Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Frar 2013 - Samsung SDI et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-84/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Samsung SDI Co. Ltd (Gyeonggi-do, il-Korea), Samsung SDI Germany GmbH (Berlin, il-Ġermanja), Samsung SDI (il-Malasja) Bhd (Negeri Sembilan Darul Khusus, il-Malasja) (rappreżentanti: G. Berrisch, avukat, D. Hull, solicitor, u L.-A. Grelier, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1(2) u 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 8839 finali, tal-5 ta' Diċembru 2012, fil-Każ COMP/39.437 - Tubi għal skrijns tat-televiżjoni u tal-kompjuters (id-"deċiżjoni kkontestata"), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tannulla parzjalment l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni sa fejn din tikkonċerna d-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur tat-tubi għall-istampa bil-kulur użati fit-televiżjonijiet ("CPT"), u tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti bl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata;

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw, fir-rigward tal-ksur CPT, tliet motivi. Fir-rigward tal-ksur tat-tubi għall-istampa bil-kulur użati fi skrijns tal-kompjuter ("CDT"), ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni żbaljat meta applikat l-Artikolu 101 TFUE sabiex tikkonstata li kien hemm ksur uniku u kontinwat li jkopri t-tipi kollha ta' CPT matul it-tul kollu tal-ksur u l-arranġamenti kollha li seħħew fl-Asja.

It-tieni motiv, sussidjarjament, ibbażat fuq li l-Kummissjoni żbaljat meta ddeterminat kemm id-data tal-bidu u dik tat-tmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur CPT, li wassal sabiex it-tul totali tal-kartell jiġi estiż b'minn tal-inqas 16-il xahar.

It-tielet motiv, sussidjarjament, ibbażat fuq li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtix lir-rikorrenti t-tnaqqis ta' klemenza massimu ta' 50 % huwa bbażat fuq fatti inkorretti u manifestament żbaljati.

Fir-rigward tal-ksur CDT, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi li ġejjin:

1.    L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret il-Linji Gwida tal-Multi  tagħha billi inkludiet il-bejgħ ta' CDT ikkunsinnati lil Samsung Electronics fl-Ewropa fil-valur tal-bejgħ għall-kalkolu tal-multi, minkejja l-fatt li l-kompetizzjoni għal dan il-bejgħ seħħet totalment fil-Korea.

2.    It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret il-Linji Gwida tal-Multi meta ħadet il-fatturat annwali medju fuq il-perijodu kollu tal-ksur sabiex tikkalkola l-multa, u b'hekk iddevjat mir-regola li tittieħed l-aħħar sena finanzjarja sħiħa tal-ksur.

3.    It-tielet motiv ibbażat fuq li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtix lir-rikorrenti t-tnaqqis ta' klemenza massimu ta' 50 % hija bbażata fuq fatti inkorretti u manifestament żbaljati.

____________

1 - Linji gwida dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2)