Language of document : ECLI:EU:C:2022:202

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Marzu 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Servizzi postali – Sistema ta’ tarifikazzjoni adottata minn fornitur ta’ servizz universali – Multa imposta minn awtorità regolatorja nazzjonali tas-settur postali – Multa imposta minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Eżistenza tal-istess reat – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet – Kundizzjonijiet – Tfittxija ta’ għan ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑117/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Brussell (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Marzu 2020, fil-proċedura

bpost SA

vs

Autorité belge de la concurrence,

fil-preżenza ta’:

Publimail SA,

Il-Kummissjoni Ewropea

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe (Relatriċi), C. Lycourgos, E. Regan, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, T. von Danwitz, A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Marzu 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal bpost SA, minn J. Bocken, S. Gnedasj, K. Verbouwe u S. Mathieu, avocats,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux kif ukoll minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn P. Vernet u E. de Lophem, avocats,

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn J. Möller u S. Heimerl, sussegwentement minn J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn I. Gavrilova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn L. Kotroni, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn K. Pommere u V. Kalniņa, sussegwentement minn K. Pommere, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Wiącek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, R. I. Haţieganu u A. Wellman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. van Vliet u P. Rossi kif ukoll minn A. Cleenewerck de Crayencour u F. van Schaik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn bpost SA u l-Autorité belge de la concurrence (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana), li ssuċċediet lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Awtorità tal-Kompetizzjoni”, dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li permezz tagħha bpost ġiet ikkundannata tħallas multa talli wettqet abbuż minn pożizzjoni dominanti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 52, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 225, p. 49), għandha bħala suġġett il-liberalizzazzjoni gradwali tas-suq tas-servizzi postali.

4        Il-premessi 8 u 41 tad-Direttiva 97/67 huma fformulati kif ġej:

“(8)      Billi miżuri li jfittxu li jiżguraw il-liberalizzazzjoni bil-mod u kkontrollata tas-suq u li jiżguraw bilanċ adattat fl-applikazzjoni tiegħu huma meħtieġa sabiex jiggarantixxu,mal-[Unjoni Ewropea] kollha, u bla ħsara għall-obbligi u drittijiet tal-fornituri tas-servizz universali l-forniment ħieles ta’ servizzi fis-settur postali nnifsu;

[…]

(41)      Billi din id-Direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat, u b’mod partikolari r-regoli tiegħu dwar il-kompetizzjoni u l-libertà li jiġu provduti servizzi”.

5        L‑Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li t-tariffi għal kull wieħed mis-servizzi li jagħmlu parti mill-forniment ta’ servizz universali jkunu trasparenti u nondiskriminatorji.

 Id-dritt Belġjan

6        L-Artikoli 144 bis u 144 ter tal-loi du 21 mars 1991 portant réforme de certaines entreprises publiques économiques (il-Liġi tal‑21 ta’ Marzu 1991 dwar ir-Riforma ta’ Ċerti Impriżi Kummerċjali Pubbliċi) (Moniteur belge tas‑27 ta’ Marzu 1991, p. 6155), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jittrasponu fl-ordinament ġuridiku Belġjan l-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67.

7        L-Artikolu 3 tal-loi du 10 juin 2006 sur la protection de la concurrence économique (il‑Liġi tal‑10 ta’ Ġunju 2006 dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni Ekonomika) (Moniteur belge tad‑29 ta’ Ġunju 2006, p. 32755), ikkoordinata bid-Digriet Irjali tal‑15 ta’ Settembru 2006 (Moniteur belge tad‑29 ta’ Settembru 2006, p. 50613), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni”), jipprovdi:

“Huwa pprojbit, mingħajr ma tkun neċessarja deċiżjoni minn qabel għal dan il-għan, il-fatt li impriża waħda jew iktar jisfruttaw b’mod abbużiv pożizzjoni dominanti fis-suq Belġjan ikkonċernat jew f’parti sostanzjali minnu.

