Language of document : ECLI:EU:C:2013:93

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fil-21 ta’ Frar 2013 (1)

Kawża C‑648/11

MA,

BT,

DA,

vs

Secretary of State for the Home Department

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit)]

“Regolament (KE) Nru 343/2003 (Dublin II) — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn minuri mhux akkumpanjati, ċittadini ta’ pajjiż terz — Diversi applikazzjonijiet għall-ażil — L-aħjar interess tal-minuri”





1.        Fil-kuntest ta’ proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn tliet ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, minbarra li huma tfal, ma humiex akkumpanjati u ma għandhomx membri tal-familji tagħhom legalment preżenti fit-territorju tal-Unjoni, il-Court of Appeal għamlet domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja, li sa issa kienet għadha qatt ma saret, dwar l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 (2).

2.        Fil-fatt, kif turi din il-kawża, il-kriterji ddefiniti mir-Regolament Nru 343/2003 għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil jistgħu jagħtu lok għal sitwazzjonijiet ta’ kompetenzi paralleli, li d-diċitura tar-Regolament ma ssolvix b’mod faċli, billi jista’ jiġi kważi affermat li l-każ inkwistjoni ma kienx previst.

3.        Konxju mid-diffikultajiet interpretattivi li tqajjem id-domanda preliminari, kif jixhdu b’mod ċar il-pożizzjonijiet opposti li ħadu l-partijiet għal din il-proċedura, biħsiebni nipproponi interpretazzjoni koerenti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003, iggwidata mill-kunsiderazzjoni primarja tal-aħjar interess tat-tfal [Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem il-“Karta”] u mill-għanijiet ta’ ċarezza u ta’ ħeffa li għandu dan ir-regolament fir-rigward tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

4.        Skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta “[f]l-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja”.

B –    Ir-Regolament Nru 343/2003

5.        Il-kontenut tal-premessi 3, 4 u 15 tar-Regolament Nru 343/2003 huwa dan li ġej:

“(3)  Il-konklużjonijiet ta’ Tampere ddikjaraw [...] li [...] is-sistema [Komuni Ewropea tal-Ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil.

(4)       Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. Huwa għandu, b’mod partikolari, jagħmel possibbli li jkun iddeterminat bil-ħeffa l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri li jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat u ma jkunx kompromess l-għan ta’ l-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-ażil.

[…]

(15)  Ir-Regolament josserva d-drittijiet u prinċipji fundamentali li huma rrikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikulari, huwa jfittex li jiżgura osservanza sħiħa tad-dritt ta’ l-ażil iggarantit bl-Artikolu 18”.

6.        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament, dan “jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz”.

7.        Fir-rigward tad-definizzjonijiet rilevanti f’dan il-każ, l-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi li, għall-finijiet tar-Regolament:

“(ċ)  ‘applikazzjoni għall-ażil’ tfisser l-applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz li tista’ tiftiehem bħala talba għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. [...]

(d)       ‘applikant’ jew ‘min ifittex l-ażil’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun għamel applikazzjoni għall-ażil li dwarha deċiżjoni finali ikun għadha ma tteħditx;

[...]

(h)       ‘minorenni [minuri] mhux akkumpanjat’ tfisser persuni mhux miżżewġin taħt l-eta ta’ tmintax li jaslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mhux akkumpanjati minn adult responsabbli għalihom kemm bil-liġi kif ukoll l-użanza, u sakemm huma [ma] jittiħdux effettivament fir-responsabbilta ta’ persuna tali; tinkludi minorenni [minuri] li jitħallew mhux akkumpanjati wara li jkunu waslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.

8.        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz [kull applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz] li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.

2.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. F’dan il-każ, dak l-Istat Membru għandu jsir l-Istat Membru responsabbli fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu jew jieħu lura l-applikant.

[…]”

9.        Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament “[i]l-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru”.

