Language of document : ECLI:EU:C:2008:300

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Mejju 2008 (*)

“Pensjoni ta’ invalidità għall-vittmi ċivili tal-gwerra jew tar-repressjoni – Kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju nazzjonali – Artikolu 18(1) KE”

Fil-kawża C‑499/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Koszalinie (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Diċembru 2006, fil-proċedura

Halina Nerkowska

vs

Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Koszalinie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, G. Arestis, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal H. Nerkowska, minnha nfisha,

–        għaż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Koszalinie, minn W. Witkowicz, adwokat,

–        għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Maidani u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn H. Nerkowska u ż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Koszalinie (Istituzzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Koszalin) fir-rigward tar-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħtiha pensjoni ta’ invalidità minħabba danni tas-saħħa kkawżati minn sitt snin ta’ deportazzjoni li hija għaddiet f’dik li kienet l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (l-URSS).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3        Il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija komposta mil-liġi dwar il-pensjonjiet imħallsa lill-invalidi tal-gwerra u tal-armata kif ukoll lill-membri tal-familja tagħhom (Ustawa o zaopatrzeniu inwalidów wojennych i wojskowych oraz ich rodzin), tad-29 ta’ Mejju 1974, kif emendata (Dz. U tal-2002, Nru 9, pożizzjoni 87, iktar’il quddiem il-“Liġi tal-1974”), u mil-liġi dwar is-suldati u ċerti persuni li jkunu vittmi ta’ repressjonijiet matul u wara l-gwerra (Ustawa o kombatantach oraz niektórych osobach będących ofiarami represji wojennych i okresu powojennego), tal-24 ta’ Jannar 1991 (Dz. U Nru 17, pożizzjoni 75).

4        L-Artikolu 5 tal-Liġi tal-1974 jipprovdi li l-benefiċċji previsti minn din il-liġi jingħataw lil min ikollu dritt għalihom matul iż-żmien li ikun joqgħod fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja, sakemm il-liġi jew trattat internazzjonali ma jipprovdix mod ieħor.

5        Skont l-Artikolu 3 tal-Liġi tal-1974, dawn il-pensjonijiet huma ffinanzjati mill-Istat Pollakk.

6        Skont l-Artikolu 12(2) tal-liġi tal-24 ta’ Jannar 1991 dwar is-suldati u ċerti persuni li jkunu vittmi ta’ repressjonijiet matul u wara l-gwerra, il-benefiċċji fi flus u d-drittijiet l-oħra previsti mil-Liġi tal-1974 jingħataw ukoll lill-persuni li, b’mod partikolari, jaqgħu f’wieħed mill-gruppi ta’ invalidi minħabba invalidità marbuta, b’mod partikolari, ma’ żmien f’kaptività jew f’kampijiet ta’ internament, jew f’kampijiet li kienu jaqgħu taħt id-Direzzjoni ċentrali tal-priġunieri tal-gwerra u l-internati (GUPVI) tal-Kummissarjat tal-Poplu għall-Affarijiet Interni (NKVD) u, mix-xahar ta’ Marzu 1946, tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni (MVD) ta’ dik li kienet l-URSS, jew f’kampijiet li kienu jaqgħu taħt id-Diviżjoni tal-kampijiet ta’ kontroll u ta’ filtrazzjoni tan-NKVD u, mix-xahar ta’ Marzu 1946, tal-istess Ministeru tal-Affarijiet Interni. Dawn il-benefiċċji jingħataw ukoll lill-persuni li kienu vittmi ta’ repressjoni matul u wara l-gwerra, jiġifieri lill-persuni li, minħabba l-konvinzjonijiet politiċi, reliġjużi u nazzjonali tagħhom, kienu ġew eżiljati jew deportati f’dik li kienet l-URSS. Wieħed jikkunsidra bħala invalidità marbuta ma’ żmien ta’ deportazzjoni l-invalidità li tirriżulta minn ġrieħi, kontużjonijiet u leżjonijiet jew mard ieħor ikkawżati minħabba dan iż-żmien ta’ deportazzjoni.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        H. Nerkowska, li hija fil-preżent ċittadina Pollakka, twieldet fit-2 ta’ Frar 1946 fit-territorju ta’ dik li llum hija l-Belarus.

