Language of document : ECLI:EU:C:2014:2411

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Rinviju preliminari — Kompetizzjoni — Artikolu 101 TFUE — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Ftehim kollettiv ta’ xogħol — Dispożizzjoni li tipprevedi tariffi minimi għall-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom — Kunċett ta’ ‘impriżi’ — Kunċett ta’ ‘ħaddiem’”

Fil-Kawża C‑413/13,

Li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof te ʼs‑Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

FNV Kunsten Informatie en Media

vs

Staat der Nederlanden,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President ta’ Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-FNV Kunsten Informatie en Media, minn R. Duk, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M.K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Müller, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Ronkes Agerbeek u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-FNV Kunsten Informatie en Media (iktar ’il quddiem il-“FNV”), federazzjoni sindakali, u l-iStaat der Nederlanden fir-rigward tal-fondatezza ta’ dokument ta’ riflessjoni li bih in-Nederlandse Mededingingsautoriteit (awtorità tal-Kompetizzjoni Olandiża, iktar ’il quddiem in-“NMa”) irrilevat li d-dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol li tipprevedi tariffi minimi għal fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-ftehim kollettiv ta’ xogħol (Wet op de collectieve arbeidsovereenkomst) jipprovdi:

“1. Ftehim kollettiv ta’ xogħol ifisser il-ftehim, konkluż minn persuna li timpjega waħda jew diversi jew assoċjazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw waħda jew diversi li jkollhom kapaċità legali sħiħa u assoċjazzjoni ta’ ħaddiema waħda jew diversi li jkollha kapaċità legali sħiħa, li jirregola prinċipalment jew esklużivament il-kundizzjonijiet ta’ xogħol li għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-kuntratti ta’ xogħol.

2. Dan jista’ jikkonċerna wkoll lill-impriżi ta’ xogħlijiet u l-ftehim ta’ xogħlijiet. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi dwar il-kuntratti ta’ xogħol, l-impjegati u l-ħaddiema japplikaw mutatis mutandis.”

4        L-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il-kompetizzjoni (Mededingingswet, iktar ’il quddiem il-“Mw”), li l-kliem tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 101(1) TFUE, jipprovdi:

“Huma pprojbiti l-ftehimiet bejn impriżi, id-deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet tal-impriżi u l-prattiċi miftiehma, li għandhom bħala suġġett jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi kollu kemm hu jew f’parti minnu.”

5        Skont l-Artikolu 16(a) tal-Mw:

“L-Artikolu 6(1) ma għandux japplika:

a)      għal ftehim kollettiv ta’ xogħol bħal dak imsemmi fl-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar il-ftehim kollettiv ta’ xogħol”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Hekk kif jirriżulta mill-proċess, il-fornituri li jaħdmu għal rashom tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom id-dritt li jissieħbu fil-Pajjiżi l-Baxxi ma’ kull assoċjazzjoni sindakali, ta’ min iħaddem jew professjonali. Konsegwentement, skont il-Liġi dwar il-ftehim kollettiv ta’ xogħol, il-federazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema jistgħu jikkonkludu ftehim kollettiv ta’ xogħol f’isem u għan-nom mhux biss tal-ħaddiema, iżda anki tal-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom li huma membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

7        Matul l-2006 u 2007, il-FNV u n-Nederlandse toonkunstenaarsbond (assoċjazzjoni Olandiża tal-mużiċisti), assoċjazzjoni ta’ ħaddiema, minn naħa, u l-Vereniging van Stichtingen Remplaçanten Nederlandse Orkesten (federazzjoni tal-fondazzjonijiet ta’ sostituti ta’ orkestri Olandiża), assoċjazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw, min-naħa l-oħra, kkonkludew ftehim kollettiv ta’ xogħol dwar il-mużiċisti li jissostitwixxu lill-membri ta’ orkestra (iktar ’il quddiem is-“sostituti”).

8        Dan il-ftehim kollettiv ta’ xogħol kien jimponi, b’mod partikolari, tariffi minimi mhux biss għas-sostituti impjegati fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol (iktar ’il quddiem is-“sostituti impjegati”), iżda anki għas-sostituti li jeżerċitaw l-attività tagħhom abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet u li ma jitqisux li huma “ħaddiema” fis-sens tal-ftehim stess (iktar ’il quddiem is-“sostituti li jaħdmu għal rashom”).

9        B’mod partikolari l-Anness 5 tal-imsemmi ftehim kollettiv ta’ xogħol kien jipprovdi li s-sostituti li jaħdmu għal rashom kellhom jirċievu mill-inqas it-tariffa tal-prattika u tal-kunċert miftiehma għas-sostituti impjegati, miżjuda b’16 %.