10.      Taħt it-titolu “Ġerarkija ta’ kriterji”, il-Kapitolu III (Artikoli 5 sa 14) tar-Regolament jelenka l-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-“Istat Membru [...] responsabbli” fis-sens tal-Artikolu 3(1) iċċitat iktar ’il fuq:

Artikolu 5:

“1.      Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.

2.      L-Istat Membru responsabbli skond il-kriterji għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-persuna li tfittex l-ażil iddepożitat għall-ewwel darba l-applikazzjoni tagħha għand Stat Membru.”

Artikolu 6:

“Fejn l-applikant għall-ażil [min ifittex l-ażil] ikun minorenni [minuri] mhux akkumpanjat, l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għandu jkun dak fejn membru tal-familja tiegħu jew tagħha jkun legalment preżenti, sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-minorenni [minuri].

Fl-assenza ta’ membru ta-familja, l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għandu jkun dak fejn il-minorenni [minuri] jkun iddepożita l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu jew tagħha.”

Artikolu 13:

“Fejn ebda Stat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.”

11.      Il-Kapitolu IV tar-Regolament, li huwa intitolat “Klawsola umanitarja”, jinkludi dispożizzjoni waħda biss, l-Artikolu 15, li fl-Artikolu 15(3) jipprevedi dan li ġej:

“Jekk il-persuna tfittex l-ażil hija minorenni [minuri] mhux akkumpanjata li għandha qarib jew qraba [membru jew membri tal-familja] fi Stat Membru ieħor li jista’ jieħu ħsiebha jew ħsiebu, Stati Membri għandhom jekk hu possibbli jgħaqqdu l-minorenni [minuri] mal-qarib jew qraba [mal-membru jew mal-membri tal-familja] tiegħu jew tagħha, ħlief jekk mhux fl-aħjar interess tal-minorenni [minuri].”

C –    Ir-Regolament Nru 1560/2003

12.      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat-2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 (3), jipprovdi dan li ġej fl-Artikolu 12 tiegħu:

“1.      Fejn id-deċiżjoni li tiġi fdata l-kura ta’ minuri mhux akkumpanjati lil qarib [membru tal-familja] li mhux l-omm, il-missier jew gwardjan legali x’aktarx tikkawża diffikultajiet partikolari, partikolarment fejn l-adult konċernat joqgħod barra l-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat Membru li fih il-minuri applika għall-asil, koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet jew qrati responsabbli għall-protezzjoni tal-minuri, għandhom jiġu ffaċilitati u l-passi meħtieġa għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li dawk l-awtoritajiet jistgħu jiddeċiedu, b’għarfien sħiħ tal-fatti, fuq l-abilità ta’ l-adult jew adulti konċernati li jieħdu l-inkarigu tal-minuri b’mod li jservi l-aħjar interessi tagħhom.

Għażliet disponibbli bħalissa fil-qasam tal-koperazzjoni f’affarijiet ġudizzjarji u ċivili għandhom jiġu kkunsidrati f’konnessjoni ma’ dan.

2.      Il-fatt li d-dewmien ta’ proċeduri biex tpoġġi [għall-allokazzjoni tal-] minuri jista’ jwassal li ma jiġux osservati l-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 18(1) u (6) u fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 m’għandhomx neċessarjament ikunu ostaklu biex jitkomplew il-proċeduri biex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli jew li qed iwettaq it-trasferiment.”

II – Il-fatti

13.      It-tliet kawżi magħquda f’dan il-każ jikkonċernaw tliet minuri, tnejn b’nazzjonalità tal-Eritrea (MA u BT) u wieħed b’nazzjonalità Iraqina (u b’oriġini Kurda; DA).

14.      Wara li ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil fir-Renju Unit, l-awtoritajiet Brittaniċi kkonstataw li t-tlieta li huma kienu diġà ppreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil fi Stati Membri oħrajn, jiġifieri fl-Italja (MA u BT) u fil-Pajjiżi l-Baxxi (DA). Bħala prinċipju, u skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 343/2003, ġie deċiż li t-tfal jiġu ttrasferiti fl-imsemmija Stati Membri.