8        Fl-età ta’ tliet snin, hija tilfet lill-ġenituri tagħha, li ġew deportati lejn is-Siberja permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

9        Matul April 1951, H. Nerkowska, ħuha u zitha ġew ukoll deportati lejn dik li kienet l-URSS. Hija għexet hemm f’kundizzjonijiet diffiċli sa Jannar 1957.

10      Wara perijodu ta’ kważi sitt snin, hija marret lura l-Polonja. Hija għamlet xi studji hemmhekk u, wara li temmet l-istudji tagħha, kienet impjegata f’xogħol amministrattiv.

11      Fl-1985, hija telqet mill-Polonja u stabbilixxiet ruħha fil-Ġermanja għal żmien twil.

12      Matul Ottubru 2000, H. Nerkowska ressqet talba quddiem iż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Koszalinie għal pensjoni ta’ invalidità minħabba danni marbuta mas-saħħa li hija sofriet meta kienet deportata.

13      B’deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2002, iż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Koszalinie rrikonoxxiet id-dritt għal pensjoni ta’ H. Nerkowska minħabba l-inkapaċità parzjali tagħha tax-xogħol marbuta maż-żmien li għaddiet f’żoni ta’ konċentrament, iżda ssospendiet il-ħlas tal-benefiċċji hekk dovuti minħabba li l-benefiċjarja ma kinitx toqgħod fit-territorju Pollakk.

14      H. Nerkowska kkontestat din id-deċiżjoni quddiem is-Sąd Okręgowy w Koszalinie (Qorti reġjonali ta’ Koszalin) fejn talbet li jiġi deċiż li hija kellha dritt għall-ħlas tal-pensjoni ta’ invalidità mitluba. Dik il-qorti ma laqgħetx l-argumenti tagħha u ċaħdet ir-rikors b’sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003 mogħtija fi tmiem il-proċedura probatorja.

15      H. Nerkowska ressqet talba ġdida għall-ħlas tal-benefiċċju msemmi matul Settembru 2006. Insostenn tat-talba tagħha, din tal-aħħar sostniet li fl-1 ta’ Mejju 2004 ir-Repubblika tal-Polonja saret Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u b’hekk inkorporat id-dritt Komunitarju fi ħdan id-dritt intern Pollakk.

16      Fl-14 ta’ Settembru 2006, fi tmiem il-proċedura amministrattiva, iż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Koszalinie adottat id-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali u ċaħdet lil H. Nerkowska mill-ħlas tal-pensjoni ta’ invalidità li tikkorrispondi għad-dritt li preċedentement kien ġie rikonoxxut lilha, fuq il-bażi li hija ma kinitx toqgħod fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja.

17      H. Nerkowska kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju fejn talbet li din għandha tiġi mibdula b’tali mod li l-pensjoni ta’ invalidità tagħha tiġi mħallsa lilha. Hija sostniet li, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni, il-post ta’ residenza preżenti tagħha ma jistax jikkostitwixxi ostakolu għall-ħlas ta’ dan il-benefiċċju.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Koszalinie ddeċidiet li tissosspendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 18 KE, li jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea d-dritt li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, jipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali pprovduti fl-Artikolu 5 tal-[Liġi tal-1974], inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet jissuġġettaw il-ħlas tal-benefiċċju ta’ pensjoni minħabba inkapaċità tax-xogħol marbuta ma’ żmien mgħoddi f’żoni ta’ konċentrament għall-kundizzjoni li min għandu d-dritt għal dan il-benefiċċju jkun joqgħod fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 18(1) KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha dan tal-aħħar jiċħad lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu l-ħlas ta’ benefiċċju mogħti lill-vittmi ċivili tal-gwerra jew tar-repressjoni, meta dan id-dritt għal tali benefiċċju jkun ġie rikonoxxut lil dan iċ-ċittadin b’deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti, għas-sempliċi raġuni li dan tal-aħħar ma jkunx joqgħod fit-territorju ta’ dan l-Istat, iżda f’dak ta’ Stat Membru ieħor.

