Language of document : ECLI:EU:C:2011:255

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fl-14 ta’ April 2011 (1)

Kawża C‑70/10

Scarlet Extended SA

vs

Société belge des auteurs compositeurs et éditeurs (Sabam)

fil-preżenza ta’:

Belgian Entertainement Association Video ASBL (BEA Video),

Belgian Entertainement Association Music ASBL (BEA Music),

Internet Service Provider Association ASBL (ISPA),

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju)]

“Soċjetà tal-informazzjoni – Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali –Direttiva 2004/48/KE – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati –Direttiva 2001/29/KE – Tniżżil (downloading) illegali minn fuq l-internet – Skambji ta’ fajls permezz ta’ softwer ‘peer-to-peer’ – Sistema ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Mekkaniżmu ta’ bblokkar tal-fajls skambjati bi ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni tad-data personali – Artikoli 7 u 8 tal-Karta – Artikolu 8 tal-KEDB –Direttiva 95/46/KE – Direttiva 2002/58/KE – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Dritt għal-libertà tal-espressjoni – Artikolu 11 tal-Karta – Artikolu 10 tal-KEDB – Responsabbiltà tal-fornituri intermedjarji ta’ servizzi – Obbligu ġenerali ta’ sorveljanza tal-informazzjoni – Direttiva 2000/31/KE – Stat tad-dritt – Limitazzjoni għad-drittijiet u għal-libertajiet ‘prevista mil-liġi’ – Kwalità tal-liġi – Supremazija tad-dritt”







Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt tal-Unjoni

1.     Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-proprjetŕ intellettwali

a)     Id-Direttiva 2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

b)     Id-Direttiva 2004/48 fuq l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

2.     Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali

a)     Id-Direttiva 95/46 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data

b)     Id-Direttiva 2002/58 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika

3.     Il-leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ elettroniku: id-Direttiva 2000/31

B –   Id-dritt nazzjonali

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

A –   Il-fatti u l-kawża prinċipali

B –   Id-domandi preliminari

C –   Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

IV – Analiżi

A –   Osservazzjonijiet preliminari

1.     Ir-riformulazzjoni tal-ewwel domanda: il-KEDB u l-Karta

2.     L-istruttura tar-risposta

3.     Approċċ f’erba’ fażijiet

B –   Il-miżura mitluba (ordni ta’ waqfien) u s-“sistema” meħtieġa (filtrazzjoni u bblokkar)

1.     Is-sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar

i)     Il-mekkaniżmu ta’ “filtrazzjoni”

ii)   Il-mekkaniżmu ta’ “bblokkar”

2.     Il-karatteristiċi tal-ordni

a)     “mingħajr limitu ta’ żmien”: il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-miżura

b)     “[il]-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha, kemm dawk irċevuti kif ukoll dawk li jintbagħtu”: il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-miżura

c)     “għall-klijentela kollha tiegħu”: il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżura

d)     “in abstracto u bħala prevenzjoni”: il-funzjoni preventiva u dissważiva tal-miżura mitluba

e)     “bl-ispejjeż esklużivament fuq dan il-FAI”: l-oneru tal-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni tal-miżura mitluba

3.     Konklużjoni intermedja

C –   Il-klassifikazzjoni tal-miżura fir-rigward tad-direttivi u tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta: “limitazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta

1.     “interpretati b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta”: fuq ir-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali

a)     Il-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8 tal-Karta)

b)     Il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (Artikolu 7 tal-Karta)

2.     “interpretati b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 11 tal-Karta”: fuq il-garanzija tal-libertà tal-espressjoni u tad-dritt għall-informazzjoni

3.     Konklużjoni intermedja

D –   Fuq il-kundizzjonijiet ta’ limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta u speċifikament il-kundizzjoni relatata mal-“kwalitŕ tal-liġi” b’mod partikolari [Artikolu 52(1) tal-Karta]

E –   “abbażi tas-sempliċi dispożizzjoni legali”: l-eżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-kundizzjoni bbażata fuq il-“kwalitŕ tal-liġi” [Artikolu 52(1) tal-Karta]

V –   Konklużjoni



I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħti deċiżjoni, min-naħa tagħha, dwar il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittjiet relatati fuq l-internet, tat-tniżżil (downloading) illegali ta’ xogħlijiet protetti, fenomenu komunement imsejjaħ “piraterija” ta’ xogħlijiet mużikali, ċinematografiċi, awdjoviżivi jew anki letterarji, u li tittratta l-ġlieda mwettqa mid-detenturi ta’ dawn id-drittijiet jew mill-benefiċjari tagħhom kontra dik li hija ppreżentata bħala problema dinjija (2). B’mod iktar preċiż, hija qed tintalab tagħti deċiżjoni, xi ħaġa mhux tas-soltu, dwar il-vijabbiltà, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, ta’ ċerti miżuri tekniċi fil-ġlieda kontra l-piraterija li, minkejja li l-affidabbiltà tagħhom ma ġietx stabbilita b’mod sħiħ u li huma suġġetti b’mod permanenti għall-progress teknoloġiku u għall-iżvilupp tal-prattiki, ġew ippreżentati bħala risposta adegwata possibbli għall-attakki li jitwettqu kuljum fuq “il-web” kontra d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

2.        Id-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża jeħtieġu interpretazzjoni kemm ta’ grupp kumpless ta’ dispożizzjonijiet ta’ atti tad-dritt sekondarju kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, iktar preċiżament il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3), fid-dawl tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (4). Madankollu, għandu jingħad mill-ewwel li, fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma humiex se jiġu ttrattati d-domandi ġuridiċi u l-problemi tekniċi kollha (5) li jqajmu l-miżuri inkwistjoni. Skont id-diċitura nnifisha tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ukoll tat-termini li permezz tagħhom hija tesponi s-sitwazzjoni ġuridika u fattwali tal-kawża prinċipali, se nagħmel ħilti sabiex nipprovdi risposta utli lill-qorti tar-rinviju billi nikkonċentra fuq l-iktar aspetti fundamentali.

3.        F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment qed tintalab tindika konkretament lill-qorti tar-rinviju jekk, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, huwiex permess li qorti nazzjonali tadotta miżura bħal dik li qed tintalab fil-kawża prinċipali, li tordna lil fornitur ta’ aċċess għall-internet (6) jistabbilixxi sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Issa, peress li l-miżura mitluba għandha portata għal kollox differenti għal dan il-FAI, minn naħa, u għall-utenti tas-servizzi ta’ dan il-FAI u b’mod iktar wiesa’, għall-utenti tal-internet, min-naħa l-oħra, din il-perspettiva doppja għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, minkejja li d-domanda magħmula tirreferi b’mod partikolari għad-drittijiet tal-utenti.

4.        Qabel kollox, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li din il-kawża hija differenti mill-kawża li tat lok għas-sentenza Promusicae (7), minkejja li l-kuntest ġuridiku u l-kuntest ġenerali tagħhom juru karatteristiċi simili evidenti. Għalkemm din il-kawża teżiġi, l-istess bħal fil-kawża Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, li jiġu rrikonċiljati r-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali differenti, iż-żewġ kawżi juru differenzi li, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju stess, jeskludu li t-tagħlim miksub mis-sentenza Promusicae, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ bilanċ ġust bejn id-drittijiet li tiddefinixxi, ikun suffiċjenti sabiex hija tkun tista’ tagħti deċiżjoni. Fil-fatt, fil-kawża Promusicae, il-FAI intalab jiżvela, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, l-identità u l-indirizz fiżiku ta’ persuni identifikati bl-indirizz tal-IP (8) tagħhom, kif ukoll bid-data u l-ħin tal-konnessjoni tagħhom. B’hekk, kienet inkwistjoni komunikazzjoni, f’kuntest ġudizzjarju, ta’ data magħrufa u identifikata. Fil-kawża prinċipali, min-naħa l-oħra, fornitur ta’ aċċess għall-internet qed jintalab jistabbilixxi sistema ta’ filtrazzjoni ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u ta’ bblokkar ta’ fajls elettroniċi li allegatament jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali. Dan ma huwiex intervent a posteriori, ladarba jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati, li qed jintalab, iżda intervent a priori, sabiex ikun evitat tali ksur u, b’mod iktar preċiż, sabiex tkun stabbilita sistema tali li tostakola, b’mod preventiv, kull ksur futur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali (9), fejn jiġu segwiti modalitajiet li, kif se jintwera iktar ’il quddiem, huma mimlija b’għadd ta’ inċertezzi.

5.        Fid-dawl ta’ dak li ngħad, madankollu huwa prinċipalment f’perspettiva ta’ drittijiet fundamentali li jirriżulta b’mod naturali li għandu jsir l-eżami tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

6.        Id-domandi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment dwar l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2001/29/KE (10) u 2004/48/KE (11) dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, tad-Direttivi 95/46/KE (12) u 2002/58/KE (13) dwar il-protezzjoni tad-data personali u tad-Direttiva 2000/31/KE(14) dwar il-kummerċ elettroniku, li għandhom relazzjonijiet kumplessi bejniethom. Fid-dawl ta’ din il-kumplessità, fil-preżentazzjoni tal-kuntest ġuridiku tal-kawża, se jiġu riprodotti biss dawk id-dispożizzjonijiet li huma indispensabbli sabiex tinftiehem il-kawża prinċipali.

1.      Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali

a)      Id-Direttiva 2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

7.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Sanzjonijiet u Rimedji”, jipprovdi:

“1.       L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

2.       Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2).

3.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

b)      Id-Direttiva 2004/48 fuq l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

8.        L-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi:

“1.       L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu, fuq talba ta’ l-applikant:

(a)       joħorġu kontra l-kontravventur mandat interlokutorju intiż biex jipprevjeni kontravvenzjoni imminenti tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, jew biex jipprojbixxi, fuq bażi proviżorja u bla ħsara, li jsir pagament rikorrenti tal-penalità fejn hemm provdut fil-liġi nazzjonali, il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjonijiet allegati ta’ dak id-dritt, jew biex jagħmel dik il-kontinwazzjoni bla ħsara għal depożitu tal-garanziji intiżi biex jassiguraw il-kumpens tad-detentur tad-dritt; mandat interlokutorju jista’ jinħareġ wkoll, taħt l-istess kondizzjonijiet, kontra intermedjarju li s-servizzi tiegħu qegħdin jiġu użati minn parti terzi biex issir kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali; mandati kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom qegħdin jintużaw minn parti terzi biex jiksru id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati li jaqgħu taħt id-Direttiva 2001/29/KE”.

9.        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Mandati”, jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn d-deċiżjoni ġudizzjarja hi meħuda u sabet li hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu joħorġu mandat kontra kontravventur bl-għan li tipprojbixxi il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjoni. Fejn hemm provvidament bil-liġi nazzjonali, nuqqas ta’ konformità mal-mandat għandu, fejn hu xierqa, ikun bla ħsara għall-pagament rikorrenti tal-penalità, bl-għan li jkun hemm konformità. L-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f’pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà interllettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE.”

2.      Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali

a)      Id-Direttiva 95/46 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data

10.      L-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“1.       Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

[…]

(g)       il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

b)      Id-Direttiva 2002/58 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika

11.      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58, li jirrigwarda l- kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, jipprovdi:

“1.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.”

12.      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE, jipprovdi:

“1.       L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

3.      Il-leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ elettroniku: id-Direttiva 2000/31

13.      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31, li jagħlaq it-Taqsima 4 li tirrigwarda r-responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz [fornituri intermedjarji] jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ kif ġej:

“1.       L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu [fornituri], meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

2.       L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi [fornituri] minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, li malajr kemm jista’ jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma.”

B –    Id-dritt nazzjonali

14.      L-Artikolu 87(1) tal-Liġi, tat-30 ta’ Ġunju 1994, dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (15), kif emendata bil-Liġi tal-10 ta’ Mejju 2007, li tiżgura t-traspożizzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, jipprovdi:

“Il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l-President tat-Tribunal Kummerċjali […] għandhom jikkonstataw l-eżistenza u jordnaw il-waqfien ta’ kull preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur jew għal dritt relatat.

Huma jistgħu wkoll joħorġu ordni ta’ waqfien kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terz sabiex jiġu ppreġudikati d-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati magħhom.”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

A –    Il-fatti u l-kawża prinċipali

15.      B’ċitazzjoni tal-24 ta’ Ġunju 2004, Société belge des auteurs compositeurs et éditeurs (Sabam), fil-kuntest tal-Liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, ressqet quddiem il-President tat-tribunal de première Instance de Bruxelles (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Brussell), huwa u jiddeċiedi dwar miżuri provviżorji, talba għal ordni ta’ waqfien fil-konfront ta’ Scarlet Extended SA, FAI (16).

16.      Sabam issostni li Scarlet, bħala FAI, kienet f’pożizzjoni ideali sabiex tieħu miżuri sabiex twaqqaf il-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettqa mill-klijenti tagħha, l-utenti tal-internet li jniżżlu illegalment xogħlijiet inklużi fil-katalogu tagħha permezz ta’ softwer “peer-to-peer” mingħajr ma jħallsu d-drittijiet, prattika li Scarlet tapprofitta ruħha minnha sa fejn din tista’ żżid il-volum tat-traffiku tagħha u għaldaqstant, id-domanda għas-servizzi tagħha.

17.      Qabel kollox, Sabam talbet li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet mużikali li jappartjenu lir-repertorju tagħha, u b’mod partikolari tad-dritt ta’ riproduzzjoni u tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, li jirriżulta mill-iskambju mhux awtorizzat, permezz tas-servizzi pprovduti minn Scarlet, ta’ fajls elettroniċi mużikali mwettqa permezz ta’ softwer “peer-to-peer”.

18.      Sussegwentement, Sabam talbet li Scarlet tiġi kkundannata twaqqaf dan il-ksur u fin-nuqqas tiġi kkundannata għal penalità, billi tagħmel impossibbli jew billi tipparalizza kull forma ta’ bgħit jew ta’ riċezzjoni mill-klijenti tagħha, permezz ta’ softwer “peer-to-peer”, ta’ fajls li jinkludu xogħol mużikali mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-dritt.

19.      Fl-aħħar nett, Sabam irrikjediet mingħand Scarlet li, fi żmien tmint ijiem min-notifika tas-sentenza li għandha tingħata, tikkomunika deskrizzjoni tal-miżuri adottati, il-pubblikazzjoni ta’ test fuq il-paġna internet ewlenija (home page) tas-sit web tagħha kif ukoll il-pubblikazzjoni tal-imsemmija sentenza f’żewġ gazzetti ta’ kuljum u f’rivista ta’ kull ġimgħa li tagħżel hija, u fin-nuqqas tiġi kkundannata għal penalità.

20.      Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Novembru 2004, il-President tat-tribunal de première instance ikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur irrapportat. Madankollu, qabel ma ħa deċiżjoni dwar it-talba għal waqfien, huwa ħatar espert sabiex jeżamina jekk is-soluzzjonijiet tekniċi proposti minn Sabam kinux fattibbli teknikament, jekk huma kinux jippermettu li jiġu ffiltrati biss l-iskambji illegali tal-fajls elettroniċi u jekk kienx hemm sistemi oħra li setgħu jikkontrollaw l-użu tas-softwer “peer-to-peer” u li jiddetermina l-ispiża tas-sistemi previsti b’dan il-mod.

21.      L-espert maħtur ippreżenta r-rapport tiegħu fid-29 ta’ Jannar 2007, li l-konklużjonijiet tiegħu, riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju, jistabbilixxu dan li ġej:

“1.       Netwerk “peer-to-peer” huwa mezz trasparenti sabiex ikun kondiviż kontenut, indipendenti, deċentralizzat u mgħammar b’funzjonijiet ta’ tfittxija u ta’ tniżżil avvanzati;

2.       Ħlief għas-soluzzjoni proposta minn Audible Magic, is-soluzzjonijiet kollha jipprovaw jimpedixxu l-użu tan-netwerks peer-to-peer, indipendentement mill-kontenut li jkun qed jiġi ċċirkolat fihom;

3.       Barra minn hekk, il-permanenza tas-soluzzjonijiet ta’ filtrazzjoni tal-applikazzjoni peer-to-peer ma hijiex żgurata tul perijodu medju ta’ żmien (bejn sentejn u tliet snin) minħabba l-użu dejjem ikbar tal-ikkriptar (encryption) f’dan it-tip ta’ applikazzjoni;

4.       Is-soluzzjoni proposta mill-kumpannija Audible Magic għalhekk hija l-unika waħda li tipprova ssolvi l-problema b’mod speċifiku. Din is-soluzzjoni, essenzjalment maħsuba għall-qasam tal-edukazzjoni, madankollu ma għandhiex id-dimensjonijiet intrinsiċi sabiex tirrispondi għall-volum ta’ traffiku ta’ FAI. L-użu ta’ din it-teknika fil-kuntest ta’ FAI jwassal minħabba f’hekk għal spiża ta’ akkwist u ta’ operat għolja sabiex ikunu kkumpensati d-dimensjonijiet ċkejknin tagħha;

5.       Din l-ispiża għandha tiġi pparagunata mal-perijodu li matulu din is-soluzzjoni se tkun effikaċi, billi l-ikkriptar imsemmi iktar ’il fuq jagħmel din is-soluzzjoni ineffikaċi anki fil-kuntest ta’ filtrazzjoni fi tranżitu;

6.       Huwa iktar kumpless li jiġu implementati metodi investigattivi interni, imwettqa minn ġewwa n-netwerk peer-to-peer, iżda dawn jipprovdu riżultati aħjar. Dawn il-metodi fil-fatt jirrigwardaw a priori biss lill-parti ħażina mill-iskambji u jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih isiru dawn l-iskambji;

7.       Barra minn hekk, dawn il-metodi ma humiex jew huma ferm inqas sensittivi għall-ikkriptar u jikkostitwixxu, fil-fehma tiegħi, l-aħjar mezz ta’ investiment tul perijodu medju u twil ta’ żmien sabiex tkun iggarantita l-osservanza tad-drittijiet tal-awtur, filwaqt li jiġu osservati d-drittijiet ta’ kulħadd.”