15.      Madankollu, qabel ma ġie eżegwit it-trasferiment (fil-każ ta’ MA u ta’ DA) jew hekk kif dan twettaq (fil-każ ta’ BT), l-awtoritajiet Brittaniċi, abbażi tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, iddeċidew li jeżaminaw huma stess l-applikazzjonijiet għall-ażil. Konsegwentement, BT, li kien ġie ttrasferit fl-Italja, seta’ jirritorna fir-Renju Unit.

16.      Minkejja li ntalbu jirtiraw ir-rikorsi li kienu ppreżentaw quddiem il-qrati Brittaniċi kontra d-deċiżjonijiet inizjali ta’ trasferiment, kemm MA u kemm BT irrifjutaw li jagħmlu dan. Min-naħa l-oħra, ma ġiex stabbilit li din it-talba saret ukoll lil DA.

17.      B’sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2010, l-Administrative Court ċaħdet ir-rikorsi differenti tal-minuri kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, billi kkunsidrat li kien applikabbli l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003.

18.      Billi ġie ppreżentat appell quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), din tal-aħħar iddeċidiet li tagħmel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

III – Id-domanda preliminari

19.      L-unika domanda hija din li ġejja:

“Fil-kuntest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 343/2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19,Vol. 6 p. 109), liema huwa l-Istat Membru responsabbli għad-determinazzjoni tal-applikazzjoni tal-ażil meta applikant għall-ażil [min ifittex l-ażil], li huwa minorenni [minuri] mhux akkumpanjat mingħajr l-ebda membru tal-familja tiegħu jew tagħha preżenti legalment fi Stat Membru ieħor, ikun għamel applikazzjonijiet għal ażil f’iktar minn Stat Membru wieħed[?]”

20.      Essenzjalament, id-domanda li qed tagħmel il-Court of Appeal hija dik dwar jekk l-“aħjar interess tal-minorenni [minuri]” — li skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 huwa determinati sabiex jinħatar bħala Stat responsabbli dak fejn membru tal-familja tiegħu jkun legalment preżenti — jikkostitwixxix ukoll il-kriterju li għandu jiġi applikat meta ma jkun hemm l-ebda membru tal-familja li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet. Jekk dan ikun il-każ, l-Istat responsabbli ma jkunx bilfors dak fejn il-minuri jkun ippreżenta l-ewwel applikazzjoni għall-ażil tiegħu. Madankollu, skont il-Court of Appeal, id-diċitura tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 jista’ jkollha bħala konsegwenza li l-aħjar interess tal-minuri ma jkunx involut f’dan it-tieni każ.

21.      Ikun xi jkun il-każ, għal darba oħra tqum il-kwistjoni jekk dan l-aħjar interess jistax jaħdem fuq bażi fakultattiva, billi l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi li kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata lilu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji preskritti fl-imsemmi regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aħjar interess tal-minuri jista’ jkun tabilħaqq il-kriterju adottat mill-Istat inkwistjoni sabiex jinkariga ruħu mill-applikazzjoni għall-ażil.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Diċembru 2011.

23.      B’digriet tas-7 ta’ Frar 2012, it-talba għal proċedura mħaffa ġiet miċħuda.

24.      L-applikanti fil-kawża prinċipali, Advise on Individual Rights in Europe (iktar ’il quddiem “AIRE Centre”) bħala intervenjenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Brittaniku, il-Gvern Ċek, il-Gvern Grieg, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Svediż u l-Gvern Svizzeru flimkien mal-Kummissjoni lkoll ressqu osservazzjonijiet bil-miktub.

