Language of document : ECLI:EU:T:2019:353

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

23 ta’ Mejju 2019 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika ekonomika u monetarja – BĊE – Banek Ċentrali nazzjonali – Ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg – Involviment tas-settur privat – Klawżoli ta’ azzjoni kollettiva – Skambju obbligatorju ta’ titoli ta’ dejn Grieg – Kredituri privati – Opinjoni tal-BĊE – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Prinċipju pacta sunt servanda – Artikolu 17(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 63(1) TFUE – Artikolu 124 TFUE”

Fil-Kawża T‑107/17,

Frank Steinhoff, residenti f’Hamburg (il-Ġermanja),

Ewald Filbry, residenti f’Dortmund (il-Ġermanja),

Vereinigte l-Volksbank Gräfenberg-Forchheim-Eschenau-Heroldsberg eG, stabbilita f’Gräfenberg (il-Ġermanja),

Werner Bäcker, residenti f’Rodgau (il-Ġermanja),

EMB Consulting SE, stabbilita f’Mühltal (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn O. Hoepner u D. Unrau, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn O. Heinz u G. Varhelyi, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sostnew minħabba l-fatt li l-BĊE naqas, fl-opinjoni tiegħu tas‑17 ta’ Frar 2012 (CON/2012/12), li jiġbed l-attenzjoni tar-Repubblika Ellenika dwar in-natura illegali tar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg prevista permezz tal-iskambju ta’ titoli ta’ dejn obbligatorji,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, V. Kreuschitz (Relatur) u N. Półtorak, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        F’Ottubru 2009, il-kriżi tad-dejn pubbliku Grieg bdiet meta l-Gvern Grieg ħabbar li l-iżbilanċ pubbliku kien ammonta għal 12.5 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG), u mhux għal 3.7 % kif dan kien ġie ppubblikat qabel. Din l-aħbar saħħet b’mod qawwi l-inċertezza dwar il-bażi ekonomika tar-Repubblika Ellenika u b’hekk wasslet għal diversi tnaqqis suċċessiv fil-klassifikazzjoni finanzjarja tagħha u żieda kostanti tar-rati ta’ interessi mitluba mis-swieq finanzjarji sabiex jiffinanzjaw id-dejn pubbliku Grieg.

2        Fi tmiem April 2010, aġenzija tal-klassifikazzjoni naqqset il-klassifikazzjoni tat-titoli ta’ kreditu Griegi minn BBB– għal dik ta’ BB+, kategorija meqjusa fis-swieq bħala ta’ riskju għoli ta’ dejn. B’hekk, fis‑27 ta’ April 2010, l-aġenzija tal-klassifikazzjoni Standard & Poor (S & P) wissiet lid-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi li fil-każ ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg jew ta’ nuqqas ta’ pagament min-naħa tal-Istat Grieg il-possibbiltajiet li jirkupraw kienu biss medja bejn 30 u 50 % ta’ flushom.

3        Fid-dawl tal-fatt li l-kriżi tad-dejn Grieg kienet thedded li taffettwa lil Stati Membri oħra taż-żona euro u kienet tqiegħed fil-periklu l-istabbiltà taż-żona euro fl-intier tagħha, waqt summit tal-Kunsill Ewropew tal‑25 ta’ Marzu 2010, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern taż-żona euro ftiehmu sabiex jistabbilixxu mekkaniżmu intergovernattiv ta’ għajnuna lir-Repubblika Ellenika li kien jikkonsisti f’self bilaterali kkoordinat b’rati ta’ interessi mhux konċessjonali, jiġifieri mingħajr ebda element ta’ sussidju. L-għoti tas-self kien suġġett għal kundizzjonijiet ibsin u l-attivazzjoni tiegħu kellha sseħħ wara talba mir-Repubblika Ellenika. Il-mekkaniżmu ta’ għajnuna kien jinkludi wkoll parteċipazzjoni sostanzjali mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

4        Fit‑2 ta’ Mejju 2010, skont il-mekkaniżmu ta’ għajnuna msemmi hawn fuq, l-Istati Membri taż-żona euro ftiehmu sabiex jagħtu lir-Repubblika Ellenika EUR 80 biljun fil-kuntest ta’ pakkett finanzjarju ta’ EUR 110 biljun allokat b’mod konġunt mal-FMI.

5        Fid‑9 ta’ Mejju 2010, fil-kuntest tal-Kunsill Ecofin, ġie deċiż li jittieħdu għadd ta’ miżuri li jinkludu, minn naħa, l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal‑11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU 2010, L 118, p. 1) fuq il-bażi tal-Artikolu 122(2) TFUE u, min-naħa l-oħra, il-ħolqien tal-Fond Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja (FESF). Mis‑7 ta’ Ġunju 2010, il-FESF inħolqot mill-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-FESF iffirmaw il-ftehim qafas li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-EFSF ser jipprovdi sostenn għall-istabbiltà.

6        F’nofs l‑2011, ir-Repubblika Ellenika, l-Istati Membri taż-żona tal-Euro u diversi kredituri tal-Istat Grieg bdew diskussjonijiet bil-ħsieb tal-introduzzjoni ta’ programm ġdid ta’ għajnuna finanzjarja. Dawn id-diskussjonijiet kellhom għan ġenerali jippermettu lir-Repubblika Ellenika titreġġa’ lura għal sitwazzjoni finanzjarja sostenibbli. Wieħed mill-elementi kkunsidrati kien ir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, fejn il-kredituri privati tar-Repubblika Ellenika jikkontribwixxu sabiex inaqqsu l-ammont ta’ dan id-dejn, sabiex b’hekk jevitaw sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ pagament.

7        F’Ġunju u Lulju 2011, l-Istati Membri taż-żona tal-Euro u diversi kredituri privati tal-Istat Grieg ressqu proposti ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg.

8        Skont stqarrija għall-istampa tal‑1 ta’ Lulju 2011, l-Istitut Internazzjonali tal-Finanzi (IIF) iddikjarat, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Il-Bord tad-Direttur tal-Istitut Internazzjonali tal-Finanzi jfittex li jaħdem mal-assoċjati tiegħu u mal-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra, mas-settur pubbliku u l-awtoritajiet Elleniċi, mhux biss sabiex joffri lir-[Repubblika Ellenika] kontribuzzjoni sostanzjali f’termini ta’ likwidità, iżda wkoll sabiex jistabbilixxi l-pedamenti ta’ pożizzjoni ta’ dejn iktar sostenibbli.

Il-komunità finanzjarja privata hija lesta li tagħmel sforz volontarju ta’ kooperazzjoni, trasparenti u fuq skala kbira, sabiex tappoġġja lir-[Repubblika Ellenika], fid-dawl tan-natura unika u eċċezzjonali taċ-ċirkustanzi […]

Il-kontribuzzjoni tal-investituri privati ser tkun qiegħda tikkumplimenta s-sostenn finanzjarju u tat-teżor pubbliku u ser tkun limitata għal numru limitat ta’ opzonijiet […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Fil‑21 ta’ Lulju 2011, il-kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern taż-żona tal-euro u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu sabiex jiddeliberaw dwar miżuri li għandhom jittieħdu sabiex id-diffikultajiet li kienet qiegħda tiffaċċja ż-żona tal-euro jingħelbu.

10      Fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tal‑21 ta’ Lulju 2011, hemm espost, b’mod partikolari, dan li ġej:

“1.      Aħna ssodisfatti bil-miżuri meħuda mill-Gvern Grieg sabiex jistabbilizza l-finanzi pubbliċi tiegħu u [sabiex] jirriforma l-ekonomija tiegħu, kif ukoll is-sensiela l-ġdida ta’ miżuri, inklużi dawk ta’ privatizzazzjoni, li ġiet adottata reċentement mill-Parlament Grieg. Dawn il-miżuri jikkostitwixxu sforzi mingħajr preċedent, iżda li huma neċessarji sabiex l-ekonomija Griega terġa’ taqbad it-triq ta’ tkabbir sostenibbli. Aħna nagħrfu l-isforzi li l-miżuri ta’ aġġustament jikkawżaw liċ-ċittadini Griegi u ninsabu konvinti li dawn is-sagrifiċċji huma indispensabbli għall-irkupru ekonomiku u li dawn ser jikkontribwixxu għall-istabbiltà u għall-prosperità futuri tal-pajjiż.

2.      Aħna naqblu li nappoġġjaw programm ġdid għar-[Repubblika Ellenika] u, flimkien mal-FMI u l-kontribuzzjoni volontarja tas-settur privat, li nkopru b’mod sħiħ id-defiċit ta’ finanzjament. Il-finanzjament pubbliku totali ser ikun ta’ ammont stmat li jlaħħaq EUR 109 biljun. Dan il-programm ser ikun intiż, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ tnaqqis tar-rati ta’ interess u ta’ estensjoni taż-żmien għal ħlas lura, sabiex id-dejn jerġa’ jinġieb għal livell ħafna iktar sopportabbli u sabiex il-profil ta’ finanzjament mill-ġdid [tar-Repubblika Ellenika] jitjieb. Inħeġġu lill-FMI sabiex ikompli jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-programm il-ġdid [għar-Repubblika Ellenika]. Għandna l-intenzjoni nużaw il-[FESF] bħala strument ta’ finanzjament għall-iżborż li jmiss. Ser insegwu mill-qrib ħafna l-implimentazzjoni rigoruża tal-programma abbażi ta’ evalwazzjoni regolari mwettqa mill-Kummissjoni [Ewropea] b’ħidma mal-BĊE u l-FMI.

[…]

5.      Is-settur finanzjarju indika li kien lest jappoġġja [lir-Repubblika Ellenika] fuq bażi volontarja billi jagħmel użu minn diversi possibbiltajiet li jippermettu li l-vijabbiltà globali tissaħħaħ iktar. Il-kontribut nett tas-settur privat huwa stmat għal EUR 37 biljun […]”.

11      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tas-settur privat, huwa indikat fil-punt 6 tal-imsemmija dikjarazzjoni tal‑21 ta’ Lulju 2011 dan li ġej:

“F’dak li jikkonċerna l-approċċ ġenerali fir-rigward tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fiż-żona tal-euro, nixtiequ nippreċiżaw li [r-Repubblika Ellenika] teħtieġ soluzzjoni eċċezzjonali u speċifika immens.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Matul is-summit tagħhom tas‑26 ta’ Ottubru 2011, il-kapijiet tal-Istat jew ta’ gvern taż-żona tal-euro ddikjaraw, b’mod partikolari, dan li ġej:

“12.      Il-parteċipazzjoni tas-settur privat għandha rwol vitali sabiex id-dejn [tar-Repubblika Ellenika] jerġa’ jitpoġġa f’livell sopportabbli. Dan għaliex aħna ssodisfatti bid-diskussjonijiet li għaddejjin bejn [ir-Repubblika Ellenika] u l-investituri privati tagħha intiżi sabiex tinstab soluzzjoni li tippermetti li l-parteċipazzjoni tas-settur privat tiżdied. B’mod parallel għal programm ta’ riforma ambizzjuż għall-ekonomija Griega, il-parteċipazzjoni tas-settur privat għandha tiggarantixxi t-tnaqqis tal-proporzjon bejn id-dejn Grieg u l-Prodott Gross Domestiku, bl-għan ikun li tintlaħaq ir-rata ta’ 120 % minn issa sal-2020. Għal dan l-għan, nistiednu [lir-Repubblika Ellenika], lill-investituri privati u l-partijiet kollha kkonċernati sabiex jistabbilixxu skambju volntarju ta’ bonds bi tnaqqis nominali ta’ 50 % fuq il-valur kunċettwali tad-dejn Grieg miżmum mill-investituri privati. L-Istati Membri taż-żona tal-euro ser jikkontribwixxu għall-miżuri kollha relatati mal-parteċipazzjoni tas-settur privat sa EUR 30 biljun. Abbażi ta’ dan, is-settur pubbliku huwa lest jipprovdi finanzjament addizzjonali skont il-programm ta’ ammont li jlaħħaq sa EUR 100 biljun sal-2014, inkluż il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid meħtieġa tal-banek Grieg. Il-programm il-ġdid għandu jiġi deċiż minn issa sa tmiem l-2011 u l-iskambju ta’ bonds għandu jiġi implimentat sal-bidu tal-2012. Nitolbu lill-FMI sabiex ikompli jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-programm Grieg il-ġdid.

[…]

15.      F’dak li jikkonċerna l-approċċ ġenerali tagħna fir-rigward tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fiż-żona tal-euro, infakkru d-deċiżjoni li ħadna fil‑21 ta’ Lulju [2011], li tgħid li s-sitwazzjoni [tar-Repubblika Ellenika] teħtieġ soluzzjoni eċċezzjonali u unika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Skont stqarrija għall-istampa tal-Ministeru għall-Finanzi Grieg tas‑17 ta’ Novembru 2011, l-imsemmi ministru kien nieda negozjati mad-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi bl-għan li jipprepara tranżazzjoni ta’ skambju volontarju ta’ tali titoli bi tnaqqis (“haircut”) nominali ta’ 50 % fuq il-valur kunċettwali (“notional value”) tad-dejn Grieg miżmum mill-investituri privati, kif previst fil-punt 12 tad-dikjarazzjoni tas‑26 ta’ Ottubru 2011.