22.      Abbażi ta’ dan ir-rapport tal-espert, il-President tat-tribunal de première instance de Bruxelles, fid-29 ta’ Ġunju 2007, ta t-tieni sentenza fejn ikkundanna lil Scarlet sabiex iġġib fi tmiemu l-ksur tad-drittijiet tal-awtur ikkonstatat fid-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2004 billi tagħmel impossibbli kull forma ta’ bgħit jew ta’ riċezzjoni mill-klijenti tagħha, permezz ta’ softwer “peer-to-peer”, ta’ fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali mir-repertorju tas-Sabam, taħt penalità ta’ EUR 2 500 kuljum jekk Scarlet ma tikkonformax ruħha mad-deċiżjoni, wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt xhur.

23.      Scarlet ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) fis-6 ta’ Settembru 2007.

24.      Barra minn hekk, Scarlet ressqet quddiem il-President tat-tribunal de première instance de Bruxelles, b’ċitazzjoni tas-7 ta’ Diċembru 2007, talba għat-tħassir jew, għall-inqas, għas-sospensjoni tal-pagament ta’ penalità imposta fuqha. Scarlet sostniet li hija ma setgħetx tikkonforma ruħha ratione materiae jew ratione temporis mal-ordni ta’ waqfien peress li s-sistema Audible Magic ma kinitx taħdem u ma kienx ġie stabbilit li kien teknikament fattibbli għal fornitur ta’ aċċess għall-internet li jwettaq filtrazzjoni jew bblokkar effikaċi għat-traffiku “peer-to-peer”.

25.      Il-President tat-tribunal de première instance de Bruxelles ċaħad din it-talba b’deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2008, billi kkunsidra li l-effett devoluttiv tal-appell kien jipprekludi li l-partijiet jerġgħu jressqu l-kawża quddiemu. Filwaqt li rrikonoxxa li s-soluzzjoni ta’ Audible Magic ma setgħetx tiġi implementata b’suċċess, huwa madankollu kkonstata li Scarlet ma kinitx esperimentat soluzzjonijiet oħra ta’ filtrazzjoni jew ta’ bblokkar u li, għaldaqstant, hija ma kinitx stabbilixxiet li l-ordni ta’ waqfien ma setax jiġi osservat. Madankollu, huwa ssospenda l-pagamenti tal-penalità sal-31 ta’ Ottubru 2008, sabiex Scarlet tkun tista’ tesplora possibbiltajiet oħra.

B –    Id-domandi preliminari

26.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour d’appel de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri ta’ quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1).      Id-Direttivi 2001/29 u 2004/48, moqrija flimkien mad-Direttivi 95/46, 2000/31 u 2002/58, interpretati b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikoli 8 u 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jippermettu lill-Istati Membri jawtorizzaw lil qorti nazzjonali li quddiemha jitressqu l-proċeduri prinċipali u abbażi tas-sempliċi dispożizzjoni legali li tipprovdi li: ‘[Il-qorti nazzjonali tista’] wkoll [toħroġ] ordni ta’ twaqqif kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terz sabiex [jiġu ppreġudikati d-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati magħhom’], sabiex tordna lil [f]ornitur ta’ [a]ċċess għall-[i]nternet (fil-qosor, ‘FAI’) li jistabbilixxi, għall-klijentela kollha tiegħu, in abstracto u bħala prevenzjoni, bl-ispejjeż esklużivament fuq dan il-FAI u mingħajr limitu ta’ żmien, sistema ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha, kemm dawk irċevuti kif ukoll dawk li jintbagħtu, permezz tas-servizzi tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ software peer-to-peer, sabiex tiġi identifikata fuq in-netwerk tiegħu ċ-ċirkulazzjoni ta’ fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali, ċinematografiku jew awdjo-viżiv li l-applikant jallega li għandu drittijiet fuqhom u mbagħad [jibblokka] t-trasferiment ta’ dawn, sew meta ssir it-talba, sew meta jintbagħtu?

2.       Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, dawn id-direttivi jimponu fuq il-qorti nazzjonali, mitluba tiddeċiedi fuq talba għal ordni fil-konfront ta’ intermedjarju li s-servizzi tiegħu jintużaw minn terz sabiex [jiġu ppreġudikati drittijiet] tal-awtur, l-obbligu li tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta hija tiġi biex tiddeċiedi fuq l-effikaċja u l-effett dissważiv tal-miżura mitluba?”

C –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.      Scarlet, Sabam flimkien mal-Belgian Entertainement Association Video (BEA Video) u mal-Belgian Entertainement Association Video (BEA Music), u l-Internet Service Provider Association (ISPA) kif ukoll ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

28.      Il-Qorti tal-Ġustizzja semgħet lir-rappreżentanti ta’ Scarlet, tas-Sabam, ta’ ISPA, kif ukoll lill-aġenti tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika Taljana, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Repubblika tal-Polonja, u lill-aġent tal-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta li saret fit-13 ta’ Jannar 2011.

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      Ir-riformulazzjoni tal-ewwel domanda: il-KEDB u l-Karta

29.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-ewwel domanda preliminari tagħha tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni “fid-dawl tal-Artikoli 8 u 10 tal-[KEDB]”. B’dan il-mod, hija tista’ żgur tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 6(3) TUE li jipprovdi li “[i]d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-[KEDB] […] għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni”. Madankollu, għandhom isiru xi osservazzjonijiet preliminari f’dan ir-rigward, li se jwasslu għal riformulazzjoni ad hoc tad-domanda.

30.      Qabel kollox, dan l-istess Artikolu 6 TUE, jibda billi jispeċifika – eżattament fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) – li l-Karta “għand[u] jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati”, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ma naqsitx milli tenfasizza fl-aħħar żviluppi tal-ġurisprudenza tagħha (17). Għalhekk, billi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stipulati fil-Karta minnhom infushom għandhom valur legali li barra minn hekk huwa tal-ogħla grad, l-użu tal-imsemmija prinċipji ġenerali, sakemm tal-ewwel jistgħu jiġu identifikati ma’ tat-tieni, ma għadux daqstant neċessarju. Dan huwa l-ewwel element li jiffavorixxi eżami tad-domanda fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta iktar milli b’relazzjoni għal dawk tal-KEDB, ceteris paribus (18).

31.      It-tieni nett, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li “[s]afejn din fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija”, filwaqt li ġie ppreċiżat li “[d]in id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva” (19). Issa, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB “jikkorrispondu”, fis-sens tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, għal dawk iggarantiti fl-Artikolu 7 (“Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”) u fl-Artikolu 8 (“Il-protezzjoni tad-data personali”) tal-Karta, l-istess kif id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 10 tal-KEDB “jikkorrispondu” għal dawk iggarantiti fl-Artikolu 11 tal-Karta (“Il-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-informazzjoni”), minkejja d-differenzi relatati mad-diċituri u mal-kunċetti użati, rispettivament (20).

32.      Fl-aħħar nett, għandu jingħad li d-dispożizzjonijiet tal-KEDB li f’ċerti kundizzjonijiet jawtorizzaw miżuri restrittivi għad-drittijiet u għal-libertajiet iggarantiti b’dan il-mod, f’dan il-każ l-Artikoli 8(2) u 10(2) tagħha, jikkorrispondu wkoll, b’diċitura xi ftit differenti, ma’ dispożizzjoni trażversali tal-Karta, li hija komuni għad-drittijiet u għal-libertajiet kollha ggarantiti minnha, jiġifieri l-Artikolu 52(1) intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”.

33.      Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tissuġġetta “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet” għal numru ta’ kundizzjonijiet. It-terminu “limitazzjoni” stess jikkorrispondi, min-naħa tiegħu, għat-terminu “indħil” użat fl-Artikolu 8 tal-KEDB, u għat-terminu “restrizzjoni” użat fl-Artikolu 10 tal-KEDB, dispożizzjonijiet li jelenkaw diversi kundizzjonijiet li jikkorrispondu wkoll, fil-biċċa l-kbira, għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u li l-interpretazzjoni li tathom il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (21). Għaldaqstant, sa fejn dawn il-kundizzjonijiet jinvolvu differenzi, jidhirli li huwa ċar li d-dispożizzjonijiet tal-Karta għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma (22).

34.      Konsegwentement, u bir-riżervi kollha li ssemmew iktar ’il fuq, nipproponi li d-domanda tal-qorti tar-rinviju tiġi emendata b’tali mod li minflok ma jissemmew l-Artikoli 8 u 10 tal-KEDB isir riferiment għall-“Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta, flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, kif ġew interpretati, sakemm dan ikun neċessarju, fid-dawl tal-Artikoli 8 u 10 tal-KEDB”.

2.      L-istruttura tar-risposta

35.      Scarlet u ISPA, kif ukoll il-Gvern Belġjan, Ċek, dak Taljan, Olandiż, Pollakk u Finlandiż jikkunsidraw, b’mod ġenerali, wara analiżi sostantiva tad-dispożizzjoni rilevanti iżda permezz ta’ diverġenzi fl-approċċ għall-problema, li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-adozzjoni ta’ miżura bħal dik li qed tintalab. Il-Kummissjoni tikkunsidra min-naħa tagħha li, għalkemm id-direttivi inkwistjoni ma jipprekludux minnhom infushom l-istabbiliment ta’ sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar bħal dik rikjesta, il-modalitajiet konkreti biex tiġi implementata, min-naħa l-oħra, ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’hekk, hija tqis, essenzjalment, li fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza li injorat ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi d-dispożizzjonijiet legali nazzjonali, minnhom infushom, ma taw lok għall-ebda preġudizzju.

36.      Ċertament, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jirrikjedi li kull limitazzjoni għad-drittijiet u għal-libertajiet għandha ssir, fost kundizzjonijiet oħra, f’konformità mal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità bla ebda dubju tapplika meta tinqala’ l-kwistjoni ta’ limitazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri mhux biss fl-istadju tal-applikazzjoni in concreto tagħha mill-qorti, li huwa preċiżament is-suġġett tat-tieni domanda, iżda wkoll, qabel kollox, fl-istadju tad-definizzjoni in abstracto u tal-formulazzjoni tagħha mil-leġiżlatur. Huwa dwar dan l-aspett tal-problema li l-argument tal-Kummissjoni, fil-fehma tiegħi, huwa vvizzjat b’nuqqas.

37.      Fi kwalunkwe każ, ftit li xejn hemm dubju li, għalkemm il-“liġi” fiha nfisha għandha tkun suġġetta għal stħarriġ tal-proporzjonalità, dan tal-aħħar jista’ jsir biss wara l-konstatazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-“eżistenza” stess tal-imsemmija liġi. F’dan ir-rigward, ma hijiex kumbinazzjoni li l-ewwel kundizzjoni għal kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta stabbiliti bl-Artikolu 52(1) tagħha hija dik li hija għandha “tkun prevista mil-liġi”. Issa, jidher li, meta l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-miżura inkwistjoni tistax tiġi adottata “abbażi tas-sempliċi dispożizzjoni legali” li hija tiċċita, qabel kollox, hija qed tagħmel talba sabiex jiġi eżaminat kemm qed tiġi sodisfatta din l-ewwel kundizzjoni. Dan l-aspett tad-domanda, fil-fehma tiegħi, huwa indispensabbli u jippreċedi kwalunkwe aspett ieħor (23). Fin-nuqqas ta’ “liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, fil-fatt, ma jkunx hemm lok li jiġu eżaminati suċċessivament il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta u b’mod partikolari l-kundizzjoni tal-proporzjonalità. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kellha biss rarament l-okkażjoni li tikkunsidra din il-kundizzjoni (24), madankollu hija komuni għall-Artikoli 8 u 10 tal-KEDB u ilha tagħti lok għal ġurisprudenza abbundanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u huwa għal din ir-raġuni li għandu jsir użu partikolari minn din il-ġurisprudenza sabiex tingħata risposta kompleta u fuq kollox utli lill-qorti tar-rinviju.

3.      Approċċ f’erba’ fażijiet

38.      Il-Cour d’appel de Bruxelles tifformula r-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha fil-forma ta’ żewġ domandi, li t-tieni waħda, dwar l-osservanza mill-qrati nazzjonali tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija suġġetta biss sussidjarjament, f’dan il-każ jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta pożittiva għall-ewwel domanda. Għandu jingħad li, peress li se jiġi kkunsidrat li għandha tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, mhux se jkun hemm lok li tiġi eżaminata t-tieni waħda (25).

39.      Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, id-diċitura stess tal-ewwel domanda preliminari, ferm dettaljata u preċiża, għandha tagħti l-possibbiltà li jiġi żviluppat ir-raġunament tiegħi direttament abbażi tal-elementi differenti involuti. F’dan ir-rigward, biħsiebni nippreżenta dan ir-raġunament f’erba’ fażijiet.

40.      Fl-ewwel lok, għandhom jiġu indirizzati b’mod dettaljat in-natura u l-karatteristiċi tal-miżura li l-qorti tar-rinviju qed tintalab tadotta, jew b’mod iktar eżatt, li tikkonferma jew tinvalida f’sede ta’ appell, f’dan il-każ l-installazzjoni ta’ sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar, filwaqt li tagħmel distinzjoni bejn il-karatteristiċi tal-miżura mitluba, jiġifieri tal-ordni ta’ waqfien innifsu u dawk tal-kontenut tiegħu. L-analiżi ta’ din il-miżura diġà għandha tagħti l-possibbiltà li tingħata riposta bħala prinċipju għad-domanda magħmula, għall-inqas mill-perspettiva tad-drittijiet u tal-interessi ta’ Scarlet. Madankollu, peress li qed jintalab li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali tal-utenti tas-servizzi ta’ Scarlet u b’mod iktar wiesa’ tal-utenti tal-internet, dan l-eżami għandu jsir b’mod iktar dettaljat minn din il-perspettiva.

41.      Fit-tieni lok, abbażi ta’ din l-analiżi, il-miżura mitluba b’hekk tkun tista’ tiġi eżaminata fid-dawl tad-direttivi differenti msemmija u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta kif ġew interpretati, jekk ikun il-każ, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-KEDB msemmija mill-qorti tar-rinviju. L-analiżi dettaljata tal-miżura inkwistjoni għandha, tabilħaqq, tippermetti li l-miżura tiġi kkunsidrata mill-perspettiva tal-limitazzjonijiet għad-drittijiet u għal-libertajiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

42.      Jekk jirriżulta li din l-miżura, kif se jiġi kkonstatat, hija “limitazzjoni” fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta fis-sens tal-Artikolu 52(1) tagħha, fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat f’liema kundizzjonijiet hija tkun ammissibbli, fejn l-attenzjoni tkun prinċipalment iffokata fuq ir-rekwiżit li tkun “prevista mil-liġi”. Fil-fatt, ma għandux ikun neċessarju, fid-dawl tat-termini tad-domanda preliminari u sabiex tingħatalha risposta utli, li l-miżura tiġi pparagunata mal-kundizzjonijiet l-oħra previsti f’din id-dispożizzjoni.

43.      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, li fir-raba’ u fl-aħħar lok, se tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk, mill-perspettiva tal-utenti tas-servizzi ta’ Scarlet u b’mod iktar wiesa’ tal-utenti tal-internet, miżura bħal dik li qed tintalab tistax tiġi adottata abbażi tas-sempliċi dispożizzjonijiet legali tad-dritt nazzjonali msemmija mill-qorti tar-rinviju.