10      Fil-5 ta’ Diċembru 2007, in-NMa ppubblikat dokument ta’ riflessjoni li fih ikkonstatat li dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol li jipprevedi tariffi minimi għas-sostituti li jaħdmu għal rashom ma kienx jevita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Mw u tal-Artikolu 81(1) KE, skont is-sentenza Albany (C‑67/96, EU:C:1999:430). Fil-fatt, skont in-NMa, ftehim kollettiv ta’ xogħol li jirregola kuntratti ta’ xogħlijiet ikollu karattru mibdul u jikseb il-karatteristiċi ta’ ftehim interprofessjonali, peress li dan jiġi nnegozjat min-naħa sindakali minn organizzazzjoni li taġixxi, f’dan ir-rigward, mhux bħala assoċjazzjoni ta’ ħaddiema, iżda bħala assoċjazzjoni ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

11      Wara din l-adozzjoni ta’ pożizzjoni, l-assoċjazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw Vereniging van Stichtingen Remplaçanten Nederlandse Orkesten u l-assoċjazzjoni ta’ ħaddiema Nederlandse toonkunstenaarsbond itterminaw il-ftehim kollettiv ta’ xogħol u ma riedux jikkonkludu ftehim ġdid li fih kundizzjoni relattiva għat-tariffi minimi tas-sostituti li jaħdmu għal rashom.

12      Il-FNV ippreżentat rikors quddiem ir-Rechtbank Den Haag (Tribunal ta’ Den Haag) intiż, minn naħa, biex jiġi deċiż li l-liġi tal-kompetizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi u dik tal-Unjoni ma jipprekludux dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol li tobbliga lill-persuna li timpjega li tosserva tariffi minimi mhux biss għas-sostituti impjegati, iżda anki għas-sostituti li jaħdmu għal rashom u, min-naħa l-oħra, biex l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi jiġi ordnat ibiddel il-perspettiva espressa min-NMa fid-dokument ta’ riflessjoni tagħha.

13      Meta ġie ppreżentat dan ir-rikors quddiemha, ir-Rechtbank Den Haag irrilevat li tali dispożizzjoni ma kinitx tissodisfa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li jippermettu li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni skont is-sentenzi Albany (EU:C:1999:430), Brentjens’ (C‑115/97 sa C‑117/97, EU:C:1999:434), Drijvende Bokken (C‑219/97, EU:C:1999:437) u van der Woude (C‑222/98, EU:C:2000:475). Skont ir-Rechtbank Den Haag, l-iffissar ta’ tariffa prevista minn din id-dispożizzjoni għandu, l-ewwel nett, ikun ġie ġġenerat permezz tad-djalogu soċjali u jkun ġie konkluż taħt forma ta’ ftehim kollettiv bejn l-organizzazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw u l-organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema, u, it-tieni nett, għandu jikkontribwixxi direttament għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema. F’dan il-każ, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tikkontribwixxix direttament għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol tal-ħaddiema. Għal din ir-raġuni, ir-Rechtbank Den Haag ċaħad it-talbiet imressqa mill-FNV, mingħajr lanqas ma vverifikat jekk kinitx sodisfatta l-ewwel kundizzjoni meħtieġa minn din il-ġurisprudenza, dwar il-ħtieġa li, min-natura tagħha, id-dispożizzjoni inkwistjoni tkun iġġenerata permezz ta’ djalogu soċjali.

14      Il-FNV ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te ʼs‑Gravenhage (Qorti tal-Appell ta’ Den Haag), fejn qajmet motiv wieħed li jirrigwarda l-kwistjoni jekk il-projbizzjoni ta’ ftehim li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, tapplikax għal dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol li jipprevedi tariffi minimi għall-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom li jwettqu favur persuna li timpjega l-istess attività bħall-ħaddiema impjegati ta’ din il-persuna li timpjega.

15      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, filwaqt li kkwalifikat b’mod provviżorju s-sostituti li jaħdmu għal rashom bħala “sidien ta’ impriżi”, minħabba li d-dħul tagħhom jiddependi mill-inkarigi miksuba b’mod li jaħdmu għal rashom mis-suq tas-sostituti, li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ sostituti oħrajn u li jinvestu fi strumenti tal-mużika, madankollu l-qorti msemmija rrilevat li s-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali ma tirriżultax b’mod ċar la mit-Trattat u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol konkluż bejn assoċjazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw u assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema, li tipprevedi li l-persuni li jaħdmu għal rashom li jwettqu għal persuna li timpjega, abbażi ta’ ftehim ta’ xogħol, l-istess xogħol bħall-ħaddiema li jaqgħu taħt il-ftehim kollettiv ta’ xogħol għandhom jirċievu tariffa minima speċifika, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, peress li din id-dispożizzjoni tinsab fi ftehim kollettiv ta’ xogħol?