Dawn il-prattiki abbużivi jistgħu b’mod partikolari jinkonsistu fi:

1°      jiġu imposti b’mod dirett jew indirett prezzijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ jew kundizzjonijiet oħra ta’ tranżazzjoni inġusti;

2°      jillimitaw il-produzzjoni, is-swieq jew l-iżvilupp tekniku għad-dannu tal-konsumaturi;

3°      jiġu applikati fir-rigward ta’ msieħba kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal tranżazzjonijiet ekwivalenti, billi minħabba dan il-fatt jiġi impost fuqhom żvantaġġ fil-kompetizzjoni;

4°      li l-konklużjoni ta’ kuntratti tkun suġġetta għall-aċċettazzjoni, mill-imsieħba, ta’ tranżazzjonijiet supplimentari, li, min-natura tagħhom jew skont l-użanzi kummerċjali, ma jkollhomx rabta mas-suġġett ta’ dawn il-kuntratti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Fil-Belġju, bpost hija l-fornitriċi storika ta’ servizzi postali. Hija toffri servizzi ta’ distribuzzjoni postali lill-pubbliku ġenerali, iżda wkoll lil żewġ kategoriji partikolari ta’ klijenti, jiġifieri dawk li jibagħtu l-posta bl-ingrossa, li huma konsumaturi finali, u l-impriżi ta’ routing, li huma intermedjarji li jipprovdu huma stess servizzi upstream tas-servizz ta’ distribuzzjoni postali, permezz tal-preparazzjoni tal-posta u tal-kunsinna tagħha.

9        Mis-sena 2010, bpost stabbilixxiet sistema ġdida ta’ tarifikazzjoni għad-distribuzzjoni ta’ materjal ta’ reklamar indirizzat u oġġetti postali amministrattivi bbażata fuq il-mudell imsejjaħ “għal kull mittent”. Skont dan il-mudell, l-iskontijiet għal kwantità mogħtija lill-intermedjarji kienu kkalkolati mhux iktar fuq il-bażi tal-volum totali ta’ oġġetti postali li kienu ġejjin mill-mittenti kollha li għalihom kienu jipprovdu s-servizzi tagħhom, iżda fuq il-bażi tal-volum ta’ oġġetti postali kkunsinnati individwalment minn kull mittent.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Lulju 2011, l-Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT) (l-Istitut Belġjan tas-Servizzi Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali”), abbażi tal-Artikolu 144 bis u tal-punt 5 tal-Artikolu 144 ter(1) tal-Liġi tal‑21 ta’ Marzu 1991 dwar ir-Riforma ta’ Ċerti Impriżi Kummerċjali Pubbliċi Ekonomiċi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, ikkundanna lil bpost għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 2.3 miljun talli kisret ir-regola ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tariffarju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali”). Skont din id-deċiżjoni, is-sistema l-ġdida ta’ tarifikazzjoni implimentata minn bpost mis-sena 2010 kienet ibbażata fuq differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn l-intermedjarji u l-klijenti diretti. L-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali, barra minn hekk, indikat li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ma kinitx indirizzat l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni.

11      Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) annullat id-deċiżjoni tal-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali, minħabba li l-prattika tariffarja inkwistjoni ma kinitx diskriminatorja. Din is-sentenza, li saret definittiva, ingħatat wara rinviju għal deċiżjoni preliminari, li ta lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2015, bpost (C‑340/13, EU:C:2015:77).

