Language of document :

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil-25 ta’ April 2024 (1)

Kawża C228/23

Association AFAÏA

vs

Institut national de l’origine et de la qualité (INAO),

fil-preżenza ta’:

Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, fir-rwol tiegħu bħala l-Qorti Suprema Amministrattiva (Franza))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Produzzjoni organika – Regolament (UE) 2018/848 – L-użu tal-fertilizzanti, tal-kondizzjonaturi tal-ħamrija u tan-nutrijenti fil-produzzjoni organika – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 – Anness II – Il-kunċetti ta’ trobbija industrijali tal-annimali u ta’ trobbija tal-annimali mingħajr art– Kriterji sabiex it-trobbija tal-annimali tiġi kklassifikata bħala industrijali fis-sens tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165”






1.        F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tinterpreta l-kunċett ta’ trobbija industrijali tal-annimali (2) li jinsab fir-Regolament (UE) 2018/848 (3) u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 (4).

2.        It-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ f’kuntest ta’ żieda tal-produzzjoni organika (5), li hija rifless fid-dritt tal-Unjoni Ewropea. Waħda mill-problemi li tqum hija dik dwar il-fertilizzazzjoni tal-artijiet użati għal din il-produzzjoni (6), li s-sistema tagħha għadha ma hijiex irregolata bil-preċiżjoni meħtieġa mil-leġiżlatur Ewropew.

3.        Ir-Regolament 2018/848 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 jawtorizzaw, b’deroga u taħt ċerti kundizzjonijiet, l-użu, fl-agrikoltura organika, ta’ demel mhux organiku (7) li jirriżulta mit-trobbija tal-annimali konvenzjonali (8). Ir-restrizzjoni prinċipali imposta mir-regoli tagħhom fuq l-użu ta’ dan it-tip ta’ demel hija dik li ma dan ma joriġinax mit-trobbija industrijali tal-annimali. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa intiż preċiżament sabiex tiġi ddetrminata t-tifsira ta’ din l-aħħar espressjoni.

I.      Ilkuntest ġuridiku: iddritt talUnjoni

A.      IrRegolament 2018/848

4.        Skont l-Artikolu 4 (“Objettivi”):

“Il-produzzjoni organika għandha tfittex li tilħaq l-objettivi ġenerali li ġejjin: […] b) iżżomm il-fertilità fit-tul tal-ħamrija; […] d) tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għal ambjent mhux tossiku; e) tikkontribwixxi għal standards għoljin dwar it-trattament xieraq tal-annimali u, b’mod partikolari, għall-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ mġiba speċifiċi skont l-ispeċi tal-annimali […].”

5.        L-Artikolu 5 (“Prinċipji ġenerali”) jipprovdi li:

“Il-produzzjoni organika hija sistema ta’ ġestjoni sostenibbli li hija bbażata fuq il-prinċipji ġenerali li ġejjin:

a)      ir-rispett għas-sistemi u ċ-ċikli tan-natura u s-sosteniment u t-titjib tal-kundizzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali, u tal-bilanċ bejniethom;

[…]

d)      il-produzzjoni ta’ varjetà kbira ta’ ikel u prodotti agrikoli u tal-akkwakultura oħrajn ta’ kwalità għolja li jirrispondu għad-domanda tal-konsumaturi għal oġġetti prodotti li huma manifatturati bl-użu ta’ proċessi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, lis-saħħa tal-bniedem, lis-saħħa tal-pjanti jew lis-saħħa u l-benessri tal-annimali;

[…]

g)      ir-restrizzjoni tal-użu ta’ inputs esterni; fejn jkunu meħtieġa inputs esterni jew meta l-prattiki u l-metodi ta’ ġestjoni adatti msemmija fil-punt (f) ma jkunux jeżistu, dawk l-inputs esterni għandhom jiġu limitati għal:

i)      inputs mill-produzzjoni organika; fil-każ tal-materjal riproduttiv tal-pjanti, għandha tingħata prijorità lill-varjetajiet magħżula minħabba l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-objettivi speċifiċi tal-agrikoltura organika;

ii)      sustanzi naturali jew sustanzi dderivati b’mod naturali;

iii)      fertilizzanti minerali b’solubbiltà baxxa,

[…]

j)      l-osservanza ta’ livell għoli ta’ trattament xieraq tal-annimali filwaqt li jiġu rispettati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-ispeċijiet.”

6.        L-Artikolu 9 (“Regoli ġenerali dwar il-produzzjoni)”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Għall-finijiet u l-użi msemmija fl-Artikolu 24 u l-Artikolu 25 u fl-Anness II, fil-produzzjoni organika jistgħu jintużaw biss il-prodotti u s-sustanzi li jkunu ġew awtorizzati skont dawk id-dispożizzjonijiet, dment li l-użu tagħhom fil-produzzjoni mhux organika jkun ġie awtorizzat ukoll f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u, fejn applikabbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq il-liġi tal-Unjoni.

[…].”

7.        L-Artikolu 12 (“Regoli għall-produzzjoni tal-pjanti”), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operaturi li jipproduċu l-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati stabbiliti fil-Parti I tal-Anness II.”

8.        L-Artikolu 14 (“Regoli tal-produzzjoni tal-bhejjem [mit-trobbija tal-annimali]”) jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-operaturi tal-bhejjem għandhom, b’mod partikolari, jikkonformaw mar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni li jinsabu fil-Parti II tal-Anness II u fi kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.”

9.        L-Artikolu 24 (“Awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika”), jipprevedi li:

“1.      Il-Kummissjoni tista’ tawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika, u għandha tinkludi kwalunkwe prodott u sustanza hekk awtorizzati fil-listi restrittivi, għall-finijiet li ġejjin:

[…]

b)      bħala fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija u nutrijenti;

[...]

3.      L-awtorizzazzjoni tal-prodotti u s-sustanzi msemmija fil-paragrafu 1 għall-użu fil-produzzjoni organika għandha tkun soġġetta għall-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu II u għall-kriterji li ġejjin, li għandhom jiġu evalwati b’mod komplessiv:

[…]

d)      fil-każ tal-prodotti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, l-użu tagħhom ikun essenzjali għall-tisħiħ jew iż-żamma tal-fertilità tal-ħamrija jew sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti nutrizzjonali speċifiċi tar-raba’, jew għal skopijiet speċifiċi tal-ikkundizzjonar tal-ħamrija;

[…].”

10.      Il-parti I (“Regoli għall-produzzjoni tal-pjanti”) tal-Anness II tindika li:

“Minbarra r-regoli tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 12, ir-regoli stabbiliti f’din il-Parti għandhom japplikaw għall-produzzjoni organika tal-pjanti.

1.      Rekwiżiti ġenerali

[…]

1.9      Il-ġestjoni tal-ħamrija u l-fertilizzazzjoni

[…]

1.9.2.            Il-fertilità u l-attività bijoloġika tal-ħamrija għandhom jinżammu u jiżdiedu:

[…]

c)      fil-każijiet kollha, bl-applikazzjoni tad-demel tal-bhejjem jew materjal organiku, it-tnejn preferibbilment ikkompostjati, minn produzzjoni organika.

1.9.3.            Fejn ma jistgħux jintlaħqu l-bżonnijiet nutrizzjonali tal-pjanti bil-miżuri previsti fil-punti 1.9.1 u 1.9.2, għandhom jintużaw biss fertilizzanti u tejjieba [kondizzjonaturi] tal-ħamrija li jkunu ġew awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika, u dan biss sa fejn ikun neċessarju.

[…]”.

11.      Fil-Parti II (“Regoli tal-produzzjoni tal-bhejjem”) tal-Anness II huwa indikat li:

“Minbarra r-regoli tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9, 10, 11 u 14, ir-regoli stabbiliti f’din il-Parti għandhom japplikaw għall-produzzjoni tal-bhejjem organiċi.

