Language of document : ECLI:EU:C:2022:1016

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 9(2)(a) – Drittijiet mogħtija mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘użu’ – Operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online – Reklami ppubblikati f’dan is-suq minn bejjiegħa terzi li jużaw, f’dawn ir-reklami, sinjal identiku għal trade mark ta’ persuna oħra għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din hija rreġistrata – Perċezzjoni ta’ dan is-sinjal bħala li jagħmel parti integrali mill-kommunikazzjoni kummerċjali ta’ dan l-operatur – Mod ta’ preżentazzjoni tar-reklami li ma jippermettix li ssir distinzjoni ċara bejn l-offerti tal-imsemmi operatur u dawk ta’ dawn il-bejjiegħa terzi”

Fil-Kawżi magħquda C‑148/21 u C‑184/21,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu) u mit-Tribunal de l’entreprise francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Impriżi bil-Lingwa Franċiża ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑5 ta’ Marzu 2021 u tat‑22 ta’ Marzu 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit‑8 ta’ Marzu 2021 u fl‑24 ta’ Marzu 2021, fil-proċeduri

Christian Louboutin

vs

Amazon Europe Core Sàrl (C‑148/21),

Amazon EU Sàrl (C‑148/21),

Amazon Services Europe Sàrl (C‑148/21),

Amazon.com Inc. (C‑184/21),

Amazon Services LLC (C‑184/21),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, M. Safjan, P. G. Xuereb, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič (Relatur), F. Biltgen, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Frar 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Christian Louboutin, minn M. Decker, N. Decker u T. Van Innis, avocats,

–        għal Amazon Europe Core Sàrl, Amazon EU Sàrl u Amazon Services Europe Sàrl, minn S. Ampatziadis, H. Bälz, A. Conrad, F. Seip, Rechtsanwälte, u E. Taelman, advocaat,

–        għal Amazon.com Inc. u Amazon Services LLC, minn L. Depypere, advocaat, R. Dupont, avocat, u T. Heremans, advocaat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, U. Bartl u M. Hellmann, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier, S. L. Kalėda u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim, fil-Kawża C‑148/21 bejn, minn naħa, Christian Louboutin u, min-naħa l-oħra, Amazon Europe Core Sàrl, Amazon EU Sàrl kif ukoll Amazon Services Europe Sàrl u fil-Kawża C‑184/21, bejn, minn naħa, Christian Louboutin u, min-naħa l-oħra, Amazon.com Inc. kif ukoll Amazon Services LLC (iktar ’il quddiem, flimkien u mingħajr distinzjoni f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi, “Amazon”) dwar l-użu allegat, minn Amazon, ta’ sinjali identiċi għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li C. Louboutin huwa l-proprjetarju tagħha u mingħajr il-kunsens ta’ dan tal-aħħar, għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata.

 Ilkuntest ġuridiku

 IrRegolament 2017/1001

3        L-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001, bit-titolu “Drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE”, li jinsab taħt it-Taqsima 2, min-naħa tagħha bit-titolu “L-effetti ta’ trademark tal-UE”, tal-Kapitolu II tiegħu, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi kull parti terza, li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:

(a)      is-sinjal ikun identiku għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE;

[…]

3.      Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti skont il-paragrafu 2:

[…]

(b)      l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

[…]

(e)      l-użu tas-sinjal f’gazzetti kummerċjali u fir-riklamar;

(f)      l-użu tas-sinjal f’reklamar komparattiv b’mod li jmur kontra d-Direttiva 2006/114/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU 2006, L 376, p. 21)].”

 IdDirettiva 2004/48/KE

4        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), bit-titolu “Mandati”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn d-deċiżjoni ġudizzjarja hi meħuda u sabet li hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji [kompetenti] jistgħu joħorġu mandat kontra kontravventur bl-għan li tipprojbixxi il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjoni. Fejn hemm provvidament bil-liġi nazzjonali, nuqqas ta’ konformità mal-mandat għandu, fejn hu xierqa, ikun bla ħsara għall-pagament rikorrenti tal-penalità, bl-għan li jkun hemm konformità. L-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f’pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà interllettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230)].”

 IdDirettiva 2000/31/KE

5        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), bit-titolu “Hosting”, jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

(a)      dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat [talba għal kumpens], ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti;

jew

(b)      dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.”

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

6        C. Louboutin huwa disinjatur Franċiż ta’ żraben u ta’ basktijiet tal-idejn ta’ lussu li l-prodotti l-iktar magħrufa tiegħu huma żraben tan-nisa b’takkuna għolja. Sa minn nofs is-snin disgħin, huwa żied maż-żraben tiegħu b’takkuna għolja pett estern ta’ kulur aħmar li jikkorrispondi għall-Kodiċi 18‑1663TP tal-kulur Pantone.

7        Dan il-kulur, applikat fuq il-pett ta’ żarbun b’takkuna għolja, huwa rreġistrat bħala trade mark Benelux taħt il-Konvenzjoni Benelux dwar il-Proprjetà Intelletwali (Trade marks u Disinni) tal‑25 ta’ Frar 2005, iffirmata f’Den Haag mir-Renju tal-Belġju, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. L-istess trade mark ilha rreġistrata mill-10 ta’ Mejju 2016 bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“trade mark inkwistjoni”).