2)      F’każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda […], din id-dispożizzjoni hija b’hekk eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fil-każ li hija (b’mod partikolari) maħsuba sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jaqgħu taħt il-ftehim kollettiv ta’ xogħol, u f’dan ir-rigward huwa wkoll rilevanti jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol jkunux b’hekk mtejba direttament jew biss indirettament?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

17      Preliminarjament, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domandi magħmula. Fil-fatt, hekk kif tirrileva l-Gerechtshof te ʼs‑Gravenhage fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċerna sitwazzjoni purament interna u ma għandux effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju. Konsegwentement, l-Artikolu 101 TFUE ma japplikax fil-kawża prinċipali.

18      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti fil-kawża prinċipali kienu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni dirett ta’ dan id-dritt, sakemm id-dispożizzjonijiet imsemmija jkunu magħmula applikabbli mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk adottati mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, f’tali każijiet, skont ġurisprudenza stabbilita, jeżisti interess ċert tal-Unjoni Ewropea li, biex jiġu evitati differenzi f’interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti adottati mid-dritt tal-Unjoni jirċievu interpretazzjoni uniformi, indipendentement mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati fihom (sentenza Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 20).

19      Fir-rigward ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(1) tal-Mw jirriproduċi b’mod fidil il-kontenut essenzjali tal-Artikolu 101(1) TFUE. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu espressament l-intenzjoni li jarmonizza d-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali ma’ dak tal-Unjoni, fejn ried li l-imsemmi Artikolu 6(1) tal-Mw jirċievi interpretazzjoni strettament konformi ma’ dik tal-Artikolu 101(1) TFUE.

20      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula, anki jekk l-Artikolu 101(1) TFUE ma jirregolax direttament is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq id-domandi preliminari

21      Biż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol, li tipprevedi tariffi minimi għall-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom imsieħba ma’ waħda mill-organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema bil-kuntratt, li jwettqu għal persuna li timpjega, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet, l-istess attività bħall-ħaddiema impjegati ta’ din il-persuna li timpjega, tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm ċerti effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jkunu inerenti għall-ftehimiet kollettivi konklużi bejn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil persuni li jimpjegaw u lil ħaddiema, l-għanijiet ta’ politika soċjali mfittxija minn tali ftehimiet ikunu serjament kompromessi jekk l-imsieħba soċjali jkunu suġġetti għall-Artikolu 101(1) TFUE fit-tfittxija komuni ta’ miżuri intiżi għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol (ara s-sentenzi Albany, EU:C:1999:430, punt 59; International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 49; kif ukoll 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 50).

23      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehimiet konklużi fil-kuntest ta’ negozjati kollettivi bejn imsieħba soċjali fid-dawl ta’ tali għanijiet għandhom jitqiesu, minħabba n-natura u l-iskop tagħhom, li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara s-sentenzi Albany, EU:C:1999:430, punt 60; Brentjens’, EU:C:1999:434, punt 57; Drijvende Bokken, EU:C:1999:437, punt 47; Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punt 67; van der Woude, EU:C:2000:475, punt 22; kif ukoll AG2R Prévoyance, C‑437/09, EU:C:2011:112, punt 29).

24      Fil-kawża prinċipali, il-ftehim inkwistjoni ġie konkluż bejn organizzazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema b’kompożizzjoni mħallta, li nnegozjaw, b’mod konformi mad-dritt intern, mhux biss għas-sostituti impjegati, iżda wkoll għas-sostituti li jaħdmu għal rashom imsieħba magħhom.

25      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk in-natura u s-suġġett ta’ tali ftehim jippermettux li dan jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-imsemmija negozjati kollettivi bejn imsieħba soċjali u jekk jiġġustifikawx li jiġi eskluż, fil-parti li tikkonċerna t-tariffi minimi għas-sostituti li jaħdmu għal rashom, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

26      L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura tal-imsemmi ftehim, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan ġie konkluż taħt forma ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol. Madankollu, dan il-ftehim jikkostitwixxi, f’dak li jikkonċerna preċiżament id-dispożizzjoni tal-Anness 5 tiegħu dwar l-imsemmija tariffi minimi, ir-riżultat ta’ negozjar bejn organizzazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema li jirrappreżentaw ukoll interessi tas-sostituti li jaħdmu għal rashom, li jipprovdu servizzi lill-orkestri abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet.