12      Fil-frattemp, fl‑10 ta’ Diċembru 2012, permezz tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni, din l-awtorità kkonstatat li bpost kienet wettqet abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u mill-Artikolu 102 TFUE. Dan l-abbuż kien ikkostitwit mill-adozzjoni u mill-implimentazzjoni, minn bpost, tas-sistema l-ġdida tagħha ta’ tarifikazzjoni matul il-perijodu bejn ix-xhur ta’ Jannar 2010 u ta’ Lulju 2011. Skont din id-deċiżjoni, din is-sistema pproduċiet effett ta’ esklużjoni fuq intermedjarji u fuq kompetituri potenzjali ta’ bpost kif ukoll effett ta’ tkabbir ta’ lealtà fuq il-klijenti prinċipali tagħha, ta’ natura li jiżdiedu l-ostakoli għad-dħul fis-suq. Minħabba l-imsemmi abbuż, bpost ġiet ikkundannata għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 37 399 786, ikkalkolata bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-multa imposta preċedentement mill-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali. Il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ma kinitx indirizzat l-eżistenza ta’ prattiki diskriminatorji eventwali.

13      Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) annullat id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni, minħabba li tmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Din il-qorti qieset li l-proċeduri mmexxija mill-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali u mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni kienu jirrigwardaw l-istess fatti.

14      Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) annullat din is-sentenza u bagħtet lura l-kawża quddiem il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell).

15      Fil-kuntest tal-proċedura wara dan ir-rinviju, bpost, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, intervenjenti bħala amicus curiae, indirizzaw l-osservanza tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tiegħu.

16      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-proċeduri mmexxija, rispettivament, mill-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali u mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali intiżi sabiex irażżnu ksur differenti li jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza, għal waħda, ta’ leġiżlazzjoni settorjali u, għall-oħra, tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tqis li hemm lok, bħala prinċipju, li tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, kif din tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi vverifikat jekk żewġ proċeduri jirrigwardawx l-istess fatti, għandu jiġi eżaminat jekk tliet kriterji kumulattivi, jiġifieri l-identiċità tal-fatti, l-identiċità tal-persuni li wettqu l-ksur u l-identiċità tal-interess ġuridiku protett, humiex issodisfatti. Il-qorti tar-rinviju madankollu tenfasizza li l-aħħar kriterju ma huwiex applikat f’oqsma oħra għajr dak tad-dritt tal-kompetizzjoni.

17      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li ż-żewġ proċeduri inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma bbażati fuq leġiżlazzjonijiet distinti, intiżi sabiex jipproteġu interessi legali distinti. Il-proċedura mmexxija mill-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali kienet intiża sabiex tiggarantixxi l-liberalizzazzjoni tas-settur postali permezz ta’ regoli dwar it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni fil-qasam tariffarju, filwaqt li dik immexxija mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi l-kompetizzjoni libera fi ħdan is-suq intern billi tipprojbixxi, b’mod partikolari, l-abbużi minn pożizzjoni dominanti. Il-kriterju dwar l-identiċità tal-interess ġuridiku protett huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni.

18      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-inċertezza dwar ir-rilevanza ta’ dan il-kriterju fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa neċessarju li jinkiseb minnha kjarifiki f’dan ir-rigward.

19      Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet ta’ kumulu eventwali ta’ proċeduri abbażi ta’ limitazzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197), tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193), kif ukoll tal‑20 ta’ Marzu 2018, Di Puma u Zecca (C‑596/16 u C-597/16, EU:C:2018:192).

20      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-awtorità amministrattiva kompetenti ta’ Stat Membru milli timponi multa għal ksur tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fejn l-istess persuna ġuridika tkun diġà ġiet meħlusa definittivament minn multa amministrattiva imposta fuqha mir-regolatur postali nazzjonali minħabba allegat ksur tal-leġiżlazzjoni postali, fid-dawl tal-istess fatti jew ta’ fatti simili, sa fejn il-kriterju tal-unità tal-interess legali protett ma jkunx issodisfatt minħabba li l-kawża preżenti tirrigwarda żewġ ċirkustanzi ta’ ksur differenti ta’ żewġ leġiżlazzjonijiet differenti li jidħlu f’żewġ oqsma legali separati?

