Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2012 - North Drilling vs Il-Kunsill

(Kawża T-552/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: North Drilling Co. (Teheran, l-Iran) (rappreżentanti: J. Viñals Camallonga, L. Barriola Urruticoechea u J. Iriarte Ángel, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta' Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti u tneħħi isem ir-rikorrenti mill-anness tagħha;

tannulla l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta' Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti u tneħħi isem ir-rikorrenti mill-anness tiegħu, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li fuqhom huma bbażati d-dispożizzjonijiet ikkontestati, billi dawn ma humiex fondati u ma għandhomx bażi probatorju reali.

It-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' twettiq tal-obbligu ta' motivazzjoni

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, minħabba li l-atti kkontestati jipprovdu, fir-rigward ta' North Drilling Co., motivazzjoni żbaljata li hija infondata u li hija ġenerali u stereotipika.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tal-motivazzjoni tal-atti, tan-nuqqas ta' prova tal-motiv allegat u tad-drittijiet tad-difiża u tal-proprjetà, billi ma ġiex irrispettat ir-rekwiżit ta' motivazzjoni li jaffettwa d-drittijiet l-oħra.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-proprjetà

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-proprjetà, minħabba li dan ġie limitat mingħajr ġustifikazzjoni reali.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament, minħabba fi preġudizzju tal-pożizzjoni komparattiva tar-rikorrenti mingħajr ma kien hemm ebda raġuni għal dan.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta' poter

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-użu ħażin ta' poter, billi hemm indizji oġġettivi, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi sostnut li bl-adozzjoni tas-sanzjoni ntlaħqu għanijiet differenti minn dawk sostnuti mill-Kunsill.

____________