27      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li jwettqu l-istess attività bħall-ħaddiema, fornituri bħall-imsemmija sostituti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu, fil-prinċipju, “impriżi”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, peress li joffru s-servizzi tagħhom b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni f’suq partikolari (sentenza Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 36 u 37) u jeżerċitaw l-attività tagħhom bħala kummerċjanti li jaħdmu għal rashom fil-konfront ta’ min iqabbadhom (ara s-sentenza Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, EU:C:2006:784, punt 45).

28      Minn dan jirriżulta li, hekk kif irrilevaw ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu u n-NMa fid-dokument ta’ riflessjoni tagħha, sa fejn organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-ħaddiema tipproċedi għal negozjati f’isem u għan-nom ta’ dawn il-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom li huma membri tagħha, hija ma taġixxix fil-kwalità tagħha bħala assoċjazzjoni sindakali u għalhekk bħala msieħeb soċjali, iżda topera, fir-realtà, bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi.

29      Għandu jingħad ukoll li, għalkemm it-Trattat jipprevedi djalogu soċjali, madankollu, dan ma jipprevedi ebda dispożizzjoni li tinkoraġġixxi, skont l-Artikoli 153 TFUE u 155 TFUE kif ukoll skont l-ewwel u r-raba’ ftehim dwar il-politika soċjali (ĠU 1992, C 191, p. 91), lill-fornituri li jaħdmu għal rashom biex jistabbilixxu tali djalogu mal-persuni li jimpjegaw li lilhom dawn jipprovdu servizzi abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet u, għalhekk, biex jikkonkludu ftehimiet kollettivi ma’ dawn il-persuni li jimpjegaw bil-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol tagħhom stess (ara, b’analoġija, is-sentenza Pavlov et, EU:C:2000:428, punt 69).

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn dan jirriżulta li dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn ġiet konkluża minn organizzazzjoni ta’ ħaddiema f’isem u għan-nom ta’ tal-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom li huma msieħba magħha ma tikkostitwixxix ir-riżultat ta’ negozjati kollettivi bejn imsieħba soċjali u ma tistax tiġi eskluża, minħabba n-natura tagħha, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

31      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tistax tipprekludi li tali dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol tista’ titqies ukoll li hija r-riżultat ta’ djalogu soċjali fl-ipoteżi fejn l-imsemmija fornituri ta’ servizzi, li nnegozja f’isem u għan-nom tagħhom is-sindakat, jikkostitwixxu fir-realtà “persuni li ma jaħdmux għal rashom verament”, jiġifieri fornituri li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-ħaddiema.

32      Fil-fatt, hekk kif enfasizzaw l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-FNV, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, ma huwiex dejjem faċli li fl-ekonomija attwali jiġi ddeterminat l-istatus ta’ impriża ta’ ċerti fornituri li jaħdmu għal rashom, bħas-sostituti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

33      F’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, fornitur ta’ servizzi jista’ jitlef il-kwalità tiegħu ta’ kummerċjant li jaħdem għal rasu, u għalhekk ta’ impriża, meta dan ma jiddeterminax l-aġir tiegħu fis-suq b’mod awtonomu, iżda jiddependi b’mod sħiħ fuq min iqabbdu, minħabba l-fatt li dan ma jerfa’ ebda wieħed mir-riskji finanzjarji u kummerċjali li jirriżultaw mill-attività ta’ dan tal-aħħar u jopera bħala awżiljarju integrat fl-impriża tal-imsemmija persuna li tqabbad (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, EU:C:2006:784, punti 43 u 44).

34      Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi huwa stess iddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol, b’kunsiderazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-persuni kkonċernati. F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-karatteristiċi essenzjali ta’ din ir-relazzjoni hija l-fatt li persuna twettaq, matul perijodu ta’ żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li b’korrispettiv tagħhom hija tirċievi remunerazzjoni (ara s-sentenzi N., C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Haralambidis, C‑270/13, EU:C:2014:2185, punt 28).

35      Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-kwalifika bħala “fornitur li jaħdem għal rasu”, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, ma jeskludix li persuna għandha tiġi kkwalifikata bħala “ħaddiem”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jekk il-fatt li dan jaħdem għal rasu huwa biss fittizju, u b’hekk fir-realtà jaħbi relazzjoni ta’ xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Allonby, C‑256/01, EU:C:2004:18, punt 71).