14      Fit‑2 ta’ Frar 2012, ir-Repubblika Ellenika talbet, skont l-Artikolu 127(4) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 282(5) TFUE, lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għal opinjoni dwar l-abbozz tal-Liġi Ellenika Nru 4050/2012, li introduċa regoli li jemendaw il-kundizzjonijiet applikabbli għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Grieg fil-kuntest ta’ ftehimiet mal-proprjetarji tagħhom, għall-finijiet tar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, ibbażata b’mod partikolari fuq l-applikazzjoni tal-“klawżoli ta’ azzjoni kollettiva” (iktar’ il quddiem il-“KAK”).

15      Fis‑17 ta’ Frar 2012, il-BĊE ħareġ l-Opinjoni CON/2012/12 dwar titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Grieg (iktar ’il quddiem l-“opinjoni kontenzjuża”). Mill-imsemmija opinjoni jirriżulta b’mod partikolari li, l-ewwel nett, “huwa importanti li l-Istati Membri jżommu l-kapaċità li jonoraw l-impenji tagħhom f’kull ħin, ukoll sabiex jiggarantixxu l-istabbiltà finanzjarja”, it-tieni nett, “[i]l-każ tar-Repubblika Ellenika huwa eċċezzjonali u uniku” (paragrafu 2.1), it-tielet nett, l-iskop tal-abbozz ta’ liġi huwa li jippromwovi parteċipazzjoni tas-settur privat u b’mod partikolari l-bidu ta’ proċedura li tiffaċilita, konformement ma’ KAK, in-negozjati mad-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi u l-ksib tal-kunsens tagħhom, kontra offerta mir-Repubblika Ellenika sabiex tiskambja tali titoli u, għaldaqstant, ristrutturazzjoni possibbli tad-dejn pubbliku Grieg (paragrafu 2.2), ir-raba’ nett, “[i]l-BĊE jilqa’ l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ tali skambju huma r-riżultat ta’ negozjati bejn ir-Repubblika Ellenika u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw id-detenturi ta’ titoli” (paragrafu 2.3), fil-ħames nett, “[l]-użu ta’ KAK bħala proċedura għat-twettiq ta’ skambju ta’ titoli huwa fil-biċċa l-kbira konformi mal-prattika ġenerali […]” (paragrafu 2.4), u li, is-sitt nett, “il-Gvern tar-Repubblika Ellenika jassumi r-responsabbiltà biss li jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex finalment jiżgura l-vijabbiltà tad-djun tiegħu” (paragrafu 2.6).

16      Fi stqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Frar 2012, il-Ministeru għall-Finanzi Grieg, minn naħa, żvela l-karatteristiċi essenzjali tat-tranżazzjoni maħsuba ta’ skambju volontarju ta’ titoli ta’ dejn Griegi u, min-naħa l-oħra, ħabbar il-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ liġi għal dan l-għan. Din it-tranżazzjoni kellha tinkludi talba ta’ ftehim u stedina indirizzata lid-detenturi privati ta’ ċerti titoli ta’ dejn Griegi bl-għan li dawn tal-aħħar jiġu skambjati dawn tal-aħħar mat-titoli l-ġodda b’valur nominali ugwali għal 31.5 % tal-valur tad-dejn skambjat kif ukoll ma’ titoli maħruġa mill-FESF li jimmaturaw wara 24 xahar u li għandhom valur nominali ta’ 15 % ta’ dak tad-dejn skambjat, u dawn it-titoli differenti għandhom jiġu pprovduti mir-Repubblika Ellenika mal-għeluq tal-ftehim. Barra minn hekk, kull investitur privat parteċipanti f’din it-tranżazzjoni kellu jirċievi sigurtajiet separabbli tar-Repubblika Ellenika marbuta mal-PDG b’valur kunċettwali ugwali għal dak tat-titoli ta’ dejn il-ġodda.

17      Fil‑21 ta’ Frar 2012, il-Grupp tal-euro ħareġ dikjarazzjoni, fejn “ħa nota tal-ftehim bejn l-awtoritajiet Griegi u s-settur privat dwar it-termini ġenerali tal-offerta ta’ skambju tat-titoli ta’ dejn, li tkopri d-detenturi kollha ta’ titoli ta’ dejn tas-settur privat” u kkonstata li “[i]s-suċċess tal-operazzjoni ta’ [parteċipazzjoni ta’ investituri privati, Private Sector Involvement] [kienet] kundizzjoni meħtieġa għall-pjan ta’ emerġenza”.[traduzzjoni mhux uffiċjali] Barra minn hekk, il-Grupp tal-euro kkonferma l-għoti ta’ għajnuna finanzjarju addizzjonali mill-Istati Membri taż-żona tal-euro lir-Repubblika tal-Greċja permezz tal-EFSF u rrileva li “[il-]kontribuzzjonijiet rispettivi tas-settur pubbliku u dak privat [kellhom] jiżguraw li l-proporzjon tad-dejn pubbliku Grieg jonqos b’mod kontinwu u ser jilħaq 120.5 % tal-PDG fl-2020”.

18      Fit‑23 ta’ Frar 2012, il-Parlament Grieg adotta n-nomós 4050, Kanónes tropopoiíseos títlon, ekdóseos í engyíseos tou Ellinikoú Dimosíou me symfonía ton Omologioúchon (il-Liġi Nru 4050/2012 dwar il-Modifika tat-Titoli Maħruġa jew Iggarantiti mill-Istat Grieg bi Ftehim mad-Detenturi Tagħhom u li Tintroduċi Mekkaniżmu ta’ KAK (FEK A’ 36, tat‑23 ta’ Frar 2012).). Skont il-mekkaniżmu tal-KAK, l-emendi proposti saru legalment vinkolanti għal kull detentur ta’ titoli ta’ dejn irregolati mid-dritt Grieg u maħruġa qabel il‑31 ta’ Diċembru 2011, kif identifikati fl-att tal-Kunsill tal-Ministri li japprova l-istediniet ta’ parteċipazzjoni ta’ investituri privati (Private Sector Involvement, iktar ’il quddiem il-“PSI”), jekk l-imsemmija emendi jiġu approvati, b’mod kollettiv u mingħajr distinzjoni skont is-serje, permezz ta’ quorum ta’ detenturi ta’ titoli li jirrappreżentaw tal-inqas żewġ terzi mill-valur nominali tal-imsemmija titoli. Barra minn hekk, fil-preambolu tal-Liġi Nru 4050/2012, b’mod partikolari hemm indikat li “il-B[ĊE] u l-membri l-oħra tal-Eurosistema kkonkludew ftehimiet partikolari mar-[Repubblika Ellenika] sabiex jiġi evitat li l-missjoni tagħhom u r-rwol istituzzjonali tagħhom, l-istess bħar-rwol tal-B[ĊE] fil-qasam ta’ tfassil tal-politika monetarja, kif jirriżultaw mit-trattat, ma jkunux kompromessi”.

19      Fi stqarrija għall-istampa tal‑24 ta’ Frar 2012, il-Ministeru għall-Finanzi Grieg ippreċiża l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tranżazzjoni ta’ skambju volontarju ta’ titoli ta’ dejn li jinvolvu lill-investituri privati billi rrefera għal-Liġi Nru 4050/2012. Insegwitu tnedew stediniet pubbliċi sabiex jipparteċipaw fi skambju ta’ titoli ta’ dejn.

20      Fi stqarrija għall-istampa tad‑9 ta’ Marzu 2012, il-Ministeru għall-Finanzi Grieg iddikjara li, fil-prinċipju, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Liġi Nru 4050/2012 kienu ġew issodisfatti u ħabbar il-proporzjonijiet li fihom il-kredituri partijiet privati kienu aċċettaw l-offerta ta’ skambju. F’dan ir-rigward, ġie b’mod partikolari indikat kif ġej:

“[I]d-detenturi ta’ titoli ta’ dejn maħruġin jew iggarantiti mir-Repubblika [Ellenika] f’ammonta ta’ madwar EUR 172 biljun ppreżentaw it-titoli ta’ dejn tagħhom għall-iskambju jew qablu mal-emendi proposti bi tweġiba għall-istediniet u għat-talbiet ta’ ftehim magħmula mir-Repubblika [Ellenika] [fl‑24 ta’ Frar 2012.

Fuq il-madwar EUR 177 biljun ta’ titoli ta’ dejn irregolati mid-dritt Grieg u maħruġa mir-Repubblika [Ellenika] u li kienu s-suġġett ta’ stediniet, ir-Repubblika [Ellenika] rċeviet offerti ta’ skambju u ftehimiet minn detenturi ta’ titoli ta’ dejn b’valur nominali ta’ madwar EUR 152 biljun, li jirrappreżenta 85.8 % tal-ammont nominali li għadu mhux regolat minn dawn it-titoli. Id-detenturi ta’ 5.3 % tal-ammont nominali li għadu mhux regolat ta’ dawn it-titoli ipparteċipaw fit-talba ta’ ftehim u rrifjutaw l-emendi proposti. Ir-Repubblika [Ellenika] informat lill-kredituri tagħha tas-settur pubbliku li, hekk kif ikun hemm il-konferma u ċ-ċertifikazzjoni mill-Bank [Ċentrali Grieg], fil-kwalità tiegħu ta’ amministratur tal-proċedura skont il-Liġi Nru 4050/2012 [,] hija għandha l-intenzjoni li taċċetta l-ftehimiet irċevuti u li temenda l-kundizzjonijiet tat-titoli kollha ta’ dejn irregolati mid-dritt Grieg, inklużi dawk li ma ġewx ippreżentati għall-iskambju wara l-istediniet, skont it-termini tal-liġi msemmija iktar ‘il fuq. Konsegwentement, ir-Repubblika [Ellenika] mhux ser testendi l-perijodu ta’ stedina għal titoli ta’ dejn irregolati mid-dritt Grieg.

[…] Jekk il-ftehimiet dwar l-emendi proposti ta’ titoli ta’ dejn irregolati mid-dritt Grieg ikunu aċċettati, il-valur totali nominali tal-imsemmija titoli li għandhom jiġu skambjati u titoli oħra [irregolati taħt id-dritt Grieg] li kienu s-suġġett tal-istediniet u li għalihom ir-Repubblika Ellenika rċeviet offerti ta’ skambju u ftehimiet dwar l-emendi proposti li jammontaw għal EUR 197 biljun, jew 95.7 % tal-valur nominali tat-titoli ta’ dejn koperti mill-istediniet.”

21      Ir-rikorrenti, Frank Steinhoff u Ewald Filbry, Vereinigte Raiffeisenbanken Gräfenberg-Forchheim-Eschenau-Heroldsberg eG, Werner Bäcker kif ukoll EMB Consulting SE, bħala detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi, ipparteċipaw fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, taħt il-PSI u l-KAK implimentati skont il-Liġi 4050/2012 wara li rrifjutaw l-offerta li jiskambjaw it-titoli tagħhom.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

23      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

24      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad‑29 ta’ Mejju 2018.

25      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-BĊE jħallas EUR 314 000 lil F. Steinhoff, EUR 54 950 lil E. Fibry, EUR 2 355 000 lill-Vereinigte Raiffeisenbanken Gräfenberg-Forchheim-Eschenau-Heroldsberg, EUR 303 795 lil Werner Bäcker u EUR 750 460 lil EMB Consulting;

–        jiżdiedu dawn l-ammonti ta’ interessi ta’ 5 % ’il fuq mir-rata ta’ bażi mid-data tal-litis pendens.

26      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

27      Il-BĊE jqis li r-rikors tar-rikorrenti huwa inammissibbli għal erba’ raġunijiet: l-ewwel nett, ir-rikors huwa preskritt, it-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex il-ġurisidizzjoni sabiex tagħti l-kundanni mitluba, it-tielet nett, il-BĊE ma setax jinżamm responsabbli fl-aasenza ta’ setgħa li jadotta att legalment vinkolanti, u, fir-raba’ lok, ma kien hemm l-ebda responsabbiltà mhux kuntrattwali għal ommissjoni fil-każ ta’ assenza ta’ obbligu li taġixxi.