1.      Rekwiżiti ġenerali

1.1      Ħlief fil-każ tat-trobbija tan-naħal, għandha tkun ipprojbita l-produzzjoni tal-bhejjem meta ma hemmx art, meta l-bidwi li biħsiebu jipproduċi bhejjem organiċi ma jamministrax art agrikola, u ma jkunx stabbilixxa ftehim ta’ kooperazzjoni bil-miktub ma’ bidwi rigward l-użu ta’ unitajiet ta’ produzzjoni organika jew unitajiet ta’ produzzjoni fil-fażi ta’ konverżjoni għal dawk il-bhejjem.

[…]

1.4.2.1      […] l-annimali organiċi għandhom jirgħu fuq art organika.

1.6.3.            Id-densità tal-ħażna fil-binjiet għandha tipprovdi għall-kumdità, il-benessri u l-ħtiġijiet speċifiċi għall-ispeċijiet tal-annimali u għandha tiddependi, b’mod partikolari, mill-ispeċi, ir-razza u l-età tal-annimali. […]

[...]

1.6.8.            Gaġeġ, kaxxi u pjattaformi ċatti biex jitrabbew il-bhejjem ma jistgħu jintużaw għall-ebda speċi ta’ bhejjem.

[…]”.

B.      IrRegolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165

12.      L-Artikolu 2 jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2018/848, il-prodotti u s-sustanzi elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament biss jistgħu jintużaw fil-produzzjoni organika bħala fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija u nutrijenti għan-nutrizzjoni tal-pjanti, […] diment li dawn ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni […]”.

13.      L-Anness II jipprevedi li:

“Il-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija u n-nutrijenti […] elenkati f’dan l-Anness jistgħu jintużaw fil-produzzjoni organika, diment li jkunu konformi

–      mal-leġiżlazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-prodotti fertilizzanti, b’mod partikolari, fejn applikabbli, ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 u r-Regolament (UE) 2019/1009; u

[…]

Dawn jistgħu jintużaw biss skont l-ispeċifikazzjonijiet u r-restrizzjonijiet tal-użu ta’ dawk il-leġiżlazzjonijiet rispettivi tal-Unjoni u nazzjonali. Kundizzjonijiet aktar restrittivi għall-użu fil-produzzjoni organika huma speċifikati fil-kolonna tal-lemin tat-tabelli.

Isem | Prodotti komposti jew prodotti li fihom biss il-materjali mniżżlin hawn taħt

Deskrizzjoni, kundizzjonijiet u limiti speċifiċi

Demel tal-irziezet

prodott li jinkludi taħlita ta’ ħmieġ [eskrementi] tal-annimali u materjal magħmul mill-ħxejjex (il-mifrex u l-materjal tal-għalf).

hija pprojbita l-oriġini mill-agrikultura industrijali [trobbija industrijali tal-annimali]

Demel tal-irziezet niexef u demel tat-tjur diżidratat

hija pprojbita l-oriġini mill-agrikultura industrijali

Ħmieġ kompost tal-annimali, inkluż demel tat-tjur u demel kompost tal-irziezet

hija pprojbita l-oriġini mill-agrikultura industrijali

Ħmieġ likwidu tal-annimali

użu wara fermentazzjoni kkontrollata u/jew dilwizzjoni xierqa

hija pprojbita l-oriġini mill-agrikultura industrijali

[…]”.

II.    Ilfatti, ittilwima u ddomandi preliminari

14.      L-Institut national de l’origine et de la qualité (l-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità tal-Prodotti, Franza; iktar ’il quddiem l-“INAO”) huwa organu pubbliku li, taħt il-kontroll tal-ministeru kompetenti, huwa inkarigat li jimplimenta l-politika ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward tas-sinjali uffiċjali ta’ identifikazzjoni tal-kwalità u tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u agroalimentari.

15.      Fl‑2020, l-INAO emenda l-“Gwida għall-qari” (9) tiegħu tar-leġiżlazzjoni Ewropea sabiex, b’mod partikolari, jinterpreta l-projbizzjoni, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 (10), tal-użu fuq art organika ta’ fertilizzanti u ta’ kondizzjonaturi tal-ħamrija li joriġinaw mill-annimali “minn trobbija industrijali tal-annimali”.

16.      Skont il-Gwida għall-qari, id-demel tal-bhejjem “li ġej minn annimali li jitrabbew f’sistemi b’paviment f’għamla ta’ gradilja u/jew kompletament bi gradilji u li jaqbeż il-limiti ddefiniti fl-Anness I tad-Direttiva 2011/92/UE” u dak “li ġej minn annimali li jitrabbew f’gaġeġ u li jaqbżu” l-istess limiti huma esklużi.

17.      L-assoċjazzjoni AFAÏA (11) talbet ir-revoka ta’ din il-parti tal-Gwida, iżda l-INAO ċaħad it-talba tagħha fl‑4 ta’ Frar 2020.

18.      AFAÏA talbet lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, fir-rwol tiegħu bħala Qorti Suprema Amministrattiva) jannulla d-deċiżjoni tal-INAO tal‑4 ta’ Frar 2020 (12). Fil-fehma tagħha, l-INAO ma kienx kompetenti sabiex jadotta miżuri addizzjonali għar-Regolamenti (KE) Nru 834/2007 (13) u Nru 889/2008 u l-Gwida għall-qari kienet tinjora s-sens u l-portata ta’ dawn ir-regolamenti. Huwa fil-kuntest ta’ din it-tilwima li saret it-talba għal deċiżjoni preliminari.

19.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata hija dik li tkun fis-seħħ meta tingħata s-sentenza tagħha, jiġifieri r-Regolament 2018/848 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165. Wara d-dħul fis-seħħ taż-żewġ Regolamenti, l-INAO aġġorna l-Gwida għall-qari, iżda ma biddilx il-kontenut tagħha fir-rigward tad-definizzjoni tat-trobbija industrijali tal-annimali (14).

20.      Għall-qorti tar-rinviju:

–      Jeżistu diverġenzi fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti (15) dwar il-kunċett ta’ trobbija industrijali tal-annimali, li la huwa ddefinit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, la fir-Regolament 2018/848 u lanqas fir-regoli preċedenti fil-qasam tal-agrikoltura organika.

–      Dan il-kunċett huwa interpretat b’mod differenti skont l-Istati Membri, peress li xi wħud ikomplu jassimilawh għall-produzzjoni (mit-trobbija tal-annimali) mingħajr art, filwaqt li oħrajn jagħmlu distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti u jiddefinixxu t-trobbija industrijali tal-annimali b’riferiment għal rekwiżiti tekniċi, għal limiti ta’ numru ta’ annimali u għar-rekwiżiti ta’ ikel.

21.      F’dan il-kuntest, din il-qorti tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ agrikoltura industrijali [trobbija industrijali tal-annimali], li jinsab f’dan l-anness, huwa ekwivalenti għal dak ta’ agrikoltura intensiva [trobbija tal-annimali mingħajr art]?

2)      Jekk il-kunċett ta’ agrikoltura industrijali huwa differenti mill-kunċett ta’ agrikoltura intensiva, liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk agrikoltura [trobbija tal-annimali] għandhiex tiġi kklassifikata bħala industrijali fis-sens tal-Anness II tar-Regolament 2021/1165?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti tal-Ġustizzja

22.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2023.

23.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn AFAÏA, mill-Gvern Finlandiż u minn dak Franċiż kif ukoll mill-Kummissjoni.

24.      Waqt is-seduta, li nżammet fil‑21 ta’ Frar 2024, intervjenew AFAÏA, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni.

IV.    Evalwazzjoni

A.      L-ewwel domanda preliminari: id-differenza bejn “trobbija industrijali tal-annimali” u “produzzjoni (mit-trobbija tal-annimali) mingħajr art”

25.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, “[i]l-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija u n-nutrijenti [...] elenkati f’dan l-Anness jistgħu jintużaw fil-produzzjoni organika, diment li jkunu konformi

–      mal-leġiżlazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-prodotti fertilizzanti, b’mod partikolari, fejn applikabbli, ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 u r-Regolament (UE) 2019/1009; u

–      mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u r-Regolament (UE) Nru 142/2011, b’mod partikolari l-Annessi V u XI”.