36      Isegwi li l-istatus ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax jintlaqat mill-fatt li persuna kienet imqabbda bħala fornitur ta’ servizzi li jaħdem għal rasu fir-rigward tad-dritt nazzjonali, għal raġunijiet fiskali, amministrattivi jew burokratiċi, sakemm din il-persuna taġixxi taħt id-direzzjoni tal-persuna li timpjegaha, f’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-libertà tagħha li tagħżel il-ħin, il-post u l-kontenut tax-xogħol tagħha (ara s-sentenza Allonby, EU:C:2004:18, punt 72), li din ma terfax fir-riskji kummerċjali ta’ din il-persuna li timpjega (sentenza Agegate, C‑3/87, EU:C:1989:650, punt 36) u li din tiġi integrata fl-impriża tal-imsemmija persuna li timpjega matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, u tifforma unità ekonomika magħha (ara s-sentenza Becu et, C‑22/98, EU:C:1999:419, punt 26).

37      Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, sabiex is-sostituti li jaħdmu għal rashom inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati mhux bħala “ħaddiema”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, iżda bħala “impriżi” reali, fis-sens ta’ dan id-dritt, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika li, lil hinn min-natura legali tal-kuntratt ta’ xogħlijiet tagħhom, dawn is-sostituti ma jinsabux fil-kundizzjonijiet indikati fil-punti 33 sa 36 ta’ din is-sentenza u li, b’mod partikolari, dawn ma jinsabux f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni mal-orkestra kkonċernata matul ir-relazzjoni kuntrattwali, u b’hekk ikollhom iktar awtonomija u flessibbiltà mill-ħaddiema li jeżerċitaw l-istess attività, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni taż-żmien, tal-post u tal-metodi ta’ eżekuzzjoni tal-inkarigi fdati, jiġifieri l-prattika u l-kunċerti.

38      It-tieni nett, fir-rigward tal-għan tal-ftehim kollettiv ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza hija ġġustifikata, fuq dan il-punt, biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha tikkwalifika lis-sostituti inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhux bħala “impriżi” iżda bħala “persuni li ma jaħdmux għal rashom verament”.

39      B’dan ippreċiżat, għandu jiġi rrilevat li s-sistema tat-tariffi minimi stabbilita permezz tal-Anness 5 tal-ftehim kollettiv ta’ xogħol tikkontribwixxi direttament għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol tas-sostituti msemmija, ikkwalifikati bħala “persuni li ma jaħdmux għal rashom verament”.

40      Fil-fatt, tali sistema mhux biss tiżgura lil dawn il-fornituri remunerazzjoni bażika ogħla meta mqabbla ma’ dik li kienu jibbenefikaw minnha fin-nuqqas tad-dispożizzjoni msemmija, iżda, hekk kif ġie kkonstatat mill-qorti tar-rinviju, tippermetti wkoll li titħallas kontribuzzjoni għal assigurazzjoni marbuta mal-pensjoni li tikkorrispondi għall-parteċipazzjoni fl-iskema tal-irtirar stabbilita għall-ħaddiema, billi jiġu żgurati lilhom il-mezzi neċessarji biex ikunu jistgħu jibbenefikaw fil-ġejjieni minn ċertu livell ta’ pensjoni.

41      Konsegwentement, id-dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol sa fejn din tistabbilixxi tariffi minimi għal fornituri ta’ servizzi li jikkostitwixxu “persuni li ma jaħdmux għal rashom verament” ma tistax tkun suġġetta, minħabba n-natura u l-iskop tagħha, għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

42      Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi tariffi minimi għall-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom, imsieħba ma’ waħda mill-organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema bil-kuntratt, li jwettqu għal persuna li timpjega, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet, l-istess attività bħall-ħaddiema ta’ din il-persuna li timpjega, ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, biss jekk dawn il-fornituri jikkostitwixxu “persuni li ma jaħdmux għal rashom verament”, jiġifieri fornituri li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-ħaddiema msemmija. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi tariffi minimi għall-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom, imsieħba ma’ waħda mill-organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema bil-kuntratt, li jwettqu għal persuna li timpjega, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet, l-istess attività bħall-ħaddiema ta’ din il-persuna li timpjega, ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE biss jekk dawn il-fornituri jikkostitwixxu “persuni li ma jaħdmux għal rashom verament”, jiġifieri fornituri li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-ħaddiema msemmija. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.