28      Ir-rikorrenti jikkontestaw li r-rikors tagħhom huwa inammissibbli.

1.      Fuq il-preskrizzjoni tar-rikors u l-ammissibbiltà tal-annessi

29      Il-BĊE josserva li, minn naħa, id-danni allegati mir-rikorrenti jirriżultaw mill-PSI li ġiet ippubblikata fid‑9 ta’ Marzu 2012 u, min-naħa l-oħra, dan ir-rikors tar-rikorrenti, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Frar 2017, kien is-suġġett ta’ talbiet għal regolarizzazzjoni li kienu ġew irrimedjati fil‑15 ta’ Marzu 2017. Il-BĊE minn dan jiddeduċi li l-Qorti Ġenerali ġiet adita bir-rikors tar-rikorrenti biss fil-15 ta’ Marzu 2017 u, konsegwentement, li l-imsemmi rikors huwa preskritt skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

30      Skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-azzjonijiet kontra l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni hija interrotta bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. L-Artikolu 46 tal-imsemmi statut jippreċiża li huwa japplika wkoll għal rikorsi kontra l-BĊE dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali.

31      Fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti jqisu li l-opinjoni kontenzjuża, mogħtija fis‑17 ta’ Frar 2012, tikkostitwixxi l-fatt li jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE. Fis‑16 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-rikors tagħhom għad-danni. Konsegwentement, ir-rikors tagħhom ġie ppreżentat fi żmien ħames snin mill-adozzjoni tal-imsemmija opinjoni u ma jistax jiġi kkunsidrat bħala preskritt.

32      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li r-rikors kien is-suġġett ta’ talbiet mir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali għal regolarizzazzjoni dwar, l-ewwel nett, il-produzzjoni tal-annessi b’paġinazzjoni kontinwa, imma separati mill-att tal-proċedura li magħha huma annessi (ara l-Anness 2(k) tad-Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali (ĠU 2015, L 152, p. 1) fil-verżjoni tagħhom applikabbli fil-mument ta’ dawn it-talbiet (iktar ’il quddiem id-“Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni”) u, it-tieni nett, il-produzzjoni ta’ kopja ċċertifikata konformi mal-att tal-proċedura, flimkien mal-annessi tiegħu (ara l-Anness 2(h), (j) u (m) tad-Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni), u lanqas bil-fatt li r-rikorrenti rrimedjaw dawn l-irregolaritajiet biss fil‑15 ta’ Marzu 2017.

33      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jallega l-BĊE, ir-regolarizzazzjoni ta’ rikors ma jaffettwax, fil-prinċipju, la d-data tal-preżentazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas il-klassifikazzjoni tal-preżentata tiegħu fit-termini previsti fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jew fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. B’applikazzjoni tal-punt 111 tad-Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni, talba vvizzjata minn irregolaritajiet ta’ forma msemmija fl-Anness 2 tal-imsemmija dispożizzjonijiet tista’ tirriżulta biss f’dewmien tat-tifsira tagħha. Meta rikors jiġi rregolarizzat, id-data tal-preżentata tal-imsemmi rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tibqa’ għaldaqstant l-istess. Rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli biss meta ma jistipulax l-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura u dawk l-elementi ma jiġux prodotti qabel it-ermini għall-preżentata ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il-Kummissjoni, 50/84, EU:C:1984:365, punt 8, u tas‑16 ta’ Diċembru 2011, Enviro Tech Europe u Enviro Tech International vs Il-Kummissjoni, T‑291/04, EU:T:2011:760, punt 95) jew fejn huwa s-suġġett ta’ talba għal regolarizzazzjoni minħabba li ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet spreċifikati fl-Anness I tad-Dispożizzjonijiet prattiċi għal-implimentazzjoni u li r-rikorrent ma għamilx ir-regolarizzazzjoni mitluba (ara l-punt 110 tad-Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni).

34      Il-BĊE kkonstata wkoll li bosta annessi mar-rikors ma kinux ġew tradotti mill-Grieg għal-lingwa tal-kawża, il-Ġermaniż. Waqt is-seduta, wara mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, il-BĊE speċifika li mill-assenza ta’ traduzzjoni tal-imsemmija annessi fil-lingwa tal-kawża huwa kien ikkonkluda li kellhom jiġu miċħud bħala inammissibbli.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 46(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull dokument prodott jew mehmuż u redatt f’lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża għandu jkollu miegħu traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu jipprevedi madankollu li, fil-każ ta’ dokumenti voluminużi, jistgħu jiġu ppreżentati traduzzjonijiet ta’ estratti. It-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża tad-dokumenti annessi mar-rikors ma hijiex għaldaqstant rekwiżit li għandu jiġu sistematikament issodosfatt. Konsegwentement, assenza ta’ traduzzjoni ma tistax ex officio twassal għall-inammissibbiltà tagħhom

36      Barra minn hekk, mill-punt 108 tad-Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni (li sar il-punt 99 wara l-Emendi tad-Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ĠU 2018, L 294, p. 40) jirriżulta li meta d-dokumenti annessi ma’ att tal-proċedura ma jkunux akkumpanjati minn traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża, ir-Reġistratur għandu jitlob lill-parti kkonċernata li tirregolarizza dan in-nuqqas jekk din it-traduzzjoni tidher neċessarja għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura. Fil-każ inkwistjoni, tali talba ma saritx, b’tali mod li l-assenza ta’ traduzzjoni ma tqisitx bħala li taffettwa l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura.

37      Fid-dawl ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-assenza ta’ traduzzjoni tal-annessi inkwistjoni fil-lingwa tal-proċedura, minn naħa, ma tikkostitwixxix irregolarità li twassal għall-inammissibbiltà tagħha u, min-naħa l-oħra, ma tikkontestax id-data tal-preżentata tar-rikors u, konsegwentement, l-assenza ta’ preskrizzjoni ta’ dan ir-rikors.

38      Għar-raġunijiet preċedenti kollha, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tal-BĊE li r-rikors tar-rikorrenti huwa preskritt u l-annessi li ma kinux ġew tradotti fil-lingwa tal-kawża huma inammissibbli.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

39      Il-BĊE jqis li d-dannu allegat kien ġie kkawżat minn miżura purament nazzjonali. Konsegwentement, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu ma tistax tiġi invokata u l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisidizzjoni.

40      Insostenn għal din l-allegazzjoni l-ewwel nett il-BĊE jqis li t-telf li r-rikorrenti jqisu li sofrew ma huwiex riżultat tal-aġir tiegħu imma, minn naħa, ta’ dak tal-Parlament Grieg li adotta l-Liġi Nru 4050/2012 u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-maġġoranza tad-detenturi tat-titoli ta’ dejn ikkonċernati. It-tieni nett, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku ta’ Stat Membru taqa’ esklużivament fil-kompetenza tal-Istati Membri. B’hekk, bl-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx implimentat id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). It-tielet nett, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-Liġi Nru 4050/2012 timplimentax id-dritt tal-Unjoni, hija r-Repubblika Ellenika u mhux il-BĊE li għandha tikkumpensa lir-rikorrenti għat-telf kollu allegat peress li, skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni, fosthom l-obbligu li jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Ir-raba’ nett, l-opinjoni kontenzjuża ma tikkonċernax — u ma tistax tikkonċerna — il-karatteristiċi speċifiċi tal-PSI. Id-deċiżjoni li tipproponi l-PSI u l-idea ta’ dan kienet esklużivament tal-entitajiet tar-Repubblika Ellenika. Barra minn hekk, id-deċiżjoni sabiex jiġu aċettati l-kundizzjonijiet tal-PSI kienet ittieħdet b’maġġoranza kwalifikata tal-kredituri privati.

41      Ir-rikorrenti jqisu li l-opinjoni kontenzjuża hija kawża determinanti tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni mill-Istat Grieg permezz tal-Liġi Nru 4050/2012.

42      Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ kawżi dwar danni li l-BĊE kien ikkawża, u dan konforemement mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri.

43      Peress li r-rikorrenti jallegaw li d-dannu tagħhom jirriżulta mill-adozzjoni mill-BĊE tal-opinjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisidizzjoni sabiex teżamina din l-allegazzjoni abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE.

44      Il-fatt li l-BĊE jqis li l-imsemmi dannu jkun ġie kkawżat mhux mill-opinjoni kontenzjuża, iżda mill-aġir tar-Repubblika Ellenika u minn detenturi oħra ta’ titoli ta’ dejn Griegi, ma jikkontestax din il-konklużjoni.

45      Fil-fatt, din il-kwistjoni tirrigwarda l-eżami tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri fil-każ inkwistjoni d-determinazzjoni tal-avveniment li wassal għar-responsabbiltà u r-rabta kawżali bejn dak l-avveniment u d-dannu allegat li huma s-suġġett tal-eżami tal-mertu ta’ dan ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 1998, Dubois et Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑113/96, EU:T:1998:11, punt 34, u tat‑3 ta’ Mejju 2017, Sotiropoulou et vs Il-Kunsill, T‑531/14, mhux ippubblikati, EU:T:2017:297, punti 58 sa 61).

46      Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni li d-danni allegati ma kinux ġew ikkawżati mill-opinjoni kontenzjuża, din il-konklużjoni ma tbiddilx la l-portata u lanqas is-suġġett ta’ dan ir-rikors li għandu l-għan li jikkundanna lill-BĊE sabiex jikkumpensa lir-rikorrenti, lanqas il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tagħha. F’dan il-każ il-Qorti Ġenerali għandha, fil-fatt, ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi li l-BĊE ma jistax ikun attribwit l-imsemmi dannu u sabiex tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat.

47      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tal-BĊE li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisidizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali allegata mir-rikorrenti.

 Fuq l-assenza ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali fl-assenza tad-dritt li tagħti struzzjonijiet vinkolanti ġuridikament

48      Il-BĊE jqis li r-rikors tar-rikorrenti huwa inammissibbli, għaliex, billi tagħti l-opinjoni tagħha skont l-Artikolu 127(4) u l-Artikolu 282(5) TFUE, hija ma għandhiex setgħa li tagħti istruzzjonijiet vinkolanti ġuridikament. Għaldaqstant, huwa tqis li dan ma jista’ jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu meta tagħti tali opinjoni.

49      Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, il-BĊE jqis li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali jew l-assistenza teknika mhux vinkolanti li jipprovdu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma tistax tinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni lejn l-individwi. Rikors għad-danni huwa inammissibbli meta l-miżura tal-istituzzjoni tal-Unjoni hija ta’ natura purament politika. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika, f’dan il-każ, aġixxiet f’qasam ta’ kompetenza purament nazzjonali. Finalment, il-BĊE jikkontesta, minn naħa, li l-ġurisprudenza l-iktar reċenti aċċettat li atti legali mhux vinkolanti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jinvovlu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni meta dawn l-atti jirriżultaw f’aġir illegali mill-awtoritajiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li dawn l-opinjonijiet tiegħu jkunu vinkolanti ġuridikament fuq l-Istati Membri.

50      Ir-rikorrenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors għad-danni jikkostitwixxi rimedju ġudizzjarju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tiegħu stabbiliti minħabba l-għan speċifiku tiegħu. Filwaqt li r-rikorsi għal annullament u dak għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandhom l-għan li tiġi ssanzjonata l-illegalità ta’ att ġuridikament vinkolanti jew l-assenza ta’ tali att, ir-rikors għad-danni għandu bħala għan it-talba għal kumpens ta’ dannu li jirriżulta minn att jew minn aġir illeċitu imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 61).

52      Skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għal danni kkawżati lil individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni li huma imputabbli lil istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, applikabbli mutatis mutandis għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, dritt għal kumpens għad-danni huwa rrikonoxxut sakemm jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li dispożizzjoni legali miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi u li l-ksur ikun gravi biżżejjed, li r-realta’ tad-dannu tiġi stabbilita u fl-aħħar nett, li tkun teżisti rabta ta’ kawżalità diretta bejn il-ksur tal-obbligu impost fuq l-awtur tal-att u l-ħsara mġarrba mill-persuni leżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs Fresh Marine, C‑472/00 P, EU:C:2003:399, punt 25, tat-23 ta’ Marzu 2004, Médiateur/Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ April 2017, Médiateur vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 31).Ġabra p. I-7541, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Għalhekk, hija biss l-illegalità ta’ istituzzjoni li twassal għal tali ksur suffiċjentement serju li tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni. Il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa suffiċjentement serju huwa dak tal-kriterju tan-nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, min-naħa ta’ istituzzjoni, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs IL-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ April 2017, L-Ombudsman vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss meta dik l-istituzzjoni jew dak il-korp ikollu biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment ristrett, jew saħansitra ineżistenti, li s-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-kriterju tal-ksur serju biżżejjed ta’ dispożizzjoni legali huwa applikabbli fejn ma hemmx inkwistjoni att individwali iżda wkoll ommissjoni individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2017, Acquafarm vs Il-Kummissjoni, T‑458/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:810, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit jekk istituzzjoni tinvolvix r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha, hemm lok li jiġi evalwat l-aġir tagħha li huwa fl-oriġini tad-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punt 60), jiġifieri, f’dan il-każ, jekk l-adozzjoni tal-opinjoni kontenzjuża mill-BĊE kkostitwixxiet ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tad-dritt tal-Unjoni li wasslet għad-dannu mressaq mir-rikorrenti.