26.      It-tielet paragrafu tal-imsemmi Anness II jippreċiża li l-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija u n-nutrijenti “jistgħu jintużaw biss skont l-ispeċifikazzjonijiet u r-restrizzjonijiet tal-użu ta’ dawk il-leġiżlazzjonijiet rispettivi tal-Unjoni u nazzjonali.” Fit-tabella mehmuża, huwa jżid kundizzjonijiet restrittivi għall-produzzjoni organika.

27.      B’mod partikolari, din it-tabella tispeċifika li fil-produzzjoni organika “hija pprojbita l-oriġini mill-agrikultura industrijali [mit-trobbija industrijali tal-annimali]” għall-prodotti li ġejjin: demel tal-irziezet (16); demel tal-irziezet niexef u demel tat-tjur diżidratat; eskrementi komposti tal-annimali, inkluż demel tat-tjur u demel kompost tal-irziezet u eskrementi likwidi tal-annimali (17).

28.      Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, ma teżistix definizzjoni tat-trobbija industrijali tal-annimali la fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, la fir-Regolament 2018/848 u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni.

29.      Barra minn hekk, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 lanqas ma jaqblu fir-rigward tal-użu tat-terminu trobbija industrijali tal-annimali, peress li wħud minnhom jużaw, minflok din il-frażi, dik ta’ “produzzjoni (mit-trobbija tal-annimali) mingħajr art” (18).

30.      Dawn iċ-ċirkustanzi wasslu għal prattika eteroġenja: ċerti Stati Membri jassimilaw it-trobbija industrijali tal-annimali mat-trobbija tal-annimali mingħajr art u oħrajn jiddefinixxu t-trobbija industrijali tal-annimali permezz ta’ riferimenti għal rekwiżiti tekniċi, limiti ta’ għadd ta’ annimali u rekwiżiti tal-ikel, li jvarjaw.

31.      Dawn id-differenzi jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern u jaffettwaw b’mod negattiv lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati u lill-fornituri tal-fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija u nutrijenti.

32.      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 lanqas ma jagħmel riferiment għad-drittijiet interni tal-Istati Membri għad-determinazzjoni ta’ dak li għandu jinftiehem bi trobbija industrijali tal-annimali. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta din l-espressjoni b’mod awtonomu u uniformi (19), billi tuża l-kriterji ermenewtiċi normali (20).

1.      Interpretazzjoni letterali

33.      It-tielet paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 ma jagħti ebda indikazzjoni dwar is-sens tal-frażi trobbija industrijali tal-annimali jew dwar din hijiex ekwivalenti jew differenti mill-frażi’ “produzzjoni (mit-trobbija tal-annimali) mingħajr art”. Lanqas ir-Regolament 2018/848 ma jagħmel dan.

34.      L-użu tal-kriterju letterali huwa partikolarment diffiċli meta, bħal fil-kawża ineżami, jeżistu diverġenzi kunsiderevoli bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tat-tielet paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165.

35.      Il-paragun bejn dawn il-verżjonijiet juri li 21 minnhom jirreferu għal trobbija tal-annimali, il-produzzjoni jew l-isfruttament, li huma jikkwalifikaw bħala industrijali (21), intensivi (22) jew fuq skala kbira (23). Dawn it-termini jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti u, kif diġà esponejt, għażilt li nuża t-terminu trobbija industrijali tal-annimali. Madankollu, il-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Olandiża u Portugiża jużaw il-kunċett ta’ produzzjoni (mit-trobbija tal-annimali) mingħajr art (24).

36.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-diversi verżjonijiet lingwistiċi għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi (25). L-ebda waħda ma għandha tingħata prijorità fuq l-oħra (26).

37.      Skont is-sens abitwali tagħha, l-attività ta’ trobbija tal-annimali fejn l-annimali mrobbija jkunu jinsabu ġeneralment fi stallel u f’kundizzjonijiet maħluqa u kkontrollati b’mod artifiċjali, hija industrijali. L-annimali jitrabbew bl-użu ta’ metodi speċifiċi għall-industrija, jiġifieri, li huma mmirati li jimmassimizzaw il-produzzjoni fl-iqsar żmien possibbli.

38.      It-trobbija industrijali tal-annimali ta’ spiss teħtieġ investimenti sinjifikattivi, tuża ikel arrikkit u tuża l-antibijotiċi bħala prevenzjoni, u għandha produttività għolja, iżda tista’ twassal għal tniġġis sinjifikattiv tal-ambjent. Il-protezzjoni speċifika tal-benesseri tal-annimali ma hijiex neċessarjament waħda mill-prijoritajiet tagħha (27).

39.      Il-kunċett ta’ trobbija tal-annimali mingħajr art  lanqas ma huwa ddefinit mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 jew minn xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni. Il-punt 1.1 tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament 2018/848 isemmih billi jindika li l-“produzzjoni tal-bhejjem meta ma hemmx art” hija pprojbita f’ċerti ċirkustanzi (28).

40.      It-trobbija tal-annimali mingħajr art tikkorrispondi għalhekk għal produzzjoni tal-annimali mwettqa f’interkjużuri artifiċjali u li fiha l-għalf ma joriġinax miż-żona fejn tinsab l-azjenda, li l-effluwenti tagħha jitbattlu fuq barra (29).

41.      Minn perspettiva letterali, it-trobbija industrijali tal-annimali tinkludi t-trobbija tal-annimali mingħajr art, iżda dan huwa kunċett usa’. Jista’ jkun hemm azjendi għat-trobbija tal-annimali li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, anki jekk ikollhom art, jikkwalifikaw bħala industrijali (30).

42.      L-interpretazzjoni grammatikali twassal, għalhekk, sabiex jitqies li l-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija u n-nutrijenti li l-użu tagħhom fl-agrikoltura organika huwa pprojbit mill-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 huma dawk li joriġinaw mit-trobbija industrijali tal-annimali u mhux biss dawk li joriġinaw mit-trobbija tal-annimali mingħajr art. B’xi mod, t-trobbija tal-annimali mingħajr art hija l-iktar forma estrema, iżda mhux l-unika forma, tat-trobbija industrijali tal-annimali.

2.      Interpretazzjoni storika u sistematika

43.      Id-diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 kienet diġà teżisti fis-sistema preċedenti għal dik attwali [ir-Regolament Nru 834/2007 u r-Regolament Nru 889/2008].

44.      L-Artikolu 12(1)(d) tar-Regolament Nru 834/2007 kien jippermetti l-użu tal-fertilizzanti u tal-kondizzjonaturi li kienu ġew approvati mill-Kummissjoni, minbarra dawk ta’ oriġini organika. Fl-Anness I tar-Regolament Nru 889/2008, il-Kummissjoni aċċettat l-użu tal-istess prodotti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li joriġinaw minn “trobbija industrijali tal-annimali” (il-maġġoranza tal-verżjonijiet) jew ta’ “produzzjoni mingħajr art” (il-minoranza tal-verżjonijiet), mingħajr ma ddefinixxiet dawn il-kunċetti.

45.      Preċedentement, ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (31), imħassar bir-Regolament Nru 834/2007, kien jistabbilixxi li:

–      L-użu tad-“demel” u tad-“demel tal-irziezet niexef u demel tat-tjur diżidratat” kien limitat biss għal “għal dak li ġej mit-trobbija tal-annimali estensiva skont it-tifsira tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament (KEE) Nru 2328/91 (32).” Għalhekk, dawn il-prodotti ma setgħux jintużaw bħala fertilizzant fil-biedja organika jekk kienu joriġinaw mit-trobbija industrijali tal-annimali.

–      L-użu tal-“[ħ]mieġ kompost tal-annimali, inkluż demel tat-tjur u demel kompost tal-irziezet” u tal-“eskrementi likwidi tal-annimali” ma kienx permess jekk kien joriġina mit-trobbija industrijali tal-annimali (kienet “ipprojbita l-oriġini minn trobbija intensiva [industrijali] tal-annimali” jew “minn trobbija tal-annimali mingħajr art” f’ċerti verżjonijiet).

46.      L-evoluzzjoni leġiżlattiva turi li l-kunċett ta’ trobbija industrijali tal-annimali kien dak użat prinċipalment fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni qabel ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165. Hija turi, fl-istess ordni ta’ ideat, li l-kunċett ta’ trobbija tal-annimali mingħajr art huwa kopert mill-kunċett iktar wiesa’ tat-trobbija industrijali tal-annimali.