8        Amazon topera siti internet ta’ bejgħ online ta’ prodotti varji li hija tipproponi kemm direttament, f’isimha u għan-nom tagħha stess, kif ukoll indirettament, billi tipprovdi wkoll suq online lil bejjiegħa terzi. L-ispedizzjoni tal-prodotti offruti għall-bejgħ minn dawn il-bejjiegħa terzi f’dan is-suq online tista’ tittieħed inkarigu jew minn dawn tal-aħħar, jew minn Amazon, li għalhekk taħżen dawn il-prodotti fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tagħha u tibgħathom lix-xerrejja mill-imħażen tagħha stess.

9        Fuq dawn is-siti internet jidhru regolarment reklami ta’ bejgħ relatati ma’ żraben b’pettijiet ħomor li, skont C. Louboutin, jirrigwardaw prodotti li t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tagħhom ma sarx bil-kunsens tiegħu.

 IlKawża C148/21

10      Fid‑19 ta’ Settembru 2019, C. Louboutin, filwaqt li invoka ksur tad-drittijiet esklużivi mogħtija mit-trade mark inkwistjoni, ressaq azzjoni għall-kontrafazzjoni ta’ din it-trade mark kontra Amazon quddiem it-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu), il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑148/21. C. Louboutin talab li Amazon tiġi ddikjarata responsabbli għall-ksur tat-trade mark inkwistjoni, li din tieqaf tuża, fil-kummerċ, sinjali identiċi għal din it-trade mark fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tat-territorju tal-Benelux, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, u li din tiġi kkundannata tħallas id-danni għad-dannu allegatament ikkawżat minn dan l-użu.

11      L-azzjoni ta’ C. Louboutin hija bbażata fuq l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001. Huwa jsostni li Amazon użat, mingħajr il-kunsens tiegħu, sinjal identiku għat-trade mark inkwistjoni għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, minħabba, b’mod partikolari, il-wiri, fuq is-siti internet ta’ bejgħ online ta’ din il-kumpannija, ta’ reklami relatati ma’ prodotti li għandhom tali sinjal identiku, iżda wkoll minħabba ż-żamma, l-ispedizzjoni u l-kunsinna ta’ tali prodotti. Skont C. Louboutin, tali użu huwa imputabbli lil Amazon, sa fejn din il-kumpannija kellha rwol attiv fl-użu tas-sinjal inkwistjoni u sa fejn ir-reklami relatati mal-prodotti kontrafatti kienu jagħmlu parti mill-komunikazzjoni kummerċjali tagħha stess. Amazon ma tistax, għalhekk, titqies bħala sempliċi host ta’ siti internet jew bħala intermedjarju newtrali, peress li hija tipprovdi assistenza lill-bejjiegħa terzi, b’mod partikolari għall-ottimizzazzjoni tal-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom.

12      Amazon tikkontesta li l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark inkwistjoni jista’ jiġi imputat lilha. Hija tinvoka diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’kawżi li jinvolvu operaturi ta’ suq online, bħall-kumpannija eBay, sabiex issostni li hija wkoll, bħala operatur ta’ tali suq, ma tistax tinżamm responsabbli għall-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark inkwistjoni mill-bejjiegħa terzi li jużaw is-suq online tagħha. Amazon issostni li l-mod ta’ operazzjoni tas-swieq integrati fis-siti internet ta’ bejgħ online tagħha ma huwiex partikolarment differenti minn dak ta’ swieq oħra u li l-inklużjoni tal-logo tagħha fir-reklami tal-bejjiegħa terzi ma timplikax li hija tapproprja dawn ir-reklami. Barra minn hekk, skont Amazon, is-servizzi anċillari li hija tipproponi lill-bejjiegħa terzi ma jistgħux jippermettu li jiġi ġġustifikat li l-offerti tagħhom jitqiesu bħala li jagħmlu parti mill-komunikazzjoni kummerċjali tagħha stess. Il-fatt li fornitur jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tekniċi neċessarji għall-użu ta’ sinjal identiku għal trade mark protetta u li jitħallas għal dan is-servizz ma jfissirx li dan il-fornitur innifsu jagħmel użu mis-sinjal inkwistjoni.

13      Skont il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑148/21, il-mod ta’ operazzjoni tas-siti internet ta’ bejgħ online operati minn Amazon jikkonsisti fil-ġbir flimkien, għall-istess kategorija ta’ prodotti, ta’ reklami li joriġinaw kemm minn din il-kumpannija stess kif ukoll minn bejjiegħa terzi attivi fis-suq online li dawn is-siti internet jinkludu. B’dan il-mod dan jiddiferixxi minn dak ta’ kumpanniji oħra, bħal eBay jew Rakuten, li sempliċement joperaw suq online u li, għaldaqstant, jippubblikaw biss reklami li joriġinaw minn bejjiegħa terzi, mingħajr ma jeżerċitaw huma stess ebda attività ta’ bejgħ ta’ prodotti. Madankollu Amazon ma hijiex l-unika waħda li adottat dan il-mudell kummerċjali ta’ tip “ibridu”. Operaturi bħall-kumpannija Cdiscount jirċievu wkoll prodotti ta’ bejjiegħa terzi flimkien mal-gamma ta’ prodotti tagħhom stess.