2      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-awtorità amministrattiva kompetenti ta’ Stat Membru milli timponi multa għal ksur tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fejn l-istess persuna ġuridika tkun diġà ġiet meħlusa definittivament minn multa amministrattiva imposta fuqha mir-regolatur postali nazzjonali minħabba allegat ksur tal-leġiżlazzjoni postali, fid-dawl tal-istess fatti jew ta’ fatti simili, għar-raġuni li limitazzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem hija ġġustifikata mill-fatt li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni tfittex għan kumplementari ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-ħarsien u ż-żamma ta’ sistema mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, u ma teċċedix dak li huwa xieraq u neċessarju bil-għan li jintlaħaq l-għan imfittex leġittimament minn din il-leġiżlazzjoni; u/jew bil-għan li jiġi protett id-dritt u l-libertà ta’ impriża ta’ dawn l-operaturi l-oħra abbażi tal-Artikolu 16 tal-Karta?”

 Fuq id-domandi preliminari

21      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li persuna ġuridika tiġi ssanzjonata b’multa talli tkun wettqet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, meta, għall-istess fatti, din il-persuna diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva wara proċedura relatata ma’ ksur ta’ leġiżlazzjoni settorjali li għandha bħala suġġett il-liberalizzazzjoni tas-suq ikkonċernat.

 Osservazzjonijiet preliminari

22      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C-252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 59), li llum huwa stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta.

23      Din id-dispożizzjoni tinkludi dritt li jikkorrispondi għal dak previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti minn din il-konvenzjoni, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li t-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-imsemmija konvenzjoni. Għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-istess konvenzjoni fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, bla ħsara għall-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 23 u 60).

24      L-Artikolu 50 tal-Karta jipprovdi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura kriminali tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet inkwistjoni, li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li tliet kriterji huma rilevanti. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat fid-dritt intern, it-tieni wieħed huwa dak dwar in-natura stess tar-reat u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37, kif ukoll tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 26 u 27).

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma hijiex limitata biss għall-proċeduri u għas-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali, iżda testendi – indipendentement minn tali klassifikazzjoni fid-dritt intern – għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li għandhom natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħrajn imsemmija fil-punt preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 30).

27      F’dan il-każ, madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju, li ż-żewġ proċeduri msemmija fil-kawża prinċipali huma intiżi għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali, b’tali mod li l-klassifikazzjoni kriminali ta’ dawn il-proċeduri, fir-rigward tal-kriterji mfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, ma hijiex inkwistjoni.

28      L‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess fatti jkunu msemmija mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”).

 Fuq il-kundizzjoni “bis”

29      Fir-rigward tal-kundizzjoni “bis”, sabiex deċiżjoni ġudizzjarja tkun tista’ titqies bħala li tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-fatti sottomessi għal tieni proċedura, huwa neċessarju mhux biss li din id-deċiżjoni tkun saret definittiva, iżda wkoll li din tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M, C‑398/12, EU:C:2014:1057, punti 28 u 30).

30      F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet imwettqa mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali ġiet annullata permezz ta’ sentenza li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, fejn skont din is-sentenza bpost kienet ġiet meħlusa mill-proċeduri li kienet is-suġġett tagħhom abbażi tal-leġiżlazzjoni settorjali postali. Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher għalhekk li l-ewwel proċedura ngħalqet permezz ta’ deċiżjoni definittiva, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti.

 Fuq il-kundizzjoni “idem

31      Fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, mill-kliem stess tal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li dan jipprojbixxi li jitressqu proċeduri kriminali kontra jew li tiġi ssanzjonata kriminalment l-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat.

32      Bħalma tindika l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, iż-żewġ proċeduri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw l-istess persuna ġuridika, jiġifieri bpost.

33      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess reat huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tinħeles jew tiġi kkundannata b’mod definittiv. Għaldaqstant, l-Artikolu 50 tal-Karta jipprojbixxi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi sanzjonijiet ta’ natura kriminali fi tmiem proċeduri differenti mmexxija għal dan il-għan (sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 35, u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-klassifikazzjoni ġuridika fid-dritt nazzjonali tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor (sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 36, kif ukoll tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 38).