25.      Waqt is-seduta tal-5 ta’ Novembru 2012, dehru l-applikanti fil-kawża prinċipali, AIRE Centre, il-Gvern Brittaniku, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Svediż flimkien mal-Kummissjoni u lkoll ressqu osservazzjonijiet orali.

V –    L-argumenti

26.      Il-Gvern Belġjan jikkunsidra, l-ewwel nett, li d-domanda magħmula hija irrilevanti għall-proċedura fil-kawża prinċipali, sa fejn ir-Renju Unit fl-aħħar mill-aħħar aċċetta li jeżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil. Għaldaqstant, id-domanda magħmula mill-Court of Appeal hija biss akkademika u dottrinali.

27.      Fuq il-mertu, l-applikanti fil-kawża prinċipali, AIRE Centre, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni jaqblu li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil huwa dak fejn tkun ġiet ippreżentata l-aħħar applikazzjoni għall-ażil, jiġifieri dak fejn ikun preżenti l-minuri, sakemm, ikun xi jkun il-każ, dan ikun fl-aħjar interess tiegħu.

28.      Din l-interpretazzjoni hija bbażata, fi gradi differenti skont il-każijiet, fuq diversi motivi, li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

29.      L-ewwel nett, skont dawn il-partijiet għall-proċedura, mill-oriġini u mill-istruttura tar-Regolament Nru 343/2003 jirriżulta li l-leġiżlatur xtaq joffri lill-minuri trattament differenti minn dak tal-adulti; il-fatt li l-prinċipju tal-aħjar interess tal-minuri jissemma biss fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament ma huwiex determinanti, peress li l-Artikolu 24(2) tal-Karta jobbliga lill-Istati Membri josservaw dan il-prinċipju fi kwalunkwe ċirkustanza.

30.      It-tieni nett, dawn il-partijiet isostnu li l-għan tal-aċċess effettiv għall-proċeduri u tal-protezzjoni tal-minuri għandu jipprevali fuq dak tal-prevenzjoni ta’ preżentazzjoni ta’ iktar minn applikazzjoni waħda. Fil-fehma tagħhom, dik il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-minuri mhux akkumpanjati jokkupaw l-ewwel post fil-ġerarkija tal-kriterji ddefiniti mill-Artikoli 6 sa 13 tar-Regolament.

31.      Min-naħa l-oħra, skont dawn il-partijiet, l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament għandha tikkontribwixxi xi ħaġa iktar meta pparagunata mar-regola residwa tal-Artikolu 13, għaliex fin-nuqqas ta’ dan hija tkun dispożizzjoni żejda.

32.      Fl-aħħar nett, dawn il-partijiet isostnu li kemm id-diċitura tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 kif ukoll l-istess struttura tar-Regolament jitolbu interpretazzjoni fis-sens li l-espressjoni “jkun iddepożita [ippreżenta]” għandha tinftiehem fis-sens li “jkun iddepożita [ippreżenta] l-aħħar” u mhux f’dak ta’ li “jkun iddepożita [ippreżenta] l-ewwel” u huma jenfasizzaw il-fatt li meta l-leġiżlatur ried jagħmel riferiment għall-ewwel applikazzjoni, huwa qal dan b’mod espliċitu, kif inhu l-każ fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament.

33.      Min-naħa tagħhom, il-Gvern Brittaniku, il-Gvern Ċek, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Svediż u l-Gvern Svizzeru kif ukoll, b’mod sussidjarju, il-Gvern Belġjan, jikkunsidraw li l-Istat Membru responsabbli huwa dak fejn tkun ġiet ippreżentata l-ewwel applikazzjoni għall-ażil.

34.      Ir-raġunijiet invokati minn dawn l-Istati huma wkoll diversi u jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

35.      Min-naħa l-waħda, huma jenfasizzaw li, fid-dawl tal-importanza li r-Regolament jagħti lill-Istat Membru fejn tkun ġiet ippreżentata l-ewwel applikazzjoni, il-leġiżlatur kien jippreċiża kull każ fejn l-applikazzjoni rilevanti tkun l-iktar waħda reċenti.