55      Kuntrarjament għar-rikros għal annullament, l-ammissibbiltà ta’ rikors għad-danni ma tiddependix min-natura deċiżjonali jew vinkolanti tal-att li wassal għad-dannu allegat. Kwalunkwe aġir li jwassal għal dannu jista’ jistabbilixxi responsabbiltà mhux kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punti 50 sa 52 u 60, ara wkoll, dwar il-ksur ta’ obbligu li tagħmel jew tastjeni milli tagħmel, sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 55 sa 59, 67 u 68; dwar opinjoni motivata, sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2009, Arizmendi et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑440/03, T‑121/04, T‑171/04, T‑208/04, T‑365/04 u T‑484/04, EU:T:2009:530, punti 66 sa 69, u dwar ommissjoni individwali, sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2017, Acquafarm vs Il-Kummissjoni, T‑458/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:810, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, jekk qorti tal-Unjoni Ewropea ma tkunx tista’ tevalwa l-legalità tal-aġir ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 268 u fit-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jiġi mċaħħad mill-effettività tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punt 61).

56      Għaldaqstant, il-BĊE ma jistax jinvoka l-ġurisprudenza preċedenti għas-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts (C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punti 31 sa 94), li kienet ċaħdet ir-rikorsi għad-danni bħala inammissibbli għall-unika raġuni li l-illegalità invokata kienet marbuta ma’ atti mingħajr effetti legali (digrieti tat‑13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il-Kummissjoni, C‑50/90, EU:C:1991:253, punti 17 sa 20; tal‑4 ta’ Ottubru 1991, Bosman vs Il-Kummissjoni, C‑117/91, EU:C:1991:382, punt 20, u tal‑10 ta’ Diċembru 1996, Söktas vs Il-Kummissjoni, T‑75/96, EU:T:1996:183, punt 49). L-ammissibbiltà ta’ rikors għad-danni ippreżentat kontra opinjoni mill-BĊE ma tistax għaldaqstant tiddependi mill-kwistjoni jekk din l-opinjoni kinitx legalment vinkolanti jew le. Li rikors għad-danni jiġi ddikjarat inammissibbli għas-sempliċi raġuni li l-att li kkawża d-dannu allegat huwa mhux vinkolanti jmur kontra l-għan u l-effettività ta’ dan ir-rimedju.

57      Bl-istess mod, il-fatt li l-opinjoni kontenzjuża tkun ta’ natura politika u li l-BĊE ma kienx obbligat jadotta tali opinjoni ma jaffettwax l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, is-setgħa diskrezzjonali li tgawdi minnha istituzzjoni ma għandhiex il-konsegwenza li teżentaha mill-obbligu tagħha li taġixxi konformement kemm man-normi superjuri tad-dritt, bħalma huma t-Trattat u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mad-dritt sekondarju rilevanti. Meta l-legalità ta’ dan l-att tiġi kkontestata f’rikors għad-danni, din il-legalità tkun għalhekk suġġetta għal evalwazzjoni fid-dawl tal-obbligi tal-istituzzjoni msemmija (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2009, Arizmendi et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑440/03, T‑121/04, T‑171/04, T‑208/04, T‑365/04 u T‑484/04, EU:T:2009:530, punt 66). Fl-aħħar nett, il-fatt li l-BĊE jallega li r-Repubblika Ellenika kienet aġixxiet f’qasam ta’ kompetenza purament nazzjonali ma jikkontestax il-fatt li r-rikorrenti qegħdin jikkontestaw f’dan il-każ l-aġir tal-BĊE u li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina dan l-ilment fil-mertu.

58      Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tal-BĊE fejn jgħid li r-rikors tar-rikorrenti huwa inammissibbli għar-raġuni li, billi adotta l-opinjoni kontenzjuża, huwa ma eżerċitax setgħa li toħroġ struzzjonijiet legalment vinkolanti fuq ir-Repubblika Ellenika.

 Fuq l-assenza ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba ommissjoni fl-assenza ta’ obbligu legali li jaġixxi

59      Il-BĊE jsostni li r-rikors tar-rikorrenti huwa inammissibbli għar-raġuni li, għall-inazzjoni allegata, huwa ma kisirx obbligu li jaġixxi li jista’ jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu. B’mod partikolari, huwa jikkontesta li għandu obbligu li jiġi protett d-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrenti għar-raġunijiet segwenti. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 127(4) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 288(5) TFUE, l-opinjonijiet ippreżentati mill-BĊE ma jkunux legalment vinkolanti. Peress li l-Istati Membri ma kinux marbuta bil-pariri tiegħu, il-BĊE ma jistax jiġi żgurat permezz ta’ dan l-istrument il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti. Barra minn hekk, skont l-istess dispożizzjonijiet, ma huwiex marbut li jippubblika l-opinjonijiet. It-tieni nett, il-BĊE jinnota li, skont l-Artikolu 17(1) TUE ma għandu l-ebda obbligu li jippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u li jissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-BĊE, l-għan tal-konsultazzjoni tiegħu u tal-opinjoni kontenzjuża ma kienx li jiddetermina jekk il-PSI bħala tali kienx mixtieq jew le, iżda kien jikkonċerna d-dettalji tekniċi ta’ introduzzjoni tal-KAK applikabbli għal titoli ta’ dejn Griegi. It-tielet nett, la r-Repubblika Ellenika u lanqas, b’analoġija, il-BĊE ma huma suġġetti għal xi obbligu li jipproteġu l-investimenti u l-proprjetà tar-rikorrenti.

60      L-appellati jikkontestaw din l-evalwazzjoni.

61      Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk il-BĊE jistax jew le jitqies responsabbli talli naqas li jinforma, fl-opinjoni kontenzjuża, lir-Repubblika Ellenika b’illegalitajiet possibbli li vvizzjaw l-abbozz tal-Liġi Nru 4050/2012 tagħha għar-raġuni li hija ma kellha l-ebda obbligu li taġixxi hija kwistjoni li taqa’ fil-mertu tar-rikors għad-danni u mhux fl-ammissibbiltà tiegħu.

62      Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-BĊE wettaqx illegalità meta ma avżax lir-Repubblika Ellenika bin-natura allegatament illegali tal-abbozz tal-Liġi Nru 4050/2012 tikkonċerna l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju mill-BĊE ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lil individwi minħabba din l-ommissjoni.

63      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tal-BĊE li r-rikors tar-rikorrenti huwa inammissibbli fl-assenza ta’ obbligu ġuridiku li jaġixxi u ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba ommissjoni li jaġixxi.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

64      Skont ir-rikorrenti, il-BĊE huwa obbligat jirrispetta d-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-attivitajiet kollha tagħha, b’tali mod li huwa obbligat, f’opinjoni dwar abbozz ta’ liġi ta’ Stat Membru, li jiġbed l-attenzjoni għall-ksur ta’ drittijiet fundamentali relatati mal-adozzjoni u mal-implimentazzjoni tal-liġi proposta. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti jqisu li l-BĊE ma indikax fl-opinjoni kontenzjuża li l-Liġi Nru 4050/2012 kisret, l-ewwel nett, il-prinċipju pacta sunt servanda, it-tieni nett, l-Artikolu 17(1) u 2 tal-Karta, it-tielet nett, l-Artikolu 63 TFUE u, ir-raba’ nett, l-Artikolu 124 TFUE. Dawn l-ommissjonijiet kienu jikkawżaw dannu lil F. Steinhoff ta’ EUR 314 000, lil E. Fibry ta’ EUR 54 950, lill-Vereinigte Raiffeisenbanken Gräfenberg-Forchheim-Eschenau-Heroldsberg ta’ EUR 2 355 000, lil Werner Bäcke ta’ EUR 303 795 u lil EMB Consulting EUR 750 460.

65      Il-BĊE jqis li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu ma hija ssodisfatta f’dan il-każ.

66      Qabel l-analiżi ta’ kull wieħed mill-ksur allegat u tar-rabta kawżali bejn dan il-ksur u d-danni allegati, għandu jitfakkar li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE teħtieġ li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li d-dispożizzjoni legali miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi u li l-ksur ikun suffiċjentement serju, li r-realtà tad-dannu tkun stabbilita u, fl-aħħar nett, li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu impost fuq l-awtur tal-att u l-ħsara mġarrba mill-persuni leżi (ara l-punti 52 sa 54 iktar ’il fuq).

67      Barra minn hekk, huwa importanti li titfakkar il-portata tal-kompetenza ta’ opinjoni tal-BĊE.

68      L-Artikolu 127(4) TFUE jistipula li l-BĊE għandu jiġi kkonsultat mill-awtoritajiet nazzjonali, dwar kull abbozz ta’ leġiżlazzjoni fl-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tiegħu fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stipulati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, l-Artikolu 282(5) TFUE jipprevedi li, fl-oqsma tal-kompetenzi tiegħu, il-BĊE għandu jiġi konsultat fuq kull proġett ta’ attt tal-Unjoni, kif ukoll fuq kull abbozz ta’ leġiżlazzjoni fuq livell nazzjonali, u jista’ jagħti opinjonijiet.

69      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/415/KE tad‑29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew minn awtoritajiet nazzjonali dwar abbozzi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 446) jiddikjara, fil-premessa 3 tiegħu, li huwa meħtieġ li dan l-obbligu ta’ konsultazzjoni impost fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma għandux ikun ta’ ħsara għar-responsabbiltajiet ta’ dawn l-awtoritajiet għall-affarijiet li huma s-suġġett tal-proġetti inkwistjoni u li l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw mal-BĊE dwar kull abbozz ta’ leġiżlazzjoni fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. Barra minn hekk, il-premessa 6 tad-Deċiżjoni 98/415 tindika li konsultazzjoni mal-BĊE ma għandhiex ittawwal bla bżonn il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ leġiżlazzjoni fl-Istati Membri u li t-termini li fihom il-BĊE għandu jagħti l-opinjoni tiegħu għandhom madankollu jippermettulu li jeżamina bl-attenzjoni kollha t-testi mibgħuta lilu.

70      Il-kontenut ta’ dawn il-premessi huma riflessi fid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 98/415. B’hekk, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 98/415, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw mal-BĊE dwar kull abbozz ta’ leġiżlattiva li jaqa’ fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu skont it-Trattat FUE, u b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet monetarji, il-mezzi ta’ pagament, il-banek ċentrali nazzjonali, il-ġbir, il-kompilazzjoni u t-tqassim ta’ statistiċi fil-qasam monetarju, finanzjarju bankarju, ta’ sistemi ta’ pagament u ta’ bilanċ ta’ pagamenti, u r-regoli li japplikaw għall-istituzzjonijiet finanzjarji sa fejn huma għandhom influwenza sinjifikattiva fuq l-istabbiltà ta’ istituzzjonijiet u swieq finanzjarji. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415 jipprevedi li kull Stat għandu jiżgura li l-BĊE jkun ikkonsultat fi stadju xieraq sabiex tipermetti lill-awtorità li tieħu l-inizjattiva ta’ abbozz ta’ leġiżlazzjoni tqis l-opinjoni tal-BĊE qabel ma tieħu deċiżjoni fil-mertu u sabiex l-opinjoni mogħtija mill-BĊE tinġieb għall-konjizzjoni tal-awtorità li għandha tadotta d-dispożizzjoni kkonċernati, jekk din tal-aħħar ma tkunx l-istess awtorità li tkun ħejjiethom.

71      Fl-ewwel lok, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-opinjonijiet tal-BĊE ma jorbtux lill-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, skont il-premessa 3 u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom biss iqisu din l-opinjoni u dawn ma jkunux ta’ ħsara għar-responsabbiltajiet ta’ dawn l-awtoritajiet fl-oqsma li huma s-suġġett tal-abbozzi inkwistjoni. Minn dan isegwi li, għalkemm l-osservanza tal-obbligu ta’ konsultazzjoni tal-BĊE tirrikjedi li huwa jkun jista’ jesprimi b’mod utli l-opinjoni tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali, ma jistax jimponi fuqhom li huma jaqblu magħhom. Jekk l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li l-intervent tal-BĊE jkun legalment vinkolanti permezz tal-kontenut tiegħu, kien jagħtih setgħa ta’ awtorizzazzjoni u mhux ta’ opinjoni. Issa, għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 55 iktar ’il fuq, il-konstatazzjoni li l-opinjonijiet tal-BĊE ma jorbtux lill-awtoritajiet nazzjonali ma jeskludix, a priori, li dawn l-opinjonijiet ikunu jistgħu jinvolvu r-responsabbiltà tal-BĊE.