B –    Il-miżura mitluba (ordni ta’ waqfien) u s-“sistema” meħtieġa (filtrazzjoni u bblokkar)

44.      Fir-rigward ta’ dan l-aspett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex possibbli li qorti ta’ Stat Membru “tordna lil [FAI] li jistabbilixxi, għall-klijentela kollha tiegħu, in abstracto u bħala prevenzjoni, bl-ispejjeż esklużivament fuq[u] […] u mingħajr limitu ta’ żmien, sistema ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha, kemm dawk irċevuti kif ukoll dawk li jintbagħtu, permezz tas-servizzi tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ software [‘peer to peer’], sabiex tiġi identifikata fuq in-netwerk tiegħu ċ-ċirkulazzjoni ta’ fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali, ċinematografiku jew awdjo-viżiv li l-applikant jallega li għandu drittijiet fuqhom u mbagħad jibblokka t-trasferiment ta’ dawn, sew meta ssir it-talba, sew meta jintbagħtu”, u dan kollu fil-forma ta’ ordni ta’ waqfien.

45.      Se jkun abbażi tat-termini u tal-espressjonijiet użati f’din il-parti tad-domanda li se jiġu eżaminati l-karatteristiċi kemm tas-sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar innifsu kif ukoll l-ordni mitlub.

1.      Is-sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar

46.      Is-“sistema” li għandha tiġi stabblita hija waħda doppja. Fl-ewwel lok, hija għandha tiggarantixxi l-filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet ta’ data kollha li jgħaddu min-netwerk ta’ Scarlet, sabiex ikunu identifikati jew jekk wieħed jippreferi, ikunu iżolati, dawk li jimplikaw ksur tad-drittijiet tal-awtur (26). B’din il-filtrazzjoni bħala punt ta’ tluq, is-sistema għandha tiggarantixxi, fit-tieni lok, l-ibblokkar tal-komunikazzjonijiet li jimplikaw tabilħaqq ksur tad-drittijiet tal-awtur, sew “meta ssir it-talba” u sew “meta jintbagħtu” (27). Sa fejn l-effettività tas-sistema ta’ filtrazzjoni hija kundizzjoni ta’ effikaċja tal-mekkaniżmu ta’ bblokkar, dawn iż-żewġ operazzjonijiet, minkejja li huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin, jirriżultaw li għandhom natura ferm differenti u b’hekk implikazzjonijiet differenti.

i)      Il-mekkaniżmu ta’ “filtrazzjoni”

47.      Il-qorti tar-rinviju tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-miżura mitluba timponi fuq Scarlet, qabel kollox, li tistabbilixxi, għall-klijentela kollha tagħha, sistema ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha, kemm dawk irċevuti kif ukoll dawk li jintbagħtu, permezz tas-servizzi tagħha, u b’mod partikolari l-komunikazzjonijiet “peer-to-peer”. Hija tispeċifika li l-għan ta’ din il-filtrazzjoni huwa li “tiġi identifikata […] [i]ċ-ċirkulazzjoni ta’ fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali, ċinematografiku jew awdjo-viżiv li [s-Sabam tallega] li għand[ha] drittijiet fuqhom”.

48.      L-għan tal-kontroll huwa ddefinit eżattament bħala li għandu jippermetti l-filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jgħaddu permezz tas-servizzi ta’ Scarlet, kemm dawk irċevuti kif ukoll dawk li jintbagħtu. Din il-filtrazzjoni għandha hija stess tippermetti li jiġu identifikati l-“fajls elettroniċi” mibgħuta u riċevuti mill-abbonati tas-servizzi ta’ Scarlet li allegatament qed jiksru d-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati. Il-kontroll li għandu jiġi stabbilit, li b’hekk jinvolvi fażi ta’ filtrazzjoni u fażi ta’ identifikazzjoni, għalhekk jiġi essenzjalment iddefinit mir-riżultati li għandu jkollu, b’relazzjoni għall-għan ta’ bblokkar tal-fajls li ġie skopert li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali. Huwa għandu wkoll ikun jista’ jadatta ruħu għall-iżviluppi teknoloġiċi. Biex ikun effikaċi, il-kontroll għandu jkun sistematiku, universali u progressiv (28).

49.      Għandu jingħad li la l-qorti tar-rinviju u lanqas Sabam ma jipprovdu l-iċken indikazzjoni dwar il-modalitajiet konkreti li abbażi tagħhom jista’ jew għandu jitwettaq dan il-kontroll, la fir-rigward tat-tekniki ta’ filtrazzjoni u lanqas fir-rigward tal-proċeduri ta’ identifikazzjoni tal-fajls li ġie allegat li kienu kkuppjati u mxandara illegalment (29). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda preċiżazzjoni la dwar kemm huwa intensiv u lanqas dwar kemm huwa ddettaljat il-kontroll li għandu jsir.

50.      Għalkemm, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja iżda biss il-qorti tar-rinviju, jekk ikun il-każ, li teżamina l-aspetti tekniċi ta’ din il-kwistjoni (30), madankollu għandu jiġi speċifikat li n-natura tal-filtrazzjoni li għandha titwettaq jidher ċar li ma hijiex nieqsa minn effett fuq il-livell ġuridiku (31).

ii)    Il-mekkaniżmu ta’ “bblokkar”

51.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-mekkaniżmu ta’ bblokkar għandu jkun jista’ jidħol fis-seħħ, jew “meta jintbagħtu [l-fajls elettroniċi]”, jew “meta ssir it-talba”, iżda ma tipprovdi l-ebda preċiżazzjoni supplimentari dwar il-modus operandi ta’ tali mekkaniżmu. Sabam tisħaq fuq l-idea li l-mekkaniżmu li għandu jintuża għandu jkun iddefinit essenzjalment skont l-għan tiegħu, skont kemm ikun adattat “billi [j]agħmel impossibbli kull forma ta’ bgħit jew ta’ riċezzjoni mill-klijenti tagħha, permezz ta’ softwer ‘peer-to-peer’, ta’ fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali mir-repertorju tas-Sabam”. Hija tippreċiża li dan huwa każ fejn tiġi ostakolata t-trażmissjoni ta’ ċerta informazzjoni billi jintbagħtu messaġġi msejħa “time out”, li jindikaw li huwa impossibbli li titkompla t-trażmissjoni.

52.      Tabilħaqq (32), huwa impossibbli li jiġi deskritt il-mod kif jaħdmu tassew – il-modus operandi – tas-sistema ta’ filtrazzjoni u tal-mekkaniżmu ta’ bblokkar li l-miżura mitluba timponi li għandhom jiġu stabbiliti. Il-portata tal-filtrazzjoni rikjesta, jiġifieri kemm il-persuni kkonċernati mill-kontrolli, il-komunikazzjonijiet affettwati mill-kontrolli kif ukoll l-intensità tal-kontroll li għandu jsir, hija fl-istess ħin ferm ġenerali u parzjalment indefinita. Konsegwentement, la l-impatt konkret li jkollha fuq l-iskambji tad-data u lanqas l-ispiża ekonomika globali tagħha, b’mod partikolari l-ispiża ta’ installazzjoni u l-ispejjeż ta’ manutenzjoni, ma jistgħu jiġu ddeterminati a priori.

2.      Il-karatteristiċi tal-ordni

53.      In-natura u l-karatteristiċi prinċipali tas-sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar rikjesti, kif inhuma deskritti, għandhom impatt dirett fuq l-istess natura tal-miżura mitluba mill-qorti. Il-portata ferm ġenerali tas-sistema li għandha tintuża twassal sabiex il-kampijiet ta’ applikazzjoni ratione personae u ratione materiae tal-miżura mitluba taħt forma ta’ ordni jkollhom minnhom infushom bilfors natura ġenerali, l-istess bħall-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju.

54.      Il-miżura mitluba għandha wkoll karatteristiċi oħra li għandhom jiġu enfasizzati. Hija timponi fuq Scarlet, bħala prevenzjoni, obbligu li tikseb riżultat u fin-nuqqas, minn naħa, tiġi kkundannata għal penali, u min-naħa l-oħra tistabbilixxi li għandha tkun hi li tħallas l-ispejjeż tal-istabbiliment tas-sistema tal-filtrazzjoni u ta’ bblokkar. Din il-miżura b’hekk hija ddefinita wkoll bl-għan prinċipali tagħha, li huwa li l-FAI jiġu ddelegati bir-responsabbiltà legali u ekonomika tal-ġlieda kontra t-tniżżil illegali ta’ xogħlijiet ikkuppjati u mniżżla illegalment fuq l-internet. Fil-punti li ġejjin biħsiebni nanalizza dan kollu iktar mill-qrib.

a)      “mingħajr limitu ta’ żmien”: il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-miżura

55.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-miżura ntalbet “mingħajr limitu ta’ żmien”. Min-naħa tagħha, Sabam fid-dokumenti tagħha kkonfermat li l-ordni mitlub ma għandhiex tkun suġġetta għal limitu ta’ żmien, għajr dak li huwa inerenti għat-tul tad-drittijiet tal-awtur infushom. Hija tenfasizza wkoll id-dimensjoni progressiva tal-miżura, li għandha tkun adattata għall-iżvilupp teknoloġiku u li għalhekk għandha tkun tista’ tiġi adattata.

56.      Il-miżura mitluba b’hekk timponi fuq Scarlet u, kif se jintwera iktar ’il quddiem, b’mod iktar wiesa’ fuq il-FAI b’mod ġenerali, obbligu kemm permanenti kif ukoll perpetwu li jfittxu, jittestjaw, jistabbilixxu u jaġġornaw sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar esklużivament iddefinita skont l-effikaċja tar-riżultati tagħha fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

b)      “[il]-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha, kemm dawk irċevuti kif ukoll dawk li jintbagħtu”: il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-miżura

57.      Il-komunikazzjonijiet suġġetti għal filtrazzjoni u, jekk ikun il-każ, għal ibblokkar, kif intwera iktar ’il fuq, ma huma suġġetti għal ebda speċifikazzjoni. Ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-kontrolli għandhomx jaffettwaw il-komunikazzjonijiet kollha jew biss dawk li jsiru permezz ta’ softwer “peer-to-peer”, iżda, madankollu, jidher li l-kontroll li għandu jiġi stabbilit sabiex jiġu prodotti riżultati effikaċi għandu jkun kemm sistematiku kif ukoll universali.

58.      Konsegwentement, il-miżura mitluba, ippreżentata bħala sempliċi ordni indirizzat lil FAI fil-kuntest ta’ proċedura ċivili sabiex jiġi kkonstatat u ssanzjonat il-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll jingħata kumpens għad-danni li jirriżultaw, fil-fatt għandha t-tendenza li tistabbilixxi b’mod permanenti u perpetwu sistema sistematika u universali ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha li jgħaddu permezz tas-servizzi tal-imsemmi FAI.

c)      “għall-klijentela kollha tiegħu”: il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżura

59.      Is-sistema li għandha tiġi stabbilita hija intiża – u din hija konsegwenza diretta tal-kontroll tal-universalità tal-filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet – biex tkopri l-aġir tal-utenti kollha tas-servizzi tal-FAI inkwistjoni, u mhux biss tal-abbonati tiegħu. Kif ippreċiżat Sabam fid-dokumenti tagħha, ma tantx huwa importanti li l-komunikazzjoni tkun ġejja minn jew tkun indirizzata lil klijent tal-FAI. Sabiex tkun effikaċi, is-sistema għandha taħdem, kif jingħad fl-istess domanda preliminari, mingħajr ma l-persuni li allegatament taw lok għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur ikunu ġew individwalizzati minn qabel u indipendentement minn kull relazzjoni kuntrattwali bejn l-imsemmija persuni u l-FAI.

60.      Is-sistema li għandha tiġi stabbilita għandha tkun tista’ tibblokka l-bgħit minn kull utent tal-internet abbonat ma’ Scarlet lil kull utent tal-internet ieħor, irrispettivament minn jekk ikunx abbonat jew le ta’ Scarlet, ta’ kull fajl li allegatament jikser dritt li s-Sabam tiżgura l-ġestjoni, il-ġbir u d-difiża tiegħu. Madankollu, is-sistema għandha tkun tista’ tibblokka wkoll ir-riċezzjoni minn kull utent tal-internet abbonat ta’ Scarlet ta’ kull fajl li jikser id-drittijiet tal-awtur li jkun ġej minn kull utent tal-internet ieħor irrispettivament minn jekk ikunx abbonat ta’ Scarlet jew le. Is-sistema għandha tippermetti l-ibblokkar ta’ kull fajl li l-kontenut tiegħu jaqa’ taħt ir-repertorju tas-Sabam mingħajr ma l-ksur tad-drittijiet tal-awtur ikun individwalizzat minn qabel u b’mod speċifiku.

61.      Barra minn hekk, għandha tiġi enfasizzata dimensjoni oħra tal-portata ferm estiża tal-miżura mitluba. Għalkemm jidher ċar li hawnhekk il-kawża prinċipali hija biss bejn Sabam u Scarlet, madankollu mid-digriet tar-rinviju kif ukoll mid-dokumenti tal-intervenjenti differenti jirriżulta li l-portata tal-kawża neċessarjament tmur lil hinn mill-interessi tal-partijiet fil-kawża prinċipali. Is-soluzzjoni għall-kawża prinċipali hija mingħajr dubju intiża sabiex tkun estiża u ġeneralizzata mhux biss għall-FAI kollha iżda anki, u b’mod iktar wiesa’, għal atturi importanti oħra tal-internet (33), mhux biss fl-Istat Membru li ta lok għad-domandi preliminari, iżda wkoll għall-Istati Membri kollha, jekk mhux ukoll lil hinn minn hekk (34). Dak li l-qorti tar-rinviju qed titlob mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, kif diġà ġie enfasizzat iktar ’il fuq, huwa li din tal-aħħar tindikalha jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li tiġi rrikonoxxuta lilha s-setgħa li tadotta miżura bħal dik mitluba u, b’mod iktar wiesa’, jekk tipprekludix li d-detenturi tad-drittijiet jistgħux jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra t-tniżżil illegali billi jimmoltiplikaw it-talbiet ta’ din ix-xorta fl-Istati Membri kollha u lil hinn minn hekk (35).

62.      Konsegwentement, il-miżura mitluba, ippreżentata bħala ordni indirizzat lil persuna ġuridika identifikata li timponilha li tistabbilixxi sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar, fil-fatt qed tintalab taffettwa fit-tul numru indefinit ta’ persuni ġuridiċi jew fiżiċi, ta’ FAI jew ta’ utenti tal-internet, ta’ fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u ta’ utenti tal-imsemmija servizzi.

d)      “in abstracto u bħala prevenzjoni”: il-funzjoni preventiva u dissważiva tal-miżura mitluba

63.      Il-qorti tar-rinviju qagħdet attenta li tgħid li hija qed tintalab timponi fuq Scarlet il-miżura mitluba “in abstracto” u “bħala prevenzjoni”, mingħajr madankollu ma ppreċiżat dak li hija qed tifhem eżattament b’dan. Wieħed jista’ madankollu jippreżumi li l-miżura mitluba ma għandhiex l-għan li timponi fuq FAI obbligu li jibbaża fuq il-konstatazzjoni, in concreto, minn qorti, fil-kuntest ta’ azzjoni ċivili, ksur effettiv jew anki ta’ riskju ta’ ksur imminenti ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati. Din tal-aħħar b’hekk hija meqjusa bħala miżura li hija kemm preventiva kif ukoll dissważiva (36).

e)      “bl-ispejjeż esklużivament fuq dan il-FAI”: l-oneru tal-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni tal-miżura mitluba

64.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-ispejjeż biex tiġi stabbilita s-sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar mitluba għandhom ikunu sostnuti mill-fornitur. Minn dan l-aspett, il-miżura inkwistjoni għandha l-effett li titfa’ fuq Scarlet il-piż, ċertament mhux negliġibbli, tal-ispejjeż inerenti sabiex jinfetħu proċeduri ċivili li normalment għandhom jiftħu d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati jew il-benefiċjarji tagħhom sabiex jiġi kkonstatat, issanzjonat, u, jekk ikun il-każ, ikkumpensat il-ksur tal-imsemmija drittijiet.

65.      L-impatt ekonomiku dirett tal-miżura inkwistjoni (37), li ma hijiex u ma tistax, tabilħaqq (38), tkun suġġetta għal kwalunkwe evalwazzjoni, huwa wkoll aggravat bil-pagamenti ta’ penalità li jistgħu jakkumpanjaw il-miżura mitluba u b’mod partikolari dik li għandha tissanzjona d-dewmien fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar.

3.      Konklużjoni intermedja

66.      Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li l-miżura mitluba, li timponi fuq FAI l-istabbiliment ta’ sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar, bħal dik deskritta iktar ’il fuq, tidher fil-fatt bħala “obbligu” ġenerali ġdid li huwa intiż li jiġi estiż, eventwalment, b’mod permanenti għall-FAI kollha. Fiha nfisha hija ma għandhiex il-karatteristiċi ta’ konkretezza u ta’ individwalizzazzjoni li normalment ikunu mistennija minn kull risposta jew reazzjoni għal aġir suppost speċifiku u determinat. B’reazzjoni għal ksur ftit jew wisq individwalizzat tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-qorti tar-rinviju ntalbet tadotta miżura li, kif diġà ngħad, min-natura tagħha stesss, tista’ biss tkun ġenerali f’kull rigward: personali, spazjali u temporali.