14      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474), jekk dan il-mod ta’ operazzjoni tas-siti internet ta’ bejgħ online ta’ Amazon jistax iwassal għall-użu, mill-operatur ta’ dawn is-siti, ta’ sinjal identiku għat-trade mark inkwistjoni minħabba l-integrazzjoni ta’ reklami ta’ bejjiegħa terzi li juru tali sinjal fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess.

15      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar jekk, fir-rigward tar-rwol ftit jew wisq attiv li kellu l-operatur tas-siti internet ta’ bejgħ online li jintegraw suq online fil-pubblikazzjoni tar-reklami, il-perċezzjoni tal-pubbliku tistax tkun ta’ importanza.

16      Fl-aħħar, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk tali operatur għandux jiġi kkunsidrat bħala li juża sinjal identiku għal trade mark protetta meta huwa jieħu inkarigu l-ispedizzjoni ta’ prodotti li jkollhom dan is-sinjal. Fis-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany (C‑567/18, EU:C:2020:267), il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni fuq dan il-punt, peress li, fil-kawża li kienet tat lok għal dik is-sentenza, l-ispedizzjoni kienet żgurata minn fornitur estern.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 9(2) tar-[Regolament 2017/1001] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sinjal identiku għal trade mark f’reklamar muri fuq sit huwa imputabbli għall-operatur tiegħu jew għal entitajiet marbuta ekonomikament minħabba t-taħlit fuq dan is-sit tal-offerti rispettivi tal-operatur jew ta’ entitajiet marbuta ekonomikament ma’ dawk ta’ bejjiegħa terzi, bl-integrazzjoni ta’ dan ir-reklamar fil-komunikazzjoni kummerċjali rispettiva tal-operatur jew tal-entitajiet marbuta ekonomikament?

Tali integrazzjoni hija rrinforzata mill-fatt li:

–      ir-reklamar huwa ppreżentat b’mod uniformi fuq is-sit?

–      ir-reklamar rispettiv tal-operatur u ta’ entitajiet marbuta ekonomikament u ta’ bejjiegħa terzi huwa muri b’mod indistintiv fir-rigward tal-oriġini tiegħu, iżda juri b’mod ċar il-logo tal-operatur jew ta’ entitajiet marbuta ekonomikament, fis-sezzjonijiet tar-reklamar ta’ siti tal-internet terzi fil-forma ta’ ‘pop‑up’?

–      l-operatur jew entitajiet marbuta ekonomikament joffri servizz integrali għall-bejjiegħa terzi, li jinkludi assistenza għat-tfassil tar-reklamar u għall-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ, għall-istokkjar tal-prodotti u għall-ispedizzjoni tagħhom?

–      is-sit tal-operatur u tal-entitajiet marbuta ekonomikament huwa maħsub b’tali mod li huwa ppreżentat fil-forma ta’ ħwienet u tikketti bħal ‘l-aħjar bejgħ’, ‘l-iktar imfittxija’ jew ‘l-iktar offruti’, mingħajr distinzjoni apparenti mal-ewwel daqqa ta’ għajn bejn prodotti rispettivi tal-operatur u tal-entitajiet marbuta ekonomikament u prodotti ta’ bejjiegħa terzi?

2)      L-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sinjal identiku għal trade mark f’reklamar muri fuq sit ta’ bejgħ online huwa, bħala prinċipju, imputabbli għall-operatur tiegħu jew għal entitajiet marbuta ekonomikament jekk, fil-perċezzjoni ta’ utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent, dan l-operatur jew entità marbuta ekonomikament kellu rwol attiv fit-tfassil ta’ dan ir-reklamar jew li dan tal-aħħar huwa pperċepit bħala li jagħmel parti mill-komunikazzjoni kummerċjali rispettiva ta’ dan l-operatur?

Tali perċezzjoni hija influwenzata:

–      miċ-ċirkustanza li dan l-operatur u/jew entitajiet marbuta ekonomikament huwa distributur magħruf ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti, fosthom prodotti tal-kategorija bħal dawk irreklamati fir-reklamar;

–      jew miċ-ċirkustanza li r-reklamar muri b’dan il-mod għandu header li fih hemm irriprodotta t-trade mark għal servizzi ta’ dan l-operatur jew ta’ entitajiet marbuta ekonomikament, filwaqt li din it-trade mark għandha reputazzjoni bħala trade mark ta’ distributur;

–      jew inkella miċ-ċirkustanza li dan l-operatur jew entitajiet marbuta ekonomikament joffru flimkien ma’ din it-turija servizzi tradizzjonalment offruti mid-distributuri ta’ prodotti tal-istess kategorija bħal dik li jaqa’ taħtha l-prodott irreklamat mir-reklamar?

3)      L-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispedizzjoni, fil-kummerċ u mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark, lill-konsumatur finali ta’ prodott li għandu sinjal identiku għat-trade mark, tikkostitwixxi użu imputabbli għall-ispeditur biss jekk dan tal-aħħar ikollu għarfien effettiv tat-twaħħil ta’ dan is-sinjal fuq il-prodott?

Tali speditur huwa l-utent tas-sinjal ikkonċernat jekk huwa stess jew entità marbuta ekonomikament ikun ħabbar lill-konsumatur finali li ser jieħu ħsieb din l-ispedizzjoni wara li huwa stess jew entità marbuta ekonomikament tkun ħażnet il-prodott għal dan l-għan?