72      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-BĊE għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-adozzjoni tal-opinjonijiet tiegħu. Diġà ġie deċiż f’dan is-sens li l-Artikoli 127 u 282 TFUE u l-Artikolu 18 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) jagħtu lill-BĊE setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ tip ekonomiku u soċjali kif ukoll ta’ sitwazzjonijiet suġġetti għal żviluppi rapidi, li għandhom isiru fil-kuntest tal-Eurosistema, u saħansitra fil-kuntest tal-Unjoni kollha kemm hi. B’mod partikolari, ġie deċiż li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali involviet in-neċessità għall-BĊE, minn naħa, li jantiċipa u li jevalwa żviluppi ekonomiċi ta’ natura kumplessa u inċerta, bħall-iżvilupp tas-swieq tal-kapital, tal-massa monetarja u tar-rata ta’ inflazzjoni, li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tal-Eurosistema u tas-sistemi ta’ ħlas u ta’ kreditu, u, min-naħa l-oħra, li jwettaq għażliet ta’ tip politiku, ekonomiku u soċjali li jeħtieġu l-ibbilanċjar u l-arbitraġġ bejn id-diversi għanijiet imsemmija fl-Artikolu 127(1) TFUE, li l-għan prinċipali tagħhom huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:7, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-BĊE fl-adozzjoni tal-opinjonijiet tiegħu timplika li huwa biss ksur manifest u serju tal-limiti ta’ din is-setgħa li jista’ jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 53 u 72 iktar ’il fuq).

 Fuq il-ksur tal-prinċipju pacta sunt servanda

74      Skont ir-rikorrenti, ir-Repubblika Ellenika ma setgħetx validament tressaq, permezz tal-Liġi Nru 4050/2012, klawżoli ta’ reviżjoni fil-kundizzjonijiet li jirregolaw it-titoli ta’ dejn eżistenti. Il-prinċipju tad-dritt internazzjonali pacta sunt servanda, stabbilit fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat‑23 ta’ Mejju 1969, li għaliha r-Repubblika Ellenika aderixxiet u li hija rrikonoxxuta mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) u l-Qorti tal-Ġustizzja, jopponuha. Ir-rikorrenti għaldaqstant tqis li l-BĊE kellu jirrikonoxxi, fl-opinjoni kontenzjuża, li r-Repubblika Ellenika kisret dak il-prinċipju billi adottat liġi li pprevediet skambju obbligatorju ta’ titoli ta’ dejn Griegi għall-kredituri privati li jopponu dan l-iskambju. Il-fatt li l-BĊE ma għamilx dan jikkostitwixxi ommissjoni li tmur kontra l-obbligi tiegħu.

75      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw li r-Repubblika Ellenika tista’ tinvoka, f’dan il-każ, il-prinċipju rebus sic stantibus sabiex tiġġustifika l-modifiki tad-drittijiet kuntrattwali tagħhom. Insostenn ta’ dan l-argument, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jenfasizzaw li t-titoli ta’ dejn kontenzjużi nħarġu fi żmien meta l-komunità monetarju internazzjonali kienet diġà unanimament irrikjediet li toħroġ titoli ta’ dejn tal-Istat ta’ KAK. It-tieni nett, minkejja t-talbiet tar-rikorrenti, ir-Repubblika Ellenika kienet intenzjonalment irrinunzjat milli tuża’ KAK waqt il-ħruġ tat-titoli ta’ dejn kontenzjużi. It-tielet nett, f’April 2003, l-Istati Membri kienu qablu fuq il-ħtieġa li mal-emissjonijiet ikun hemm obbligi internazzjonali ta’ KAK (ara l-Anness 1 għar-Rapport tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju ECFIN/CEFCPE (2004) REP 50483 finali tat‑12 ta’ Novembru 2004, p. 7) u, f’Settembru 2003, il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kien japprova sett ewlieni ta’ klawżoli li kellhom ikunu applikabbli fil-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet. Ir-raba’ nett, minn Novembru 2004, il-“Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-Istati tal-G 20” kienu jirrakkomandaw l-inklużjoni ta’ KAK fil-kuntratti ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet sabiex jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ maġġoranza (ara r-Rakkomandazzjoni tas‑26 ta’ Ottubru 2004 bit-titolu “Report to the EFC-Implementation of the EU commitment on Collective Action Clauses in documentation of International Debt Insurance”). Il-ħames nett, it-tħassib li KAK jisgħu jwasslu għal prumjums ta’ riskju ogħla u b’hekk spejjeż ta’ finanzjament ogħla tal-Istat ma ġiex ikkonfermat mill-istudji mwettqa fl-2003 minn A. Richards u M. Gugiatti (“The Use of Collective Action Clauses in New York Law Bonds of Sovereign Borrowers”, Journal of International Law, 35 (2004) p. 815 et seq.; Szodruch, Staateninsolvenz und private Gläubiger, 2008, p. 226]. 815 et seq.; Szodruch, A., Staateninsolvenz und private Gläubiger, BWV Verlag, 2008, p. 226). Ir-rikorrenti jqisu għaldaqstant li, għalkemm ir-Repubblika Ellenika ddeċidiet li ma tinkludix titoli ta’ dejn Griegi ta’ KAK għalkemm dan id-dibattitu dwar l-inklużjoni tagħhom f’titoli ta’ dejn kien seħħ, hija ma setgħetx, meta jseħħu ċ-ċirkustanzi mibdulin li ġustament huma mistennija li jwieġbu għalihom KAK, jippretendu li jimponu ristrutturazzjoni permezz ta’ restrizzjoni.

76      Il-BĊE jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Huwa jqis, qabel kollox, li huwa ma kienx obbligat jindika fl-opinjoni kontenzjuża ksur possibbli tal-prinċipju pacta sunt servanda mil-Liġi Nru 4050/2012, sussegwentement, li huwa ma setax huwa stess jikser l-imsemmi prinċipju u, fl-aħħar nett, li l-imsemmi prinċipju ma inkisirx fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju rebus sic stantibus.

77      Kif dan tfakkar fil-punt 52 iktar ’il fuq, huwa biss ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE. Sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tal-kundizzjoni relatata mal-ksur ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi, huwa neċessarju li l-protezzjoni mogħtija bir-regola invokata tkun effettiva fir-rigward tal-persuna li tinvokaha u, għaldaqstant, li din il-persuna tkun fost dawk li għalihom ir-regola inkwistjoni tagħti drittijiet. Ma tistax tiġi ammessa bħala sors ta’ kumpens regola li ma tipproteġix lill-individwu mill-illegalità li huwa jinvoka, imma tipproteġi individwu ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2005, Cofradía de pescadores “San Pedro de Bermeo” et vs Il-Kunsill, T‑415/03, EU:T:2005:365, punt 96, u tat‑3 ta’ Diċembru 2015, CN vs Il-Parlament, T‑343/13, EU:T:2015:926, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan il-każ, is-sottoskrizzjoni mir-rikorrenti ta’ titoli ta’ dejn kontenzjużi maħruġa u ggarantiti mir-Repubblika Ellenika ħolqot relazzjoni kuntrattwali bejniethom u r-Repubblika Ellenika. Din ir-relazzjoni kuntrattwali ma hijiex regolata mill-prinċipju pacta sunt servanda tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tagħha, din il-konvenzjoni tapplika biss għat-trattati bejn Stati. Konsegwentement, l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati ma jikkostitwixxix dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lir-rikorrenti.

79      Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju pacta sunt servanda kkostitwixxiet prinċipju fundamentali ta’ kwalunkwe ordinament ġuridiku (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 49). Barra minn hekk, il-prinċipju pacta sunt servanda jirreferi wkoll għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-kuntratti li jistipula li kuntratt validu jorbot lil dawk li kkonkludewh (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Dominguez, C‑282/10, EU:C:2011:559, punt 96, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Pujante Rivera, C‑422/14, EU:C:2015:544, punt 55).

80      Madankollu, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għal kuntratt jorbtu biss, bħala prinċipju, lil dawn il-partijiet. Il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-kuntratti bħalma huwa l-prinċipju pacta sunt servanda ma jikkonfutawx din il-portata relattiva tad-drittijiet miżmuma minn kontraent.

81      Barra minn hekk, l-opinjonijiet tal-BĊE la għandhom bħala destnitarju lil individwi u lanqas l-għan prinċipali tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn individwu u Stat Membru wara ħruġ minn dan l-Istat Membru ta’ titoli ta’ dejn. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 98/415, id-destinatarji tal-opinjonijiet tal-BĊE huma l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw mal-BĊE u mhux mal-individwi. Barra minn hekk, il-kompetenza ta’ opinjoni tal-BĊE ma kellhiex l-għan li tevalwa d-drittijiet u l-obbligi tal-kontraenti, iżda taqa’ fil-kuntest tal-missjonijiet fundamentali tagħha fil-qasam tal-politika monetarja u hija konnessa b’mod partikolari mal-obbligu tiegħu li jiżgura li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 127(1) u (2) TFUE.

82      Konsegwentement, meta, bħal f’dan il-każ, il-BĊE jiġi kkonsultat mir-Repubblika Ellenika dwar abbozz ta’ leġiżlazzjoni dwar il-banek nazzjonali u r-regoli li japplikaw għall-istituzzjonijiet finanzjarji sa fejn jinfluwenzaw sostanzjalment l-istabbiltà ta’ dawn l-istituzzjonijiet u swieq finanzjarji, huwa ma huwiex marbut li jagħti deċiżjoni dwar l-osservanza, minn dan l-Istat Membru, tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-kuntratti pacta sunt servanda, fir-rigward ta’ detenturi ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat.

83      B’hekk, il-kompetenza ta’ opinjoni tal-BĊE ma tagħtix lir-rikorrenti d-dritt sabiex din l-istanza issib ksur ta’ dritt kuntrattwali li huma jkollhom fir-rigward tar-Repubblika Ellenika wara sottoskrizzjoni min-naħa tagħhom ta’ titoli ta’ dejn Griegi maħruġa u ggarantiti minn din tal-aħħar. Fin-nuqqas ta’ dritt tar-rikorrenti li l-BĊE jesprimi ruħu fuq din il-kwistjoni, il-BĊE ma setax wettqet illegalità billi ma esprimiex ruħu, f’din l-opinjoni kontenzjuża, fuq l-osservanza tal-prinċipju pacta sunt servanda wara t-talba għal konsultazzjoni tar-Repubblika Ellenika.

84      Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, ma hemm l-ebda evidenza li l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 wasslet għal ksur tal-prinċipju pacta sunt servanda. Fil-fatt, l-investiment f’titoli tad-dejn tal-Istat ma kienx nieqes mir-riskju ta’ dannu patrimonjali, anki jekk id-dritt li jirregola dawn it-titoli ma kienx ippreveda l-possibbiltà, qabel l-iskadenza tagħhom, li jiġu nnegozjati mill-ġdid xi kundizzjonijiet, bħall-valur nominali, iċ-ċedola li skadiet u l-iskadenza. Kif ġie indikat mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), dan ir-riskju huwa b’partikolari dovut għat-tul kbir ta’ żmien li għadda wara l-ħruġ ta’ titoli ta’ dejn u li matulu avvenimenti mhux previsti jistgħu jillimitaw sostanzjalment jew ukoll jeqirdu, il-kapaċitajiet finanzjarji tal-Istat, emittent jew garanti ta’ dawn it-titoli. Kif ġie deċiż mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), jekk jiġru avvenimenti mhux previsti, bħal fil-każ inkwistjoni l-kriżi tad-dejn pubbliku Grieg, l-Istat emittenti għandu d-dritt li jagħmel tentattiv ta’ li jinnegozja mill-ġdid abbażi tal-prinċipju rebus sic stantibus (ara s-sentenza tas-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat), kif miġbur fil-qosor fil-punt 29 tas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs il-Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD 006306614).

85      Għaldaqstant, ir-rikorrenti jallegaw b’mod żbaljat li l-BĊE wettaq illegalità li tista’ tinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu peress li ma allegax, fl-opinjoni kontenzjuża, il-ksur tal-prinċipju pacta sunt servanda li jikkostitwixxi l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 fil-konfront tagħhom.

 Fuq il-ksur tal-Artikoli 17(1) u 2 tal-Karta

86      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-BĊE kellu jirrikonoxxi fl-opinjoni kontenzjuż li, billi adotta l-abbozz tal-Liġi Nru 4050/2010, ir-Repubblika Ellenika tkun waslet li tagħmel ksur ekwivalenti għal esproprjazzjoni fuq id-drittijiet tal-kredituri stabbiliti barra mill-pajjiż u li ma tawx il-kunsens tagħhom. Il-fatt li huwa ma għamilx dan jikkostitwixxi ommissjoni li tmur kontra l-obbligi tiegħu.

87      Insostenn ta’ dan l-ilment, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jfakkru li l-għan tal-Liġi Nru 4050/2010 kien li jġiegħel mill-kredituri privati, li kienu espressament irrifjutaw li jagħtu l-kunsens għar-ristrutturazzjoni, li jipparteċipaw fit-tnaqqis tad-dejn pubbliku Grieg permezz tal-introduzzjoni a posteriori ta’ KAK.

