (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).

54      Huwa minnu, hekk kif issostni r-rikorrenti, li, fil-punti 44, 45 u 48 tad-digriet Ehcon vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tidher li tikkontesta s-soluzzjoni mogħtija fil-punt 43 tal-imsemmi digriet, li skont din, id-danni inkwistjoni immaterjalizzaw ruħhom dakinhar taċ-ċaħda tal-offerta. Xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-punti għandhom jinqraw fil-kuntest tagħhom u skont l-ordni loġika tagħhom. B’mod partikolari, fil-punt 45, meta l-Qorti Ġenerali affermat li “il-kundizzjonijiet kollha ta’ l-implementazzjoni tad-dritt għal kumpens ta’ danni tar-rikorrenti kienu ġew sodisfatti mhux aktar tard mill-20 ta’ Marzu 1997 (jiġifieri fil-jum li fih ir-rikorrenti f’dan il-każ saret taf il-motivi tad-deċiżjoni taċ-ċaħda) u li, b’hekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin (kien) wasal biex jiskadi, l-aktar tard, fl-20 ta’ Marzu 2002”, hija qieset sempliċiment li, f’dan il-każ, ir-rikors kien fi kwalunkwe każ tardiv, minħabba li huwa ġie biss ippreżentat fit-8 ta’ April 2004. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, din l-aħħar konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma tistax tikkontesta l-premessa ewlenija tar-raġunament tagħha li danni bħalma huma dawk inkwistjoni jimmaterjalizzaw ruħhom fil-jum taċ-ċaħda tal-offerta, biċ-ċaħda tkun il-fatt li jagħti lok għall-azzjoni għal responsabbiltà.

55      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-allegati danni li f’dan il-każ taw lok għal azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-Komunità seħħew fid-data tad-deċiżjoni taċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti mill-Kummissjoni u li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ din l-azzjoni beda jiddekorri fil-mument meta din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti, jiġifieri fil-15 ta’ Settembru 2004.

56      B’konformità mal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa interrott biss bil-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti Komunitarja jew b’talba qabel il-preżentata tar-rikors indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti tal-Komunità, bil-kundizzjoni li f’dan l-aħħar każ, ikun hemm interruzzjoni biss jekk it-talba tkun segwita minn rikors fit-terminu stabbilit b’riferiment għall-Artikoli 230 KE jew 232 KE, skont il-każ.

57      F’dan ir-rigward, l-ittri tas-7 ta’ Ottubru 2008 u tal-5 ta’ Marzu 2009, indirizzati mir-rikorrenti lill-President tal-Kummissjoni, ma fihom l-ebda talba espliċita għal kumpens u ma kinux segwiti minn rikors fit-terminu stabbilit b’riferiment għall-Artikolu 230 KE jew għall-Artikolu 232 KE. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija ittri ma għandhomx effett fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst bl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

58      Għalhekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, fir-rigward taż-żewġ danni allegati, skada fil-15 ta’ Settembru 2009 mingħajr ma ġie interrott.

59      L-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

60      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni, billi essenzjalment tibbaża ruħha fuq il-punti 45 u 48 tad-digriet Ehcon vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, li, sabiex tistabbilixxi l-aġir illegali tal-Kummissjoni, hija kellha bżonn tkun taf il-motivazzjonijiet tad-deċiżjoni mogħtija minnha u li hi ma saritx taf b’dawn il-motivazzjonijiet qabel l-20 jew it-23 ta’ Ottubru 2004. Għalhekk l-azzjoni tagħha hija preskritta l-iktar kmieni fit-3 ta’Novembru 2009, jiġifieri fi tmiem il-perijodu ta’ ħames snin u għaxart’ijiem mit-22 ta’ Ottubru 2004, u mhux mill-25 ta’ Settembru 2009.

61      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, hekk kif ġie indikat fil-punti 52 u 55 iktar ’il fuq, hija ċ-ċaħda tal-offerta, u mhux il-motivazzjoni ta’ din iċ-ċaħda, li tikkostitwixxi l-fatt li jagħti lok għall-azzjoni għal responsabbiltà fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li timmaterjalizza d-danni allegatament sostnuti mill-offerent mhux magħżul.