35      L-istess japplika għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, sa fejn, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 95 u 122 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-portata tal-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni ma tistax, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt tal-Unjoni, tvarja minn qasam tiegħu għal ieħor.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjoni “idem” teħtieġ li l-fatti materjali jkunu identiċi. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma huwiex intiż sabiex japplika meta l-fatti inkwistjoni ma jkunux identiċi, iżda biss simili.

37      Fil-fatt, l-identiċità tal-fatti materjali tinftiehem bħala ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti li jirriżultaw minn avvenimenti li huma, essenzjalment, l-istess, sa fejn jinvolvu l-istess awtur u huma marbuta b’mod inseparabbli bejniethom fiż-żmien u fl-ispazju (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB 10 ta’ Frar 2009, Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja, CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, punti 83 u 84, kif ukoll il-Qorti EDB, 20 ta’ Mejju 2014, Pirttimäki vs Il‑Finlandja, CE:ECHR:2014:0520JUD003523211, punti 49 sa 52).

38      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-fatti li kienu s-suġġett taż-żewġ proċeduri miftuħa abbażi, rispettivament, ta’ leġiżlazzjoni settorjali u tad-dritt tal-kompetizzjoni, humiex identiċi. F’dan ir-rigward, hija għandha teżamina l-fatti meħuda inkunsiderazzjoni fl-okkażjoni ta’ kull waħda mill-proċeduri, kif ukoll il-perijodu ta’ ksur allegat.

39      Fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatti li kienu s-suġġett taż-żewġ proċeduri inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma identiċi, dan il-kumulu jikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta.

 Fuq il-ġustifikazzjoni ta’ limitazzjoni eventwali tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta

40      Limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tagħha (sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C-129/14 PPU, EU:C:2014:586, punti 55 u 56, u tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci, C-524/15, EU:C:2018:197, punt 40).

41      Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet. Skont it-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet għall-imsemmija drittijiet u għall-imsemmija libertajiet biss jekk tali limitazzjonijiet ikunu neċessarji u jekk effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn.

42      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, kif jidher li jirriżulta mill-annessi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-intervent ta’ kull waħda mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, li fir-rigward tiegħu huwa sostnut li ta lok għal kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, kienx previst mil-liġi.

43      Tali possibbiltà li jiġu akkumulati l-proċeduri u s-sanzjonijiet tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta, bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati l-istess fatti abbażi tal-istess reat jew sabiex jiġi segwit l-istess għan, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet skont leġiżlazzjonijiet differenti.

44      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta li tirriżulta minn kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet abbażi ta’ leġiżlazzjoni settorjali u tad-dritt tal-kompetizzjoni tissodisfax għan ta’ interess ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ leġiżlazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jfittxu li jilħqu għanijiet leġittimi li huma distinti.

45      Għalhekk, il-leġiżlazzjoni settorjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ttrasponiet id-Direttiva 97/67, għandha bħala għan il-liberalizzazzjoni tas-suq intern tas-servizzi postali.

46      Fir-rigward tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Artikolu 102 TFUE, li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni, għandu jitfakkar li dan l-aħħar artikolu huwa dispożizzjoni ta’ ordni pubbliku li tipprojbixxi l-abbużi minn pożizzjoni dominanti u li ssegwi l-għan, indispensabbli għall-funzjonament tas-suq intern, li jiġi ggarantit li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 31, kif ukoll tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 20 sa 22).

47      Għaldaqstant, huwa leġittimu li, sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni tas-suq intern tas-servizzi postali filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tiegħu, Stat Membru jrażżan in-nuqqasijiet, minn naħa, fil-konfront tal-leġiżlazzjoni settorjali li għandha bħala għan il-liberalizzazzjoni tas-suq ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, fil-konfront tar-regoli applikabbli fid-dritt tal-kompetizzjoni, kif tipprevedi l-premessa 41 tad-Direttiva 97/67.