Tali speditur huwa l-utent tas-sinjal ikkonċernat jekk huwa stess jew entità marbuta ekonomikament qabel ikkontribwixxa attivament għat-turija, fil-kummerċ, ta’ reklamar għall-prodott li għandu dan is-sinjal jew irreġistra l-ordni tal-konsumatur finali fid-dawl ta’ dan ir-reklamar?”

 IlKawża C184/21

18      Fl‑4 ta’ Ottubru 2019, C. Louboutin, filwaqt li invoka ksur tad-drittijiet esklużivi mogħtija mit-trade mark inkwistjoni, adixxa lit-tribunal de l’entreprise francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Impriżi bil-Lingwa Franċiża ta’ Brussell, il-Belġju), il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑184/21, b’azzjoni għall-kontrafazzjoni ta’ din it-trade mark kontra Amazon intiża għall-waqfien, minnha, tal-użu tal-imsemmija trade mark u għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn dan l-użu, billi sostna, essenzjalment, l-istess argumenti bħal dawk ifformulati insostenn tat-talba li huwa ressaq quddiem il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑148/21.

19      Skont Amazon, għall-kuntrarju, il-fatt, minn naħa, li hija tippubblika, fis-swieq online integrati fis-siti internet ta’ bejgħ online tagħha, l-offerti ta’ bejjiegħa terzi ta’ żraben allegatament kontrafatti u, min-naħa l-oħra, li hija tieħu inkarigu l-ispedizzjoni ta’ dawn iż-żraben, ma jikkostitwixxix użu tat-trade mark inkwistjoni minn din il-kumpannija.

20      Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑184/21 tqis li, għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha, jeħtieġ li jsir magħruf, l-ewwel, f’liema ċirkustanzi l-użu ta’ sinjal kontrafatt f’offerta ta’ bejgħ li toriġina minn bejjiegħ terz jista’ jiġi imputat lill-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online, it-tieni, jekk, u f’liema ċirkustanzi, il-perċezzjoni tal-pubbliku fir-rigward ta’ din l-offerta għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi konkluż favur l-imputabbiltà ta’ tali użu u, it-tielet, jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema ċirkustanzi l-fatt, għal Amazon, li tieħu inkarigu l-ispedizzjoni ta’ prodott li jkollu sinjal identiku għal trade mark jikkostitwixxix, fih innifsu, att ta’ użu tagħha, li jista’ jiġi imputat lil din il-kumpannija, skont l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de l’entreprise francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Impriżi bil-Lingwa Franċiża ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 9(2) tar-[Regolament 2017/1001] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sinjal identiku għal trade mark f’reklamar muri fuq sit tal-internet huwa, fil-prinċipju, attribwibbli għall-operatur tiegħu jekk, fil-perċezzjoni ta’ utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent, dan l-operatur kellu rwol attiv fl-iżvilupp ta’ dan ir-riklam jew li dan tal-aħħar jista’ jiġi pperċepit minn tali utent tal-internet bħala parti mill-komunikazzjoni kummerċjali ta’ dan l-operatur stess?

Perċezzjoni bħal din tkun influwenzata:

–      bil-fatt li dan l-operatur huwa distributur magħruf ta’ varjetà wiesgħa ta’ prodotti, inklużi prodotti fil-kategorija ta’ dawk li jissemmew fir-reklamar;

–      jew bil-fatt li r-riklam hekk muri għandu intestatura li fiha hija riprodotta t-trade mark tas-servizz ta’ dan l-operatur, billi din it-trade mark hija magħrufa bħala trade mark ta’ servizz ta’ distributur;

–      jew barra minn hekk, bil-fatt li dan l-operatur joffri wkoll ma’ dan il-wiri servizzi tradizzjonalment offruti minn distributuri ta’ prodotti tal-istess kategorija bħal dik li fiha jaqa’ l-prodott imsemmi mir-reklam?

2)      L-Artikolu 9(2) tar-[Regolament 2017/1001] għandu jiġi interpretat bħala l-ispedizzjoni, fil-kummerċ u mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ trade mark, lill-konsumatur finali ta’ prodott li għandu sinjal identiku għat-trade mark, jikkostitwixxi użu attribwibbli biss lill-ispeditur jekk dan tal-aħħar għandu għarfien effettiv tat-twaħħil ta’ dan is-sinjal fuq dan il-prodott?

Speditur bħal dan huwa l-utent tas-sinjal ikkonċernat jekk huwa nnifsu jew entità marbuta ekonomikament jinfurmaw lill-konsumatur finali li ser ikun responsabbli għal din l-ispedizzjoni wara li huwa stess jew entità ekonomikament marbuta jkun ħażen il-prodott għal dan il-għan?

Speditur bħal dan huwa l-utent tas-sinjal ikkonċernat jekk huwa stess jew entità marbuta ekonomikament qabel jkunu ikkontribwixxew attivament għall-wiri, fil-kummerċ, ta’ reklam għall-prodott li għandu dan is-sinjal jew irreġistra l-ordni tal-konsumatur finali fid-dawl ta’ dan ir-riklam?”

