Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Bruxelles (Il-Belġju) fis-26 ta’ April 2021 – AB, AB-CD vs Z EF

(Kawża C-265/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AB, AB-CD

Konvenut: Z EF

Domandi preliminari

Il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntrattˮ fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Iˮ:

għandu jiġi interpretat bħala li jimponi li jiġi stabbilit obbligu ġuridiku b’kunsens mogħti liberament minn persuna fir-rigward ta’ persuna oħra u li fuqu tibbaża l-azzjoni tar-rikorrent u dan anki jekk l-obbligu ma jkunx b’kunsens mogħti liberament min-naħa tal-konvenut u/jew fir-rigward tar-rikorrent?

fil-każ ta’ risposta pożittiva, liema għandu jkun il-livell ta’ konnessjoni bejn l-obbligu ġuridiku assunt liberament u r-rikorrent u/jew il-konvenut?

Il-kunċett ta’ “azzjoniˮ li fuqu “jibbaża ruħuˮ r-rikorrent jimplika, bħall-kriterju użat sabiex issir distinzjoni bejn azzjoni li taqa’ taħt il-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell I jew il-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delittˮ fis-sens tal-Artikolu 5(3) tal-istess regolament (C-59/19, punt 32), li jiġi vverifikat jekk l-interpretazzjoni tal-obbligu ġuridiku assunt liberamet tidhirx indispensabbli sabiex tiġi evalwata l-bażi tal-azzjoni?

L-azzjoni ġudizzjarja li biha r-rikorrent ikollu l-intenzjoni jsostni li huwa l-proprjetarju ta’ oġġett li tiegħu għandu l-pussess billi jibbaża ruħu fuq kuntratt doppju ta’ bejgħ, l-ewwel wieħed li seħħ bejn il-koproprjetarju oriġinali ta’ dan l-oġġetti (il-konjuġi tal-konvenut, ukoll koproprejtarju oriġinali) mal-bejjiegħ tar-rikorrent, u t-tieni wieħed li seħħ bejn dawn tal-aħħar, taqa’ taħt il-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell I?

Ir-risposta tkun differenti jekk il-konvenut jinvoka l-fatt li l-ewwel kuntratt ma kienx kuntratt ta’ bejgħ iżda kuntratt ta’ depożitu?

Jekk wieħed minn dawn l-eżempji jaqa’ taħt il-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, liema kuntratt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-post tal-obbligu li jservi ta’ bażi għal din it-talba?

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) 2 għandu jiġi interpretat bħala li japplika fl-eżempju kopert fit-tielet domanda preliminari u, f’dak il-każ, għandu dan jittieħed inkunsiderazzjoni?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

2 ĠU 2008, L 177, p. 6 u rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87.