67.      Għandu jingħad hawnhekk li, minn dan l-aspett u jekk id-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tiġi indirizzata biss mill-perspettiva tad-drittijiet u tal-interessi ta’ Scarlet, skont il-prinċipju ta’ legalità fis-sens l-iktar ġenerali tiegħu, hija tista’ tingħata risposta fin-negattiv. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tagħha Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (39), “l-interventi tal-awtorità pubblika fil-qasam tal-attività privata ta’ kull persuna, kemm jekk tkun fiżika u kemm jekk tkun ġuridika, għandu jkollhom bażi legali u jkunu ġġustifikati bir-raġunijiet previsti mil-liġi”. Dan ir-rekwiżit ta’ protezzjoni, rikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-korollarju tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, li huma stess jirriżultaw mill-idea tal-Istat tad-dritt (40). Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’hekk iddeċidiet b’mod konsistenti li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi li leġiżlazzjoni li timponi spejjeż fuq il-persuni taxxabbli (41), li twassal għal konsegwenzi sfavorevoli għall-individwi (42), jew li timponi miżuri restrittivi li jkollhom effett importanti fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni nominati (43), għandha tkun ċara u preċiża, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu b’mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jkunu jistgħu jieħdu passi b’konsegwenza ta’ dan (44). Issa, kif se jintwera b’mod dettaljat iktar ’il quddiem (45), fejn biħsiebni nikkonċentra fuq il-perspettiva tal-utenti tas-servizzi ta’ Scarlet u b’mod iktar wiesa’ tal-utenti tal-internet, id-dispożizzjoni legali nazzjonali li abbażi tagħha l-obbligu impost fuq Scarlet jista’ jkun adottat, ma tissodisfax, inter alia, dawn ir-rekwiżiti.

68.      Barra minn hekk, u skont approċċ partikolarment difiż, ġustament, mill-Kummissjoni, jidher ferm ċar li, bejn il-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali lmentat u l-miżura mitluba, ma hemmx relazzjoni ta’ proporzjonalità. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din ma hijiex il-kwistjoni li tqajmet prinċipalment. Il-kwistjoni li tqajmet hija dik dwar jekk dan l-“obbligu” il-ġdid li tiġi stabbilita sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar, imsawra bil-karatteristiċi li ġew deskritti iktar ’il fuq jistax, fid-dawl tal-impatt tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali tal-utenti tas-servizzi tal-imsemmija FAI, jiġifieri l-utenti tal-internet, jiġi impost fuq il-FAI, fil-forma ta’ ordni u fuq bażi legali li għad trid tiġi eżaminata.

C –    Il-klassifikazzjoni tal-miżura fir-rigward tad-direttivi u tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta: “limitazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta

69.      Id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-“Direttivi 2001/29 u 2004/48, moqrija flimkien mad-Direttivi 95/46, 2001/31 et 2002/58, interpretati b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikoli [7, 8, 11 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta]”. Essenzjalment, għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti, dan il-grupp ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, magħmul minn dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni, jagħtix il-possibbiltà lill-qrati tal-Istati Membri li, permezz ta’ ordni, jikkonċedu miżura kif ġiet deskritta iktar ’il fuq. Għaldaqstant, qabel kollox, huwa fid-dawl tad-dritt primarju li l-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata, u d-dritt sekondarju interpretat, billi d-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta huma direttament ikkonċernati, kif se jintwera iktar ’il quddiem, mill-miżura inkwistjoni. Din l-affermazzjoni teħtieġ xi osservazzjonijiet preliminari.

70.      Għandu jitfakkar hawnhekk li d-direttivi ċċitati fid-domanda jikkostitwixxu l-kuntest ġuridiku li minnu għandha titqies li tagħmel parti l-adozzjoni tal-miżura mitluba (46), fejn uħud mid-direttivi jikkunsidraw li huma jawtorizzaw jew ma jipprekludux din l-adozzjoni, filwaqt li l-oħrajn min-naħa l-oħra jikkunsidraw li huma ma jippermettux, jew saħansitra jipprekludu din l-adozzjoni (47). Dawn id-direttivi jirreferu, b’mod ftit jew wisq espliċitu, għad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB u issa anki mill-Karta (48). Fis-sentenza tagħha Promusicae, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kellhom ikunu l-Istati Membri li jiżguraw, fit-traspożizzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi, li jinżamm bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali li huma jikkontribwixxu sabiex jiggarantixxu.

71.      L-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta jiggarantixxu rispettivament, kif inhu magħruf, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Ftit li xejn hemm għalfejn jiġi enfasizzat li f’din il-kawża huma involuti drittijiet fundamentali oħra, u b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà, iggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta, u b’mod iktar speċifiku, id-dritt għar-rispett tal-proprjetà intellettwali, iggarantit mill-Artikolu 17(2) tal-Karta, li l-ksur tiegħu minħabba t-tniżżil illegali fuq l-internet jikseb proporzjonijiet kunsiderevoli, li jinsabu evidentement fil-qalba tal-kawża prinċipali. Madankollu, fir-rigward tal-miżura mitluba u tas-sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar meħtieġa kif ukoll tat-termini tad-domanda magħmula, huma prinċipalment id-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta li huma kkonċernati; peress li d-dritt għall-proprjetà huwa kkonċernat biss b’mod sekondarju, inkwantu s-sistema għandha tiġi stabbilita bl-ispejjeż jiġu sostnuti esklużivament mill-FAI (49).

72.      Huwa f’dawn it-termini li għaldaqstant għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk il-miżura mitluba tistax tiġi kklassifikata bħala “limitazzjoni” għad-drittijiet u għal-libertajiet fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikoli 8(2) u 10(2) tal-KEDB. Jekk l-imsemmija miżura kellha, bħala tali, tiġi kklassifikata bħala limitazzjoni (50), allura għandu jiġi żgurat li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet differenti stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

1.      “interpretati b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta”: fuq ir-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali

73.      Għandhom jiġu eżaminati suċċessivament, minn naħa, il-miżura mitluba bħala limitazzjoni possibbli għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, u min-naħa l-oħra, għad-dritt għall-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. B’mod ġenerali, kif xi minn daqqiet ikkonstatat il-Kummissjoni (51), il-possibbiltà li wieħed jibqa’ anonimu hija essenzjali jekk wieħed irid iżomm id-drittijiet fundamentali għall-ħajja privata fiċ-ċiberspazju. Madankollu, għalkemm jidher ċar li d-Direttivi 95/46 u 2002/58 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (52), moqrija, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-KEDB (53), ir-rabta li tgħaqqad id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8 tal-Karta) mal-użu tas-sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar mitluba, hija inqas ċara (54).

a)      Il-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8 tal-Karta)

74.      Hemm ċerta diffikultà biex jiġi evalwat konkretament l-effett ta’ sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar fuq id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-ewwel diffikultà tinsab fl-identifikazzjoni tad-data personali inkwistjoni, billi dawn tal-aħħar, minbarra fir-rigward tal-“indirizzi tal-IP” (55), ma humiex identifikati b’mod ċar. In-newtralità teknoloġika invokata minn Sabam timplika, fil-fatt, li ma huwiex possibbli, a priori, li jiġi ddeterminat jekk is-sistema li għandha tiġi stabbilita timplikax ipproċessar ta’ data personali. A fortiori, ma humwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk timplikax il-ġbir u r-riżoluzzjoni tal-indirizzi tal-IP.

75.      It-tieni diffikultà tikkonsisti fid-determinazzjoni dwar jekk l-indirizzi tal-IP jikkostitwixxux data personali. Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti deċiżjoni biss fir-rigward ta’ każijiet fejn kienet inkwistjoni d-data nominattiva marbuta mal-indirizzi tal-IP (56). Min-naħa l-oħra, sa issa hija qatt ma kellha l-okkażjoni li teżamina jekk indirizz tal-IP jistax jiġi kkunsidrat, bħala tali, bħala data personali (57).

76.      Min-naħa tiegħu, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kellu l-okkażjoni li jgħid (58) li “is-sorveljanza tal-imġiba tal-utenti tal-internet u aktar ġbir tal-indirizzi IP tagħhom jammontaw għal interferenza fid-drittijiet tagħhom għal rispett tal-ħajja privata tagħhom u tal-korrispondenza tagħhom”(59). Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali, imwaqqaf bid-Direttiva 95/46 (60), jikkunsidra wkoll li l-indirizzi tal-IP jikkostitwixxu mingħajr l-iċken dubju data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva (61).

77.      Dan it-teħid ta’ pożizzjonijiet jikkorrispondi għar-realtà legali li tirriżulta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/24/KE (62), li jobbliga lill-fornituri ta’ aċċess għall-internet, b’mod partikolari, li jżommu, għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji ċertu numru ta’ data. Jissemmew b’mod iktar speċifiku, minn naħa, id-“data meħtieġa sabiex jiġi traċċat u identifikat is-sors ta’ komunikazzjoni”, fosthom l-isem u l-indirizz tal-abbonat jew tal-utent irreġistrat li jiġi allokat indirizz tal-IP, u, min-naħa l-oħra, id-data meħtieġa sabiex jiġu ddeterminati “id-data u l-ħin tal-log-in u l-log-off tas-servizz ta’ aċċess għall-internet ibbażat fuq ċerta żona orarja, flimkien ma’ l-indirizz ta’ l-IP, kemm jekk dinamiku kif ukoll jekk statiku, allokati mill-fornitur tas-servizz ta’ aċċess għall-internet għal komunikazzjoni”.

78.      F’din il-perspettiva, indirizz tal-IP jista’ jkun ikklassifikat bħala data personali sa fejn huwa jista’ jippermetti li persuna tiġi identifikata, b’riferiment għal numru ta’ identifikazzjoni jew għal kull element ieħor li jkun tiegħu (63).

79.      Il-kwistjoni li qed titqajjem, għaldaqstant, ma hijiex daqstant dik dwar liema huwa tal-istatus legali tal-indirizzi tal-IP iżda li jiġi ddeterminat f’liema kundizzjonijiet u għal liema finijiet huma jistgħu jinġabru, f’liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu riżolti u tista’ tiġi pproċċessata d-data personali li tirriżulta minn dan, jew anki f’liema kundizzjonijiet jista’ jkun meħtieġ li jinġabru u jiġu riżolti (64).

80.      Dak li għandu jiġi kkunsidrat hawnhekk huwa li sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar bħal dik li qed tiġi rikjesta tista’, minkejja l-inċertezzi teknoloġiċi msemmija iktar ’il fuq, inkontestabbilment taffettwa suffiċjentement id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (65) sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala limitazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

b)      Il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (Artikolu 7 tal-Karta)

81.      L-użu ta’ sistema ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħal dik mitluba lanqas ma hija mingħajr konsegwenzi fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-korrispondenza u, b’mod iktar wiesa’, fir-rigward tad-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta (66) kif inhu interpretat fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-KEDB u tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

82.      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għad ma kellhiex l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mal-KEDB tal-miżuri speċifiċi ta’ kontroll tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u lanqas a fortiori ta’ sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar bħal dik rikjesta. Madankollu, jista’ jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar is-smigħ tat-telefonati (67), tali miżuri jikkostitwixxu ndħil fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Mill-bqija, hija kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li l-ġbir u ż-żamma, mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun taf, ta’ data personali li tkun relatata mal-użu li dik il-persuna tagħmel mit-telefon, mill-posta elettronika u mill-internet jikkostitwixxu “indħil” fl-eżerċizzju tad-dritt tal-parti kkonċernata għar-rispett tal-ħajja privata u tal-korrispondenza tagħha, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB (68).

83.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58 (69) jiddefinixxi u jiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet magħmula permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni pubblika jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament kif ukoll il-kunfidenzjalità tad-data dwar it-traffiku relatata. Din id-dispożizzjoni timponi b’mod partikolari fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprojbixxu kull sorveljanza jew interċettazzjoni ta’ dawn il-komunikazzjonijiet ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tippermetti li l-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jillimitaw il-portata tad-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, meta din il-limitazzjoni tkun miżura neċessarja sabiex ikunu żgurati, b’mod partikolari, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Il-miżuri li jistgħu jiġu adottati f’dan ir-rigward għandhom fi kwalunkwe każ ikunu kollha “skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

2.      “interpretati b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 11 tal-Karta”: fuq il-garanzija tal-libertà tal-espressjoni u tad-dritt għall-informazzjoni

84.      L-Artikolu 11 tal-Karta, li jiggarantixxi mhux biss id-dritt li tingħata informazzjoni iżda anki dak li tiġi riċevuta (70), evidentement huwa intiż sabiex japplika għall-internet (71). Kif enfasizzat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem “permezz tal-aċċessibbiltà tagħhom kif ukoll il-kapaċità li għandhom li jżommu u jxerrdu kwantitajiet kbar ta’ data, is-siti web jagħtu kontribut kunsiderevoli sabiex jittejjeb l-aċċes tal-pubbliku għall-attwalità u, b’mod ġenerali, jiffaċilitaw il-komunikazzjoni tal-informazzjoni” (72).

85.      Ftit li xejn hemm dubju, kif enfasizzat Scarlet, li l-istabbilment ta’ sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar bħal dik mitluba, u b’mod partikolari l-mekkaniżmu ta’ bblokkar, jista’ jimplika kontroll tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha li jitwettqu permezz tas-servizzi tagħha li jikkostitwixxi, minnu nnfisu, “restrizzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-KEDB, għal-libertà ta’ komunikazzjoni stabblita mill-Artikolu 11(1) tal-Karta (73), ikunu xi jkunu l-modalitajiet tekniċi li permezz tagħhom jitwettaq konkretament il-kontroll tal-komunikazzjonijiet, ikunu xi jkunu l-portata u d-dettall tal-kontroll imwettaq u jkunu xi jkunu l-effikaċja u l-affidabbiltà tal-kontroll effettivament imwettaq, punti li huma suġġetti għal diskussjoni, kif diġà ġie enfasizzat iktar ’il fuq.

86.      Kif sostniet Scarlet, sistema li tinkludi kemm filtrazzjoni kif ukoll ibblokkar inevitabbilment se taffettwa l-iskambji legali tal-kontenuti, u b’hekk ikollha riperkussjonijiet fuq il-kontenut tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 11 tal-Karta, għall-inqas għaliex in-natura legali jew illegali ta’ komunikazzjoni partikolari, li tiddependi mill-portata tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni, tvarja minn pajjiż għall-ieħor u b’hekk ma hijiex suġġetta għat-teknika. Sa fejn wieħed jista’ jikkunsidra dan, l-ebda sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar ma tidher f’pożizzjoni li tiggarantixxi, b’mod li jkun kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikoli 11 u 52(1) tal-Karta, l-ibblokkar biss tal-iskambji li jistgħu speċifikatament jiġu identifikati bħala illegali.

3.      Konklużjoni intermedja

87.      Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li sa fejn il-miżura mitluba timponi l-istabbiliment ta’ sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħal dik deskritta iktar ’il fuq, hija tista’ taffettwa negattivament l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet protetti mill-Karta, kif ġew analizzati iktar ’il fuq, u b’hekk għandha tiġi kklassifikata, b’relazzjoni għall-utenti tas-servizzi ta’ Scarlet u, b’mod iktar wiesa’, b’relazzjoni għall-utenti tal-internet, bħala “limitazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (74). Issa, il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tal-utenti li jinvolvi l-istabbiliment ta’ tali sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar huma ammissibbli biss sa fejn huma jissodisfaw ċertu numru ta’ kundizzjonijiet li se jiġu eżaminati issa.

D –    Fuq il-kundizzjonijiet ta’ limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta u speċifikament il-kundizzjoni relatata mal-“kwalità tal-liġi” b’mod partikolari [Artikolu 52(1) tal-Karta]

88.      Il-Karta tistipula, f’termini magħrufa, il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minnha, l-istess kif il-KEDB tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom, b’mod partikolari, kull indħil fid-dritt għall-ħajja privata jew kull restrizzjoni għal-libertà tal-espressjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala leġittimi.

89.      B’hekk, l-Artikolu 52 tal-Karta jagħmel riferiment għall-“ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn” kif ukoll għall-ħtieġa li kull miżura ta’ din ix-xorta jkollha “objettivi ta’ interess ġenerali” u li tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalkemm id-difiża tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali żgur li tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali, kif jixhdu d-Direttivi 2001/29 et 2004/48, is-sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar mitluba ssib, madankollu, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-ġustifikazzjoni prinċipali tagħha fil-ħtieġa li jiġu protetti “d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”. Il-“ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet” tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati tinsab fil-qalba ta’ din il-kawża; hija l-kawża essenzjali tal-proċedura ċivili miftuħa minn Sabam kontra Scarlet.