36.      Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li l-interpretazzjoni kkombinata tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament tikkonferma li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jirreferu biss għall-ewwel applikazzjoni għall-ażil. Barra minn hekk, peress li r-Regolament jimponi, abbażi tal-Artikoli 3(1) u 4(1) tiegħu, li jista’ jinħatar Stat responsabbli wieħed biss, il-ftuħ tal-proċedura mill-mument li tiġi ppreżentata l-ewwel applikazzjoni ma jistax jiġi kkonċiljat mal-fatt li applikazzjoni sussegwenti ppreżentata fi Stat Membru ieħor tipprevali fuq l-ewwel applikazzjoni.

37.      Fl-aħħar nett, skont dawn l-Istati, xejn fir-Regolament ma jagħti lok li jiġi sostnut li, lil hinn mill-eċċezzjoni espressament prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6, inħolqot eċċezzjoni għas-sistema ġenerali għall-minuri mhux akkumpanjati kollha. Il-protezzjoni offruta lill-minuri msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju sottostanti l-Artikoli 7 sa 14 tar-Regolament, li jipprovdu li l-Istat Membru responsabbli huwa dak li kellu l-iktar rwol importanti fl-aċċess tal-applikant għat-territorju tal-Unjoni.

38.      Biex nikkonkludi, l-imsemmija gvernijiet jaqblu li l-interpretazzjoni li huma qed isostnu tiffaċilita, kemm fl-aħjar interess tal-minuri kif ukoll f’dak tal-Istati, l-għan li jiġi stabbilit “metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli” u sabiex ikun possibbli, b’mod partikolari, “li jkun iddeterminat bil-ħeffa l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri li jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat u ma jkunx kompromess l-għan ta’ l-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għall-ażil”. Jekk, min-naħa l-oħra, il-kriterju determinanti jkun il-post fejn tiġi ppreżentata l-aħħar applikazzjoni, ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv u uniformi Stat Membru wieħed responsabbli; dan jiffavorixxi xorta ta’ “forum shopping” u jħeġġeġ lill-minuri mhux akkumpanjati sabiex jiċċaqilqu minn Stat Membru għall-ieħor filwaqt li jippreżentaw applikazzjoni waħda wara l-oħra.

39.      Fl-aħħar nett, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ċek, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Svediż u l-Gvern Svizzeru josservaw li, mingħajr ma għandu jiġi distort is-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-klawżola prevista fl-Artikolu 3(2) tiegħu, li l-applikazzjoni tagħha tista’ tkun mandatorja f’ċerti ċirkustanzi.

VI – Kunsiderazzjonijiet

A –    Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

40.      Kif għadu kemm ingħad iktar ’il fuq, il-Gvern Belġjan jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda preliminari, li hija ipotetika sa fejn ir-Renju Unit diġà inkariga ruħu mir-rwol tal-Istat Membru responsabbli fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003. Skont il-Gvern Belġjan, id-determinazzjoni ta’ jekk ir-Renju Unit kienx obbligat jew le jkollu dan ir-rwol abbażi tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament hija kwistjoni li għandha biss interess akkademiku jew dottrinali u li lanqas ma hija rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiem il-Court of Appeal, fejn huwa importanti biss il-fatt li r-Renju Unit inkariga ruħu mill-istatus ta’ Stat responsabbli, li għall-ewwel kien irrifjuta.

41.      Fil-fehma tiegħi, id-domanda hija ammissibbli.

42.      Huwa minnu li d-deċiżjonijiet inizjali ta’ trasferiment adottati mill-Gvern Brittaniku abbażi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 343/2003 kienu segwiti minn deċiżjonijiet oħrajn, adottati abbażi tal-Artikolu 3(2) ta’ dan l-istess regolament, li għamlu d-deċiżjonijiet inizjali mingħajr effett. Il-konsegwenza ta’ dan kienet li, fl-aħħar mill-aħħar, ir-Renju Unit inkariga ruħu mir-rwol ta’ Stat responsabbli għall-finijiet tar-Regolament Nru 343/2003, u b’hekk assuma l-obbligi marbuta ma’ dik ir-responsabbiltà.