48      Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jitwettqu għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu minn din il-leġiżlazzjoni, peress li huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas vinkolanti u li l-inkonvenjenzi kkawżati minnha ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu leġittimament jagħżlu tweġibiet ġuridiċi komplementari quddiem ċertu aġir dannuż għas-soċjetà permezz ta’ proċeduri differenti li jifformaw koerenza waħda b’mod li l-problema soċjali inkwistjoni tiġi indirizzata taħt l-aspetti differenti tagħha, bil-kundizzjoni li dawn it-tweġibiet ġuridiċi magħqudin ma jirrappreżentawx piż eċċessiv għall-persuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In‑Norveġja, CE:ECHR:2016:1115JUD002413011, punti 121 u 132). Għalhekk, il-fatt li żewġ proċeduri jfittxu li jilħqu għanijiet ta’ interess ġenerali distinti li huwa leġittimu li jiġu protetti b’mod kumulattiv jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi tal-proporzjonalità ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, bħala fattur intiż sabiex dan il-kumulu jiġi ġġustifikat, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jkunu komplimentari u li l-piż supplimentari li l-imsemmi kumulu jirrappreżenta jkun jista’ jiġi ġġustifikat b’dan il-mod miż-żewġ għanijiet imfittxija.

50      Issa, regoli nazzjonali li jipprevedu l-possibbiltà ta’ kumulu tal-proċeduri u ta’ sanzjonijiet skont leġiżlazzjoni settorjali u dritt tal-kompetizzjoni jistgħu jilħqu l-għan ta’ interess ġenerali li huwa li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta’ kull waħda miż-żewġ leġiżlazzjonijiet inkwistjoni, peress li dawn ifittxu li jilħqu għanijiet leġittimi distinti msemmija fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li taw lok għall-proċeduri miftuħa rispettivament mill-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali u mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni, jekk il-kumulu ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali jistax jiġi ġġustifikat, fil-kawża prinċipali, mill-fatt li l-proċeduri miftuħa minn dawn l-awtoritajiet għandhom għanijiet komplementari, li għandhom bħala suġġett aspetti differenti tal-istess aġir li jikkostitwixxi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 44).

51      Fir-rigward tan-natura strettament neċessarja ta’ tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, għandu jiġi evalwat jekk jeżistux regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll il-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet, jekk iż-żewġ proċeduri tmexxewx b’mod suffiċjentement ikkoordinat u qrib fiż-żmien u jekk is-sanzjoni imposta, jekk ikun il-każ, mal-ewwel proċedura fuq il-livell kronoloġiku tteħditx inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni, b’tali mod li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu huma limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tar-reati mwettqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 49, 52, 53, 55 u 58, kif ukoll Qorti EDB, 15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In-Norveġja, CE:ECHR:2016:1115JUD002413011, punti 130 sa 132).

52      Ċertament, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 109 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evalwazzjoni tan-neċessità deskritta fil-punt preċedenti u, għaldaqstant, l-analiżi globali tal-kwistjoni dwar jekk il-kumulu ta’ żewġ proċeduri jistax jiġi ġġustifikat skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jitwettqu b’mod komplet biss ex post, fir-rigward tan-natura ta’ wħud mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

53      Madankollu, il-protezzjoni li tirriżulta mill-kundizzjoni doppja li għaliha hija suġġetta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, imfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, bla ħsara għall-ġustifikazzjoni eventwali, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, ta’ limitazzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw minn dan il-prinċipju f’każ konkret, tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, l-invokazzjoni ta’ tali ġustifikazzjoni teħtieġ li jiġi stabbilit li l-kumulu ta’ proċeduri inkwistjoni kien strettament neċessarju, b’kunsiderazzjoni f’dan il-kuntest, essenzjalment, tal-eżistenza ta’ rabta materjali u temporali suffiċjentement stretta bejn iż-żewġ proċeduri inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 61, kif ukoll, b’analoġija, il-Qorti EDB, 15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In-Norveġja, CE:ECHR:2016:1115JUD 002413011, punt 130) Għalhekk, il-ġustifikazzjoni eventwali ta’ kumulu ta’ sanzjonijiet hija limitata minn kundizzjonijiet li, meta jiġu ssodisfatti, huma intiżi b’mod partikolari sabiex jillimitaw, mingħajr madankollu ma jikkontestaw l-eżistenza ta’ “bis” bħala tali, in-natura funzjonalment distinta tal-proċeduri inkwistjoni u għalhekk l-impatt konkret li jirriżulta għall-persuni kkonċernati mill-fatt li dawn il-proċeduri, immexxija fir-rigward tagħhom, ikunu akkumulati.