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ April 2021, il-Kawżi C‑148/21 u C‑184/21 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq iddomandi preliminari

23      Permezz tad-domandi tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra, minbarra l-offerti ta’ bejgħ tiegħu stess, suq online jista’ jitqies bħala li jagħmel huwa stess użu minn sinjal identiku għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ta’ persuna oħra għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, meta bejjiegħa terzi jipproponu għall-bejgħ, f’dan is-suq, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, tali prodotti li jkollhom dan is-sinjal. Huma jistaqsu, b’mod partikolari, jekk humiex rilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li dan l-operatur jirrikorri għal mod ta’ preżentazzjoni uniformi tal-offerti ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu, filwaqt li juri fl-istess ħin ir-reklami relatati mal-prodotti li huwa jbigħ f’ismu u għan-nom tiegħu stess u dawk relatati ma’ prodotti proposti minn bejjiegħa terzi fl-imsemmi suq, il-fatt li huwa juri l-logo tiegħu stess ta’ distributur li għandu reputazzjoni fuq dawn ir-reklami kollha u l-fatt li huwa joffri lill-bejjiegħa terzi, fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom, servizzi addizzjonali li jikkonsistu f’li jipprovdilhom assistenza fil-preżentazzjoni tar-reklami tagħhom, kif ukoll fil-ħażna u fl-ispedizzjoni tal-prodotti proposti f’dan l-istess suq. F’dan il-kuntest, il-qrati tar-rinviju jistaqsu wkoll dwar jekk għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-perċezzjoni tal-utenti tas-sit internet inkwistjoni.

24      Skont l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tagħti lill-proprjetarju tagħha d-dritt li jipprojbixxi lil kull terz milli juża, fil-kummerċ, sinjal identiku għal din it-trade mark għal prodotti jew għal servizzi identiċi għal dawk li għalihom din hija rreġistrata.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-kunċett ta’ “użu”, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, ma huwiex iddefinit minn dan ir-regolament.

26      Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi l-użu, mingħajr il-kunsens tiegħu, ta’ sinjal identiku għall-imsemmija trade mark minn terz, meta dan l-użu jseħħ fil-kummerċ, isir għal prodotti jew għal servizzi identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark hija rreġistrata, u jippreġudika jew ikun jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark, fosthom b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata.

27      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, skont is-sens abitwali tagħha, il-kelma “użu” timplika aġir attiv u kontroll, dirett jew indirett, tal-att li jikkostitwixxi l-użu u rrilevat li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament 2017/1001, li jelenka b’mod mhux eżawrjenti t-tipi ta’ użu li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi, isemmi esklużivament aġir attiv min-naħa tat-terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jinkludi, f’dan l-Artikolu 9(3)(b), il-fatt li jiġu offruti l-prodotti kontrafatti, li dawn jitqiegħdu fis-suq jew li dawn jinżammu għal dawn il-finijiet.

28      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 huwa intiż li jipprovdi lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea strument legali li jippermettilu jipprojbixxi, u b’hekk iwaqqaf, kull użu ta’ din it-trade mark li jsir minn terz mingħajr il-kunsens tiegħu. Madankollu, huwa biss terz li jkollu l-kontroll, dirett jew indirett, tal-att li jikkostitwixxi l-użu li effettivament ikun jista’ jwaqqaf dan l-użu u għalhekk li jikkonforma ruħu mal-imsemmija projbizzjoni (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark tal-proprjetarju minn terz, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, jimplika, tal-inqas, li dan tal-aħħar jagħmel użu mis-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess. Persuna tista’ għalhekk tippermetti lill-klijenti tagħha jużaw sinjali li jkunu identiċi jew simili għal trade marks, mingħajr ma hija stess tuża l-imsemmija sinjali (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tal-operatur ta’ suq online, li l-użu ta’ sinjali identiċi jew simili għal trade marks, f’offerti ta’ bejgħ murija f’dan is-suq, isir biss mill-klijenti bejjiegħa ta’ dan l-operatur u mhux minnu, peress li dan tal-aħħar ma jużax dan is-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 102 u 103, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 40).

31      Fil-fatt, is-sempliċi fatt li jinħolqu l-kundizzjonijiet tekniċi neċessarji għall-użu ta’ sinjal u li jkun hemm ħlas għal dan is-servizz ma jfissirx li l-persuna li tipprovdi dan is-servizz tkun tagħmel hija stess użu mill-imsemmi sinjal, anki jekk dan ikun fl-interess ekonomiku tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’din l-istess perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, iddeċidiet fil-punti 45 u 53 tas-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany (C‑567/18, EU:C:2020:267), li, meta l-operatur ta’ suq online joffri servizzi ta’ ħażna lill-bejjiegħa terzi attivi f’dan is-suq, b’mod li huwa jaħżen għal dawn il-bejjiegħa terzi prodotti li jiksru dritt ta’ trade mark, mingħajr madankollu ma jkollu għarfien tan-natura kontrafatti tal-prodotti inkwistjoni u mingħajr ma jkollu l-għan li joffri huwa stess l-oġġetti li huwa jaħżen jew li jqegħedhom fis-suq huwa stess, ma jkunx l-operatur, iżda dawn il-bejjiegħa biss li jkunu jagħmlu użu mis-sinjali mwaħħla fuq l-oġġetti maħżuna.