62      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, il-fatt li, fil-mument meta huwa ressaq talba għal kumpens kontra l-Komunità, rikorrent ikun ħaseb li ma kellux il-provi kollha li kellu bżonn sabiex jagħti prova b’mod suffiċjenti skont il-liġi tar-responsabbiltà tal-Komunità fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ma jistax, b’daqshekk, iwaqqaf it-terminu ta’ preskrizzjoni milli jiddekorri. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, allura tinħoloq konfużjoni bejn il-kriterju proċedurali dwar il-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni u l-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà huma sodisfatti, li tista’ ssir, b’mod definittiv, biss mill-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kwistjoni sabiex tagħti deċiżjoni finali dwar il-mertu tal-kawża (digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2001, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, T‑124/99, Ġabra p. II‑53, punt 24).

63      Għandu wkoll jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti billi tibbaża ruħha fuq il-punti 45 u 48 tad-digriet Ehcon vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, f’dan il-każ l-ittra tad-DĠ “Sajd” tal-15 ta’ Settembru 2004 – li kienet tikkostitwixxi l-att ikkontestat fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummisjoni, punt 6 iktar ’il fuq – kien diġà fiha indikazzjoni tal-motivazzjonijiet taċ-ċaħda tal-offerta tagħha (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). L-ittri mibgħuta wara mid-DĠ “Sajd” kienu intiżi biss li jagħtu, wara talba mir-rikorrenti, spjegazzjonijiet addizzjonali li jikkonċernaw dawn il-motivazzjonijiet kif ukoll il-benefiċċji tal-offerta magħżula (ara l-punti 3 u 4 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-fatt li l-għarfien iddettaljat tal-motivazzjonijiet taċ-ċaħda allegatament ikkonkretizza xi jiem wara li ntbagħtet il-komunikazzjoni tal-imsemmija ċaħda ma jikkontradixxix il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 iktar ’il fuq, li tgħid li t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari ż-żmien meħtieġ mill-parti allegatament leża sabiex tiġbor l-informazzjoni xierqa għal rikors eventwali u sabiex tivverifika l-fatti li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ dan ir-rikors.

64      Fl-aħħar mill-aħħar, jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jitwaqqaf milli jibda jiddekorri sakemm il-parti allegatament leża tkun personalment konvinta li ġarrbet dannu, dan ikollu l-konsegwenza li jvarja l-mument tal-estinzjoni tal-imsemmija azzjoni skont il-perċezzjoni individwali li kull parti jista’ jkollha tar-realtà tad-dannu, u dan imur kontra l-eżiġenza taċ-ċertezza legali neċessarja għall-applikazzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza C‑Content vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat finalment li, hekk kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, mill-ittra datata d-19 ta’ Novembru 2009, mibgħuta lir-reġistru tal-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti jirriżulta li din qieset li l-aġir illegali tal-Kummissjoni mmanifesta ruħu meta ntbagħtet l-ittra li kienet tikkomunika ċ-ċaħda tal-offerta tal-15 ta’ Settembru 2004, peress li huwa minn din id-data li r-rikorrenti tat bidu, impliċitament, għat-terminu ta’ preskrizzjoni.

66      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-fatt li l-ewwel kuntratt huwa kuntratt qafas, huwa meħtieġ li jseħħ l-iffirmar ta’ kuntratt speċifiku sabiex dannu jseħħ. Issa, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, il-kundizzjoni relattiva għall-eżistenza ta’ dannu ċert hija sodisfatta meta d-dannu jkun imminenti u prevedibbli b’ċertezza suffiċjenti, anki jekk dan ikun għadu ma jistax jiġi kkalkulat bi preċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Jannar 1987, Zuckerfabrik Bedburg et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 281/84, Ġabra p. 49, punt 14; ara d-digriet Abouchar vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri fil-mument meta d-dannu pekunjarju jkun twettaq effettivament [sentenza Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 33]. Issa, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, id-dannu li jirriżulta għall-kandidat mhux magħżul min-nuqqas ta’ ksib tal-kuntratt u mit-telf ta’ opportunità li jikseb dan tal-aħħar, jirriżulta direttament u immedjatament mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta tiegħu, indipendentement mill-iffirmar eventwali ta’ kuntratt speċifiku bejn l-istituzzjoni Komunitarja u l-kandidat magħżul. Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument imqajjem għall-ewwel darba mir-rikorrenti fir-risposta bil-miktub tagħha għad-domanda tal-Qorti Ġenerali, li minħabba l-kuntratt qafas, id-dannu baqa’ għaddej matul il-perijodu kollu li fih ir-rikorrenti kienet ipprojbita milli tiffirma kuntratti individwali.