3.      Interpretazzjoni finalista

47.      Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-produzzjoni organika hija bbażata fuq diversi għanijiet, fosthom, f’dak li huwa rilevanti għal din il-kawża, il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u l-preservazzjoni tal-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti ttikkettati bħala organiċi.

48.      Il-qari tal-premessa 1 (33) u tal-premessa 2 (34) tar-Regolament 2018/848 kif ukoll tal-Artikolu 4 tiegħu juri li l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali hija għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u dan huwa konformi mal-Artikolu 13 TFUE. Skont dan, l-Unjoni u l-Istati Membri “għandhom jgħatu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri ta’ l-annimali bħala esseri sensibbli” fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tagħhom tal-politika tagħha (35).

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “[b]illi enfasizza f’diversi okkażjonijiet l-impenn tiegħu li jiżgura livell għoli ta’ benesseri tal-annimali fil-kuntest tal-agrikoltura [tat-trobbija tal-annimali] organika, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jenfasizza li dan il-metodu ta’ produzzjoni agrikola [mit-trobbija tal-annimali] huwa kkaratterizzat mill-osservanza ta’ standards ogħla fil-qasam tal-benesseri tal-annimali fil-postijiet kollha u fl-istadji kollha ta’ din il-produzzjoni fejn dan il-benesseri jista’ jkompli jtejjeb iktar (36).”

50.      Il-preservazzjoni tal-benesseri tal-annimali fil-produzzjoni organika titlob li jiġi ristrett l-użu tal-effluwenti li ġejjin mit-trobbija industrijali tal-annimali. It-trobbija tal-annimali estensiva, għall-kuntrarju, hija kompatibbli mal-livell għoli tal-benesseri tal-annimali, anki mingħajr ma tkun organika.

51.      Il-premessa 6 tar-Regolament 2018/848 tiddikjara li l-kuntest legali tal-produzzjoni organika huwa intiż b’mod partikolari sabiex “[i]żomm u jiġġustifika l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti bit-tikketta organika.”

52.      L-aspettattivi leġittimi tal-konsumaturi fir-rigward tal-prodotti organiċi jkunu ggarantiti aħjar jekk l-inputs fl-agrikoltura organika joriġinaw minn sorsi organiċi (jew, fejn dawn ma jkunux biżżejjed, jekk jintużaw inputs mhux organiċi, iżda speċifikament awtorizzati mill-Kummissjoni, sabiex jiġu esklużi kemm jista’ jkun sustanzi niġġiesa). Fil-każ tal-fertilizzanti, l-esklużjoni ta’ fertilizzanti li joriġinaw mit-trobbija industrijali tal-annimali tirrifletti l-istess loġika.

53.      L-impatt ta’ dawn iż-żewġ għanijiet fuq l-interpretazzjoni tat-terminu “trobbija industrijali tal-annimali” jaqbel mal-impatt li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterji letterali u storiċi. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija koerenti mal-punt 1.9.2(c) u mal-punt 1.9.3 tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament 2018/848 li jipprevedi, bħala regola, li fl-agrikoltura organika għandha tingħata preferenza għall-użu ta’ demel tal-annimali jew ta’ materjal organiku minn produzzjoni organika.

54.      Huwa biss bħala eċċezzjoni, fejn il-fertilità tal-ħamrija u l-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-pjanti ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfatti permezz ta’ demel tal-annimali jew materjal organiku minn produzzjoni organika, li jista’ japplika l-Artikolu 24(4)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2018/848. Dan jippermetti l-użu (biss sa fejn ikun neċessarju) tal-fertilizzanti, tal-kondizzjonaturi tal-ħamrija u tan-nutrijenti (mhux organiċi) espressament awtorizzati mill-Kummissjoni, jiġifieri dawk li ma joriġinawx mit-trobbija industrijali tal-annimali, skont it-tielet paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165.

55.      Din l-eċċezzjoni għar-regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod strett, skont l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni dwar l-agrikoltura organika (37).

56.      Għall-kuntrarju, jekk il-projbizzjoni tal-użu fl-agrikoltura organika jkollha tiġi limitata biss għad-demel li ġej minn trobbija tal-annimali mingħajr art, tkun pprivileġġjata interpretazzjoni eċċessivament stretta tar-restrizzjoni prevista fit-tielet paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165.

57.      Waqt is-seduta, AFAÏA ġustament iddefendiet din l-interpretazzjoni wiesgħa billi affermat li b’dan il-mod tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-demel għal agrikoltura organika li qed tikber b’mod kostanti u jiġi evitat l-użu ta’ fertilizzanti kimiċi, li huma iktar ta’ ħsara għall-ambjent u għall-fertilità tal-ħamrija fit-tul. Madankollu, skont l-informazzjoni prodotta mill-Gvern Franċiż waqt is-seduta, din l-interpretazzjoni ma hijiex neċessarja, għalissa, sabiex tiġi żgurata disponibbiltà suffiċjenti ta’ demel fl-agrikoltura organika (38).

58.      L-għanijiet ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi tal-konsumaturi ta’ prodotti organiċi jintlaħqu aħjar, nirrepeti, jekk l-interpretazzjoni tkun dik li d-demel li joriġina mill-agrikoltura konvenzjonali (li l-użu tiegħu huwa awtorizzat fl-agrikoltura organika) huwa dak li ma joriġinax mit-trobbija industrijali tal-annimali. Dan l-aħħar kunċett jinkludi, naturalment, il-produzzjoni mit-trobbija tal-annimali mingħajr art, iżda wkoll metodi oħra ta’ produzzjoni, bħal dik li ssir fuq artijiet li ma humiex suffiċjenti u limitati.

59.      Fil-qosor, inqis li l-interpretazzjoni korretta tat-tielet paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 twassal għall-konstatazzjoni li l-kunċett ta’ “produzzjoni (mit-trobbija tal-annimali) mingħajr art” huwa iktar ristrett u ma huwiex ekwivalenti għal dak tat-trobbija industrijali tal-annimali. Dan tal-aħħar jinkludi l-ewwel wieħed, b’tali mod li fil-produzzjoni organika huma pprojbiti l-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija u n-nutrijenti li joriġinaw mit-trobbija industrijali tal-annimali, u mhux biss dawk li joriġinaw mill-produzzjoni mingħajr art.

B.      Ittieni domanda preliminari

60.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni domanda tagħha fl-ipoteżi (li jiena naqbel magħha) li l-kunċett ta’ trobbija industrijali tal-annimali jkun differenti minn dak tal-produzzjoni mit-trobbija tal-annimali mingħajr art. Permezz ta’ din id-domanda, hija tixtieq tkun taf liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi deċiż jekk produzzjoni agrikola hijiex ikklassifikata bħala industrijali, fis-sens tal-Anness II tar-Regolament 2021/1165.

61.      Kif diġà fakkart, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddefinixxiex dak li huwa jifhem bi trobbija industrijali tal-annimali għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165. Minkejja din l-assenza ta’ regolazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju sabiex tinterpreta dan il-kunċett, mingħajr ma tkun qiegħdha talloka lilha nnifisha funzjonijiet leġiżlattivi (39).

62.      F’dan ir-rigward, żewġ testi informattivi maħruġa, rispettivament, mill-Kummissjoni u minn grupp ta’ esperti mqabbda minnha, jitfgħu ftit dawl fuq din il-kwistjoni.

1.      Gwida talKummissjoni tal1995

63.      Il-Gwida għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2092/91, imfassla mill-Kummissjoni fl‑1995 (40), kienet tispjega li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienet teskludi l-użu ta’ effluwenti tal-azjendi għat-trobbija industrijali tal-annimali minħabba t-tekniki ta’ trobbija intensiva użati u minħabba l-preżenza f’dawn l-effluwenti ta’ residwi mhux mixtieqa (41).