33      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm, il-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, kienet tikkonċerna l-operatur tal-istess sit internet ta’ bejgħ online li jintegra s-suq online, jiġifieri Amazon, il-qorti tar-rinviju f’dik il-kawża, li kienet l-unika waħda li kellha kompetenza sabiex twettaq il-konstatazzjonijiet fattwali neċessarji, kienet indikat mingħajr ambigwità li dak l-operatur ma kellux għarfien tal-fatt li l-prodotti inkwistjoni kienu jiksru dritt ta’ trade mark, li huwa stess ma kienx offra l-prodotti kkonċernati għall-bejgħ u lanqas ma kien qegħedhom fis-suq u li huwa lanqas ma kellu l-intenzjoni jagħmel dan huwa stess. Dik il-qorti kienet irrilevat ukoll li l-ispedizzjoni ta’ dawn il-prodotti kienet issir minn fornituri esterni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punti 9, 30 u 47).

34      Barra minn hekk, la fl-imsemmija kawża u lanqas f’dik li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et C-324/09, EU:C:2011:474), invokata minn Amazon u ċċitata fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mistoqsija dwar l-effett tal-fatt li s-sit internet ta’ bejgħ online inkwistjoni jintegra, minbarra s-suq online, offerti ta’ bejgħ tal-operatur ta’ dan is-sit stess.

35      Issa, fil-kawżi preżenti, il-qrati tar-rinviju jistaqsu preċiżament dwar dan l-effett u dwar l-importanza li għandha tingħata, f’tali kuntest, lill-perċezzjoni tal-utenti tas-sit inkwistjoni kif ukoll lil ċirkustanzi oħra, bħall-fatt li l-operatur jirrikorri għal mod ta’ preżentazzjoni uniformi tal-offerti ta’ bejgħ ippubblikati fuq is-sit internet tiegħu, filwaqt li juri fl-istess ħin ir-reklami tiegħu stess u dawk tal-bejjiegħa terzi u li juri l-logo tiegħu stess ta’ distributur li għandu reputazzjoni fuq dawn ir-reklami kollha, kif ukoll il-fatt li huwa joffri servizzi addizzjonali lil dawn il-bejjiegħa terzi fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom, bħall-assistenza fil-preżentazzjoni tar-reklami tagħhom u l-ħażna u l-ispedizzjoni tal-prodotti tagħhom

36      F’dan il-kuntest, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, b’mod partikolari, jekk, f’tali ċirkustanzi, jistax jitqies li ma huwiex biss il-bejjiegħ terz, iżda wkoll l-operatur tas-sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online li jagħmel użu, jekk ikun il-każ, fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess, minn sinjal identiku għal trade mark ta’ persuna oħra għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, b’tali mod li huwa jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001, meta dan il-bejjiegħ terz jipproponi għall-bejgħ f’dan is-suq tali prodotti li jkollhom dan is-sinjal.

37      Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li din id-domanda tqum indipendentement mill-fatt li r-rwol ta’ tali operatur, sa fejn dan jippermetti lil operatur ekonomiku ieħor jagħmel użu mit-trade mark, jista’, jekk ikun il-każ, jiġi eżaminat mill-perspettiva ta’ regoli oħra tad-dritt bħall-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 jew l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għalkemm, finalment, huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jevalwaw jekk, f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, Amazon, fil-kwalità tagħha ta’ operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online, tagħmilx użu minn sinjal identiku għat-trade mark inkwistjoni għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdi lil dawn il-qrati l-elementi ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għalihom f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Berlin Chemie A. Menarini, C‑333/20, EU:C:2022:291, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-“komunikazzjoni kummerċjali” ta’ impriża, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din ġeneralment tirreferi għal kull forma ta’ komunikazzjoni intiża għal terzi, intiża li tippromwovi l-attività tagħha, l-oġġetti tagħha jew is-servizzi tagħha, jew li tindika l-eżerċizzju ta’ tali attività. L-użu ta’ sinjal fil-komunikazzjoni kummerċjali stess ta’ tali impriża jippreżupponi għalhekk li dan is-sinjal jidher, f’għajnejn terzi, bħala li jagħmel parti integrali minnha u, għaldaqstant, bħala li jaqa’ taħt l-attività ta’ din l-impriża.

40      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, f’sitwazzjoni fejn il-fornitur ta’ servizz juża sinjal identiku jew simili għal trade mark ta’ persuna oħra sabiex jippromwovi prodotti li wieħed mill-klijenti tiegħu jkun jikkummerċjalizza bl-għajnuna ta’ dan is-servizz, dan il-fornitur ikun jagħmel użu huwa stess minn dan is-sinjal meta huwa jużah b’tali mod li jistabbilixxi rabta bejn l-imsemmi sinjal u s-servizzi pprovduti mill-imsemmi fornitur (sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 92, kif ukoll tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Frisdranken Industrie Winters, C‑119/10, EU:C:2011:837, punt 32).

41      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali fornitur ma jagħmilx użu huwa stess minn sinjal identiku jew simili għal trade mark ta’ persuna oħra meta s-servizz pprovdut minnu ma jkunx, min-natura tiegħu, paragunabbli ma’ servizz intiż li jippromwovi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jkollhom dan is-sinjal u ma jkunx jimplika l-ħolqien ta’ rabta bejn dan is-servizz u l-imsemmi sinjal, peress li l-fornitur inkwistjoni ma jkunx apparenti għall-konsumatur, fatt li jeskludi kull assoċjazzjoni bejn is-servizzi tiegħu u s-sinjal inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Frisdranken Industrie Winters, C‑119/10, EU:C:2011:837, punt 33).