90.      Fil-fatt, hawnhekk għandu jiġi enfasizzat, b’ċerta insistenza, li d-dritt ta’ proprjetà issa huwa stabbilit mill-Artikolu 17 tal-Karta, fejn għandu jitfakkar li eżattament l-Artikolu 17(2) jippreċiża b’mod espliċitu li l-“proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta”. Għandu jitfakkar ukoll li, qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet stabbilixxiet id-dritt ta’ proprjetà bħala dritt fundamentali li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt (75) u rrikonoxxiet li d-drittijiet tal-awturi jagħmlu parti mid-dritt għall-proprjetà (76). Id-Direttivi 2001/29 u 2004/48 (77) għandhom huma stess l-għan li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza konsistenti tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-proprjetà intellettwali tibbenefika, bħala tali, mingħajr kontestazzjoni mill-protezzjoni tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 għall-KEDB (78).

91.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-għan fundamentali tad-drittijiet tal-awtur huwa li lil min joħloq xogħlijiet ta’ natura inventiva u oriġinali jingħata d-dritt esklużiv li jisfrutta dawn ix-xogħlijiet (79). Id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati b’hekk għandhom natura ekonomika peress li jinvolvu, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jkun sfruttat kummerċjalment it-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni tax-xogħol protett, fil-forma, b’mod partikolari ta’ liċenzji mogħtija fuq ħlas ta’ royalties (80).

92.      Għaldaqstant, din hija żgur “ħtieġa li jiġ[i] [protett dritt]” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta li tista’ tilleġittimizza l-“limitazzjoni” ta’ drittijiet u ta’ libertajiet oħra fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

93.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jingħad li ma għandux ikun neċessarju li jsir eżami dettaljat tal-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissibbiltà tal-limitazzjonijiet għad-drittijiet u għal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli għad-domanda tagħha. Fil-fatt, din tal-aħħar qed tistaqsi b’mod ferm speċifiku fuq il-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet, li skont dak li għadu kemm ġie spjegat, tikkostitwixxi l-użu tas-sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar mitluba tistax issir “abbażi tas-sempliċi dispożizzjoni legali” nazzjonali li tikkostwixxi l-Artikolu 87(1) tal-Liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994, dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, li hija tiċċita mill-bqija, b’mod sħiħ. Dan l-aspett tad-domanda preliminari jeħtieġ, qabel kollox, l-eżami tal-ewwel kundizzjoni ddefinita fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri dik li tkun “prevista mil-liġi”, li hija litteralment komuni kemm għal din id-dispożizzjoni tal-aħħar kif ukoll għall-Artikoli 8(2) u 10(2) tal-KEDB, eżami li għandu jitwettaq fid-dawl tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jinterpretaw dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar li, kif diġà ġie enfasizzat, jifformaw maż-żmien corpus ta’ ġurisprudenza partikolarment abbundanti li hija tali li tippermetti li tiġi identifikata din il-kundizzjoni.

94.      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet b’mod konsistenti li d-dispożizzjonijiet tal-KEDB li jissuġġettaw l-indħil fl-eżerċizzju ta’ dritt jew ir-restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ libertà li hija tiggarantixxi sakemm tkun “prevista mil-liġi” (81) jimplikaw mhux biss li l-miżura hija msejsa fuq bażi legali sa fejn hija jkollha “bażi fid-dritt intern”, iżda jimponu wkoll rekwiżiti, li sabiex nirrepeti l-espressjoni li stabbilixxiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stess, jirrigwardaw “il-kwalità tal-liġi inkwistjoni” (82). Fil-fatt, din il-“liġi” għandha tkun “suffiċjentement aċċessibbli u prevedibbli, jiġifieri fformulata b’biżżejjed preċiżjoni sabiex individwu – filwaqt li fejn ikun neċessarju jfittex pariri informati sew – ikun jista’ jirregola l-aġir tiegħu”, “jipprevedi l-konsegwenzi tagħha għalih” (83), u “jipprevedi, fuq livell raġonevoli skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari” (84).

95.      B’hekk, il-“liġi” għandha tkun suffiċjentement ċara (85) u prevedibbli fir-rigward tas-sens u tan-natura tal-miżuri applikabbli (86), u tiddefinixxi b’biżżejjed ċarezza l-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ndħil fl-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB (87). Liġi li tagħti setgħa diskrezzjonali, fiha nfisha ma tmurx kontra dan ir-rekwiżit, sakemm il-portata u l-modalitajiet ta’ kif tiġi eżerċitata din is-setgħa jkunu ddefiniti b’ċarezza suffiċjenti, fid-dawl tal-għan leġittimu li jkun irid jintlaħaq, li jista’ jagħti lill-individwu protezzjoni adegwata kontra aġir arbitrarju (88). Liġi li tagħti setgħa diskrezzjonali b’hekk għandha tiffissa l-portata tagħha (89).

96.      Konsegwentement, limitazzjoni tkun ammissibbli biss jekk hija tkun imsejsa fuq bażi legali tad-dritt intern, bażi legali li għandha tkun aċċessibbli, ċara u prevedibbli (90), kundizzjonijiet li lkoll jirriżultaw mill-idea tas-supremazija tad-dritt (91). Huwa minn dan ir-rekwiżit tas-supremazija tad-dritt li tirriżulta (92) n-neċessità tal-aċċessibbiltà u tal-prevedibbiltà tal-liġi għall-persuna kkonċernata (93).

97.      Il-kundizzjoni li abbażi tagħha kull limitazzjoni għandha tkun “prevista mil-liġi” b’hekk timplika, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-azzjoni tad-detenturi tal-awtorità pubblika tkun tagħmel parti mil-limiti ddefiniti minn qabel mir-regoli tad-dritt, li “jimponi ċerti rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti kemm mir-regoli tad-dritt stess kif ukoll mill-proċeduri intiżi sabiex jimponu l-osservanza effettiva tad-drittijiet” (94).

98.      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet ukoll li l-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà u ta’ aċċessibbiltà tal-liġi tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu (95). Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tmurx kontra li persuna kkonċernata jkollha tasal sabiex tirrikorri għal kjarifiki sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att speċifiku (96). Dan jgħodd b’mod partikolari għall-professjonisti, li huma mdorrija jagħtu prova li jimxu bi prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom.

99.      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kellha l-okkażjoni li tippreċiża li t-terminu “liġi” għandu jinftiehem fis-sens “materjali” u mhux biss fis-sens formali tiegħu, b’tali mod li huwa jista’ jinkludi kemm il-“liġi miktuba” kif ukoll il-“liġi mhux miktuba” jew anki l-“liġi elaborata” mill-qrati (97). Minn din il-perspettiva, jista’ jkun partikolarment neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza. “Ġurisprudenza stabbilita” ppubblikata, u b’hekk aċċessibbli, u segwita mill-qrati inferjuri, f’ċerti ċirkustanzi tista’ anki tikkompleta dispożizzjoni leġiżlattiva u tiċċaraha sakemm tagħmilha prevedibbli (98).

100. Fl-aħħar nett, kemm il-Karta kif ukoll il-KEDB jammettu l-possibbiltà ta’ limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet, ta’ ndħil fl-eżerċizzju tad-drittijiet jew ta’ restrizzjoni fl-eżerċizzju tal-libertajiet, li jiggarantixxu sakemm, b’mod partikolari, ikunu “previsti mil-liġi”. Filwaqt li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ibbażat ruħha prinċipalment fuq il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt stabbilit mill-preambolu tal-KEDB, abbażi ta’ din l-espressjoni, u permezz tal-kunċett tal-“kwalità tal-liġi” hija essenzjalment (99) bniet duttrina effettiva, li abbażi tagħha kull limitazzjoni, indħil jew restrizzjoni qabel għandhom ikunu s-suġġetti ta’ previżjoni legali, għall-inqas fis-sens materjali tat-terminu, li għandu jkun suffiċjentement preċiż fir-rigward tal-għan li jkollha, jiġifieri għandha tkun konformi mar-rekwiżiti minimi. Din il-ġurisprudenza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tal-portata tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Karta.

E –    “abbażi tas-sempliċi dispożizzjoni legali”: l-eżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-kundizzjoni bbażata fuq il-“kwalità tal-liġi” [Artikolu 52(1) tal-Karta]

101. F’dan l-istadju tal-eżami, jeħtieġ sempliċement li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk il-bażi legali li l-qorti tar-rinviju identifikat fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru hijiex, mill-perspettiva tal-utenti tas-servizzi tal-FAI u, b’mod iktar wiesa’, tal-utenti tal-internet, tabilħaqq tali li tikkostitwixxi l-“liġi” meħtieġa mill-Karta, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem eżaminata iktar ’il fuq, adattata, jekk ikun il-każ, għall-ispeċifiċitajiet tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

102. Qabel kollox, għandu jitfakkar il-kontenut litterali tad-dispożizzjoni legali nazzjonali inkwistjoni, f’dan il-każ it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 87(1) tal-Liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994, dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, li l-qorti tar-rinviju qagħdet ferm attenta li tirriproduċi in extenso fl-istess domanda preliminari tagħha: “[il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l-President tat-tribunal Kummerċjali] jistgħu wkoll joħorġu ordni ta’ twaqqif kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terz sabiex jiġu ppreġudikati d-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati magħhom”.

103. Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, ma hemmx dubju li d-dritt Belġjan jinkludi bażi legali għall-adozzjoni, fil-kuntest ta’ azzjoni ċivili mibdija sabiex jiġi kkonstatat, issanzjonat u kkumpensat ksur tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati, ta’ ordni ta’ waqfien indirizzat, bħal fil-kawża prinċipali, kontra FAI bħal Scarlet sabiex ikun iggarantit il-waqfien effettiv tal-imsemmi ksur. Il-problema mqajma mid-domanda tal-qorti tar-rinviju, madankollu, ma hijiex dik dwar jekk il-qorti Belġjana kompetenti tistax, b’mod ġenerali, tadotta ordni ta’ waqfien f’tali kuntest u b’tali għan, iżda jekk hija tistax, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-“kwalità tal-liġi” fis-sens tal-KEDB u issa, tal-Karta, tordna miżura bħal dik li qed tintalab f’dan il-każ abbażi ta’ din is-setgħa li toħroġ ordni.

104. F’din il-perspettiva, qabel kollox, għandha terġa’ tiġi indirizzata r-riflessjoni inizjali dwar il-karatteristiċi u, fl-aħħar mill-aħħar, dwar in-“natura” tal-miżura mitluba.

105. Kif intwera iktar ’il fuq, fil-perspettiva ta’ Scarlet u tal-FAI, l-obbligu li tiġi stabbilita, bi spejjeż tagħhom biss, sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar bħal dik inkwistjoni huwa tant karatteristiku jew saħansitra uniku, minn naħa, u “ġdid” jew saħansitra mhux mistenni, min-naħa l-oħra, li huwa għandu jiġi ammess biss jekk ikun previst espressament, minn qabel, u b’mod ċar u preċiż, f’“liġi” fis-sens tal-Karta. Issa, diffiċilment jista’ jiġi kkunsidrat li, billi tadotta l-miżura mitluba abbażi tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-qorti nazzjonali kompetenti żżomm ruħha fil-limiti ddefiniti espressament, minn qabel, b’mod ċar u speċifiku mil-“liġi”, b’mod partikolari jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 (100). Mill-perspettiva ta’ Scarlet, l-adozzjoni minn qorti Belġjana ta’ miżura bħal din kienet diffiċilment prevedibbli (101) u, fid-dawl tal-konsegwenzi ekonomiċi potenzjali tagħha, tista’ titqies ukoll bħala arbitrarja.

106. Fil-perspettiva tal-utenti tas-sevizzi ta’ Scarlet, u b’mod iktar wiesa’ tal-utenti tal-internet, is-sistema ta’ filtrazzjoni mitluba hija intiża, indipendentement mill-modalitajiet tal-funzjonament konkret tagħha, li tiġi applikata b’mod sistematiku u universali, permanenti u perpetwu, iżda l-istabbiliment tagħha ma huwa assoċjat ma’ ebda garanzija speċifika fir-rigward, b’mod partikolari, tal-protezzjoni tad-data personali u tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ bblokkar, indipendentement mill-modalitajiet tal-funzjonament konkret tiegħu, qed jintalab jibda jopera mingħajr ma hija espressament prevista l-possibbiltà għall-persuni affettwati, jiġifieri l-utenti tal-internet, li jopponu l-ibblokkar ta’ fajl speċifiku jew li jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan.

107. Diffiċilment jista’ jkun mod ieħor peress li l-liġi nazzjonali inkwistjoni bl-ebda mod ma għandha l-għan li tawtorizza lill-qrati nazzjonali kompetenti jadottaw miżura ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tal-abbonati tal-FAI kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni.

108. B’hekk, il-konklużjoni li tista’ tinsilet hija li d-dispożizzjoni inkwistjoni tad-dritt nazzjonali, fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta u b’mod partikolari tar-rekwiżiti relatati mal-“kwalità tal-liġi” u b’mod iktar wiesa’, tar-rekwżiti tas-supremazija tad-dritt, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala bażi legali suffiċjenti sabiex jiġi adottat ordni li jimponi sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar bħal dak mitlub fil-kawża prinċipali.

109. Mill-bqija, mill-perspettiva tal-kunċett “materjali” tal-“liġi”, għandu jiġi kkonstatat ukoll li bl-ebda mod ma sar riferiment għall-eżistenza ta’ ġurisprudenza abbondanti tal-qrati Belġjani, li rrepetiet u rfinat l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, b’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mad-dritt tal-KEDB, fis-sens tal-miżura mitluba u li b’hekk ippermettiet li jiġi konkluż li r-rekwiżit tal-prevedibbiltà tal-liġi ġie osservat (102).

110. Fid-dawl tal-konstatazzjoni li saret iktar ’il fuq, ma hemmx għalfejn jiġi eżaminat l-effett tad-dritt tal-Unjoni (103) fuq il-“kwalità” tal-bażi legali nazzjonali. L-Avukat Ġenerali Kokott enfasizzat, f’dan ir-rigward, fil-konklużjonijiet tagħha ppreżentati fil-kawża Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq (104), li “[i]l-bilanċ bejn il-pożizzjonijiet ikkonċernati f’dak li jirrigwarda d-drittijiet fundamentali għandu l-ewwel jiġi stabbilit mil-leġiżlatur Komunitarju” u li “[l]-Istati Membri madankollu wkoll huma obbligati li jieħdu dawn id-drittijiet fundamentali in kunsiderazzjoni meta jeżerċitaw il-kompetenza regolatorja li jibqgħalhom fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ direttivi”.

111. B’hekk tqajmet il-kwistjoni, partikolarment delikata, tar-“responsabbiltà” rispettiva tal-Unjoni u tal-Istati Membri fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ supremazija tad-dritt li ġew eżaminati iktar ’il fuq, f’sitwazzjoni fejn id-direttivi, flimkien mal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni, jiġu applikati billi jinvolvu “limitazzjoni” ta’ dritt iggarantit jew ta’ libertà rikonoxxuta mill-Karta. Madankollu, it-termini tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tirreferi espressament għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li huma intiżi sabiex jittrasponu d-Direttivi 2001/29 u 2004/48 dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, jippermettu li, billi ġie kkonstatat preċedentement li l-ebda waħda mid-direttivi inkwistjoni ma timponi li tiġi stabbilita sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar bħal dik mitluba fil-kawża prinċipali, din il-kwistjoni għandha titħalla provviżorjament fil-ġenb.

112. Fl-aħħar nett, l-idea li d-direttivi inkwistjoni, u b’mod partikolari d-Direttiva 2000/31, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni aġġornata, fejn jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi tat-teknoloġija u tal-użi tal-internet, f’dan il-kuntest għandha tinċaħad. Għalkemm, inkontestabbilment, ir-rekwiżit tal-prevedibbiltà ma jimplikax ċertezza assoluta, kif iddeċidiet konsistentement il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (105), l-approċċ li jiddefendi l-interpretazzjoni “ħajja” tat-testi ma jistax itaffi n-nuqqas ta’ kull bażi legali nazzjonali li ssemmi b’mod espliċitu sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31, bħala li tippermetti jew li ma tipprekludix l-adozzjoni ta’ miżura bħal dik li hija mitluba ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-“kwalità tal-liġi” u tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali (106) u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

113. Nixtieq inżid ukoll xi kunsiderazzjonijiet finali. Meta l-Karta, l-istess bħall-KEDB, tirrikjedi li kull “limitazzjoni” (jew “indħil” jew “restrizzjoni”) tad-drittijiet u tal-libertajiet tkun “prevista mil-liġi”, tirreferi, b’mod speċifiku ħafna, għall-funzjoni tal-liġi, proprjament tad-dritt, bħala sors ta’ tranquillitas publica u dan fil-qasam ferm sensittiv inkwistjoni. Issa, il-Karta mhux biss trid li l-liġi tkun “preeżistenti” għal kull limitazzjoni għad-drittijiet u għal-libertajiet, iżda trid ukoll, barra minn hekk, li din il-limitazzjoni tosserva l-“essenza” tagħha, xi ħaġa li teħtieġ b’mod prattikament indispensabbli l-intervent tal-leġiżlatur fid-definizzjoni tal-fruntiera bejn il-limitazzjoni għad-dritt u t-territorju bħala prinċipju intanġibbli ta’ din l-essenza. Bl-istess mod, il-Karta tirrikjedi li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minnha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, tissodisfa l-prinċipju ta’ neċessità u tilħaq effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew tissodisfa l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet kollha, hija l-eżistenza stess ta’ din il-“liġi” li, għal darba oħra, fil-fehma tiegħi hija nieqsa, fejn “liġi” għandha tinftiehem bħala dritt “deliberat”, jiġifieri li sar leġittimu skont proċedura demokratika. Fil-fatt, hija biss liġi fis-sens parlamentari tal-kelma li setgħet tippermetti li fl-eżami jitressqu kundizzjonijiet oħra msemmija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. F’dan ir-rigward, jista’ jingħad li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jinkorpora rekwiżit impliċitu ta’ liġi “deliberata” li jikkorrispondi għall-intensità tad-dibattitu pubbliku. Madankollu, huwa r-rekwiżit espliċitu tal-liġi, bħala “dritt minn qabel” li huwa inkwistjoni hawnhekk. U billi ġie kkonstatat li f’dan il-każ dan tal-aħħar huwa nieqes, l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tista’ tingħata risposta.