88      It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkunsidraw li t-titoli ta’ dejn Griegi jaqgħu taħt il-kunċett ta’ proprjetà kif protett mill-Artikolu 17 tal-Karta. Dawn it-titoli jikkostitwixxu djun b’bażi suffiċjenti fid-dritt nazzjonali sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, insolvenza tal-Istat Grieg ma kienx possibbli minn perspettiva legali u dawn it-titoli ta’ dejn ġeneralment kienu meqjusa bħala siguri, b’mod partikolari meta ma kellhomx klawżola ta’ reviżjoni. Barra minn hekk, huma tqiesu li huma sikuri konformement mas-Solvabilitätsverordnung (ir-Regolament dwar is-Solvenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006) (BGBl. 2006, I, p. 2926), (ara, b’mod partikolari, il-punt 2(b) tal-Artikolu 26 tar-Regolament dwar is-Solvenza), u dan anki meta l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni kienu naqqsu l-klassifikazzjoni tar-Repubblika Ellenika u li l-prezzijiet tat-titoli ta’ dejn Grieg kienu naqsu, peress li kellhom jiġu kklassifikati fil-kategorija ta’ “gvernijiet ċentrali” peress li l-eżekuzzjoni tagħhom kienet dovuta minn gvern jew bank ċentrali barranin. Dan l-aħħar aspett ikun ikkonfermat mill-Artikolu 15 tan-nomós 2469, Periorismós kai veltíosi tis apotelesmatikótitas ton kratikón dapanón kai álles diatáxeis (il-Liġi Nru 2669 dwart il-Limiti u t-Titjib tal-Effikaċja tal-Ispiża Pubblika), tal‑14 ta’ Marzu 1997 (FEK A’ 38/14.3.1997, p. 592). Peress li l-protezzjoni tal-proprjetà taqa’ fil-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fil-ġurisprudenza tagħha, ir-rikorrenti jikkunsidraw li huma jgawdu minn protezzjoni tal-proprjeta’ fir-rigward tat-titoli ta dejn tal-Istat.

89      It-tielet nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-ksur tad-drittijiet tagħhom għall-proprjetà kienet toħroġ minn atti tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, fis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2014, Symvoulio tis Epikrateias (ref. 1117/2014) is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) ikklassifika l-proċess kollu ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg bħala att ta’ setgħa pubblika moħbi.

90      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jqisu li ma huwiex kumpens ġust imħallas fi żmien xieraq li jinkiseb, minn naħa waħda, 15 % tal-valur kunċettwali tat-titoli ta’ dejn miżmuma preċedentement fil-forma ta’ żewġ obbligazzjonijiet maħruġa mill-FESF u, min-naħa l-oħra, li jinkisbu, għall-31.5 % tal-valur kunċettwali li jibqa’ dovut mill-imsemmija titoli, ta’ titoli ta’ dejn ġodda maħruġa mir-Repubblika Ellenika inkluż KAK, bil-konsegwenza li l-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ dawn it-titoli eventwalment jistgħu jiġu emendati sussegwentement għad-detriment tal-kredituri mingħajr ma dan ikun a priori ġuridikament kontestabbli, u jiskadu legalment biss bejn l-2022 u l-2042. Skont ir-rikorrenti, tiżdied iċ-ċirkustanza aggravanti li, minn perspettiva ekonomika, it-tnaqqis tad-dejn ma huwiex 46.5 %, iżda 78.5 %, kif ikkonstatat mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) fis-sentenza tiegħu tat‑22 ta’ Marzu 2014, peress li tħallsu interessi iktar baxxi u, barra minn hekk, it-titoli ttrasferiti fil-kuntest tal-iskambju obbligatorju jiskadu biss bejn l-2022 u l-2042, bl-eċċezzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-EFSF li diġà skadew fl-2013 u l-2014. Din l-evalwazzjoni mill-Istat Grieg tkun perfettament konformi ma’ dik tal-aġenzija ta’ klassifikazzjoni Moody’s.

91      Ir-rikorrenti għaldaqstant jikkunsidraw li l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2010 kienet tinvolvi ksur ekwivalenti għal esproprjazzjoni fil-konfront tagħhom. Hija biss din l-interpretazzjoni li tikkorrispondi mar-rekwiżit ta’ protezzjoni legali effettiva kif stabbilit mill-Qorti EDB fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Settembru 1982, Sporrong u Lönnroth vs L-Isvezja (CE:ECHR:1982:0923JUD 000715175, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata), li hija wkoll determinanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta fid-dawl tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tagħha.

92      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal‑21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja (CE:ECHR:2016:0721JUD 006306614) ma hijiex rilevanti, peress li hija ma tittrattax l-esproprjazzjoni ta’ kredituri privati barranin li ma humiex stabbiliti fil-Greċja u li, għal din ir-raġuni biss, il-kriterji tal-proporzjonalità tal-ksur għandhom jiġu evalwati mhux fir-rigward ta’ ksur tas-setgħa proprjetà taċ-ċittadini tagħha stess. Barra minn hekk, f’din is-sentenza, sabiex tevalwa l-proporzjonalità fil-kuntest tal-kalkolu tad-dannu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għamlet riferiment għall-valur nominali ta’ 46.5 % irċevut bħala skambju u mhux għat-telf effettiv tal-valur ekonomiku ta’ 78.5 %.

93      Il-BĊE jikkontesta l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti. Huwa tqis, minn naħa, li l-ilmenti mressqa għandhom jiġu indirizzati kontra r-Repubblika Ellenika peress li l-PSI ġie maħluq u introdott esklużivament mill-awtoritajiet Griegi u, min-naħa l-oħra, li d-drittijiet għall-proprjetà tar-rikorrenti ma kinux inkisru peress li r-restrizzjonijiet imposti fuq dawn id-drittijiet kienu neċessarji u ġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni.

94      Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti fil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.

95      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 51 tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma b’mod partikolari intiżi għall-l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fosthom il-BĊE (ara l-Artikolu 13 TUE), li għandhom li jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom.

96      Id-dritt għall-proprjetà kif stabbilit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta jikkostitwixxi dritt fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 124 u l-ġurispudenza ċċitata), li r-rispett tiegħu huwa kundizzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 284 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni li tipprevedi d-dritt ta’ kull persuna li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment tipprevedi dispożizzjoni legali li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 66).

97      Minn dan jirriżulta li, fil-prinċipju, ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 17(1) tal-Karta mill-BĊE jista’ jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

98      Barra minn hekk, in-natura fundamentali ta’ din ir-regola tipproteġi l-individwi u l-obbligu relatat għall-BĊE li jippromwovi r-rispett tagħha timplika li dawn l-individwi għandhom dritt jistennew li huwa jirrapporta l-ksur ta’ tali regola fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li diġà ġie deċiż li fil-kuntest ta’ faċilità ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà lir-Repubblika ta’ Ċipru li l-Artikolu 17(1) tal-Karta seta’ nkiser mill-Kummissjoni Ewropea mhux biss minn att pożittiv iżda wkoll minn aġir “passiv”, jew saħansitra bl-ommissjoni li tittiħed miżura li għaliha hemm obbligu speċifiku impost fuqha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 57, 59 u 66 sa 75). Bl-istess mod, l-istatus speċjali rrikonoxxut fil-kuntest istituzzjonali tat-Trattati lill-BĊE ma jeżentahx mir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni u lanqas mid-dmir tiegħu li jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikoli 2, 3 u 6 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BĊE, C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 91).

99      Huwa wkoll importanti li jitfakkar, madankollu, li d-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet ġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali. segwiti mill-Unjoni (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Konsegwentement, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Fil-każ inkwistjoni, huwa paċifiku li l-Liġi Nru 4050/2012 li kienet is-suġġett tal-opinjoni kontenzjuża ppermettiet li tnaqqas il-valur nominali tat-titoli ta’ dejn kontenzjużi miżmuma mir-rikorrenti u, għaldaqstant, id-dritt tagħhom għar-rimbors tal-imsemmi valur fil-mument li dawn it-titoli kellhom jiskadu.

102    Fil-fatt, it-titoli ta’ debitu li jkunu waslu li jiskadu għandhom, fil-prinċipju, jiġu rrimborsati skont il-valur nominali tagħhom. Għaldaqstant ir-rikorrenti kellhom, fil-prinċipju, fl-iskadenza tat-titoli tagħhom, dejn pekunjarju kontra l-Istat Grieg ta’ ammont ekwivalenti għall-valur nominali tagħhom. L-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 immodifikat dawn il-kundizzjonijiet billi introduċiet il-KAK. Kif ġie espost fil-punt 18 iktar ’il fuq, dawn kienu japplikaw għal ċerti titoli ta’ dejn Griegi u kienu jipprevedu b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ tibdil fil-kundizzjonijiet li jirregolaw permezz ta’ ftehim konkluż bejn, minn naħa, l-Istat Grieg u, min-naħa l-oħra, maġġoranza ta’ detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi li jirrappreżentaw tal-anqas żewġ terzi tal-valur nominali tat-titoli kkonċernati. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija liġi, modifika li seħħet wara ftehim bħal dan issir ġuridikament vinkolanti għad-detentur kollha ta’ titoli ta’ dejn Griegi, inklużi dawk li ma tawx il-kunsens tagħhom għall-modifika proposta.

103    Il-Liġi Nru 4050/2012 għaldaqstant ippermettiet li detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi jkunu mġiegħla jipparteċipaw fit-tnaqqis tad-dejn pubbliku Grieg permezz ta’ żvalutar tal-valur tal-imsemmija titoli, mill-mument li dan it-tnaqqis kien approvat mill-kworum tad-detenturi tagħhom. Din il-liġi emendat b’tali mod, id-drittijiet tad-detenturi tat-titoli ta’ dejn Griegi minkejja l-assenza ta’ klawżoli ta’ reviżjoni inklużi fil-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ tagħhom.

104    Wara l-adozzjoni ta’ din il-liġi, l-awtoritajiet Griegi ppubblikaw il-karatteristiċi ta’ PSI fit-tnaqqis tad-dejn pubbliku Grieg u stiednu lid-detenturi tat-titoli tad-dejn ikkonċernati sabiex jipparteċipaw fi skambju ta’ titoli. Peress li l-kworum u l-maġġoranza meħtieġa sabiex jitwettaq l-iskambju ta’ titoli previst intlaħqu, id-detenturi kollha ta’ titoli ta’ dejn Griegi, inklużi dawk li kienu jopponu dan l-iskambju, kellhom it-titoli tagħhom skambjati b’applikazzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012, u konsegwentement il-valur tagħhom tnaqqas.

105    Għalkemm l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 b’hekk wasslet fi ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija liġi twieġeb għal għanjiet ta’ interess ġenerali, li fosthom hemm dak li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, kien hemm, minn naħa, riskju mhux negliġibbli ta’ deterjorazzjoni addizzjonali tas-sitwazzjoni ekonomika f’dak iż-żmien, u saħansitra insolvenza possibbli tar-Repubblika Ellenika, li t-titoli ta’ dejn tagħha potenzjalment f’nuqqas ma setgħux jibqgħu jiġu aċċettati mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali bħala garanziji fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema u, min-naħa l-oħra, ir-riskji li tali żvilupp jista’ jikkawża għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u għall-funzjonament tal-Eurosistema kollha kemm hi.

106    Kemm il-Qorti EDB kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxew dawn l-għanijiet ta’ interess ġenerali. B’hekk, fis-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja (CE:ECHR:2016:0721JUD 006306614, § 103), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-osservanza tad-dritt għall-proprjetà wara l-iżvalutar tal-valur tat-titoli ta’ dejn Griegi skont il-Liġi Nru 4050/2012, li r-Repubblika Ellenika setgħet leġittimament tieħu miżuri bil-għan li jintlaħqu l-objettivi ta’ żamma ta’ stabbiltà ekonomika u r-ristrutturazzjoni tad-dejn, fl-interess ġenerali tal-Komunità. Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 71), fir-rigward tal-kriżi tad-dejn pubbliku Ċiprijott, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi kienet għan ta’ interess ġenerali segwit mill-Unjoni.

107    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk it-tnaqqis fil-valur tat-titoli ta’ dejn kontenzjużi miżmuma mir-rikorrenti ma jikkostitwixxix, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit, għandu jitfakkar dan li ġej.

108    L-ewwel nett, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali, kull kreditur għandu jsostni r-riskju ta’ insolvenza tad-debitur tiegħu, inkluż dak tal-Istat. Ix-xiri, minn investitur, ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat jikkostitwixxi, mid-definizzjoni tiegħu stess, tranżazzjoni li fiha ċertu riskju finanzjarju, għaliex hija suġġetta għar-riskji tal-evoluzzjoni tas-swieq tal-kapital. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kellha tkun taf li x-xiri ta’ titoli ta’ dejn Griegi kellhom riskju anki qabel il-bidu tal-kriżi finanzjarja, peress li l-Istat Grieg emettur kien diġà qiegħed jiffaċċja dejn u defiċit sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punti 82 u 121).