67      It-tielet nett, fid-dawl tal-analiżi mwettqa fil-punti 52 sa 55 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tagħmel użu utli mid-dewmien tal-Kummissjoni biex tirrispondi għat-talba tagħha għal kjarifiki fir-rigward tal-motivazzjonijiet taċ-ċaħda tal-offerta tagħha.

68      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li hi ma kellha l-ebda spjegazzjonijiet reali dwar iċ-ċaħda tal-offerta tagħha qabel id-data tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li ddikjarat l-annullament tad-deċiżjoni li minnha oriġina d-dannu. Għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti xejn ma huwa ċar. Fi kwalunkwe każ, f’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, huwa irrilevanti, sabiex jibda t-terminu ta’ preskrizzjoni, li l-aġir illegali tal-Komunità jkun ġie kkonstatat minn deċiżjoni ġudizzjarja [sentenza Holcim(Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 31]. Fir-rigward tal-bqija, huwa meħtieġ li jsir riferiment għall-punti 61 sa 64 iktar ’il fuq.

69      Finalment, il-ħames nett, fir-risposta bil-miktub għad-domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tqajjem argument ġdid ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta tagħha u li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor ġiet ippubblikata, bħal kwalunkwe deċiżjoni oħra ta’ dan it-tip, b’konformità mal-Artikoli 118 u 120 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem ir-“regoli dettaljati għall-implementazzjoni”), fil-parti S tal-Ġurnal Uffiċjali tas-16 ta’ Diċembru 2004, u li bħala konsegwenza, din id-data, li tistabbilixxi terminu inkonfutabbli, tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar għal darb’oħra, li hija ċ-ċaħda tal-offerta li tikkostitwixxi l-fatt li jagħti lok għall-azzjoni għal responsabbiltà fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li timmaterjalizza d-danni allegatament sostnuti mill-offerent mhux magħżul. Għalhekk, huwa mill-jum meta l-offerent mhux magħżul ikun personalment infurmat biċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, u mhux fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ għoti fil-Ġurnal Uffiċjali, li t-terminu jibda jiddekorri. Fi kwalunkwe każ, għandu wkoll jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-pubblikazzjoni ta’ tali avviż, li għandu bħala għan l-informazzjoni ta’ terzi, hija biss meħtieġa, skont l-Artikolu 118(4) tar-regoli ddettaljati tal-implementazzjoni, għal kuntratti li l-ammont tagħhom huwa ugwali jew ikbar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 158 tal-imsemmija regoli ddettaljati ta’ eżekuzzjoni.

71      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin biex tiġi ppreżentata azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali skada fil-15 ta’ Settembru 2009.

72      Issa, jekk ir-rikorrenti tallega li, f’dan il-każ, każ ta’ forża maġġuri jkun jeħtieġ li tiġi kkunsidrata d-data ta’ meta ntbagħtet il-kopja bil-faks minflok dik tal-preżentata tal-oriġinali tar-rikors, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti bagħtet ir-rikors bil-faks fil-25 ta’ Settembru 2009, meta t-terminu ta’ preskrizzjoni kien diġà skada.

73      Fil-fatt, it-teżi tar-rikorrenti hija li t-terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart’ijiem japplika f’dan il-każ. Għalhekk, jekk l-argument tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri jintlaqa’, u jekk id-data tal-25 ta’ Settembru 2009 tiġi kkunsidrata bħala d-data tal-preżentata tar-rikors, ir-rikors huwa ammissibbli. Fil-fatt, l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma mill-Kummissjoni hija bbażata fuq il-fatt li r-rikors għandu jitqies li ġie ppreżentat fil-5 ta’Ottubru 2009 u mhux, kif issostni r-rikorrenti, fil-25 ta’ Settembru 2009.

74      Issa, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali li tikkonċerna l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti sostniet li l-azzjoni tagħha ma ġietx preskritta, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiżdied bit-terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart’ijiem, previst fl-imsemmi Artikolu 102. F’dan ir-rigward, hija tirreferi wkoll għall-punt 26 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 1995, Lefebvre et vs Il-Kummissjoni (T‑571/93, Ġabra p. II‑2379) fejn ġie rrikonoxxut li t-termini għal raġuni ta’ distanza japplikaw għall-kawżi għal responsabbiltà mhux kuntrattwali.