114. Fl-aħħar nett, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Cour d’appel de Bruxelles u, konsegwentement, li tiddikjara li ma hemmx lok li tirrispondi għat-tieni domanda, magħmula sussidjarjament.

V –    Konklużjoni

115. Fl-aħħar nett, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour d’appel de Bruxelles fit-termini li ġejjin:

“Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni u d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, flimkien mad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru, 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, u d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”), interpretati fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea b’kunsiderazzjoni tal-Artikoli 8 u 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni minn qorti nazzjonali, abbażi tas-sempliċi dispożizzjoni legali li tipprevedi li ‘[il-qrati kompetenti] jistgħu wkoll joħorġu ordni ta’ twaqqif kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terz sabiex jiġu ppreġudikati d-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati magħhom’, ta’ miżura li tordna ‘lil [fornitur ta’ aċċess għall-internet] li jistabbilixxi, għall-klijentela kollha tiegħu, in abstracto u bħala prevenzjoni, bl-ispejjeż esklużivament fuq dan [tal-aħħar] u mingħajr limitu ta’ żmien, sistema ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha, kemm dawk irċevuti kif ukoll dawk li jintbagħtu, permezz tas-servizzi tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ software peer to peer, sabiex tiġi identifikata fuq in-netwerk tiegħu ċ-ċirkulazzjoni ta’ fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali, ċinematografiku jew awdjo-viżiv li l-applikant jallega li għandu drittijiet fuqhom u mbagħad jibblokka t-trasferiment ta’ dawn, sew meta ssir it-talba, sew meta jintbagħtu’”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Bilkemm huwa neċessarju li jiġi enfasizzat li l-problema tal-piraterija fuq l-internet hija waħda dinjija, li tat lok għal reazzjonijiet differenti skont il-pajjiż li jkun, l-iktar ta’ spiss ġudizzjarji [irrispettivament minn jekk dan ikunx kontra l-utenti tal-internet infushom jew kontra l-fornituri tas-servizz, il-fornituri tal-aċċess għall-internet, il-fornituri tal-hosting, l-edituri ta’ softwer “peer-to-peer” jew ta’ servizzi [ara, b’mod partikolari, il-kawżi Napster (A&M Records vs Napster, 239 F.3d 1004, 9th Cir. 201) u Grokster (Metro-Goldwyn-Mayer Studios vs Grokster, 125 S. Ct. 2764, 2005) fl-Istati Uniti, il-kawża Kazaa fl-Awstralja (Kazaa [2005] F. C. A. 1242) jew anki l-kawża PirateBay fl-Isvezja (Svea hovrätt), is-26 ta’ Novembru 2010, (Kawża Nru B 4041-09)], xi drabi leġiżlattivi [pereżempju, fi Franza, il-liġi msejħa Hadopi, mill-isem Haute Autorité pour la diffusion des œuvres et la protection des droits sur Internet [l-Awtorità Għolja għad-distribuzzjoni tax-xogħlijiet u għall-protezzjoni tad-drittijiet fuq l-internet] li tistabblixxi [loi n° 2009-669, du 12 juin 2009, favorisant la diffusion et la protection de la création sur Internet, JORF Nru 135 tat-13 ta’ Ġunju 2009, p. 9666); fi Spanja, Disposición final cuadragésima tercera de la Ley 2/2011, de 4 de marzo, de Economía Sostenible (BOE tal-5 ta’ Marzu 2011 p. 25033)], xi drabi sui generis [ara, pereżempju, il-Joint Memorandum of Understanding on an approach to reduce unlawful file sharing iffirmat fl-2008 bejn il-fornituri ta’ aċċess għall-internet prinċipali tar-Renju Unit u r-rappreżentanti tal-industriji kreattivi], ferm ikkumentati u li evidentement, ma huwiex possibbli li jingħata rendikont tagħhom hawnhekk, anki fil-qosor u, li d-dibattitu li tqajjem huwa minnu nnifsu dinji u partikolarment kontroversjali; għal ħarsa ġenerali lejn l-approċċ Franċiż għall-problema, ara, b’mod partikolari, E. Derieux u A. Granchet, La lutte contre le téléchargement illégal, Lois DADVSI et HADOPI, Lamy Axe Droit, 2010; għal ħarsa ġenerali lejn l-approċċ difiż mill-Kummissjoni, ara l-ewwel Rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern, tal-21 ta’ Novembru 2003 [traduzzjoni mhux uffiċjali] [COM(2003) 702 finali, punt 4.7]; ir-Rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, tat-22 ta’ Diċembru 2010 [COM(2010) 779 finali, punt 3.3] kif ukoll il-komunikazzjoni tagħha tas-16 ta’ Lulju 2008, “Strateġija għall-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Industrijali” [COM (2008) 465 finali, punt 5.3]. Għandha tiġi kkonsultata wkoll, fost il-ħidmiet imwettqa fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2008)6 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri, tas-26 ta’ Marzu 2008, dwar il-miżuri għall-promozzjoni tar-rispett tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni fir-rigward tal-filtri tal-internet u l-linji gwida sabiex tingħata għajnuna lill-fornituri tas-servizzi tal-internet [traduzzjoni mhux uffiċjali], ta’ Lulju 2008; ara wkoll ir-rapport tal-OKŻE ppreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2005 lill-Working Party on the Information Economy, Digital Broadband Content: Music, DSTI/ICCP/IE(2004)12/FINAL.


3 – Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


4 – Iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


5 – B’hekk, fuq il-livell ġuridiku, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-atti ta’ vjolazzjoni inkwistjoni u l-effett tal-eċċezzjonijiet għal kopja privata ma humiex se jiġu eżaminati; fuq il-livell tekniku; la t-tekniki ta’ tniżżil illegali u lanqas il-mezzi li jista’ jkun hemm biex dan ikun ostakolat ma jistgħu jiġu eżaminati. B’mod iktar ġenerali, se jsir riferiment f’dan ir-rigward għad-duttrina abbundanti li jagħti lok għaliha l-ftehim ġuridiku tal-fenomenu.


6 – Iktar ’il quddiem “FAI”.


7 – Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, C‑275/06, Ġabra p. I‑271, konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tat-18 ta’ Lulju 2007.


8 – Indirizz tal-IP huwa indirizz uniku li l-apparati li jikkomunikaw skont il-“protokoll tal-internet” jużaw sabiex jidentifikaw lilhom infushom u jikkomunikaw bejniethom fuq netwerk informatiku; ara b’mod partikolari, Jon Postel ed., Internet Protocol, RFC 791, Settembru 1981, http://www.faqs.org/rfcs/rfc791.html. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 u 31.


9 – Biex jingħad kollox, għalkemm, kif se jintwera iktar ’il quddiem, il-FAI inkwistjoni qed jintalab jistabbilixxi sistema “ta’ prevenzjoni” għall-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, madankollu għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, huwa d-destinatarju ta’ ordni adottata b’reazzjoni għal ksur ikkonstatat tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fil-kuntest ta’ proċedura ċivili.


10 – Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


11 – Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32; u corrigenda li ma jirrigwardawx il-verżjoni Maltija fil-ĠU L 195, p. 16 u l-ĠU L 204, p. 27).


12 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


13 – Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).


14 – Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25 p. 399).


15Moniteur belge tas-27 ta’ Lulju 1994, p. 19297


16 – Iktar ’il quddiem “Scarlet”.


17 – Ara, b’mod partikolari, għall-iktar reċenti, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß (C‑243/09, punt 66); tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, punti 45 et seq), kif ukoll, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, punt 78); tat-12 ta’ Novembru 2010, Asparuhov Estov (C‑339/10, punt 12); tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, punt 52); tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB Deutsche Energiehandels-und Beratungsgesellschaft (C‑279/09, punt 30), Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, punt 52), Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, punt 75), kif ukoll Aguirre Zarraga (C‑491/10 PPU); u tal-1 ta’ Marzu 2011, Association Belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, punt 16).


18–      Ara wkoll f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot ippreżentati fil-5 ta’ April 2011 fil-kawża Scattolon (C‑108/10).


19 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C‑400/10 PPU, Ġabra p. I‑8965), punt 53) u DEB Deutsche Energiehandels-und Beratungsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 35).


20–      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, l-ispjegazzjonijiet li ngħataw bħala gwida għall-interpretazzjoni tal-Karta mogħtija lill-Artikolu 52(7), u b’mod partikolari l-ispjegazzjonijiet għall-Artikolu 7, għall-Artikolu 8, għall-Artikolu 11 u għall-Artikolu 52 tal-Karta.


21 – Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 35 tas-sentenza DEB Deutsche Energiehandels-und Beratungsgesellschaft tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, “is-sens u l-portata tad-drittijiet iggarantiti huma ddeterminati mhux biss mit-test tal-KEDB, iżda wkoll, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”, skont l-ispjegazzjonijiet li ngħataw bħala gwida għall-interpretazzjoni tal-Karta b’riferiment għall-Artikolu 52(7) tagħha.


22 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-1 ta’ Marzu 2011 fil-kawża Samba Diouf, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (C‑69/10, punt 42).


23 – Dan kien, eżattament, is-sens tal-mistoqsija li għamilt b’mod dettaljat lill-intervenjenti differenti waqt is-seduta.


24 – Għal sempliċi “riferimenti” għall-kundizzjoni, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 19); tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni (85/87, Ġabra p. 3137, punti 30 et seq); tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C‑368/95, Ġabra p. I‑3689, punt 26); tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C‑60/00, Ġabra p. I‑6279, punt 42); u tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375 punt 91); għal “stħarriġ” tal-kundizzjoni, ara s-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, iċċitata iktar ’il fuq (punt 66). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq (punt 53).


25 – Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, għaldaqstant, se jsir sempliċement riferiment għad-domanda preliminari fis-singular.


26 – Iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ filtrazzjoni”.


27 – Iktar ’il quddiem il-“mekkaniżmu ta’ bblokkar”.


28 – Fid-dokumenti tagħha, Sabam tenfasizza, madankollu, li l-miżura mitluba tirreferi biss għall-komunikazzjonijiet “peer-to-peer”. L-espressjoni “peer-to-peer” (bejn pari) tindika metodu ta’ komunikazzjoni fejn il-kompjuters, konnessi f’netwerk f’linja diretta, jiskambjaw, permezz ta’ softwer li jużaw protokolli speċifiċi, informazzjoni, li tista’ tkun fajls (il-“file sharing” imsemmi f’din il-kawża), iżda wkoll, pereżempju, servizzi ta’ telefonija bħal Skype. Bħala eżempju, wieħed jista’ jsemmi l-protokolli u s-softwer ta’ “file sharing” li ġejjin: BitTorrent (Azureus, BitComet, Shareaza, MlDonkey…), eDonkey (eDonkey2000, MlDonkey), FastTrack (Kazaa, Grokster, iMesh, MlDonkey), Gnutella (BearShare, Shareaza, Casbos, LimeWire, MlDonkey…), Gnutella2 (Shareaza, Trustyfiles, Kiwi Alpha, FileScope, MlDonkey…), OpenNap (Napster, Lopster, Teknap, MlDonkey); għal preżentazzjoni iktar dettaljata ta’ “peer-to-peer”, ara, b’mod partikolari, R. Stevens, Peer-to-Peer (P2P) Resource Sharing, Lulju 2010 (fuq is-sit tal-Università ta’ Oxford, Information and Communications Technology <http://www.ict.ox.ac.uk/oxford/rules/p2p.xml>). Sabam tippreċiża li l-miżura għandha l-għan li “tagħmel impossibbli kull forma ta’ bgħit jew ta’ riċezzjoni […] permezz ta’ softwer ‘peer-to-peer’, ta’ fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali mir-repertorju tas-Sabam”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina dak li jfisser eżattament, u b’mod partikolari jekk is-sistema għandhiex ukoll tadatta ruħha għall-metodi, alternattivi għall-“peer-to-peer”, ta’ skambju ta’ fajls bħall-“istreaming” (fluss ta’ data) u d-“direct download” (tniżżil dirett, permezz ta’, pereżempju, RapidShare, MegaUpload). Il-Qorti tal-Ġustizzja, obbligata mit-termini tad-domanda preliminari li saritilha u mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju għandha tieħu bħala punt ta’ tluq il-prinċipju li s-sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar mitluba tkopri “b’mod partikolari” u b’hekk mhux esklużivament, il-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ softwer “peer-to-peer”.


29 – Hija konsegwenza inevitabbli tal-prinċipju ta’ “newtralità teknoloġika” difiż minn Sabam, li abbażi tiegħu l-miżura mitluba ma timponix lil Scarlet tadotta xi teknoloġija partikolari.


30 – Bil-prudenza kollha li għandu jkollu kull min ma huwiex espert fis-suġġett, jidher li l-istabbilment ta’ sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar tista’ tkun ibbażata fuq diversi mekkaniżmi ta’ skoperta. Tista’ ssir distinzjoni bejn: 1) l-iskoperta tal-protokoll tal-komunikazzjoni użat: billi kull protokoll “peer-to-peer” għandu l-mekkaniżmi tiegħu sabiex jiġġestixxi n-netwerk u jikoordina d-distribuzzjoni tat-traffiku, jistgħu jiġu stabbiliti filtri li f’kull pakkett tal-IP jfittxu l-marka ta’ kull protokoll (il-firma). Sussegwentement, ladarba tkun magħrufa l-firma, ikun possibbli li l-komunikazzjonijiet kollha li jagħmlu użu minn dan il-protokoll, minn naħa, jew jiġu bblokkati jew titnaqqas ferm il-veloċità tagħhom għal finjiet dissważivi, jew min-naħa l-oħra, jiġu sfruttati l-possibbiltajiet ta’ kontroll dettaljat tal-kontenut tal-fajls sabiex jiġu bblokkati biss dawk li jiġu identifikati bħala li jiksru dritt; 2) l-iskoperta tal-kontenut tal-fajls skambjati: dan it-tip ta’ sistema jista’ jew jiskopri marka (tatoo) informatika mqiegħda minn qabel f’fajl, jew jipparguna l-marka informatika ta’ fajl mal-marki preċedentement stabbiliti ta’ xogħlijiet. Is-sistema CopySense ta’ Audible Magic li tissemma fid-deċiżjoni tar-rinviju hija sistema ta’ dan it-tip; 3) l-iskoperta tal-aġir tal-atturi tal-komunikazzjoni kontenzjuża: l-iskoperta tal-ports ta’ komunikazzjonijiet, l-iskoperta tal-ftuħ minn server/kompjuter klijent ta’ diversi konnessjonijiet ma’ diversi klijenti oħra; l-iskoperta ta’ talbiet għal tiftix/trasferiment ta’ fajls jiġifieri l-iskoperta tal-ikkriptar (encryption) tal-iskambju bħala indikazzjoni ta’ tentattiv ta’ elużjoni tal-miżuri ta’ skoperta. Għal ħarsa ġenerali lejn it-tekniki differenti li jistgħu jkunu previsti, jistgħu jiġu pparagunati, pereżempju, ir-Rapport Kahn-Brugidou, tad-9 ta’ Marzu 2005, u r-Rapport Olivennes dwar l-iżvilupp u l-protezzjoni tax-xogħlijiet kulturali fuq in-netwerks il-ġodda, tat-23 ta’ Novembru 2007, li ispira l-liġi Hadopi.


31 – Minkejja l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika difiż minn Sabam, l-għażla tas-sistema li għandha tiġi stabbilita ma hijiex newtra lanqas fuq il-livell teknoloġiku. Pereżempju, jista’ jiġi raġonevolment ikkunsidrat li sistema ta’ filtrazzjoni skont il-kontenut tal-komunikazzjonijiet kollha probabbilment ikollha impatt iktar sinjifikattiv fuq in-netwerk tal-komunikazzjoni minn filtrazzjoni biss tal-fajls skambjati skont protokoll li l-firma tiegħu hija identifikata.