43.      Dan ifisser li essenzjalment inkiseb l-istess riżultat li kienet twassal għalih l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, li kieku l-Artikolu 3(1) tiegħu ġie interpretat b’mod differenti minn kif sostna l-Gvern Brittaniku f’din il-kawża, li l-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni issa għandha tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fi ftit kliem, ir-riżultat miksub f’din il-kawża kien frott deċiżjoni li, minkejja li hija diskrezzjonali u libera, għaliex hija bbażata fuq il-possibbiltà miftuħa mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, kienet tkun mandatorja li kieku kienet il-konsegwenza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament.

44.      Il-kwistjoni ddibattuta f’dan il-każ hija preċiżament dik jekk id-dritt tal-Unjoni jitlobx interpretazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 minn fejn jirriżulta li d-deċiżjoni meħuda mir-Renju Unit ma kinitx diskrezzjonali, imma obbligatorja. Il-fatt li, f’dan il-każ, is-soluzzjoni misjuba hija materjalment l-istess bħal dik li kienet tirriżulta li kieku wieħed jikkunsidra li r-Renju Unit ma setax jadotta soluzzjoni oħra ma jċaħħadx mill-interess tagħha l-kwistjoni sostantiva, li kienet is-suġġett tad-dibattitu, peress li l-għan tagħha huwa preċiżament dak li tikkoreġi, fid-dritt, il-bażi leġiżlattiva tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Brittaniċi, lil hinn mill-konsegwenzi prattiċi jew materjali tagħha.

45.      Kien x’kien il-każ, il-fatt li r-Renju Unit fl-aħħar mill-aħħar sar l-Istat Membru responsabbli għall-finijiet tar-Regolament Nru 343/2003 ma jimplikax li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma għandha xejn iktar għajr interess dottrinali jew akkademiku, peress li quddiem il-Court of Appeal għad hemm rikorsi kontra d-deċiżjonijiet governamentali li għall-bidu kienu ċaħdu r-responsabbiltà tar-Renju Unit biex jeżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil ikkontestati. Indipendentement mill-fatt li jekk dawn ir-rikorsi jintlaqgħu dan ċertament ma jistax ikollu konsegwenzi dannużi fuq l-effetti tad-deċiżjonijiet adottati sussegwentement abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament, il-fatt huwa li l-eżami tal-konformità mad-dritt tal-ewwel deċiżjonijiet huwa indispensabbli sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens imressqa minn wieħed mit-tfal — jiġifieri dak li ġie ttrasferit fl-Italja (BT) — sabiex jiġu rrimedjati d-danni subiti minħabba dik id-deċiżjoni.

46.      Sa fejn dik it-talba għal kumpens tissussisti effettivament illum, kif tafferma l-Court of Appeal, din ma hijiex kwistjoni eventwali jew ipotetika, bħal fil-każ tad-digriet tal-10 ta’ Ġunju 2011, Mohammad Imran (4), imma hija “bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kontroversja” (5).

B –    Fuq il-mertu

47.      Il-Court of Appeal qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja liema huwa, fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-ażil suċċessivi ppreżentati mill-istess persuna u f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003, l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil meta l-applikant ikun minuri mhux akkumpanjat, ċittadin ta’ Stat terz li l-ebda membru tal-familja tiegħu ma jkun legalment preżenti fi Stat Membru.

48.      Fil-fatt, fil-kawżi mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, jeżistu żewġ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati waħda wara l-oħra minn kull wieħed mit-tliet minuri involuti: l-ewwel applikazzjoni ġiet ippreżentata fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju Unit, segwita minn applikazzjoni f’dan il-pajjiż tal-aħħar.