109    Barra minn hekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kienu xtraw titoli ta’ dejn Griegi matul il-perijodu fejn il-kriżi finanzjarja tar-Repubblika Ellenika kienet qalila. Fil-fatt, kif spjegat fil-punt 1 hawn fuq, il-kriżi tad-dejn pubbliku Grieg bdiet f’Ottubru 2009 u t-titoli ta’ dejn Griegi ġew akkwistati minn F. Steinhoff f’Settembru 2011, minn E. Filbry minn Lulju 2011, minn Vereinigte Raiffeisenbanken Gräfenberg-Forchheim-Eschenau-Heroldsberg f’Diċembru 2009 u minn W. Bäcker minn April 2011. Dawn ir-rikorrenti kellhom għaldaqstant waqt ix-xiri tagħhom ikunu jafu s-sitwazzjoni ekonomika daqstant instabbli li tiddetermina l-bdil tal-valur tat-titoli ta’ dejn Griegi kif ukoll ir-riskju mhux negliġibbli ta’ nuqqas, anki jekk sempliċement selettiv, tar-Repubblika Ellenika. Fir-rigward ta’ EMB Consulting, fl-2017 hija kisbet id-drittijiet tad-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi li qabel kienu akkwistawhom huma stess. Fl-atti, ġie speċifikat li d-drittijiet li ġew assenjati lil EMB Consulting kienu nkisbu fil-biċċa l-kbira qabel ma ġiet evokata l-idea ta’ skambju sfurzat. Waqt is-seduta r-rappreżentant tar-rikorrenti indika li dawn id-drittijiet kienu nkisbu fl‑2011 u l‑2012. Bħala suċċessur fid-drittijiet ta’ dawn id-detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi, EMB Consulting ma tistax tibbaża l-argument tagħha fuq il-fatt li hija ma kellhiex għarfien tas-sitwazzjoni ekonomika daqstant instabbli fil-mument tax-xiri ta’ dawn it-titoli.

110    Barra minn hekk, opinjonijiet differenti fi ħdan l-Istati Membri taż-żona tal-euro u korpi oħra involuti, bħall-Kummissjoni, il-FMI u l-BĊE, dwar ir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, ma setgħux jiġu injorati minn kredituri privati bħar-rikorrenti. F’tali ċirkustanzi, operatur ekonomiku kawt u prudenti ma setax jeskludi r-riskju ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punti 82 u 121, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomene u Bank of Discount vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikati, EU:T:2017:21, punt 97).

111    Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanzi li wasslu għal-Liġi Nru 4050/2012 kienu verament eċċezzjonali. Fil-fatt, il-kriżi tad-dejn pubbliku Grieg kienet straordinarja u, fin-nuqqas tar-ristrutturazzjoni tagħha, falliment għal żmien qasir, għall-inqas selettiv, tar-Repubblika Ellenika kien prospett kredibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomene u Banque d’escomptevs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 97).

112    It-tieni nett, kemm l-awtoritajiet Griegi u Ewropej kif ukoll il-maġġoranza l-kbira tas-settur privat evalwaw il-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn pubbliku Grieg li huma s-suġġett ta’ din il-kawża u taw l-approvazzjoni tagħhom għalihom. Kif tindika, essenzjalment, il-Qorti EDB fis-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja (CE:ECHR:2016:0721JUD, 006306614, punt 116), waħda mill-kundizzjonijiet magħmulin minn investituri istituzzjonali internazzjonali għat-tnaqqis tad-djun tagħhom kienet tikkonsisti fl-eżistenza u fl-attivazzjoni ta’ KAK. L-assenza ta’ KAK bħal dawn kienet wasslet għall-applikazzjoni ta’ perċentwali ta’ tnaqqis ikbar fir-rigward tat-titoli ta’ dejn Griegi ta’ dawk li kienu lesti jaċċettaw telf impost u kkontribwixxiet sabiex tiddiswadi għadd kbir ta’ detenturi ta’ tali titoli milli jipparteċipaw fil-proċess ta’ tnaqqis tad-dejn. B’hekk jidher li l-KAK u fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg miksub grazzi għalihom kienu jikkostitwixxu miżura xierqa u neċessarja sabiex jonqos l-imsemmi dejn u għall-prevenzjoni tal-waqfien tal-ħlasijiet tal-Istat Grieg. Fi kwalunkwe każ, barra l-argument hawn infondat li jgħid li l-parteċipazzjoni tas-settur privat fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg setgħet tkun limitata għad-detenturi ta’ titoli ta’ dejn li taw il-kunsens tagħhom għall-iskambju ta’ titoli ta’ dejn, ir-rikorrenti ma sostnewx li l-Liġi Nru 4050/2012 kienet manifestament inadegwata jew sproporzjonata għal dan il-għan jew li kienet teżisti miżura daqstant effikaċi iżda inqas restrittiva, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess pubbliku segwiti.

113    It-tielet nett, ċertament, l-iskambju obbligatorju ta’ titoli ta’ dejn Griegi bħala riżultat tal-Liġi Nru 4050/2012 u tal-apporovazzjoni minn maġġoranza ta’ detenturi ta’ tali titoli wassal għal tnaqqis sinjifikattiv fil-valur nominali tagħhom. Fil-fatt, ir-rikorrenti, li ma tawx il-kunsens tagħhom għall-emenda proposta tal-kundizzjonijiet li jirregolaw it-titoli ta’ dejn tagħhom, kienu ġew imposti fuqhom il-kundizzjonijiet il-ġodda li jinsabu fl-imsemmija liġi, u b’mod partikolari, tnaqqis tal-valur nominali ta’ dawn it-titoli. Madankollu, kif ippreċiżat mill-Qorti EDB fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja (CE:ECHR:2016:0721JUD, punt 006306614, punt 112), il-punt ta’ referenza sabiex jiġi evalwat il-livell tat-telf sostnut mir-rikorrenti kien biss li dawn jisperaw li jirċievu meta jimmaturaw t-titoli ta’ dejn tagħhom. Għalkemm il-valur nominali ta’ titolu ta’ dejn jirrifletti d-daqs tad-dejn tad-detentur tiegħu meta jimmatura, dan ma jirrappreżentax il-valur reali tas-suq meta l-Istat Grieg adotta l-leġiżlazzjoni kontenzjuża, jiġifieri fit‑23 ta’ Frar 2012, data li fiha ġiet adottata l-Liġi Nru 4050/2012. Dan il-valur kien bla dubju diġà ġie affettwat mis-solevenza li qiegħda tonqos tal-Istat Grieg li kienet diġà bdiet f’nofs l-2010 u kompliet sa tmiem l-2011. Dan it-tnaqqis tal-valur tas-suq tat-titoli tar-rikorrenti kien iħalli jipprevedi li, fl‑20 ta’ Awwissu 2015, l-Istat ma kienx f’pożizzjoni li jonora l-obbligi tiegħu li jirriżulta mill-klawżoli inklużi f’titli preċedenti, jiġifieri qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012.

114    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi deċiż li t-tnaqqis tal-valur tat-titoli ta’ dejn kontenzjużi ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura tat-titolu ta’ proprjeta’ inkwistjoni, tal-kobor tal-kriżi tad-dejn pubbliku Grieg, tal-approvazzjoni tal-Istat Grieg u tal-maġġoranza ta’ detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi għal skambju bi żvalutar tal-imsemmija titoli u l-importanza tat-telf sostnut, dan l-intervent ma kienx jikkostitwixxi ksur inammissibbli tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

115    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti tar-rikorrenti. B’hekk, il-konstatazzjoni li l-iskambju obbligatorju u l-iżvalutar ta’ titoli ta’ dejn kontenzjużi tar-rikorrenti huma miżuri li għandhom l-oriġini tagħhom f’deċiżjonijiet tal-Istat Grieg bħala setgħa pubblika ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera ksur tad-dritt għall-proprjetà fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Karta. Il-fatt li l-obbligazzjonijiet huma ġeneralment ikkunsidrati bħala sikuri, b’mod partikolari skont ir-Regolament dwar is-Solvenza (ara l-punt 88 iktar ’il fuq), ma jikkontestax l-evalwazzjoni li x-xiri ta’ titoli ta’ kreditu tal-Istat jikkostitwixxi, b’definizzjoni, ta’ tranżazzjoni li tinvolvi ċertu riskju finanzjarju (ara l-punt 108 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, it-telf finanzjarju mressaq mir-rikorrenti, anki jekk jekk seħħ, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, peress li l-obbligi li għandhom valur residwali u li, fl-assenza ta’ KAK u ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg miksub minn dawn, il-probabbiltà ta’ waqfien ta’ pagamenti tar-Repubblika Ellenika kienet b’mod ċar żiedet, u b’hekk wasslet mhux biss għal kollass tal-ekonomija Griega u riskju għaż-żona tal-euro iżda wkoll għal tnaqqis ikbar tal-valur tat-titoli ta’ dejn kontenzjużi tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti jallegaw li s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il-Greċja (CE:ECHR:2016:0721JUD 006306614), ma hijiex rilevanti minħabba li tikkonċerna esklużivament l-esproprjazzjoni tal-kredituri privati Griegi u mhux tal-kredituri privati barranin li ma humiex stabbiliti fil-Greċja, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument konvinċenti sabiex juru li l-Qorti EDB tkun iddeċidiet b’mod differenti kieku kellu pożizzjoni espliċita fuq is-sitwazzjoni ta’ tali kredituri barranin li, barra minn hekk, kienu marbutin bl-istess kundizzjonijiet konvenzjonali abbażi tad-dritt tal-obbligi Grieg bħall-kredituri Griegi.

116    Għaldaqstant, il-limitazzjoni tal-valur tat-titoli ta’ dejn kontenzjużi mir-rikorrenti ma tikkostitwixxix miżura sproporzjonata fir-rigward tal-għan li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-ekonomija tar-Repubblika Ellenika u taż-żona tal-euro kontra riskju ta’ waqfien tal-ħlas tar-Repubblika Ellenika u tal-kollass tal-ekonomija tagħha. Għaldaqstant huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jallegaw li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 17(1) tal-Karta. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat li ma semmiex dan fl-opinjoni kontenzjuża.

 Fuq il-ksur tal-Artikolu 63 TFUE

117    Ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE kellu jindika fl-opinjoni kontenzjuża li l-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 kienet timplika ksur tal-Artikolu 63 TFUE. Skont ir-rikorrenti, il-Liġi Nru 4050/2012 kienet tinvolvi restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital għar-raġuni li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jinkludi ċaħda legali tad-drittijiet tal-kredituri fejn tali ċaħda ma hijiex ibbażata fuq klawżola ta’ reviżjoni valida. Il-ħruġ tal-kapital tar-rimbors ta’ titoli ta’ debitu skaduti kif ukoll ta’ interessi jkun ristrett mill-fatt li l-kredituri li ma tawx il-kunsens tagħhom jiksbu, minflok it-totalità tal-kapital investit, biss frazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar fil-forma ta’ titoli ta’ debitu ġodda jew obbligazzjonijiet li jiskadu bejn l-2022 u l-2042. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li din ir-restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata fuq motivi ta’ ordni pubbliku msemmija fl-Artikolu 65(1)(b) TFUE meta l-kredituri li ma tawx il-kunsens tagħhom sabiex jitnaqqas il-valur nominali tat-titoli ta’ dejn Grieg, minħabba d-dejn tagħhom, ma jikkostitwixxux theddida għall-eżistenza tal-Istat Grieg.

118    Il-BĊE jikkontesta kemm li tkun tista’ tiġi imputata bi ksur tal-Artikolu 63 TFUE kif ukoll l-eżistenza ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni fil-każ inkwistjoni.

119    L-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kollha għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Restrizzjonijiet bħal dawn huma b’mod partikolari miżuri imposti minn Stat Membru li huma ta’ natura li jiddiswadu, jirrestrinġu jew jimpedixxu li investituri ta’ Stati Membri oħra li jinvestu f’dak l-Istat Membru jew, bil-kontra, li huma ta’ natura li jiddiswadu, jirrestrinġu jew jimpedixxu tal-investituri f’dak l-Istat Membru biex jinvestu fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑478/98, EU:C:2000:497, punt 18; tat‑23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑112/05, EU:C:2007:623, punt 19, u tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International, C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 44).