42      Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali rabta tkun teżisti meta l-operatur ta’ suq online jagħmel, bl-għajnuna ta’ servizz ta’ referenzar fuq l-internet u abbażi ta’ kelma prinċipali identika għal trade mark ta’ persuna oħra, reklamar għal prodotti ta’ dik it-trade mark offruti għall-bejgħ mill-klijenti tiegħu fis-suq online tiegħu. Fil-fatt, tali reklamar ikun joħloq, għall-utenti tal-internet li jwettqu tfittxija abbażi ta’ din il-kelma prinċipali, assoċjazzjoni evidenti bejn dawn il-prodotti ta’ ditta u l-possibbiltà li dawn jinxtraw permezz tal-imsemmi suq. Huwa għal din ir-raġuni li l-proprjetarju ta’ dik it-trade mark ikun jista’ jipprojbixxi lil dan l-operatur tali użu, meta dan ir-reklamar ikun jikser id-dritt ta’ trade mark minħabba l-fatt li dan ma jippermettix jew jippermetti biss b’mod diffiċli lill-utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent li jkun jaf jekk l-imsemmija prodotti joriġinawx mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark jew minn impriża ekonomikament marbuta miegħu jew, għall-kuntrarju, minn terz (ara. f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 93 u 97).

43      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 58, 59 u 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online jagħmilx huwa stess użu minn sinjal identiku għal trade mark ta’ persuna oħra, li jkun inkluż f’reklami relatati ma’ prodotti proposti minn bejjiegħa terzi f’dan is-suq, għandu jiġi evalwat jekk utent normalment informat u raġonevolment attent ta’ dan is-sit internet jistabbilixxix rabta bejn is-servizzi ta’ dan l-operatur u s-sinjal inkwistjoni.

44      Ir-rilevanza ta’ tali analiżi bl-ebda mod ma hija kkontestata mill-argument, imressaq minn Amazon u mill-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li skontu l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-utenti.

45      Ċertament, fil-punti 102 u 103 tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474), li l-kontenut tagħhom huwa mfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma semmietx b’mod espliċitu l-perċezzjoni tal-utent tas-suq online, destinatarju tal-komunikazzjoni kummerċjali inkwistjoni.

46      Madankollu, dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li l-perċezzjoni tal-utenti tas-suq online tittieħed inkunsiderazzjoni bħala element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sinjal inkwistjoni huwiex użat fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali stess tal-operatur ta’ dan is-suq.

47      Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, is-sit internet inkwistjoni kien jinkludi biss suq online, mingħajr ma kien jinkludi wkoll offerti ta’ bejgħ stess tal-operatur ta’ dak is-sit.

48      Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk reklam, ippubblikat fuq sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online minn bejjiegħ terz attiv f’dan tal-aħħar, li juża sinjal identiku għal trade mark ta’ persuna oħra jistax jitqies bħala li jagħmel parti integrali mill-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur tal-imsemmi sit internet, għandu jiġi vverifikat jekk dan ir-reklam jistax jistabbilixxi rabta bejn is-servizzi offruti minn dan l-operatur u s-sinjal inkwistjoni, għar-raġuni li utent normalment informat u raġonevolment attent ikun jista’ jemmen li huwa l-imsemmi operatur li jikkummerċjalizza, f’ismu u għan-nom tiegħu stess, il-prodott li għalih huwa użat is-sinjal inkwistjoni.

49      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi tal-każ, huma ta’ importanza sinjifikattiva, b’mod partikolari, il-mod ta’ preżentazzjoni tar-reklami, kemm individwalment kif ukoll fl-intier tagħhom, fuq is-sit internet inkwistjoni kif ukoll in-natura u l-portata tas-servizzi pprovduti mill-operatur tiegħu.

50      Fir-rigward, l-ewwel, tal-mod ta’ preżentazzjoni ta’ dawn ir-reklami, għandu jitfakkar li l-ħtieġa ta’ wiri trasparenti tar-reklami fuq l-internet hija prevista fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kummerċ elettroniku (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 95). Ir-reklami murija fuq sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online għandhom, għalhekk, jiġu ppreżentati b’mod li jippermetti lil utent normalment informat u raġonevolment attent jiddistingwi faċilment l-offerti li joriġinaw, minn naħa, mill-operatur ta’ dan is-sit internet u, min-naħa l-oħra, minn bejjiegħa terzi attivi fis-suq online li huwa integrat fih (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 94).

51      Issa, il-fatt li l-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online jirrikorri għal mod ta’ preżentazzjoni uniformi tal-offerti ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu, filwaqt li juri fl-istess ħin ir-reklami tiegħu stess u dawk tal-bejjiegħa terzi u li juri l-logo tiegħu stess ta’ distributur li għandu reputazzjoni kemm fuq is-sit internet tiegħu kif ukoll fuq dawn ir-reklami kollha, inklużi dawk relatati ma’ prodotti offruti minn bejjiegħa terzi, jista’ jirrendi diffiċli tali distinzjoni ċara u għalhekk jista’ jagħti lill-utent normalment informat u raġonevolment attent, l-impressjoni li jkun l-istess operatur li jikkummerċjalizza, f’ismu u għan-nom tiegħu stess, ukoll il-prodotti offruti għall-bejgħ minn dawn il-bejjiegħa terzi. Għaldaqstant, meta dawn il-prodotti jkollhom sinjal identiku għal trade mark ta’ persuna oħra, tali preżentazzjoni uniformi tista’ toħloq rabta, f’għajnejn dawn l-utenti, bejn dan is-sinjal u s-servizzi pprovduti minn dan l-istess operatur.