64.      Il-Gwida kienet tirrikonoxxi li fid-dritt tal-Unjoni ma kinitx teżistix definizzjoni standardizzata tal-kunċett ta’ trobbija industrijali tal-annimali u li kienu l-Istati Membri li kellhom jiddelimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett. Madankollu, il-Kummissjoni ssuġġerixxiet li f’dan il-kunċett jiġu inklużi azjendi li jinkludu:

–      minn naħa, installazzjoni li tipprevjeni lill-annimali milli jiċċaqalqu 360 grad jew li żżommhom prinċipalment fid-dlam jew mingħajr ma jimteddu, inklużi s-sistemi ta’ trobbija fil-gaġeġ għat-tjur jew għal annimali oħra, u l-unitajiet għas-sriedek tat-tismin b’densità ta’ iktar minn 25 kilogramma għal kull metru kwadru.

–      min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ art intiża għall-produzzjoni agrikola veġetali li tippermetti l-użu tad-demel.

2.      Nota talGrupp ta’ Esperti tal2021

65.      Fl‑2021, il-Kummissjoni stiednet grupp ta’ esperti sabiex jiddefinixxu, fost l-oħrajn, il-kriterji tar-restrizzjoni fuq l-użu ta’ fertilizzanti ta’ ċerti oriġini, li jimplika li tiġi ppreċiżata l-portata tat-“trobbija industrijali tal-annimali”. Fin-nota ppubblikata minn dan il-grupp (42), ġie ddikjarat li huma ma kinux f’pożizzjoni li jagħtu definizzjoni preċiża, iżda li l-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett setgħet issir bl-użu ta’ sensiela ta’ indizji jew ta’ kriterji li jindikaw jekk teżistix jew ma teżistix trobbija industrijali tal-annimali.

66.      Fost il-kriterji li jipprovaw l-eżistenza ta’ trobbija industrijali tal-annimali, in-Nota EGTOP 2021 issemmi dawn li ġejjin: it-trobbija tal-annimali fil-gaġeġ (tjur, fniek, eċċ.); is-sistemi li jipprevjenu lill-annimali milli jiċċaqilqu, li jduru 360 grad; is-sistemi ta’ trobbija tal-annimali mingħajr art; l-annimali maħsuba għall-produzzjoni tal-pelliċerija; id-densità ta’ annimali fl-istrutturi tal-ikel (bwieqi) ogħla minn ċertu limitu; il-kundizzjonijiet relatati mal-benesseri tal-annimali (sistemi ta’ akkomodazzjoni, art solida, dawl, eċċ.); l-azjendi li jinvolvu trasport fuq distanzi twal; l-użu preventiv tal-antibijotiċi; l-użu ta’ għalf b’organiżmi ġenetikament immodifikati.

67.      Bħala kriterji biex jitqies li l-azjenda għat-trobbija tal-annimali konvenzjonali ma twettaqx trobbija industrijali tal-annimali, in-Nota EGTOP 2021 telenka dawn li ġejjin: it-trobbija fil-beraħ; il-konformità mal-iskemi ta’ kwalità (bħal Label Rouge, Compassion in World Farming, sistemi nazzjonali ta’ kwalità, eċċ.) jew ma sistemi tal-bejgħ fl-azjenda u ta’ ċertifikazzjoni territorjali (denominazzjoni ta’ oriġini protetta, indikazzjoni ġeografika protetta); l-użu ristrett tal-antibijotiċi b’mod simili għal dak tat-trobbija tal-annimali organika; il-preżenza ta’ materjali tal-mifrex ta’ oriġini veġetali biex jiżdied il-kontenut organiku tal-ħamrija; il-limitazzjoni tad-densità tal-annimali fl-istazzjonijiet tal-għalf u ħwat; il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-benesseri tal-annimali; l-użu ta’ materja prima lokali.

3.      Testi oħra u lapproċċ tarrisposta talQorti talĠustizzja

68.      Minbarra ż-żewġ testi preċedenti, jeżistu dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jagħmlu riferiment għal azjendi industrijali tal-annimali. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92/UE (43), li jissuġġetta għal stima tal-impatt ambjentali l-proġetti msemmija fl-Anness I, fosthom (punt 17) ċerti “[s]tallazzjoni għat-tkabbir [trobbija] intensiv tat-tjur jew tal-ħnieżer (44).”

69.      Kif ġie espost waqt is-seduta, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92 huwa l-proċeduri ta’ evalwazzjoni ambjentali, iżda dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jservu bħala indizji (approssimattivi) sabiex tiġi ddeterminata n-natura industrijali tal-azjendi rispettivi (45).

70.      Abbażi ta’ dawn il-punti ta’ riferiment, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lill-qorti tar-rinviju ċerti indikazzjonijiet, ta’ natura indikattiva, dwar liema effluwenti mit-trobbija tal-annimali huma ammissibbli fl-agrikoltura organika, peress li ma joriġinawx minn azjenda industrijali.

71.      Jistgħu jiġu distinti tliet tipi ta’ effluwenti: a) dawk li joriġinaw minn trobbija tal-annimali organika; b) dawk li joriġinaw minn trobbija tal-annimali konvenzjonali, estensiva jew mhux industrijali; u ċ) dawk li ġejjin mit-trobbija industrijali tal-annimali.

a)      Effluwenti li ġejjin mittrobbija talannimali organika

72.      Ir-Regolament 2018/848 jimponi fuq l-agrikoltura organika l-użu preferenzjali ta’ demel u fertilizzanti oħra li joriġinaw mit-trobbija tal-annimali organika (il-punt 1.9.2(c) tal-Parti I tal-Anness II).

73.      Tali demel u fertilizzanti ma jistgħux jiġu mit-trobbija industrijali tal-annimali, peress li ma tistax tiġi kklassifikata bħala produzzjoni mit-trobbija tal-annimali organika skont ir-Regolament 2018/848 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu.

b)      Effluwenti li ġejjin mittrobbija talannimali konvenzjonali estensiva jew mhux industrijali

74.      Kif diġà spjegajt, l-Artikolu 24(1) tar-Regolament 2018/848 jippermetti, bħala eċċezzjoni, li l-Kummissjoni tawtorizza ċerti prodotti u sustanzi bħal fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija u nutrijenti maħsuba għall-użu fil-produzzjoni organika permezz ta’ sistema ta’ listi ristretti.

75.      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 jelenka, fl-Anness II tiegħu, dawn il-prodotti u dawn is-sustanzi. It-tielet paragrafu ta’ dan l-anness jippreċiża li t-tnejn li huma “jistgħu jintużaw biss skont l-ispeċifikazzjonijiet u r-restrizzjonijiet tal-użu ta’ dawk il-leġiżlazzjonijiet rispettivi tal-Unjoni u nazzjonali.” Huwa jżid, bħala restrizzjoni addizzjonali għall-agrikoltura organika, l-impossibbiltà li jintużaw effluwenti li jiġu minn trobbija industrijali tal-annimali.

76.      Fil-qosor, din il-lista tawtorizza li, għall-produzzjoni organika tal-pjanti, jintużaw il-fertilizzanti u d-demel li joriġina minn trobbija tal-annimali konvenzjonali (li ma hijiex organika) mhux industrijali.

77.      Fi ħdan it-trobbija tal-annimali konvenzjonali mhux industrijali, ma niddubitax li hemm it-trobbija tal-annimali konvenzjonali estensiva, b’tali mod li l-effluwenti tagħha jistgħu jintużaw skont l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165.

78.      Għad-determinazzjoni ta’ xi tfisser trobbija tal-annimali estensiva huma utli l-Gwida tal-Kummissjoni tal‑1995, li tirreferi, fir-rigward tal-annimali tal-ifrat, għall-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 2328/91 (46), kif ukoll il-kriterji msemmija mill-Kummissjoni għat-tipi l-oħra ta’ annimali, skont diversi regolamenti tal-Unjoni.

