Language of document :

Appell ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2023 minn SN mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-3 ta’ Mejju 2023 fil-Kawża T-249/21, SN vs Il-Parlament

(Kawża C-430/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: SN (rappreżentant: P. Eleftheriadis, Barrister)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment is-sentenza mogħtija fit-3 ta’ Mejju 2023 mill-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-249/21, SN vs Il-Parlament Ewropew, sa fejn is-sentenza tikkonferma l-validità parzjali tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Diċembru 2020, li tirrigwarda lil SN, u n-nota ta’ debitu Nru 7 010 000 021, indirizzata lil SN, għall-ammont ta’ EUR 196 199.84, tal-15 ta’ Jannar 2021;

tannulla fl-intier tagħha d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Diċembru 2020, li tirrigwarda lil SN,

tannulla fl-intier tagħha n-nota ta’ debitu Nru 7 010 000 021, indirizzata lil SN, għall-ammont ta’ EUR 196 199.84, tal-15 ta’ Jannar 2021,

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż tal-appellant għal dawn il-proċeduri, inklużi l-ispejjeż quddiem din il-qorti u quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

1)    L-ewwel aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tat-test tal-“għarfien” tal-Artikolu 137 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“RAA”) 1 : Il-Qorti Ġenerali allegatament kisret id-dritt tal-Unjoni billi naqset milli tqis li l-irkupru tas-salarju ta’ assistent parlamentari minn Membru tal-Parlament huwa suġġett għat-test tal-“għarfien” fl-Artikolu 137 tar-RAA u tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunali, li jeżiġi li persuna li tirċievi pagamenti f’każijiet ta’ assistenza parlamentari effettivament tkun taf jew hija preżunta li taf li l-pagament ma kienx dovut.

2)    It-tieni aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tat-tifsira korretta tal-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew u tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem “MISM”) 1 : Il-Qorti Ġenerali allegatament kisret id-dritt tal-Unjoni billi naqset milli tapplika b’mod korrett l-Artikoli 33 u 68 tal-MISM li jipprovdu li l-pagament ta’ salarju lil assistent parlamentari jikkostitwixxi salarju u mhux remunerazzjoni għal servizzi pprovduti, b’tali mod li jsir “indebitu” taħt id-dritt tal-Unjoni, biss meta l-pagament ma huwiex dovut skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ impjieg, abbażi ta’ kundizzjonijiet standard ta’ impjieg għal assistenti parlamentari.

3)    It-tielet aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ protezzjoni tad-dritt ta’ Membru għal Libertà u Indipendenza: Il-Qorti Ġenerali allegatament kisret id-dritt tal-Unjoni billi naqset milli tipproteġi b’mod suffiċjenti d-dritt tal-Membri għal Libertà u Indipendenza (Artikoli 2 u 21(2) tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew), bl-impożizzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà stretta għal żbalji innoċenti li, peress li hija tant imprevedibbli u oneruża, hija inkompatibbli mad-dritt tal-Membri għal libertà u indipendenza.

____________

1 ĠU 1962, 45, p. 1385.

1 Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew u tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2009, C 159, p. 1).