20      F’dan ir-rigward, għandu b’mod preliminari jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 18(1) KE.

 Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 18(1) KE

21      Għal dak li jikkonċerna, minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmija dispożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li skont l-Artikolu 17(1) KE, kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(2) KE jattribwixxi lil dan l-istatus id-drittijiet u d-dmirijiet previsti mit-Trattat KE, fosthom dawk imsemmija fl-Artikolu 18(1) KE (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas, C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 18).

22      Bħala ċittadina Pollakka, H. Nerkowska tgawdi mill-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni istitwit mill-Artikolu 17(1) KE u għaldaqstant tista’ eventwalment tinvoka d-drittijiet marbuta ma’ tali status, b’mod partikolari d-dritt li tmur minn post għal ieħor u d-dritt li toqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri previsti fl-Artikolu 18(1) KE.

23      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 18(1) KE, għandu jiġi rrilevat li, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt Komunitarju, benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu bħala għan l-għoti ta’ kumpens lill-vittmi ċivili tal-gwerra jew tar-repressjoni għall-ħsara mentali jew fiżika li jkunu sofrew, jaqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri (sentenza Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar’il fuq, punt 21).

24      Madankollu, dawn tal-aħħar għandhom jeżerċitaw tali kompetenza filwaqt li jirrispettaw id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt mogħti lil kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri (sentenza Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar’il fuq, punt 22).

25      Barra minn hekk, huwa paċifiku li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, prevista fl-Artikolu 17 KE, m’għandhiex bħala għan l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat għal sitwazzjonijiet interni li m’għandhom ebda rabta mad-dritt Komunitarju (sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet, C-64/96 u C‑65/96, Ġabra p. I-3171, punt 23; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 26, kif ukoll Tas-Hagen u Tas, iċċittata iktar’il fuq, punt 23).

26      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li s-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertaijet fundamentali ggarantiti mit-Trattat u dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ kull ċittadin li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 18 KE (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 33, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C-403/03, Ġabra p. I-6421, punti 17 u 18).

27      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li sitwazzjoni bħal dik ta’ H. Nerkowska taqa’ taħt id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu liberament fl-Istati Membri. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bl-istabbiliment tar-residenza tagħha fil-Ġermanja, eżerċitat id-dritt mogħti mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx dak li tiegħu huwa ċittadin.

28      Barra minn hekk, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li ċ-ċaħda tal-ħlas tal-pensjoni ta’ invalidità li kienet ġiet akkordata lil H. Nerkowska tirriżulta mis-sempliċi fatt li din tal-aħħar kienet stabbilixxiet ir-residenza tagħha fil-Ġermanja.

29      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li sitwazzjoni li fiha l-eżerċizzju minn H. Nerkowska ta’ libertà rikonoxxuta mill-ordinament ġuridiku Komunitarju jaffettwa d-dritt ta’ din tal-aħħar għall-ħlas ta’ benefiċċju previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sitwazzjoni purament interna u li m’għandha ebda rabta mad-dritt Komunitarju.

30      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 18(1) KE, li huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex titħallas pensjoni ta’ invalidità mogħtija lill-vittmi ċivili tal-gwerra jew tar-repressjoni, tirrikjedi li l-benefiċjarju jkun joqgħod fit-territorju tal-Istat Membru li jagħti tali benefiċċju.

 Fuq ir-rekwiżit tar-residenza

31      Fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 18(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-opportunitajiet offerti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu ma jistgħux ikunu kompletament effettivi jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi skoraġġit milli jagħmel użu minnhom permezz tal-ostakoli fir-rigward tar-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti kkawżati minn leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu li tippenalizza l-fatt li huwa jkun eżerċithom (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Pusa, C-224/02, Ġabra p. I‑5763, punt 19, kif ukoll Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar’il fuq, punt 30).