75      Għandu jiġi osservat li, fi kliem l-istess Artikolu 102(2) stess tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu għal raġuni ta’ distanza jikkonċerna biss it-termini tal-proċedura u mhux it-terminu ta’ preskrizzjoni, previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-mogħdija tiegħu twassal għat-tmiem tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, li għaldaqstant ma jiżdied l-ebda terminu għal raġuni ta’ distanza [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Jannar 2002, Biret u Cie vs Il-Kunsill, T‑210/00, Ġabra p. II‑47, punti 19 u 45, u tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T‑28/03, Ġabra p. II‑1357, punt 74; digrieti tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2008, Transport Schiocchet – Excursions vs Il-Kummissjoni, T‑220/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 15 u 35, u Cattin vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punti 61 u 65].

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar barra minn hekk li l-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom l-impenn għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u, għaldaqstant, ir-regoli ta’ preskrizzjoni li jirregolaw l-azzjonijiet relatati, jistgħu jkunu bbażati biss fuq kriterji strettament oġġettivi. Li kieku l-affarijiet kienu differenti kien ikun hemm ir-riskju li jinkiser il-prinċipju taċ-ċertezza legali li fuqu huma bbażati preċiżament ir-regoli ta’ preskrizzjoni (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, punt 50 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Barra minn hekk, il-fatt li t-termini tal-proċedura, bħalma huma t-termini għal rikors, u t-terminu ta’ ħames snin ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-Komunità huma termini, min-natura tagħhom, differenti, jista’ wkoll jiġi dedott mill-ġurisprudenza. Fil-fatt, it-termini għal rikors huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti, peress li ġew stabbiliti sabiex jiżguraw iċ-ċarezza u ċ-ċertezza ta’ sitwazzjonijiet legali. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina, anki ex officio, jekk ir-rikors ġiex ippreżentat fit-termini stabbiliti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Jannar 2004, OPTUC vs Il-Kummissjoni, T‑142/01 u T‑283/01, Ġabra p. II‑329, punt 30, u l-ġurisprudeza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Novembru 2008, TEA vs Il-Kummissjoni, C‑500/07 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 20). Min-naħa l-oħra, il-qorti ma tistax tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 1989, Roquette frères vs Il‑Kummissjoni, 20/88, Ġabra p. 1553, punti 12 u 13).

78      Barra minn hekk, mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-preskrizzjoni tiġi interrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjoni kompetenti. Sabiex jiġi kkalkulat it-terminu ta’ preskrizzjoni, din id-dispożizzjoni ma tiddistingwix skont jekk il-kawża tal-interruzzjoni ta’ dan it-terminu tirriżultax mill-preżentata ta’ rikors jew mill-preżentata ta’ talba minn qabel. Issa, l-applikazzjoni tat-terminu tal-proċedura previst fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li hija possibbli biss fil-każ ta’ tilwim permezz tal-litigazzjoni, għandha l-konsegwenza li l-preskrizzjoni tinkiseb wara perijodu differenti, skont jekk il-vittma tkunx għażlet li tindirizza direttament lill-qorti Komunitarja jew, minn qabel, lill-istituzzjoni kompetenti. Differenza bħal din, li ma hijiex prevista fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, twassal sabiex l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tkun tiddependi minn fattur li ma huwiex oġġettiv u jkollha wkoll il-konsegwenza li tiffavorixxi r-riżoluzzjoni tat-tilwim permezz tal-litigazzjoni iktar milli t-tfittxija ta’ soluzzjonijiet amikevoli.

79      Il-fatt li, fl-1995, f’sentenza li baqgħet każ iżolat (sentenza Lefebvre et vs Il‑Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 26), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li fil-kuntest ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet kontra l-Komunità fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-terminu għal raġuni ta’ distanza, skont l-Artikoli 101 u 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ma jidhirx, kuntrarjament għal dak li jidher li qiegħda ssostni r-rikorrenti, li jikkontesta tali konklużjoni.

80      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li din l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali hi preskritta, f’dak li jikkonċerna ż-żewġ danni allegati, peress li din ġiet ippreżentata iktar minn ħames snin wara l-okkorenza tal-fatti li taw lok għaliha, fis-sens tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra mressqa mill-partijiet, inkluż dak ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri.