32 – Din hija konsegwenza diretta tal-idea tan-newtralità teknoloġika difiża minn Sabam.


33 – Inċidentalment, tressqet domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li hija identika fil-kuntest ta’ kawża oħra bejn Sabam u Netlog, pjattaforma ta’ netwerk soċjali; ara l-Kawża Sabam (C‑360/10), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU C 288, 23 ta’ Ottubru 2010, p. 18).


34 –      Id-deċiżjonijiet tal-qrati Belġjani f’din il-kawża, tabilħaqq, kellhom effett kunsiderevoli lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa, kif jista’ jiġi kkonstatat permezz ta’ tfittxija rapida fuq l-internet.


35 – Ftit li xejn hemm għalfejn jiġu enfasizzati l-vantaġġi kunsiderevoli li għandha, għad-detenturi tad-drittijiet jew għall-benefiċjarji tagħhom u b’mod partikolari għas-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet involuti fil-ġlieda kontra t-tniżżil illegali, il-ġeneralizzazzjoni tal-istabbiliment ta’ sistemi ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar, dejjem jekk dawn jistgħu tabilħaqq ikunu effikaċi, inizjalment fuq il-livell proċedurali u dak patrimonjali, b’relazzjoni għal strateġija li twasal sabiex tiġi rikjesta b’mezzi ġudizzjarji l-parteċipazzjoni tal-FAI sabiex ikunu skoperti u elenkati min iwettaq ksur sabiex imbagħad jinfetħu proċeduri legali kontra tagħhom.


36 – Sabam tispeċifika, f’dan ir-rigward, li hija ma għandhiex il-ħsieb li takkuża lil Scarlet bħala li wettqet ksur jew li kienet responsabbli mill-ksur li sar fir-rigward tal-proprjetà intellettwali iżda li tiddiswadiha milli tipprovdi s-servizzi tagħha lil terzi sa fejn dawn tal-aħħar jużawhom sabiex jiksru drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati. Madankollu, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, fl-ewwel istanza, Scarlet kienet ġiet suġġetta għal ordni ta’ waqfien flimkien ma’ pagamenti ta’ penalità, li huma s-suġġett tal-appell prinċipali inkwistjoni, u li s-Sabam qed titlob il-konferma tad-deċiżjonijiet tal-ewwel qrati kif ukoll it-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li għandha tingħata fis-sit web tagħha kif ukoll f’diversi gazzetti.


37 – L-espert imqabbad mill-President tat-tribunal de première instance de Bruxelles jinsisti fuq dan l-aspett tal-kwistjoni. Ara l-punti 4 u 5 tal-konklużjonijiet tar-rapport tiegħu, tad-29 ta’ Jannar 2007, iċċitati fid-deċiżjoni tar-rinviju u riprodotti fil-punt 21 iktar ’il fuq.


38 – Għal darba oħra, il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika difiż minn Sabam jimplika li huwa impossibbli ex ante li jiġu evalwati l-ispejjeż globali tal-istabbiliment ta’ tali sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar, irrispettivament minn jekk ikunux spejjeż marbuta mat-tfittxija u mal-ittestjar tas-sistema nfisha, spejjeż ta’ investiment (il-mezzi ta’ filtrazzjoni, ir-routers …), spejjeż ta’ inġinerija u ta’ ġestjoni tal-proġett jew anki spejjeż rikorrenti ta’ manutenzjoni u ta’ sorveljanza operattiva.


39 – Punt 19.


40 – Bilkemm huwa l-każ li jitfakkar li l-Unjoni, skont l-Artikolu 2 TUE, hija msejsa fuq il-valuri, b’mod partikolari, tal-Istat tad-dritt u li l-Qorti tal-Ġustizzja ilha li stabbilixxiet fil-ġurisprudenza tagħha l-idea ta’ “komunità ta’ dritt”; ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, Ġabra p. 1339, punt 23) u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 281). Fuq dawn il-kwistjonijiet u bir-riżervi kollha li għandhom jakkumpanjaw l-użu ta’ kunċetti nazzjonali fid-dritt tal-Unjoni, ara, b’mod partikolari, C. Calliess u M. Ruffert, EUV/EGV, Das Verfassungsrecht der Europäischen Union mit Europäischer Grundrechtcharta, Kommentar, Beck, 2007, p. 62; J. Schwarze, Droit administratif européen, Bruylant, 2009, p. 219 et seq; L. Azoulai, “Le principe de légalité”, f’J.-B. Auby u J. Dutheil de la Rochère, Droit administratif européen, Bruylant, 2007, p. 394, speċjalment p. 399; D. Simon “La Communauté de droit”, f’F. Sudre u H. Labayle, Réalité et perspectives du droit communautaire des droits fondamentaux, Bruylant, 2000, p. 85, speċjalment p. 117 et seq.


41 – Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand u Garancini (169/80, Ġabra p. 1931, punt 17); tat-22 ta’ Frar 1989, Il-Kummissjoni vs Franza u Ir-Renju Unit (92/87 u 93/87, Ġabra p. 405, punt 22); tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten (C‑143/93, Ġabra p. I‑431, punt 27); tas-17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et (C‑354/95, Ġabra p. I‑4559, punt 57); tas-16 ta’ Ottubru 1997, Banque Indosuez et (C‑177/96, Ġabra p. I‑5659, punt 27); tat-23 ta’ Settembru 2003, BGL (C‑78/01, Ġabra p. I‑9543, punt 71), u tal-20 ta’ Novembru 1997, Wiener SI (C‑338/95, Ġabra p. I‑6495, punt 19).


42 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 80); tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C‑226/08, Ġabra p. I‑131, punt 45); tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C‑550/07 P, Ġabra p. I‑3135, punt 100), u tat-2 ta’ Diċembru 2010, Jakubowska (C‑225/09, Ġabra p. I‑12329, punt 42).


43 – Sentenza tad-29 ta’ April 2010, M et (C‑340/08, Ġabra p. I‑3913), punt 65).


44 – Ara wkoll is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1985, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (143/83, Ġabra p. 427, punt 10); tal-21 ta’ Ġunju 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja (257/86, Ġabra p. 3249, punt 12); tas-16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑325/91, Ġabra p. I‑3283, punt 26); tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑370/07, Ġabra p. I‑8917, punt 39); tal-11 ta’ Novembru 2010, Grootes (C‑152/09, Ġabra p. I‑11285, punt 43), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio (C‑77/09, Ġabra p. I‑13533, punt 47). Dwar il-ħtieġa għal ċarezza u preċiżjoni fil-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttivi, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑6/04, Ġabra p. I‑9017, punt 21); tal-10 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑508/04, Ġabra p. I‑3787, punt 73), u tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑50/09, Ġabra p. I‑873, punt 46).


45 – Ara iktar ’il quddiem, is-subtitolu E, punti 101 et seq.


46 – Pereżempju, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2004/48 jimponu fuq l-Istati Membru obbligu doppju li jistabbilixxu mekkaniżmi ġudizzjarji tali li jipprevjenu u jissanzjonaw il-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali. L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu doppju ta’ nuqqas ta’ azzjoni: huma ma għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq “dawk li jipprovdu [fornituri]” li jagħmlu monitoraġġ tal-informazzjoni li huma jittrażmettu jew jaħżnu u lanqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkustanzi li jindikaw attività illegali. Id-Direttivi 95/46 u 2002/58 jiggarantixxu, permezz tal-istess għan tagħhom, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/24 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma skont din id-direttiva tiġi pprovduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skont il-liġi nazzjonali.


47 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijeit tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, li teżamina b’mod dettaljat ir-relazzjonijiet li hemm bejn id-direttivi differenti.


48 – Ara, b’mod partikolari, il-premessi 1, 2, 10 u 37 tad-Direttiva 95/46/KE, il-premessi 3, 11 u 24 tad-Direttiva 2002/58, il-premessa 9 tad-Direttiva 2000/31 u l-premessi 9 u 25 kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/24.


49 – Sa fejn is-sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar għandha tintuża bl-ispejjeż esklużivament ikunu sostnuti mill-FAI, l-imsemmija miżura tista’ wkoll tidher bħala “privazzjoni” tad-dritt għall-proprjetà fis-sens tal-Artikolu 17 tal-Karta, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 għall-KEDB u tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan l-aspett tad-domanda, madankollu, ma huwiex se jiġi eżaminat f’dawn il-konklużjonijiet.


50 – Jew ukoll ta’ “indħil” fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB jew ta’ “restrizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 10 tal-KEDB. Fir-rigward ta’ dawn il-kunċetti, ara b’mod partikolari W. J. Ganshof van der Meersch, Réflexions sur les restrictions à l’exercice des droits de l’homme dans la jurisprudence de la Cour européenne de Strasbourg, Völkerrecht als Rechtsordnung – Internationale Gerichtsbarkeit - Menschenrechte, Festschrift für H. Mosler, Springer, 1983, p. 263; C.-A. Kiss, “Les clauses de limitation et de dérogation dans la CEDH”, f’D. Turp u G. Beaudoin, Perspectives canadiennes et européennes des droits de la personne, Yvon Blais, 1986, p. 119; B. Duarte, Les restrictions aux droits de l’homme garantis par le Pacte international relatif aux droits civils et politiques et les Conventions américaine et européenne des droits de l’homme, Teżi, Università ta’ Lille II, 2005; J. Viljanen, The European Court of Human Rights as a Developer of the General Doctrines of Human Rights Law. A Study of the Limitation Clauses of the European Convention on Human Rights, Teżi, Università ta’ Tampere, 2003; L. G. Loucaides, “Restrictions or limitations on the Rights guaranteed by the European Convention on Human Rights”, f’The Finnish Yearbook of International Law, Vol. 3, p. 334.


51 – Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Noħolqu soċjetà tal-informazzjoni iktar sigura billi nsaħħu s-sigurtà tal-infrastrutturi tal-informazzjoni u billi niġġieldu kontra ċ-ċiberkriminalità – eEurope 2002 [traduzzjoni mhux uffiċjali], [COM (2000) 890 finali, speċjalment p. 23].


52 – Ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Rundfunk (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I‑4989, punt 68); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, Ġabra p. I‑9831) u Volker und Markus Schecke u Eifert, iċċitata iktar ’il fuq (punti 56 et seq). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq (punti 51 et seq).


53 – Ara b’mod partikolari l-premessa 10 tad-Direttiva 95/46, u l-premessi 1, 2, 7, 10, 11 u 24 kif ukoll l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/58.


54 – Scarlet u ISPA, kif ukoll il-Gvern Belġjan, Ċek u Olandiż isostnu, essenzjalment, li l-istabbiliment ta’ tali sistema ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar twassal lill-FAI sabiex iwettqu pproċessar ta’ data personali bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 95/46 u 2002/58. Sabam, il-Gvern Polakk u Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li l-istabbilment ta’ tali sistema ma jmurx kontra d-Direttivi 95/46 u 2002/58. Għal eżami tal-projbizzjonijiet tal-ipproċessar previsti minn dawn id-direttivi, ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq (punti 64 et seq).


55 – Scarlet u ISPA jikkunsidraw li l-indirizz tal-IP ta’ kull utent tal-internet jikkostitwixxi data personali sa fejn, speċifikament, huwa jippermetti li jiġu identifikati l-utenti tal-internet. Għaldaqstant, il-ġbir u r-riżoluzzjoni tal-indirizzi tal-IP tal-utenti tal-internet, li huma indispensabbli għall-identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar u b’hekk għall-funzjonament ta’ sistema ta’ din ix-xorta, jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali li d-direttivi ma jippermettux.


56 – Sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45; digiret tad-19 ta’ Frar 2009, LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten (C‑557/07, Ġabra p. I‑1227).


57 – Jista’ jiġi osservat li l-kwistjoni tinqala’ indirettament fil-Kawża C-461/10, Bonnier Audtio et, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 2010, C 317, p. 24), li fil-kuntest tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment qed tiġi mistoqsija jekk id-Direttiva 2006/24, li temenda d-Direttiva 2002/58, tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, stabbilita abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, li, għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ abbonat, tippermetti li FAI jiġi ordnat jikkomunika indirizz tal-IP lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur jew lil benefiċjarji tagħhom li serva sabiex jinksiru l-imsemmija drittijiet.


58 – Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tat-22 ta’ Frar 2010, dwar in-negozjati attwali tal-Unjoni Ewropea dwar Ftehim Kummerċjali Kontra l-Iffalsifikar (ACTA) (ĠU 2010, C 147, p. 1, punt 24); Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tal-10 ta’ Mejju 2010, dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/JHI (ĠU 2010, C 323, p. 6, punt 11).


59 – F’dan ir-rigward, huwa qed jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2006, Weber u Saravia vs Il-Ġermanja, rikors Nru 54934/00, Ġabra 2006-XI u s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Liberty et vs Ir-Renju Unit, rikors Nru 58243. Madankollu, għandu jiġi osservat li dawn iż-żewġ kawżi ma jikkonċernawx b’mod speċifiku l-ġbir tal-indirizzi tal-IP fuq l-internet, iżda s-sorveljanza tat-telekomunikazzjonijiet.


60 – Imsejjaħ “Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29”.


61 – Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 4/2007, tal-20 ta’ Ġunju 2007, dwar il-kunċett ta’ data personali [traduzzjoni mhux uffiċjali], WP 136, disponibbli fl-indirizz <http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/>. Ara wkoll, b’mod iktar wiesa’, ir-Rakkomandazzjoni Nru 3/97, tat-3 ta’ Diċembru 1997, L-anonimat fuq l-internet [traduzzjoni mhux uffiċjali], WP 6, u d-dokument ta’ ħidma intitolat “Ir-rispett tal-ħajja privata fuq l-internet – Approċċ Ewropew integrat dwar il-protezzjoni tad-data online”, adottat fil-21 ta’ Novembru 2000, WP 37, speċjalment p. 22.


62 – Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54).


63 – Dan huwa, pereżempju, l-approċċ segwit mill-Commission nationale de l’informatique et des libertés en France (il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Informatika u tal-Libertajiet fi Franza); ara d-Deliberazzjoni Nru 2007-334, tat-8 ta’ Novembru 2007. Dwar dawn il-kwistjonijiet, ara, pereżempju, M. González Pascual, “La Directiva de retención de datos ante el Tribunal Constitucional Federal alemán. La convergencia de jurisprudencias en la Europa de los Derechos: un fin no siempre deseable”, REDE, 2010, Nru 36, p. 591.


64 –      Dwar il-portata tal-projbizzjoni taż-żamma u tal-komunikazzjoni tad-data tat-traffiku fis-sens tad-Direttiva 2002/58 u l-eċċezzjonijiet tagħha, wieħed għandu jirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 et seq.


65 – L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/24 żied b’mod partikolari subparagrafu 1a mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58, li jipprovdi li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma għandux japplika għal data li ż-żamma tagħha hija speċifikament meħtieġa mid-Direttiva 2006/24. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/24 jipprovdi, f’dan il-każ li, “[l]-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma skond din id-Direttiva tiġi provduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skond il-liġi nazzjonali. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi ottenut l-aċċess għal data miżmuma skond ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea jew tal-liġi pubblika internazzjonali, b’mod partikulari il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem”.


66 – Scarlet, sostnuta minn ISPA, issostni li l-istabbiliment ta’ tali sistema jikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58 dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, b’riferiment, f’dan ir-rigward għall-premessa 26 u għall-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva.


67 – Huwa b’riferiment espliċitu għal din il-ġurisprudenza li hija eżaminat ukoll miżura ta’ sonorizzazzjoni ta’ appartament. Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-31 ta’ Mejju 2005, Vetter vs Franza, Rikors Nru 59842/00, punt 27, b’riferiment espliċitu għar-raġunament tagħha fis-sentenzi tal-24 ta’ April 1990, Huvig vs Franza, Rikors Nru 11105/84, Serje A, Nru 176-B, u tal-24 ta’ April 1990, Kruslin vs Franza, Rikors Nru 11801/85, Serje A, Nru 176-A.


68 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-3 ta’ April 2007, Copland vs Ir-Renju Unit, Rikors Nru 62617/00, punti 43 u 44.


69 – Għandu jiġi osservat li l-premessa 15 tad-Direttiva 2000/31 tirreferi espliċitament għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 24, p. 1) li ġiet irrevokata bid-Direttiva 2002/58.


70 – L-istess bħall-Artikolu 10 tal-KEDB. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tas-26 ta’ Novembru 1991, Observer u Guardian vs Ir-Renju Unit, Rikors Nru 13585/88, Serje A, Nru 216, punt 59 u tad-19 ta’ Frar 1998, Guerra et vs L-Italja, Rikors Nru 14967/89, Ġabra 1998-I, punt 53.


