Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Frar 2011 - GRP Security vs Il-Qorti tal-Awdituri

(Kawża T-87/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: GRP Security (Bertrange, il-Lussemburgu) (rappreżentant: G. Osch, avukat)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Awdituri

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa' l-motivi mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors preżenti,

bla ħsara għall-motivi ta' liġi u ta' fatt kollha u tal-provi li jistgħu jiġu pprovduti ulterjorment,

tilqa' r-rikors preżenti bħala ammissibbli proċeduralment,

tilqa' r-rikors preżenti fuq il-mertu,

li għaldaqstant, abbażi tar-raġunijiet hawn fuq imsemmija, tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati,

tilqa t-talba tar-rikorrenti intiża li tirriżerva d-dritt li titlob kumpens għad-dannu mġarrab mill-illegalità tal-aġir tal-Qorti tal-Awdituri,

tikkundanna lill-Qorti tal-Awdituri għat-totalità tal-infiq u tal-ispejjeż tal-istanza,

tirriżerva lir-rikorrenti kull dritt, intitolament, motiv u azzjoni oħra.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea dwar, minn naħa, sanzjoni amministrattiva ta' esklużjoni tar-rikorrenti minn kuntratti u sussidji ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għal perijodu ta' tliet xhur u, min-naħa l-oħra, ix-xoljiment tal-kuntratt-qafas tas-servizzi Nru LOG/2026/10/2 li jġib l-isem "Diversi servizzi ta' sigurtà".

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq, sa fejn ir-rikorrenti aġixxiet in bona fede peress li hija ma kinitx is-sors tal-falsifikazzjonijiet u tad-dikjarazzjonijiet foloz magħmula minn wieħed mill-impjegati tagħha u sa fejn il-Qorti tal-Awdituri setgħet titlob is-sostituzzjoni tal-membru tal-persunal inkwistjoni minflok ma xxolji l-kuntratt.

2.    It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta'evalwazzjoni, safejn il-Qorti tal-Awdituri ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-atti tal-proċess kollha.

3.    It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 93, 94 u 96 tar-Regolament finanzjarju, peress li r-rikorrenti ma tat l-ebda informazzjoni żbaljati u ma kienet ħatja ta' ebda dikjarazzjoni żbaljata fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

____________