120    Il-moviment liberu tal-kapital imniżżel fl-Artikolu 63 (1) TFUE huwa wieħed mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman‑Lavaleije, C‑233/09, EU:C:2010:397, punti 40 u 41, u tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 66), li r-rispett tagħhom jimponi kemm l-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Frar 1984, Rewe-Zentrale, 37/83, EU:C:1984:89, punt 18, tat‑2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il-Parlament u l-Kunsill, T‑16/04, EU:T:2010:54, punt 177, u tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs EFSA, T‑457/07, mhux ippubblikata, EU:T:2012:671, punt 36) u għalhekk ukoll lill-BĊE.

121    Indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 wasslet għal restrizzjoni għall-moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali restrizzjoni, li kieku ġiet ippruvata, hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

122    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-moviment liberu tal-kapital jista’ jkun limitat minn leġiżlazzjoni nazzjonali sakemm dan tal-aħħar huwa ġġustifikat, fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti mill-oriġini tal-kapital ikkonċernat, minn raġunijiet ta’ interess ġenerali, u li josserva l-prinċipju tal-proporzjonalità, li jirrikjedi li jkun xieraq li jiġi ggarantit il-kisba tal-għan imfittex b’mod leġittimu u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    F’dan il-każ, il-miżuri inkwistjoni kienu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 111 iktar ’il fuq, iċ-ċirkustanzi li wasslu għal-Liġi Nru 4050/2012 kienu verament eċċezzjonali, peress li, fl-assenza ta’ ristrutturazzjoni, nuqqas ta’ pagament, mill-inqas selettiv, għal żmien qasir mir-Repubblika Ellenika kienet perspettiva kredibbli. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-punti 105 u 106 iktar ’il fuq, il-miżuri inkwistjoni kellhom l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro kolha kemm hi. Dan l-objettiv jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

124    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrewx li l-miżuri inkwistjoni kienu sproporzjonati. Dawn il-miżuri kienu jippermettu li tiġi stabbilita mill-ġdid l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro fl-intier tagħha u ma ntweriex li huma marru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ristabbilita din l-istabbiltà. B’mod partikolari, il-parteċipazzjoni tal-kredituri privati fl-iskambju tat-titoli ta’ dejn Griegi fuq bażi purament volontarja, kif jissuġġerixxu r-rikorrenti ma ppermettietx li jassiguraw is-suċċess ta’ dan l-iskambju ta’ titoli. Fil-fatt, billi ma jiggarantixxix trattament ugwali bejn il-kredituri privati, ftit minn dawn il-kredituri jkunu aċċettaw dan l-iskambju minħabba l-periklu morali li kien jimplika, jiġifieri li għandhom ibatu l-konsegwenzi tar-riskji meħuda mill-kredituri li ma jipparteċipawx fl-iskambju tat-titoli ta’ dejn Griegi. Issa, is-suċċess ta’ skambju ta’ titoli ikollu effett fuq ir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg li, min-naħa tagħha, kienet meħtieġa sabiex tiġi stabbilizzata s-sistema bankarja taż-żona tal-euro.

125    Għalhekk, ir-rikorrenti jikkritikaw b’mod żbaljat lill-BĊE li ma rrappurtax, fl-opinjoni kontenzjuża, ksur tal-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

 Fuq il-ksur tal-Artikolu 124 TFUE

–       Osservazzjonijiet preliminari

126    Ir-rikorrenti jallegaw li r-Repubblika Ellenika kisret l-Artikolu 124 TFUE billi timponi fuq il-kredituri li ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għal skambju obbligatorju tat-titoli ta’ dejn Griegi tagħhom eżistenti ma’ titoli ġodda.

127    Il-BĊE jikkontesta kemm l-allegazzjoni li kiser l-Artikolu 124 TFUE kif ukoll dik li r-Repubblika Ellenika kisret dik id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-BĊE jikkunsidra li d-drittijiet tad-difiża tiegħu inkisru fir-rigward tal-punti 55 u 56 tal-Anness A.8 msemmija mir-rikorrenti peress li dawk il-punti ma kinux inklużi fir-rikors.

–       Fuq id-drittijiet tad-difiża tal-BĊE

128    Fir-rikors, ir-rikorrenti kkunsidraw li l-Kummissjoni kienet ikkonfermat li ksur tal-Artikolu 124 TFUE kien jeżisti fil-każ ta’ esproprjazzjoni. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, ir-rikorrenti rreferew għall-punti 55 u 56 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2013 ippreżentati lill-Qorti fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13 mehmuża fl-Anness A.8. Il-punti 55 u 56 ta’ dawn l-osservazzjonijiet, madankollu, ma kinux inklużi fl-Anness A.8 minħabba li l-paġni 13 sa 15 ta’ l-osservazzjonijiet kienu nieqsa. Il-BĊE jiddeduċi minn dawn il-fatti li huwa ma setax jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu f’dan ir-rigward.

129    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-prinċipju tal-libertà tal-prova jirriżulta li parti quddiem il-Qorti Ġenerali għandha, fil-prinċipju, id-dritt li tinvoka bħala prova atti prodotti matul proċedura ġudizzjarja oħra. L-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja ma tipprekludix il-produzzjoni tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali biss jekk il-parti kellha aċċess għal dawn l-atti b’mod irregolari jew meta jkunu kunfidenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 55).

130    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti pproduċew il-paġni nieqsa tal-Anness A.8 fl-istadju tar-replika (ara l-Anness C.5), hekk li l-BĊE seta’ jieħu pożizzjoni fuq dawk il-punti fl-istadju tal-kontroreplika u waqt is-seduta. Barra minn hekk, l-argument imressaq mir-rikorrenti ma huwiex ibbażat biss fuq l-Anness A.8, iżda wkoll fuq l-Anness A.9. Issa, il-punti 48 u 49 ta’ dan l-anness li fih l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ Frar 2014 ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑578/13, huma identiċi għall-punti 55 u 56 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2013 elenkati fl-Anness C.5.

131    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-BĊE jallega b’mod żbaljat li d-drittijiet tad-difiża tiegħu nkisru u li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-punti 55 u 56 tal-Anness A.8 għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq l-Artikolu 124 TFUE

132    Skont l-Artikolu 124 TFUE hija pprojbita kull miżura, li ma tkunx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura prudenzjali, li tistabbilixxi aċċess privileġġat tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, tal-amministrazzjonijiet ċentrali, tal-awtoritajiet reġjonali jew lokali, tal-awtoritajiet pubbliċi l-oħra, jew tal-korpi oħra jew impriżi pubbliċi tal-Istati Membri lill-istituzzjonijiet finanzjarji.

133    Ir-rikorrenti jsostnu li, bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3604/93 tat‑13 ta’ Diċembru 1993 li jispeċifika definizzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ aċċess privileġġjat msemmija fl-Artikolu [124 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 30), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu lis-settur pubbliku permezz ta’ miżuri ta’ setgħa pubblika, aċċess privileġġat lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Issa, skont ir-rikorrenti, fost il-kredituri li ma tawx il-kunsens tagħhom għar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, jinsabu b’mod partikolari istituzzjonijiet ta’ kreditu li kkostitwixxew “istituzzjonijiet finanzjarji” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3604/93, moqri flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE tat‑12 ta’ Diċembru 1977 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u kwistjonijiet amministrattivi dwar l-aċċess għal u l-eżerċizzju tal-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 322, p. 30). Skont ir-rikorrenti l-iskambju obbligatorju ta’ titoli ta’ dejn Griegi stabbilit mil-Liġi Nru 4050/212 obbliga lil dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji li jieħdu bħala depożitu t-titoli ta’ dejn tal-Istat ġodda b’kundizzjonijiet manifestament mhux konformi mas-suq. Għaldaqstant, dan l-iskambju jikser l-Artikolu 124 TFUE. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti jindikaw, minn naħa, li, fiż-żmien tal-iskambju obbligatorju tad-dejn Grieg f’Marzu 2012, l-istrumenti ta’ dejn “il-ġodda” kellhom valur nominali li rrappreżenta biss 46.5 % ta’ dak tat-titoli ta’ dejn “qodma” skambjati u, min-naħa l-oħra li, minn perspettiva ekonomika, l-imsemmija titoli “ġodda” kellhom valur li rrappreżenta biss 21.5 % ta’ dak tal-imsemmija titoli “qodma” imsemmija (ara s-sentenza tas-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) tat‑22 ta’ Marzu 2014).

134    B’hekk, ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-BĊE talli wettqet ksur suffiċjentement serju billi ma rapportatx il-fatt li l-abbozz tal-Liġi Nru 4050/2012 kien ta lok għal ksur tal-Artikolu 124 TFUE.

135    Madankollu, minn naħa, il-Liġi Nru 4050/2012 ma tagħtix aċċess privileġġat lill-istituzzjonijiet finanzjarji li tmur kontra l-Artikolu 124 TFUE.

136    Fil-fatt, l-Artikolu 124 TFUE jipprojbixxi kull miżura, li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet prudenzjali u li tagħti b’mod partikolari lill-Istati Membri aċċess privileġġat għall-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jinċentivaw lill-Istati Membri josservaw politika baġitarja għaqlija billi jevitaw li finanzjament monetarju tal-iżbilanċi pubbliċi jew aċċess privileġġat tal-awtoritajiet pubbliċi għas-swieq finanzjarji jwassal għal dejn eċċessiv jew għal żbilanċi eċċessivi tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 3604/93 u s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Bara et, C‑201/14, EU:C:2015:638, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Issa, il-Liġi Nru 4050/2012 ma għandhiex l-għan li żżid id-dejn tar-Repubblika Ellenika, iżda, għall-kuntrarju, inaqqsuh, minħabba n-natura eċċessiva, b’mod li jiddgħajfu t-titoli miżmuma mir-rikorrenti.

138    Barra minn hekk, l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 hija ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura prudenzjali msemmija mill-Artikolu 124 TFUE. Fil-fatt, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3604/93 jiddefinixxihom bħala l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-liġijiet, ir-regolamenti jew l-azzjonijiet amministrattivi nazzjonali msejsa fuq, jew konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, u mfassla sabiex imexxu’l quddiem l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi sabiex jissaħħu istituzzjonijiet finanzjarji ġenerali u l-protezzjoni tal-klijenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Issa, l-abbozz tal-Liġi Nru 4050/2012 ikkontribwixxa sabiex jinżammu kemm il-finanzji pubbliċi kif ukoll l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona euro (ara l-punti 105 u 106 iktar ’il fuq).

139    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 124 TFUE ma huwiex intiż li jipproteġi r-rikorrenti u ma jagħtihomx drittijiet.

140    Issa, kif dan ġie espost fil-punt 77 iktar ’il fuq, ma hijiex ammissibbli bħala bażi għal talba għal kumpens dispożizzjoni legali li ma tagħtix drittijiet lill-persuna li tinvokaha. B’hekk, ma tistax tiġi ammessa dispożizzjoni li ma tipproteġix lill-persuna kontra l-illegalità li hija tinvoka, iżda li tipproteġi persuna oħra. Dispożizzjoni legali għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi meta joħolqu benefiċċju li jista’ jkun ikkaratterizzat bħala dritt miksub, sabiex jipproteġi l-interessi ta’ individwi jew li jagħti drittijiet għall-benefiċċju ta’ individwi li l-kontenut tagħhom jista’ jkun identifikat biżżejjed (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2005, Cofradía de pescadores “San Pedro de Bermeo” et vs Il-Kunsill, T‑415/03, EU:T:2005:365, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, id-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 124 TFUE għandha l-għan li tiżgura protezzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri kontra r-riskji fiskali ta’ aċċess privileġġat għal istituzzjonijiet finanzjarji. Il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 124 TFUE hija għaldaqstant intiża sabiex tipproteġi mhux l-individwi u l-impriżi bħar-rikorrenti f’dan il-każ, iżda l-Unjoni bħala tali, inklużi l-Istati Membri, kontra aġir li jista’ jipperikola l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-Unjoni kollha kemm hi.

141    Konsegwentement, l-Artikolu 124 TFUE ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni li tagħti drittijiet lir-rikorrenti, b’tali mod li dawn ma jistgħux jinvokawhom insostenn tat-talba tagħhom għad-danni.

142    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-rikorrenti jinvokaw b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ illegalità li tinvolvi r-responsabbiltà tal-BĊE fil-konfront tagħhom minħabba l-assenza ta’ rapport mill-BĊE ta’ ksur tal-Artikolu 124 TFUE f’dan il-każ

143    Fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet biss ma tkunx issodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomene u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    F’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-BĊE kien wettaq ksur suffiċjentement gravi ta’ dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi. Għaldaqstant, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda għar-raġuni biss u mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu evalwati r-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat tal-BĊE u d-dannu invokat.

 Fuq l-ispejjeż

145    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-BĊE.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Frank Steinhoff u Ewald Filbry,Vereinigte Raiffeisenbanken Gräfenberg-Forchheim-Eschenau-Heroldsberg eG,Werner Bäcker uEMB Consulting SE huma kkundannati għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Mejju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.