79.      Iktar kumplessa hija l-identifikazzjoni tal-kriterji applikabbli għall-kunċett ta’ trobbija tal-annimali konvenzjonali mhux industrijali. Dan il-kunċett jista’ jiġi dedott a contrario minn dak tat-trobbija industrijali tal-annimali, peress li kull trobbija industrijali tal-annimali ser tkun konvenzjonali, peress li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-produzzjoni organika tal-annimali.

c)      Effluwenti li ġejjin mittrobbija industrijali talannimali

80.      L-Anness II tar-Regolament 2021/1165 jipprojbixxi, nirrepeti, l-użu ta’ demel mit-trobbija industrijali tal-annimali fil-produzzjoni organika tal-pjanti. Għall-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar formulazzjoni, fid-dawl tal-Gwida tal-Kummissjoni tal‑1995 u tan-Nota EGTOP 2021, huma rilevanti l-kriterji kwalitattivi li ġejjin, li l-enumerazzjoni tagħhom ma hijiex eżawrjenti:

–      Is-sistema tat-trobbija tal-annimali. It-trobbija fil-gaġeġ, fil-kaxxi jew fil-pjattaformi hija karatteristika speċifika għat-trobbija industrijali tal-annimali (47) u t-trobbija fil-libertà tindika, bħala prinċipju, li l-produzzjoni tal-annimali ma hijiex industrijali.

–      Il-mobbiltà tal-annimali. L-użu ta’ sistemi li jipprevjenu lill-annimali milli jiċċaqilqu u jduru bi 360 grad huwa element ieħor speċifiku tat-trobbija industrijali tal-annimali. Naturalment, il-produzzjoni industrijali la tuża r-ragħa u lanqas it-transumanza, li huma prattiki tat-trobbija tal-annimali estensiva u tal-produzzjoni organika.

–      Id-disponibbiltà tal-art fl-azjenda għat-trobbija tal-annimali. Meta ma jkunx hemm art addizzjonali għal dik fl-interkjużura tal-azjenda, din tkun produzzjoni mit-trobbija tal-annimali mingħajr art, li hija ta’ natura industrijali, peress li l-għalf tal-annimali jiġi fornut minn barra u l-effluwenti tagħha ma jkunux jistgħu jiġu assorbiti mill-ħamrija mingħajr riskju. Madankollu, azjenda għat-trobbija tal-annimali li għandha art għandha tosserva erja minima għal kull annimal sabiex ma tkunx industrijali. Id-densità tvarja loġikament minn speċi għal oħra u għandha tiggarantixxi l-possibbiltà ta’ ksib ta’ parti mill-għalf għall-annimali u ta’ użu ta’ parti mill-effluwenti tagħha bħala fertilizzant.

–      Il-prattiki tat-trobbija tal-bhejjem u l-kundizzjonijiet tal-interkjużuri tal-azjenda għat-trobbija tal-annimali. Id-disponibbiltà tal-ħawt tax-xorb u tal-għalf għal kull annimal imrobbi u l-kundizzjonijiet relatati mal-benesseri tal-annimali (sistemi tal-akkomodazzjoni, art solida, dawl, eċċ.) huma rilevanti. L-użu ta’ sistemi kompletament bi gradilji jew b’paviment f’għamla ta’ gradilja minflok art solida huwa indikazzjoni ta’ trobbija industrijali tal-annimali, bħal ma hija l-assenza ta’ art xotta u bi friex li joriġina mill-pjanti bl-għan li fuqha jistrieħu l-annimali (48).

–      It-tip ta’ ikel tal-annimali. L-ikel li jkun ġej minn barra l-azjenda u li juża l-għalf hija karatteristika ta’ trobbija industrijali tal-annimali, l-istess bħalma hija l-assenza ta’ aċċess għar-ragħa jew għall-foraġġ bħala ikel.

–      Is-sistemi ta’ profilassi. L-użu ġġeneralizzat ta’ trattamenti preventivi abbażi ta’ ċerti prodotti mediċinali veterinarji jindika trobbija industrijali tal-annimali, fejn l-annimali jitrabbew b’mod iffullat u r-riskju ta’ epidemija huwa ogħla.

–      L-użu, ukoll iġġeneralizzat, kemm ta’ sustanzi maħsuba biex jistimulaw it-tkabbir jew il-produzzjoni, kif ukoll ta’ ormoni jew ta’ sustanzi simili għall-kontroll tar-riproduzzjoni jew għal skopijiet oħra (49).

81.      Kuntrarjament għal dak li jipproponi l-Gvern Franċiż, il-kriterju kwantitattiv tal-għadd ta’ annimali, separat miż-żona tal-azjenda, ma jidhirlix li huwa adattat sabiex jiddefinixxi, waħdu, it-trobbija industrijali tal-annimali. L-għadd ta’ annimali jista’ jkun indikazzjoni ta’ trobbija industrijali tal-annimali, iżda ma huwiex kriterju li jista’ jiġi applikat b’mod iżolat u lil hinn mill-kriterji kwalitattivi msemmija iktar ’il fuq.

82.      Mingħajr l-ebda dubju, il-punt 17 tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jistabbilixxi limiti għall-għadd ta’ annimali li jissuġġettaw lill-azjendi intensivi għat-trobbija tas-sriedek u tal-ħnieżer għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Iżda d-daqs kbir ta’ azjenda għat-trobbija tal-annimali ma jimplikax neċessarjament li din tkun industrijali, anki jekk ikollha bżonn ta’ artijiet imdaqqsa sabiex ma jkollhiex din in-natura (50). Dak li jista’ jkollha, fi kwalunkwe każ, azjenda agrikola kbira huwa impatt ambjentali għoli u huwa għalhekk li d-Direttiva 2011/92 teħtieġ evalwazzjoni tal-effetti tagħha fuq l-ambjent, li ma huwiex il-każ ta’ azjenda żgħira, anki jekk hija industrijali.

V.      Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, fir-rwol tiegħu bħala l-Qorti Suprema Amministrattiva) kif ġej:

“It-tielet paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 tal‑15 ta’ Lulju 2021 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–      Il-kunċett ta’ “produzzjoni (mit-trobbija tal-annimali) mingħajr art” huwa iktar limitat u ma huwiex ekwivalenti għal dak ta’ “trobbija industrijali ta’ annimali”, li jinkludi l-kunċett preċedenti. Fil-produzzjoni organika tal-pjanti la jistgħu jintużaw il-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija u n-nutrijenti li joriġinaw mit-trobbija industrijali tal-annimali u lanqas a fortiori dawk li joriġinaw minn produzzjoni (mit-trobbija tal-annimali) mingħajr art.

-      Sabiex trobbija tal-annimali tiġi kklassifikata bħala industrijali, għall-finijiet tat-tielet subparagrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, jistgħu jintużaw, fost oħrajn, il-kriterji kwalitattivi li ġejjin: is-sistema tat-trobbija tal-annimali, il-possibbiltajiet ta’ mobbiltà tagħhom, id-disponibbiltà ta’ artijiet fl-azjenda għat-trobbija tal-annimali u d-densità tal-annimali fuq dawn l-artijiet, il-prattiki tat-trobbija u l-kundizzjonijiet tal-interkjużuri tal-azjenda għat-trobbija tal-annimali, it-tip ta’ ikel tal-annimali, is-sistemi ta’ profilassi u l-użu ta’ sustanzi kimiċi sabiex jiżdied it-tkabbir jew tiġi kkontrollata r-riproduzzjoni.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Il-verżjoni Spanjola tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 tuża t-terminu “ganadería intensiva [trobbija intensiva tal-annimali]”, iżda l-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi jitkellmu dwar “trobbija industrijali tal-annimali.” Fil-konklużjonijiet tiegħi ser nuża t-terminu msemmi l-aħħar, peress li dawn iż-żewġ kunċetti huma ekwivalenti fil-kuntest ta’ dan ir-regolament.


3      Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU 2018, L 150, p. 1, u r-rettifiki fil-ĠU 2018, L 270. P. 37, fil-ĠU 2019, L 305, p. 59, fil-ĠU 2020, L 439, p. 32, fil-ĠU2021, L 7, p. 53, fil-ĠU 2021, L 204, p. 47, fil-ĠU 2021, L 318, p. 5 u fil-ĠU 2022, L 321, p. 74).


4      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 tal‑15 ta’ Lulju 2021 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom (ĠU 2021, L 253, p. 13 u rettifika fil-ĠU 2023, L 112, p. 50).