52      B’mod partikolari, meta l-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online jassoċja mad-diversi offerti, li joriġinaw minnu stess jew minn terz, mingħajr distinzjoni skont l-oriġini tagħhom, riferiment tat-tip “l-aħjar bejgħ”, “l-iktar imfittxija” jew “l-iktar offruti” sabiex, b’mod partikolari, jippromwovi wħud minn dawn l-offerti, tali preżentazzjoni tista’ ssaħħaħ fi ħdan l-utent normalment informat u raġonevolment attent l-impressjoni li l-prodotti hekk promossi huma kkummerċjalizzati minn dan l-operatur, f’ismu u għan-nom tiegħu stess.

53      It-tieni, in-natura u l-portata tas-servizzi pprovduti mill-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra suq online lill-bejjiegħa terzi li jipproponu prodotti li jkollhom is-sinjal inkwistjoni f’dan is-suq, bħal dawk li jikkonsistu b’mod partikolari fl-ipproċessar tal-mistoqsijiet tal-utenti relatati ma’ dawn il-prodotti jew mal-ħażna, mal-ispedizzjoni u mal-immaniġġjar tar-ritorn tal-imsemmija prodotti, jistgħu wkoll jagħtu l-impressjoni, lill-utent normalment informat u raġonevolment attent, li dawn l-istess prodotti huma kkummerċjalizzati mill-imsemmi operatur, f’ismu u għan-nom tiegħu stess, u għalhekk joħolqu rabta, f’għajnejn dawn l-utenti, bejn is-servizzi tiegħu u s-sinjali li jinsabu fuq dawn il-prodotti u fir-reklami ta’ dawn il-bejjiegħa terzi.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra, minbarra l-offerti ta’ bejgħ tiegħu stess, suq online jista’ jitqies bħala li jagħmel huwa stess użu minn sinjal identiku għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ta’ persuna oħra għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, meta bejjiegħa terzi jipproponu għall-bejgħ, f’dan is-suq, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, tali prodotti li jkollhom dan is-sinjal, jekk utent normalment informat u raġonevolment attent ta’ dan is-sit jistabbilixxi rabta bejn is-servizzi ta’ dan l-operatur u s-sinjal inkwistjoni, fatt li b’mod partikolari jkun il-każ meta, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni, tali utent ikun jista’ jkollu l-impressjoni li huwa l-imsemmi operatur li jikkummerċjalizza huwa stess, f’ismu u għan-nom tiegħu stess, il-prodotti li jkollhom l-imsemmi sinjal. F’dan ir-rigward, huma rilevanti l-fatt li dan l-operatur jirrikorri għal mod ta’ preżentazzjoni uniformi tal-offerti ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu, filwaqt li juri fl-istess ħin ir-reklami relatati mal-prodotti li huwa jbigħ f’ismu u għan-nom tiegħu stess u dawk relatati ma’ prodotti proposti minn bejjiegħa terzi fl-imsemmi suq, il-fatt li huwa juri l-logo tiegħu stess ta’ distributur li għandu reputazzjoni fuq dawn ir-reklami kollha u l-fatt li huwa joffri lill-bejjiegħa terzi, fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li jkollhom is-sinjal inkwistjoni, servizzi addizzjonali li jikkonsistu b’mod partikolari fil-ħażna u fl-ispedizzjoni ta’ dawn il-prodotti.

 Fuq lispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawk il-qrati li għandhom jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-operatur ta’ sit internet ta’ bejgħ online li jintegra, minbarra l-offerti ta’ bejgħ tiegħu stess, suq online jista’ jitqies bħala li jagħmel huwa stess użu minn sinjal identiku għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ta’ persuna oħra għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, meta bejjiegħa terzi jipproponu għall-bejgħ, f’dan is-suq, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, tali prodotti li jkollhom dan is-sinjal, jekk utent normalment informat u raġonevolment attent ta’ dan is-sit jistabbilixxi rabta bejn is-servizzi ta’ dan l-operatur u s-sinjal inkwistjoni, fatt li b’mod partikolari jkun il-każ meta, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni, tali utent ikun jista’ jkollu l-impressjoni li huwa l-imsemmi operatur li jikkummerċjalizza huwa stess, f’ismu u għan-nom tiegħu stess, il-prodotti li jkollhom l-imsemmi sinjal. F’dan ir-rigward, huma rilevanti l-fatt li dan l-operatur jirrikorri għal mod ta’ preżentazzjoni uniformi tal-offerti ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu, filwaqt li juri fl-istess ħin ir-reklami relatati mal-prodotti li huwa jbigħ f’ismu u għan-nom tiegħu stess u dawk relatati ma’ prodotti proposti minn bejjiegħa terzi fl-imsemmi suq, il-fatt li huwa juri l-logo tiegħu stess ta’ distributur li għandu reputazzjoni fuq dawn ir-reklami kollha u l-fatt li huwa joffri lill-bejjiegħa terzi, fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li jkollhom is-sinjal inkwistjoni, servizzi addizzjonali li jikkonsistu b’mod partikolari fil-ħażna u fl-ispedizzjoni ta’ dawn il-prodotti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.