 Fuq id-dannu li rriżulta mit-telf tal-opportunità li jinkisbu l-kuntratti segwenti

81      Fir-rigward tad-danni li jirriżultaw mit-telf tal-opportunità li jinkisbu l-kuntratti segwenti, qabelxejn għandu jiġi eżaminat il-fondatezza tat-talba tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet Ehcon vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 72).

82      Ir-rikorrenti ssostni li, kieku hi ngħatat l-ewwel kuntratt, hija kienet takkwista għarfien prezzjuż u kienet iżżid l-opportunitajiet tagħha li tirbaħ kuntratti oħra, inkluż il-kuntratt segwenti.

83      Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 47 iktar ’il fuq, hija ġurisprudenza stabbilita li l-impenn tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità huwa suġġett għall-preżenza ta’ għadd ta’ kundizzjonijiet flimkien, li huma l-illegalità fl-aġir li jkunu akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat.

84      Issa, fir-rigward qabel xejn tal-kuntratt segwenti, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda element li jista’ jistabbilixxi relazzjoni bejn l-ewwel kuntratt u l-kuntratt segwenti. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ xi rabta kawżali bejn iċ-ċaħda illegali tal-offerta tar-rikorrenti fl-ewwel proċedura tal-għoti u d-dannu li hija sofriet minħabba t-telf ta’ opportunità li tingħata l-kuntratt segwenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet Ehcon vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 76).

85      Fi kwalunkwe każ, it-telf tal-opportunità li tingħata l-kuntratt segwenti jista’ jiġi kkunsidrat bħala dannu reali u ċert fil-każ biss fejn, fin-nuqqas ta’ aġir ħażin tal-Kummissjoni, ma jkunx hemm dubju li r-rikorrenti kienet tikseb l-ewwel kuntratt. Issa, għandu jiġi enfasizzat li, f’sistema ta’ għotjiet pubbliċi bħal fil-każ inkwistjoni, l-awtorità kontraenti għandha setgħa diskrezzjonali sostanzjali fit-teħid tad-deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, id-digriet Ehcon vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 77). Għandu wkoll jiġi osservat li d-deċiżjoni taċ-ċaħda tal-offerta mitfugħa mir-rikorrenti u li l-ewwel kuntratt jingħata lill-offerent magħżul ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali fuq ir-raġuni waħdiena li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni (sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, punt 6 iktar ’il fuq, punt 80). Għalhekk, mhux biss ir-rikorrenti ma setgħetx tkun żgura li ser tikseb l-ewwel kuntratt, iżda ma hemm l-ebda element fil-proċess li jista’ jsostni tali konklużjoni.

86      Minn dan isegwi li, anke jekk wieħed jassumi li eventwalment ir-rikorrenti setgħet issofri telf ta’ opportunità li tikseb l-ewwel kuntratt minħabba aġir allegatament ħażin tad-DĠ “Sajd”, dannu li fi kwalunkwe każ huwa preskritt, dan it-telf waħdu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti sabiex jiġġenera dannu reali u ċert fir-rigward tar-rikorrenti li jirriżulta mit-telf tal-opportunità li tingħata l-kuntratt segwenti, fil-każ li jintwera li dan il-kuntratt jippreżenta rabta suffiċjenti mal-ewwel kuntratt (ara, f’dan is-sens, id-digriet Ehcon vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 77).

87      L-istess kunsiderazzjonijiet huma iktar u iktar validi fir-rigward tad-dannu, invokat b’mod pjuttost ġeneriku mir-rikorrenti fir-rikors, li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità li tikseb kuntratti oħra tal-Kummissjoni.

88      Minn dak kollu msemmi hawn fuq jirriżulta li t-talba tar-rikorrenti għall-kumpens għad-dannu li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità li tikseb il-kuntratti segwenti għandha tinċaħad bħala manifestament infondata fid-dritt, mingħajr l-ebda bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha.

89      Għaldaqstant, hemm lok li r-rikors jinċaħad kollu kemm hu, bħala li huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat manifestament.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE hija kkundannata għall-ispejjeż.

Il-Lussemburgu, it-22 ta’ Ġunju 2011.

E. Coulon

 

      J. Azizi

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.