32      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tpoġġi fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw il-libertà tagħhom li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin tal-Unjoni (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 39, kif ukoll Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar’il fuq, punt 31).

33      Issa, il-Liġi tal-1974 tikkostitwixxi tali restrizzjoni. Fil-fatt, minħabba li tissuġġetta l-ħlas tal-pensjoni ta’ invalidità mogħtija lill-vittmi ċivili tal-gwerra jew tar-repressjoni għall-kundizzjoni li l-benefiċjarji jkollhom ir-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, din il-liġi tista’ tiskoraġġixxi liċ-ċittadini Pollakki li jkunu f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli jeżerċitaw il-libertà tagħhom li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu fi Stat Membru ieħor barra l-Polonja.

34      Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi tali restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet miċ-ċittadini nazzjonali tista’ tiġi ġġustifikata biss, fir-rigward tad-dritt Komunitarju, meta din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u meta tkun proporzjonali għall-għan leġittimu li d-dritt nazzjonali jipprova jilħaq (sentenzi ċċitati iktar’il fuq De Cuyper, punt 40 kif ukoll Tas-Hagen u Tas, punt 33).

35      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja kemm mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Pollakk jirriżulta li r-restrizzjoni prevista fil-Liġi tal-1974 tirriżulta essenzjalment mir-rieda tal-leġiżlatur Pollakk li jillimita l-obbligu ta’ solidarjetà lejn vittmi ċivili tal-gwerra jew tar-repressjoni għal dawk il-persuni biss li jkollhom element ta’ rabta mal-poplu Pollakk. Il-kundizzjoni ta’ residenza hija għalhekk il-manifestazzjoni tal-livell ta’ integrazzjoni ta’ dawn il-persuni fis-soċjetà Pollakka.

36      Barra minn hekk, il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Gvern Pollakk jirrilevaw li hija biss kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tista’ tiggarantixxi l-possibbiltà li jiġi vverifikat li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tal-benefiċċju kkonċernat ma tkunx inbidlet b’mod li jiġi affettwat id-dritt ta’ dan tal-aħħar għal dan il-benefiċċju. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li n-nuqqas ta’ possibbiltà li jirrikorru għall-assistenza amministrattiva u medika ta’ Stati Membri oħra, prevista għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU L 28, 1997, p. 1), iċaħħad l-effiċjenza u l-effettività tal-kontroll magħmul mill-korpi kompetenti Pollakki. Huma jsostnu wkoll li miżuri oħra inqas restrittivi mhumiex effiċjenti daqs din il-kundizzjoni.

37      Huwa minnu li, kemm ir-rieda li tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ element ta’ rabta bejn is-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat u min jieħu l-benefiċċju u kif ukoll il-ħtieġa li jiġi vverifikat li dan tal-aħħar ikun għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dan il-benefiċċju jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifikaw li l-kundizzjonijiet tal-għoti jew tal-ħlas ta’ tali benefiċċju jistgħu jaffettwaw il-libertà tal-moviment taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.

38      F’dak li jikkonċerna r-rekwiżit ta’ element ta’ rabta mas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward ta’ benefiċċju li bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali m’huwiex irregolat mid-dritt Komunitarju, li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-kriterji għall-evalwazzjoni ta’ tali rabta, filwaqt li huma marbuta jirrispettaw il-limiti imposti mid-dritt Komunitarju (sentenza Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar’il fuq, punt 36).

39      Huwa għalhekk leġittimu għal Stat Membru li, permezz ta’ kundizzjonijiet marbuta man-nazzjonalità jew mar-residenza tal-persuna kkonċernata, jillimita l-kumpens mogħti lil vittmi ċivili tal-gwerra jew tar-repressjoni għal persuni kkunsidrati li juru ċertu livell ta’ rabta mas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

40      Madankollu, għalkemm ir-restrizzjoni kkonstatata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi ġġustifikata minn kunsiderazzjonjiet oġġettivi ta’ interess ġenerali bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti, xorta waħda jibqa’ meħtieġ li din ma tkunx sproporzjonata fid-dawl tal-għan imsegwi.