5      Is-sehem tal-artijiet agrikoli tal-Unjoni ddedikata għall-agrikoltura organika żdied b’iktar minn 50 % matul il-perijodu 2012–2020. Fl‑2020, 9.1 % taż-żona agrikola tal-Unjoni kienet ikkultivata b’mod organiku, perċentwali li l-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat, fl‑2021, li jrid jiżdied għal 25 % minn dik is-sena sal‑2030. Barra minn hekk, il-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti organiċi rdoppja fl-Unjoni bejn l‑2015 u l‑2020. Ara d-data tal-Market Brief on organic farming (ir-Rapport tas-Suq dwar l-Agrikoltura Organika] ippubblikat mill-Kummissjoni f’Jannar 2023, disponibbli fuq https://agriculture.ec.europa.eu/news/organic-farming-eu-decade-growth-2023-01-18_en#more.


6      L-azjendi agrikoli organiċi jeħtieġu materjal organiku biex jiffertilizzaw il-ħamrija. L-użu tad-demel kien il-mod tradizzjonali kif dan isir sal-użu ġenerali tal-fertilizzanti kimiċi, iżda dawn ma humiex permessi fl-agrikoltura organika, li s-sors ewlieni tal-fertilizzazzjoni tagħha jibqa’ d-demel.


7      L-azjendi organiċi għat-trobbija tal-annimali huma fil-biċċa l-kbira tagħhom estensivi, u dan jimplika li l-eskrementi tal-annimali huma fil-biċċa l-kbira mxerrda fuq il-post u l-ġbir tagħhom huwa impossibbli, bl-eċċezzjoni ta’ dawk akkumulati fil-binjiet li jservu bħala kenn għall-annimali. Għalhekk, id-disponibbiltà ta’ demel organiku hija limitata u ma hijiex biżżejjed biex tiġġenera fertilizzanti suffiċjenti għall-agrikoltura organika.


8      It-trobbija tal-annimali konvenzjonali tirreferi għall-produzzjoni tal-bhejjem li ma hijiex organika, jiġifieri li ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament 2018/848.


9      Guide de lecture pour l’application des règlements (CE) n°834/2007 […] et (CE) n° 889/2008 (il-Gwida għall-Qari għall-Applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 834/2007 u (KE) Nru 889/2008). Disponibbli fuq https://www.inao.gouv.fr/content/download/1352/13877/version/18/file/GUIDE-de-LECTURE-RCE-BIO%202020-01.pdf.


10      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal‑5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU 2008, L 250, p. 1).


11      Din hija organizzazzjoni professjonali li għandha l-għan li tiddefendi l-interessi kollettivi tal-produtturi tal-fertilizzanti organiċi.


12      Barra minn hekk, AFAÏA talbet li l-INAO jiġi ordnat jemenda l-Gwida għall-qari fi żmien xahar min-notifika tad-deċiżjoni tiegħu u li din tkun akkumpanjata b’miżuri ta’ pubbliċità sabiex jispjega li l-interpretazzjoni l-ġdida dwar id-definizzjoni tad-demel mit-trobbija tal-annimali ma kinitx iktar applikabbli u ma kinitx fis-seħħ.


13      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat‑28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 68, p. 61 u fil-ĠU 2014, L 300, p. 72).


14      Mill-punt 3 ta-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-INAO qiegħed online, fuq is-sit internet tiegħu, Gwida għall-qari ġdida, applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2022, li tirriproduċi, fil-punt 192 tagħha, l-interpretazzjoni preċedenti tal-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali”.


15      Hija tenfasizza li l-kunċett jinsab fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, b’mod partikolari fil-verżjoni Ingliża, iżda li l-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Olandiża u Portugiża jirriproduċu, għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ “trobbija tal-annimali mingħajr art”.


16      Huwa ppreċiżat li dan huwa l-“prodott li jinkludi taħlita ta’ ħmieġ [eskrementi] ta’ l-annimali u materjal magħmul mill-ħxejjex (il-mifrex u l-materjal tal-għalf).”


17      F’dan l-aħħar każ, “użu wara fermentazzjoni kkontrollata u/jew dilwizzjoni xierqa” huwa permess, iżda tinżamm il-projbizzjoni tal-oriġini mit-trobbija industrijali tal-annimali.


18      Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 21 sa 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19      Kif jirriżulta mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha. Sentenzi tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289), punt 31; tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK/Danmark u HK/Privat (C‑87/20, EU:C:2022:419), punt 25; u tat‑30 ta’ Marzu 2023, Hauptpersonalrat der Lehrerinnen und Lehrer (C‑34/21, EU:C:2023:270), punt 40.


20      Jiġifieri, konformement mas-sens abitwali tal-kunċett fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha. Sentenzi tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289), punt 32; tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK/Danmark u HK/Privat (C‑587/20, EU:C:2022:419), punt 26; tat‑30 ta’ Marzu 2023, Hauptpersonalrat der Lehrerinnen und Lehrer (C‑34/21, EU:C:2023:270), punt 41; u tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC – Que choisir u CLVC (C‑407/21, EU:C:2023:449), punt 24.


21      L-espressjoni trobbija industrijali tal-annimali hija użata mill-verżjoni Franċiża (“provenance d’élévage industriel interdite”), minn dik Ingliża (“factory farming origin forbidden”), minn dik Taljana (“proibito se proveniente da allevamenti industriali”), minn dik Rumena (“proveniența din ferme industriale este interzisă”), minn dik Ġermaniża (“Erzeugnis darf nicht aus industrieller Tierhaltung stammen”), minn dik Pollakka (“Zakazane są produkty pochodzące z chowu przemysłowego ”) jew minn dik Litwana (“medžiagos, gautos pramoninės žemdirbystės būdu, draudžiamos”).


22      Il-verżjoni Bulgara (“забранен е произходът от интензивни животновъдни стопанства”), dik Spanjola (“prohibida la procedencia de ganaderías intensivas”) u dik Griega (“η προέλευση από εντατικοποιημένη εκτροφή απαγορεύεται”) jirreferu għal trobbija tal-annimali intensiva.


23      Il-verżjoni Ċeka (“Nesmí pocházet z velkochovu”) tirreferi għal trobbija tal-annimali fuq skala kbira.


24      Il-verżjoni Daniża (“ikke fra jordløst husdyrbrug”), dik Olandiża (“Het product mag niet afkomstig zijn van niet-grondgebonden veehouderij”) u dik Portugiża (“Proibidos os produtos provenientes das explorações pecuárias ‘sem terra’”) jirreferu għal trobbija tal-annimali mingħajr art.


25      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799), punt 43.


26      Sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas (C‑372/88, EU:C:1990:140), punt 18, u tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63), punt 65.


27      Eżempju ta’ ażjenda ta’ trobbija industrijali tal-annimali jista’ jkun dak tal-hekk imsejħa rziezet makro (irziezet fabbrika), li huma kkaratterizzati mill-konċentrazzjoni ta’ numru kbir ta’ annimali f’azjenda li ma jkollhiex erja biżżejjed sabiex tipproduċi l-għalf tagħha u sabiex tassorbi mingħajr riskju l-eskrementi tagħhom.


28      Jiġifieri, meta l-bidwi li biħsiebu jrabbi annimali b’mod organiku ma jamministrax erja agrikola, u ma jkollux ftehim ta’ kooperazzjoni bil-miktub ma’ bidwi f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ unitajiet ta’ produzzjoni organika għall-annimali.


29      Għal darba oħra, l-irziezet makro ddedikati għat-trobbija tal-ħnieżer jew tas-sriedek huma eżempju ta’ dan it-tip ta’ trobbija tal-annimali, li hija, fl-istess ħin, intensiva u mingħajr art.


30      Meta d-densità tal-annimali għal kull ettaru tkun għolja ħafna, l-għalf jiġi pprovdut minn barra u jista’ jkun ġenetikament immodifikat u l-art ma jkollhiex il-kapaċità li tassorbi mingħajr riskju l-effluwenti tal-annimali mrobbija.


31      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 tal‑24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 39).