71 – Jista’ jiġi osservat li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kellha wkoll l-okkażjoni li tieħu inkunsiderazzjoni s-“saħħa” tal-internet li, billi huwa aċċessibbli per se għal kulħadd, jipproduċi effett ta’ multiplikazzjoni fuq skala kbira, fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ “restrizzjoni” għal-libertà ta’ espressjoni fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2) tal-KEDB. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta’ Jannar 2011, Mouvement Raëlien Suisse vs L-Isvizzera, Rikors Nru 16354/06, punti 54 et seq; tas-16 ta’ Frar 2010, Akdaş vs It-Turkija, Rikors Nru 41056/04, punt 28 u tas-16 ta’ Lulju 2009, Willem vs Franza, Rikors Nru 10883/05, punti 36 u 38.


72 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta’ Mejju 2009, Times Newspapers Limited vs Ir-Renju Unit, Rikorsi Nru 3002/03 u 23676/03, punt 27. Il-Qorti, f’dan il-każ, tiddeċiedi li “il-kostituzzjoni tal-arkivji fuq l-internet li jirrappreżentaw aspett essenzjali tar-rwol li għandhom is-siti web”, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 KEDB.


73 – Seta’ ġie sostnut li d-dispożizzjonijiet tad-dritt ta’ proprjetà intelletwali ta’ Stat Membru jistgħu jikkostitwixxu, fihom infushom, restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 10 tal-KEDB; ara R. Danay, “Copyright vs. Free Expression: the Case of peer-to-peer File-sharing of Music in the United Kingdom”, fil-Yale Journal of Law & Technology, 2005-2006, Vol. 8, Nru 2, p. 32.


74 – Jew inkella ta’ “indħil” fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB u ta’ “restrizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 10 tal-KEDB.


75 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken (C‑479/04, Ġabra p. I‑8089, punt 62).


76 – Sentenza Laserdisken, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65.


77 – Ara, b’mod partikolari, il-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2001/29 u l-premessi 1 u 10 tad-Direttiva 2004/48.


78 – Ara, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta’ Ottubru 1990, Smith Kline u French Laboratories Ltd. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, Rikors Nru 12633/87, DR 66, p. 81, u tal-11 ta’ Jannar 1994, A. D. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, Rikors Nru 21962/93; sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-20 ta’ Novembru 1995, British-American Tobacco Company Ltd vs Il-Pajjiżi Baxxi, Serje A Nru 331, punti 71 u 72; tat-30 ta’ Marzu 1989, Chappel vs Ir-Renju Unit, Rikors Nru 10461/83, Serje A, Nru 152A, punt 59 u tal-11 ta’ Jannar 2007, Anheuser-Bush Inc. vs Il-Portugall, Rikors Nru 73049/01, punti 71 u 72; deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta’ Lulju 2005, Melnychuk vs L-Ukrajina, Rikors Nru 28743/03, punt 3.


79 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1988, Warner Brothers u Metronome Video (158/86, Ġabra p. 2605, punt 13).


80 – Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 1981, Musik-Vertrieb membran u K-tel International (55/80 u 57/80, Ġabra p. 147, punt 12) u tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et (C‑92/92 u C‑326/92, Ġabra p. I‑5145, punt 20).


81 – B’mod partikolari, P. van Dijk et al., Theory and practice of the European Convention on Human Rights, ir-raba’ edizzjoni, Intersentia, 2006, p. 336; F. G. Jacobs, R. C. A. White u C. Ovey, The European Convention on Human Rights, il-ħames edizzjoni, Oxford University Press, 2010, p. 315; D. J. Harris, M. O’Boyle u C. Warbrick, Law of the European Convention on Human Rights, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, 2009; C. Grabenwarter, Europäische Menschenrechtskonvention: ein Studienbuch, it-tielet edizzjoni, Helbing & Lichtenhahn, 2008, p. 112; F. Matscher, “Der Gesetzesbegriff der EMRK”, f’Adamovich und A. Kobzina, Der Rechstaat fi der Krise – Festschrift Edwin Loebenstein zum 80. Geburstag, Mainz, 1991, p. 105; J. Gundel, Beschränkungsmöglichkeiten, in Handbuch der Grundrechte, Band. VI/1, Müller, 2010, p. 471; R. Weiß, Das Gesetz im Sinne der europäischen Menschenrechtskonvention, Duncker & Humblot, 1996.


82 – Ara, b’mod partikolari, L. Martín-Retortillo Baquer, “La calidad de la ley según la jurisprudencia del Tribunal europeo de derechos humanos”, f’Derecho Privado y Constitución, 2003, Nru 17, p. 377; P. Wachsmann, “De la qualité de la loi à la qualité du système juridique”, f’Libertés, Justice, Tolérance, Mélanges en hommage au doyen Gérard Cohen-Jonathan, Bruylant, Brussell, Vol. 2, p. 1687.


83 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-26 ta’ Marzu 1987, Leander vs L-Isvezja, Rikors Nru 9248/81, Serje A, Nru 116, punt 50.


84–      Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta’ Frar 1992, Margareta u Roger Andersson vs L-Isvezja, Rikors Nru 12963/87, Serje A Nru 226-A, p. 25, punt 75.


85 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-3 ta’ Lulju 2007, Tan vs It-Turkija, Rikors Nru 9460/03, punti 22 sa 26; f’din il-kawża, il-Qorti tat deċiżjoni dwar il-konformità mal-prinċipju ta’ ċarezza tal-liġi ta’ leġiżlazzjoni dwar il-korrispondenza tal-ħabsin. Hija kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni li kienet tagħti lid-diretturi tal-ħabsijiet, fuq deċiżjoni tal-kummissjoni dixxiplinari, is-setgħa li jirrifjutaw li jintbagħtu l-ittri jew li jiċċensuraw jew li jeqirdu kull ittra kkunsidrata bħala “li taqla’ l-inkwiet” ma tindikax b’ċarezza suffiċjenti l-portata u l-modalitajiet tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet fil-qasam ikkunsidrat.


86 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Kruslin vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30; deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2006, Coban vs Spanja, Rikors Nru 17060/02.


87 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-14 ta’ Settembru 2010, Sanoma Uitgevers vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, Rikors Nru 38224/03, punti 81 u 82.


88Inter alia, is-sentenza Margareta u Roger Andersson, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75.


89 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-25 ta’ Marzu 1983, Silver et vs Ir-Renju Unit, Rikorsi Nru 5947/72, 6205/73, 7052/75, 7061/75, 7107/75, 7113/75 u 7136/75, Serje A, Nru 61, punt 88.


90 – Ara, dwar dan is-suġġett, il-punt 53 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, fejn tiġi ċċitata s-sentenza Österreichischer Rundfunk, iċċitata iktar ’il fuq, punti 76 u 77.


91 –      Għal sommarju ta’ dawn ir-rekwiżiti differenti, ara b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-25 ta’ Mejju 1998, Kopp vs L-Isvizzera, Rikors Nru 23224/94, Ġabra 1998-II, punt 55.


92 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tat-30 ta’ Lulju 1998, Valenzuela Contreras vs Spanja, Rikors Nru 27671/95, Ġabra 1998-V, punt 46, li tirreferi għas-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1984, Malone, Rikors Nru 8691/79, Serje A, Nru 82 u għas-sentenzi Kruslin vs Franza u Kopp vs L-Isvizzera, iċċitati iktar ’il fuq.


93 – Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt li huwa inkluż fil-preambolu tal-KEDB, jimplika li d-dritt intern joffri ċerta protezzjoni mill-ksur arbitrarju min-naħa tal-awtorità pubblika tad-drittijiet li tiggarantixxi. Filwaqt li dan il-prinċipju “jirrikjedi li ndħil min-naħa tal-awtoritajiet fid-drittijiet ta’ individwu jista’ jkun ikkontrollat b’mod effikaċi” (sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-6 ta’ Settembru 1978, Klass et vs Il-Ġermanja, Rikors Nru 5029/71, Serje A Nru 28, p. 25-26, punt 55; sentenza Malone, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68; sentenza Silver et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90), huwa “jimplika, inter alia, li ndħil mill-eżekuttiv fid-drittijiet ta’ individwu għandu jkun suġġett għal kontroll effikaċi li normalment għandu jiżgura, għall-inqas bħala l-aħħar possibbiltà, is-sistema ġudizzjarja, peress li toffri l-aħjar garanziji ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ proċedura xierqa” (sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Klass et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55), huwa jirrikjedi wkoll “livell minimu ta’ protezzjoni” li ma jiġix osservat “jekk is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-eżekuttiv ma tkunx suġġetta għal limiti” (dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB, minbarra s-sentenzi Malone, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68 u Kruslin vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta’ Mejju 2000, Rotaru vs Ir-Rumanija, Rikors Nru 28341/95, Ġabra 2000-V, punt 55; tas-6 ta’ Ġunju 2006, Segerstedt-Wiberg et vs L-Isvezja, Rikors Nru 62332/00, Ġabra 2006-VII, punt 76; tat-8 ta’ Ġunju 2006, Lupsa vs Ir-Rumanija, Rikors Nru 10337/04, Ġabra 2006-VII, punt 34; deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2006, Weber u Saravia vs Il-Ġermanja, Rikors Nru 54934/00, Ġabra 2006-XI, punt 94; dwar l-Artikolu 10 tal-KEDB, sentenza Sanoma Uitgevers, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82) jew jekk is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lil qorti ma tkunx suġġetta għal limiti (sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta’ April 1990, Huvig vs Franza, Rikors Nru 11105/84, Serje A, Nru 176-B, p. 55, punt 29; deċiżjoni Weber u Saravia vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq punt 94; sentenza Liberty et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62; sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Bykov vs Ir-Russja, Rikors Nru 4378/02, punt 78).


94 – P. Wachsmann, “La prééminence du droit”, f’Le droit des organisations internationales, Recueil d’études à la mémoire de Jacques Schwob, p. 241, speċjalment p. 263; ara wkoll G. Wiarda, “La Convention européenne des droits de l’homme et la prééminence du droit”, Rivista di studi politici internazionali, 1984, p. 452; K. Grabarczyk, Les principes généraux dans la jurisprudence de la Cour européenne des droits de l’homme, PUAM,2008, speċjalment. p. 194 et seq; J.-Y. Morin, “La prééminence du droit dans l’ordre juridique européen”, f’Theory of International Law at the Threshold of the 21st Century. Essays in Honour of Krzysztof Skubiszewski, Kluwer Law International, 1996, p. 643.


95 – Sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tat-28 ta’ Marzu 1990, Groppera Radio et vs L-Isvizzera, Rikors Nru 10890/84, Serje A Nru 173, p. 26, punt 68; tal-15 ta’ Novembru 1996, Cantoni vs Franza, Rikors Nru 17862/91, Ġabra 1996-V, punt 35. Kif hija enfasizzat fir-rigward tal-miżura ta’ sorveljanza b’GPS taċ-ċaqliq fil-pubbliku ta’ persuna, il-kriterji relattivament stretti, stabbiliti u segwiti fil-kuntest speċifiku tas-sorveljanza tat-telekomunikazzjonijiet, ma jistgħux jiġu applikati mutatis mutandis għal kull forma ta’ ndħil. Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta’ Settembru 2010, Uzun vs Il-Ġermanja, Rikors Nru 35623/05, punt 66. F’din il-kawża, il-Qorti ppreferiet issegwi l-prinċipji ġenerali li għandhom jiġu osservati “sabiex ikun hemm protezzjoni adegwata kontra ndħil arbitrarju fl-eżerċizzju tad-drittijiet protetti mill-Artikolu 8” tal-KEDB. F’dan il-każ, kif tfakkar hija stess, “peress li dawn huma miżuri ta’ sorveljanza sigrieta mill-awtoritajiet pubbliċi, in-nuqqas ta’ kontroll pubbliku u r-riskju ta’ abbuż mis-setgħa jimplikaw li d-dritt nazzjonali joffri protezzjoni kontra l-indħil arbitrarju fl-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 8”. “Il-Qorti għandha tkun konvinta mill-eżistenza ta’ garanziji adegwati u suffiċjenti kontra l-abbużi. Din l-evalwazzjoni tiddependi miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ pereżempju n-natura, il-portata u t-tul tal-miżuri eventwali, ir-raġunijiet meħtieġa biex dawn ikunu ordnati, l-awtoritajiet kompetenti biex dawn ikunu permessi, eżegwiti u kkontrollati kif ukoll it-tip ta’ rimedju pprovdut mid-dritt nazzjonali”.


96 – Ara, inter alia, is-sentenzi Groppera Radio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68; u Tolstoy Miloslavsky vs Ir-Renju Unit, Rikors Nru 18139/91, Serje A Nru 316-B, punt 37.


97 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tas-26 ta’ April 1979, Sunday Times vs Ir-Renju Unit (Nru 1), Rikors Nru 6538/74, Serje A Nru 30, punt 49; tat-13 ta’ Lulju 1995, Tolstoy Miloslavsky vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; Sanoma Uitgevers, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83.


98 – B’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-24 ta’ Mejju 1988, Müller et vs L-Isvizzera, Rikors Nru 10737/84, Serje A Nru 133, punt 29.


99–      Għandu jiġi osservat li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem gradwalment tat lill-kunċett tal-“kwalità tal-liġi” sinjifikat tiegħu, adattat sabiex jintlaħqu l-finijiet tal-KEDB, li jiddistingwuha minn kunċetti simili, b’kontenut ta’ spiss iktar wiesa’, li jinstabu fid-dritt ta’ ċerti Stati Membri, ara, inter alia, L. Milano, Contrôle de constitutionnalité et qualité de la loi, Revue du Droit public, 2006, Nru 3, p. 637; La mauvaise qualité de la loi: Vagueness Doctrine at the French Constitutional Council, Hastings Constitutional Law Quarterly, Xitwa 2010, Nru 37, p. 243; M. Reicherzer, Legitimität und Qualität von Gesetzen, Zeitschrift für Gesetzgebung, 2004, p. 121; P. Wachsmann, La qualité de la loi, Mélanges Paul Amselek, p. 809; P. de Montalivet, “La ‘juridicisation’ de la légistique. À propos de l’objectif de valeur constitutionnelle d’accessibilité et d’intelligibilité de la Loi”, f’La confection de la loi, PUF, 2005, p. 99; H. Moysan, “L’accessibilité et l’intelligibilité de la loi. Des objectifs à l’épreuve de la pratique normative”, AJDA, 2001, p. 428.


100 – L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu doppju ta’ nuqqas ta’ azzjoni. Huma ma għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq “dawk li jipprovdu [fornituri]” li jagħmlu monitoraġġ tal-informazzjoni li huma jittrażmettu jew iżommu u lanqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkustanzi li jindikaw attività illegali. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 jimponi fuq l-Istati Membri sabiex jiżguraw irwieħhom li l-fornituri tas-servizzi ta’ provvista ta’ aċċess għan-netwerk ta’ komunikazzjoni, u b’hekk b’mod partikolari l-FAI, ma jkunux responsabbli għall-informazzjoni trażmessa.


101 – Il-premessa 30 tad-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, (ĠU L 337, p. 11–36), tippreċiża wkoll li “[i]d-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali) ma teżiġix mill-fornituri li jikkontrollaw l-informazzjoni trażmessa fin-networks tagħhom, u lanqas li jibdew proċedimenti ġudizzjarji kontra l-klijenti tagħhom minħabba din l-informazzjoni, u lanqas ma żżomm lill-fornituri responsabbli għal dik l-informazzjoni”.


102 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Chappel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56. Ara wkoll, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-15 ta’ Frar 2007, Bock u Palade vs Ir-Rumanija, Rikors Nru 21740/02, punti 61 sa 64; tal-14 ta’ Frar 2008, July u Libération vs Franza, Rikors Nru 20893/03, punt 55; u tal-5 ta’ Frar 2009, Brunet-Lecomte et vs Franza, Rikors Nru 42117/04, punt 42.


103 – Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tad-dritt tal-Unjoni fl-eżami tal-kwalità tal-liġi, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Cantoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 u d-deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2008, Marchiani vs Franza, Rikors Nru 30392/03.


104 – Punt 56.


105 – Kif tenfasizza “iċ-ċertezza, minkejja li hija ferm mixtieqa, ċerti drabi tkun akkumpanjata minn riġidità eċċessiva; issa d-dritt għandu jkun jista’ jiġi adattat skont il-bidliet fis-sitwazzjonijiet”; b’mod partikolari, is-sentenza Sunday Times iċċitata iktar ’il fuq, punt 49; is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-18 ta’ Mejju 2004, Éditions Plon vs Franza, Rikors Nru 58148/00, Ġabra 2004-IV, punt 26.


106 – Fuq ir-rabta li xi drabi ġiet stabbilita mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bejn il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt u ta’ “ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali”, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-25 ta’ Lulju 2002, Sovtransavto Holding vs L-Ukrajina, Rikors Nru 48553/99, Ġabra 2000-VII, punt 77 u tat-8 ta’ Novembru 2005, Timotiyevich vs L-Ukrajina, Rikors Nru 63158/00, punt 32. Ara wkoll K. Grabarczyk, Les principes généraux dans la jurisprudence de la Cour européenne des droits de l’homme, teżi ċċitata iktar ’il fuq, speċjalment p. 209 et seq, Nru 583 et seq.