41      Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni ta’ residenza kontinwa fit-territorju nazzjonali matul il-perijodu kollu tal-ħlas tal-benefiċċju inkwistjoni li hija kkunsidrata bħala element ta’ rabta mas-soċjetà Pollakka tal-vittmi ċivili tal-gwerra jew tar-repressjoni, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li r-residenza tikkostitwixxi kriterju ta’ natura li juri l-eżistenza ta’ tali rabta, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, dan ma jbiddilx il-fatt li din il-kundizzjoni tmur lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsegwi.

42      Fil-fatt, huwa paċifiku li H. Nerkowska għandha nazzjonalità Pollakka u għexet fil-Polonja għal iktar minn għoxrin sena, perijodu li matulu studjat u ħadmet hemmhekk.

43      Il-fatt li wieħed ikollu n-nazzjonalità tal-Istat Membru li jagħti l-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll li jkun għex f’dan l-Istat għal iktar minn għoxrin sena, fejn ikun studja u ħadem, jista’ jkun biżżejjed sabiex ikunu stabbiliti elementi ta’ rabta bejn dan l-Istat u min jieħu dan il-benefiċċju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit ta’ residenza, matul il-perijodu kollu tal-ħlas tal-imsemmi benefiċċju, għandu jiġi kkunsidrat li huwa sproporzjonat, safejn dan imur lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita tali rabta.

44      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-argument li l-kundizzjoni ta’ residenza hija l-uniku mod kif jiġi vverifikat li l-benefiċjarju ta’ pensjoni ta’ invalidità jkun għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-għoti tagħha, hija biżżejjed ir-risposta li m’huwiex korrett li jingħad li l-għan imsegwi ma jistax jintlaħaq b’mezzi oħra li, filwaqt li jkunu inqas restrittivi, ikunu daqstant ieħor effiċjenti.

45      Fil-fatt, jekk stħarriġ mediku jew amministrattiv jeżiġi l-preżenza tal-benefiċjaru ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, m’hemm xejn xi jżomm lil dan l-Istat Membru milli jitlob lil dan il-benefiċċjaru jmur f’dan l-Istat sabiex joqgħod għal tali stħarriġ, inkluż milli jirrikjedi dan taħt piena ta’ sospensjoni tal-ħlas ta’ dan il-benefiċċju fil-każ li l-benefiċjajru jirrifjuta li jagħmel dan mingħajr raġuni xierqa.

46      Għalhekk, kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi vverifikat li persuna li tieħu benefiċċju tkun għadha tissodisfa l-kundizzjonjiet tal-għoti tiegħu u, għaldaqstant, ma tirrispettax il-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fil-punti 34 u 40 ta’ din is-sentenza.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għad-domanda mressqa għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 18(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha dan tal-aħħar jiċħad, b’mod ġenerali u f’kull ċirkustanza, il-ħlas, liċ-ċittadini tiegħu, ta’ benefiċċju mogħti lill-vittmi ċivili tal-gwerra jew tar-repressjoni minħabba s-sempliċi fatt li dawn ma jkunux joqogħdu matul il-perijodu kollu tal-ħlas ta’ dan il-benefiċċju fit-territorju ta’ dan l-Istat, iżda fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 18(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha dan tal-aħħar jiċħad, b’mod ġenerali u f’kull ċirkustanza, il-ħlas, liċ-ċittadini tiegħu, ta’ benefiċċju mogħti lill-vittmi ċivili tal-gwerra jew tar-repressjoni minħabba s-sempliċi fatt li dawn ma jkunux joqogħdu matul il-perijodu kollu tal-ħlas ta’ dan il-benefiċċju fit-territorju ta’ dan l-Istat, iżda fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.