Language of document : ECLI:EU:T:2011:299

Kawża T-409/09

Evropaïki Dynamiki–Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Annullament tad-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali — Preskrizzjoni — Terminu għal raġuni ta’ distanza — Rikors parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għad-danni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Terminu ta’ preskrizzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 102(2))

2.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Dannu ċert u reali kkawżat minn att illegali — Kunċett — Telf ta’ opportunità — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 288 KE)

3.      Rikors għad-danni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Terminu ta’ preskrizzjoni — Bidu tad-dekorrenza

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46)

4.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni — Terminu ta’ preskrizzjoni — Bidu tad-dekorrenza

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46)

1.      It-terminu għal raġuni ta’ distanza jikkonċerna biss it-termini tal-proċedura u mhux it-terminu ta’ preskrizzjoni li l-mogħdija tiegħu twassal għat-tmiem tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, li għaldaqstant ma jiżdied l-ebda terminu għal raġuni ta’ distanza. F’dan ir-rigward, ir-regoli ta’ preskrizzjoni li jirregolaw l-azzjonijiet għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huma bbażati fuq kriterji strettament oġġettivi inkella jkun hemm ir-riskju li jinkiser il-prinċipju taċ-ċertezza legali li fuqu huma bbażati preċiżament dawn ir-regoli.

Għalhekk, it-termini tal-proċedura, bħalma huma t-termini għal rikors, u t-terminu ta’ ħames snin ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-Unjoni huma termini, min-natura tagħhom, differenti. Fil-fatt, it-termini għal rikors huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti, peress li ġew stabbiliti sabiex jiżguraw iċ-ċarezza u ċ-ċertezza ta’ sitwazzjonijiet legali. Għaldaqstant, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha teżamina, anki ex officio, jekk ir-rikors ġiex ippreżentat fit-termini stabbiliti. Min-naħa l-oħra, il-qorti ma tistax tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali.

Barra minn hekk, il-preskrizzjoni tiġi interrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti. F’dan l-aħħar każ, ikun hemm interruzzjoni biss jekk it-talba tkun segwita minn rikors fit-terminu stabbilit b’riferiment għall-Artikoli 230 KE jew 232 KE, skont il-każ.

Fi kwalunkwe każ, sabiex jiġi kkalkulat it-terminu ta’ preskrizzjoni, ma ssirx distinzjoni skont jekk il-kawża tal-interruzzjoni ta’ dan it-terminu tirriżultax mill-preżentata ta’ rikors jew mill-preżentata ta’ talba minn qabel. Issa, l-applikazzjoni, f’dan ir-rigward, tat-terminu għal raġuni ta’ distanza għandha l-konsegwenza li l-preskrizzjoni tinkiseb wara perijodu differenti, skont jekk il-vittma tkunx għażlet li tindirizza direttament lill-qorti tal-Unjoni jew, minn qabel, lill-istituzzjoni kompetenti. Differenza bħal din, li ma hijiex prevista mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, twassal sabiex l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tkun tiddependi minn fattur li ma huwiex oġġettiv u jkollha wkoll il-konsegwenza li tiffavorixxi r-riżoluzzjoni tat-tilwim permezz tal-litigazzjoni iktar milli t-tfittxija ta’ soluzzjonijiet amikevoli.

(ara l-punti 46, 56, 75-78)

2.      L-impenn tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa suġġett għall-preżenza ta’ għadd ta’ kundizzjonijiet flimkien, li huma l-illegalità fl-aġir li jkunu akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat.

Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tibqax tapplika meta ma jkunx possibbli li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ xi rabta kawżali bejn iċ-ċaħda illegali tal-offerta ta’ offerent fl-ewwel proċedura tal-għoti u d-dannu li huwa jkun sofra minħabba t-telf ta’ opportunità li jingħata kuntratti oħra fil-kuntest tal-proċeduri marbuta mal-ewwel kuntratt.

Fi kwalunkwe każ, it-telf tal-opportunità li jingħata l-kuntratt segwenti jista’ jiġi kkunsidrat bħala dannu reali u ċert fil-każ biss fejn, fin-nuqqas ta’ aġir ħażin tal-Kummissjoni, ma jkunx hemm dubju li l-impriża kkonċernata kienet tikseb l-ewwel kuntratt. Issa, f’sistema ta’ għotjiet pubbliċi, l-awtorità kontraenti għandha setgħa diskrezzjonali sostanzjali fit-teħid tad-deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt.

(ara l-punti 47, 83-87)

3.      It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu tal-kumpens, u, b’mod partikolari, meta d-dannu li jrid jiġi kkumpensat jikkonkretizza ruħu. B’mod partikolari, fil-kwistjonijiet li jqumu minn atti individwali, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri minn meta dawn l-atti jipproduċu l-effetti tagħhom fir-rigward tal-persuni li huma jsemmu.

L-għarfien eżatt u ddettaljat tal-fatti inkwistjoni min-naħa tal-vittma ma għandu l-ebda importanza, peress li l-għarfien tal-fatti ma jinstabx fost l-elementi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri.

Kieku kellu jkun mod ieħor, allura tinħoloq konfużjoni bejn il-kriterju proċedurali dwar il-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni u l-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà huma sodisfatti, li tista’ ssir, b’mod definittiv, biss mill-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kwistjoni sabiex tagħti deċiżjoni finali dwar il-mertu tal-kawża. Fil-fatt, jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jitwaqqaf milli jibda jiddekorri sakemm il-parti allegatament leża tkun personalment konvinta li ġarrbet dannu, dan ikollu l-konsegwenza li jvarja l-mument tal-estinzjoni tal-imsemmija azzjoni skont il-perċezzjoni individwali li kull parti jista’ jkollha tar-realtà tad-dannu, u dan imur kontra l-eżiġenza taċ-ċertezza legali neċessarja għall-applikazzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni.

(ara l-punti 48, 50, 62, 64)

4.      Il-kundizzjoni relattiva għall-eżistenza ta’ dannu ċert hija sodisfatta meta d-dannu jkun imminenti u prevedibbli b’ċertezza suffiċjenti, anki jekk dan ikun għadu ma jistax jiġi kkalkulat bi preċiżjoni, u l-preskrizzjoni tibda tiddekorri biss fil-mument meta d-dannu pekunjarju jkun twettaq effettivament. Huwa irrilevanti, sabiex jibda t-terminu ta’ preskrizzjoni, li l-aġir illegali tal-Unjoni jkun ġie kkonstatat minn deċiżjoni ġudizzjarja.

Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, id-dannu li jirriżulta għall-kandidat mhux magħżul min-nuqqas ta’ ksib tal-kuntratt u mit-telf ta’ opportunità li jikseb dan tal-aħħar jrriżulta direttament u immedjatament mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta tiegħu, indipendentement mill-iffirmar eventwali ta’ kuntratt speċifiku bejn l-istituzzjoni Komunitarja u l-kandidat magħżul kif ukoll mill-motivazzjoni ta’ din iċ-ċaħda.

Għalhekk, iċ-ċaħda tal-offerta tikkostitwixxi l-fatt li jagħti lok għall-azzjoni għal responsabbiltà fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u timmaterjalizza d-danni allegatament sostnuti mill-offerent mhux magħżul. Għalhekk, huwa mill-jum meta l-offerent mhux magħżul ikun personalment infurmat biċ-ċaħda tal-offerta tiegħu li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri. F’dan ir-rigward, id-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ għoti fil-Ġurnal Uffiċjali hija rrilevanti.

(ara l-punti 52, 61, 66, 68, 70)