54      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza humiex issodisfatti f’din it-tilwima. Sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti, għandhom madankollu jsiru l-preċiżazzjonijiet li ġejjin.

55      L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi, bħall-Artikolu 14 tal-Liġi tas‑17 ta’ Jannar 2003 dwar l-Istatut tar-Regolatur tas-Setturi tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet Belġjani (Moniteur belge tal‑24 ta’ Jannar 2003, p. 2591), fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ikkonċernati tikkostitwixxi qafas rilevanti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza. Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali koordinazzjoni effettivament seħħitx f’dan il-każ.

56      It-tieni, bla ħsara għal evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi osservat li l-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jinkludi indizji ta’ konnessjoni temporali suffiċjentement stretta bejn iż-żewġ proċeduri mmexxija u bejn id-deċiżjonijiet meħuda skont il-leġiżlazzjoni settorjali u d-dritt tal-kompetizzjoni. Għalhekk, l-Awtorità Regolatorja tas-Settur Postali u l-Awtorità tal-Kompetizzjoni jidhru li mexxew il-proċeduri tagħhom b’mod parallel, tal-inqas parzjalment. Iż-żewġ awtoritajiet ħadu d-deċiżjonijiet tagħhom f’dati qrib, jiġifieri, rispettivament, fl-20 ta’ Lulju 2011 u fl‑10 ta’ Diċembru 2012, li juri, fid-dawl barra minn hekk tal-kumplessità li tikkaratterizza l-investigazzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni, rabta temporali suffiċjentement stretta.

57      Fl-aħħar nett, il-fatt li l-multa imposta fil-kuntest tat-tieni proċedura hija ogħla minn dik imposta fil-kuntest tal-ewwel proċedura, permezz ta’ deċiżjoni definittiva, ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi konkluż li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet huwa ta’ natura sproporzjonata fir-rigward tal-persuna ġuridika kkonċernata, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li dawn iż-żewġ proċeduri jistgħu jikkostitwixxu tweġibiet ġuridiċi komplementari u marbuta, iżda madankollu distinti, quddiem l-istess aġir.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-domandi magħmula għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 50 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li persuna ġuridika tiġi ssanzjonata permezz ta’ multa talli tkun wettqet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, meta, għall-istess fatti, din il-persuna kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva wara proċedura relatata ma’ ksur ta’ leġiżlazzjoni settorjali li jkollha bħala għan il-liberalizzazzjoni tas-suq ikkonċernat, bil-kundizzjoni li jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet kompetenti, li ż-żewġ proċeduri jkunu tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat f’intervall ta’ żmien qrib u li s-sanzjonijiet imposti kollha jikkorrispondu għall-gravità tar-reati mwettqa.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li persuna ġuridika tiġi ssanzjonata permezz ta’ multa talli tkun wettqet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, meta, għall-istess fatti, din il-persuna kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva wara proċedura relatata ma’ ksur ta’ leġiżlazzjoni settorjali li jkollha bħala għan il-liberalizzazzjoni tas-suq ikkonċernat, bil-kundizzjoni li jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet kompetenti, li ż-żewġ proċeduri jkunu tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat f’intervall ta’ żmien qrib u li s-sanzjonijiet imposti kollha jikkorrispondu għall-gravità tar-reati mwettqa.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.