32      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2328/91 tal‑15 ta’ Lulju 1991 dwar it-titjib tal-effiċjenza tal-istrutturi tal-agrikoltura (ĠU 1991, L 218, p. 1) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-Artikolu 6(5) tiegħu, l-għajnuna għall-investimenti fis-settur tal-produzzjoni taċ-ċanga u tal-vitella, bl-eċċezzjoni tal-għajnuniet għall-ħarsien tal-ambjent, “għandha tkun limitata għall-azjendi għat-trobbija tal-annimali li d-densità tal-annimali tal-ifrat tagħhom għal-laħam ma taqbiżx, fl-aħħar tal-pjan, tliet unitajiet ta’ bhejjem kbar (UGM) għal kull ettaru ta’ żona totali tal-mergħa ddedikata għall-ikel ta’ dawk l-annimali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


33      “Il-produzzjoni organika hija sistema globali ta’ ġestjoni tal-azjendi agrikoli u l-produzzjoni tal-ikel li tikkombina l-aħjar prattiki ambjentali u tal-azzjonijiet klimatiċi, livell għoli ta’ bijodiversità, il-preservazzjoni ta’ riżorsi naturali u l-applikazzjoni ta’ standards għoljin ta’ trattament xieraq tal-annimali u standards għoljin ta’ produzzjoni f’konformità mad-domanda dejjem tikber minn għadd ta’ konsumaturi għal prodotti li jiġu prodotti minn sustanzi u proċessi naturali […].”


34      “L-osservanza ta’ standards għoljin għas-saħħa, l-ambjent u l-benessri tal-annimali fil-produzzjoni ta’ prodotti organiċi hija marbuta intrinsikament mal-kwalità għolja ta’ dawk il-prodotti […].”


35      Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335), punti 63 u 64; u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et (C‑36/19, EU:C:2020:1031), punti 41 u 42.


36      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Feuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (C‑497/17, EU:C:2019:137), punt 38.


37      Sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Natumi (C‑815/19, EU:C:2021:336), punti 70 u 71: “[…] r-Regolament 2018/848 u l-imsemmi abbozz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, inkluż l-annessi tiegħu, […] juru […] żvilupp fil-qasam tal-ikel organiku, li għandu tendenza li jillimita ż-żieda ta’ elementi mhux organiċi fil-prodotti tal-ikel organiċi.”


38      Skont din l-informazzjoni, 75 % tad-demel tal-ħnieżer u 40 % tad-demel tat-tjur joriġina minn azjendi konvenzjonali għat-trobbija tal-annimali mhux industrijali.


39      Il-Qorti tal-Ġustizzja, evidentement, ma hijiex l-aħjar istituzzjoni sabiex tirregola x’għandu jinftiehem bi trobbija industrijali tal-annimali, fl-assenza ta’ studji tal-impatt li jippermettu li jiġu identifikati l-konsegwenzi ta’ għażla jew ta’ għażla oħra, u lanqas ma għandha esperti intiżi f’dan is-settur. Waqt is-seduta l-Kummissjoni indikat li kienu fis-seħħ xogħlijiet intiżi għall-elaborazzjoni ta’ dispożizzjoni li tippreċiża dan il-kunċett.


40      Guidelines for the use of livestock excrements in organic farming (Annex II, part A, to Regulation (EEC) Nº2092/91) [Linji gwida għall-użu tal-eskrementi tal-bhejjem fl-agrikoltura organik] disponibbli fuq https://www.phosphorusplatform.eu/images/download/Commission%20EU%20COM%20Guidelines%20excrements%20organic%20farming%20-%20Factory%20Farming%20VI568495-EN%20Rev5PPQPPEN955684R5.pdf


41      Il-Gwida kienet tindika li, għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti mingħajr restrizzjoni l-użu tad-demel li joriġina minn trobbija tal-annimali estensiva, minħabba r-riskju żgħir li jkun fih residwi mhux mixtieqa, billi jintuża bħala għalf u f’mergħat u billi jintuża metodu ta’ rkupru tal-eskrementi (bħala prinċipju, taħlita ta’ tiben u demel tal-annimali fil-bini tal-azjenda) li jwassal għal ċerta degradazzjoni tal-materjal organiku.


42      Expert Group for Technical Advice on Organic Production (EGTOP), Factory Farming (the use of fertilisers from conventional animal husbandry in organic plant and algae production). Final Report, Mejju 2021, disponibbli fuq https://agriculture.ec.europa.eu/system/files/2021-12/egtop-report-on-factory-farming_en_0.pdf . Iktar ’il quddiem in-“Nota EGTOP 2021”.


43      Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2012, L 18, p. 7, u fil-ĠU 2015, L 174, p. 44).


44      Huma meqjusa bħala tali dawk li għandhom iktar minn: a) 85 000 post għas-sriedek, 60 000 post għat-tiġieġ; b) 3 000 post għal ħnieżer tas-simna (ta’ iktar minn 30 kg), jew ċ) 900 post għall-majjali.


45      Ara, madankollu, il-punt 82 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Skontha, l-għajnuna mogħtija għal investimenti fis-settur tal-produzzjoni tal-laħam taċ-ċanga, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent, għandha tkun limitata għall-azjendi għat-trobbija tal-annimali li d-densità tagħhom ta’ annimali tal-ifrat tal-laħam ma taqbiżx, fl-aħħar tal-pjan, żewġ unitajiet ta’ bhejjem kbar (LSU) għal kull ettaru ta’ żona tal-mergħa (ir-rati massimi tad-densità tat-trobbija ta’ 3 LSU/Ha. u ta’ 2.5 LSU/Ha. rispettivament għall‑1994 u l-1995) iddedikati għall-ikel ta’ dawn l-annimali. L-Anness 1 tar-Regolament Nru 2328/91 fih it-tabella għall-konverżjoni ta’ annimali tal-ifrat, ekwini, ovini u kaprini f’unitajiet kbar ta’ bhejjem (LSU) imsemmija fl-Artikoli 6(5) u 19(1)(a) ta’ dan ir-regolament: barrin, baqar u annimali tal-ifrat oħra ta’ iktar minn sentejn, ekwidi ta’ iktar minn 6 xhur = 1.0 LSU; annimali bovini ta’ bejn 6 xhur u sentejn = 0.6 LSU; nagħaġ = 0.15 LSU; u mogħoż = 0.15 LSU.


47      Il-punt 1.6.8 tal-Anness II tar-Regolament 2018/848 jipprovdi li, fit-trobbija tal-annimali organika, “[g]aġeġ, kaxxi u pjattaformi ċatti biex jitrabbew il-bhejjem ma jistgħu jintużaw għall-ebda speċi ta’ bhejjem.”


48      Infakkar li, skont il-Gwida għall-qari tal-INAO, id-demel li “li ġej minn annimali li jitrabbew f’sistemi b’paviment f’għamla ta’ gradilja u/jew kompletament bi gradilji u li jaqbeż il-limiti ddefiniti fl-Anness I tad-Direttiva 2011/92/UE” u dak “li ġej minn annimali li jitrabbew f’gaġeġ u li jaqbżu” l-istess limiti huma esklużi.


49      Il-punti 1.5.1.3 u 1.5.1.4 tal-Anness II tar-Regolament 2018/848 jipprojbixxu l-użu ta’ dawn il-prodotti fit-trobbija tal-annimali organika.


50      Kif indikat AFAÏA waqt is-seduta, azjenda għat-trobbija tal-ħnieżer ma tkunx ikkunsidrata industrijali meta, pereżempju, ikollha iktar minn 900 post għall-ħnieżer nisa għat-tgħammir u lanqas ma hija industrijali meta jkollha 899 post, kif jirriżulta mill-applikazzjoni tal-limiti fl-Anness I tad-Direttiva 2011/92. Azjenda estensiva għat-trobbija tal-ħnieżer b’iktar minn 900 ħanżira Iberika mrobbija f’mergħa kbira f’Extremadura (Spanja) jew Alentejo (il-Portugall) ma tikkostitwixxix trobbija industrijali tal-annimali. Għall-kuntrarju, azjenda li trabbi 800 ħanżira tat-trobbija f’azjenda mingħajr art tista’ tkun industrijali, anki jekk ma teħtieġx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.