49.      Billi d-domanda saret b’dan il-mod, il-punt ta’ tluq għandhom ikunu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 343/2003, li jinkludu żewġ dikjarazzjonijiet bażiċi. Min-naħa l-waħda, l-artikolu jipprevedi li l-applikazzjoni għall-ażil “għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed”. Min-naħa l-oħra, huwa jipprovdi li dan l-Istat Membru “għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III [ta’ dan ir-regolament] juru li huwa responsabbli”. Dan ifisser li l-problema inkwistjoni hija ferm speċifikament dik li jiġi ddeterminat, qabel ma jiġi eżaminat il-mertu tad-domanda, liema Stat Membru għandu jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil.

50.      Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jintroduċi deroga sinjifikattiva mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1), li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni, u li, kif ingħad iktar ’il fuq, ġiet applikata fil-kawżi prinċipali. Fil-fatt, abbażi tal-Artikolu 3(2), id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) jiġu applikati biss jekk l-Istat Membru fejn tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-ażil ma jagħmilx użu mill-“klawżola ta’ sovranità” prevista fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, li abbażi tagħha “kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament” (6).

51.      Skont din l-istess dispożizzjoni, minħabba l-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa sovrana, l-Istat inkwistjoni jsir “l-Istat Membru responsabbli fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament”, li jassumi “l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà”. Dan japplika anki jekk ikun hemm “[S]tat Membru li qabel kien responsabbli”, Stat Membru “li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli” jew Stat Membru “li kien intalab biex jinkariga ruħu jew jieħu lura l-applikant”. Fir-rigward ta’ dawn l-Istati Membri, dak li jiddeċiedi li jinkariga ruħu mir-rwol ta’ Stat Membru responsabbli abbażi tal-“klawżola ta’ sovranità” ma għandux obbligu ieħor ħlief li jinformahom bid-deċiżjoni tiegħu, prima facie diskrezzjonali, minkejja li, kif inhu magħruf, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza NS, iċċitata iktar ’il fuq (7), introduċiet prinċipju ta’ limitazzjoni tal-libertà tal-Istati Membri meta jkun hemm riskju gravi ta’ ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali f’sitwazzjonijiet li madankollu ma humiex dawk tal-kawża prinċipali.

52.      Madankollu, għandu jiġi nnotat minn issa li l-problema ta’ interpretazzjoni mqajma dwar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2002 ma tistax, fil-fehma tiegħi, titqajjem fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ dan l-istess regolament, fis-sens tas-sentenza NS iċċitata iktar ’il fuq. F’dan il-każ, ma huwiex involut riskju relattivament ċert ta’ ksur sistematiku ta’ drittijiet fundamentali li jirriżulta mir-ritorn (refoulement) tal-parti kkonċernata, imma, b’mod ferm iktar ġenerali, problema ċentrali ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 6, jiġifieri r-regola applikabbli għad-determinazzjoni tal-Istat Membru li għandu jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ta’ minuri.

53.      Barra minn hekk, huwa previst, bħala klawżola finali, li meta l-Istat Membru responsabbli ma jkunx jista’ jinħatar “fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha” (Artikolu 13 tar-Regolament Nru 343/2003).

54.      B’hekk, jista’ jingħad li s-sistema tar-regolament hija mfassla bejn l-estremi ta’ “klawżola ta’ sovranità”, min-naħa l-waħda, u ta’ klawżola residwa, mill-oħra. Bejn dawn iż-żewġ klawżoli, hemm firxa ta’ soluzzjonijiet possibbli, li jiġu ddeterminati abbażi ta’ kriterji speċifikament previsti mill-Kapitolu III tar-Regolament.

55.      Għandu jiġi enfasizzat li, kif jimponi l-Artikolu 5(1) tar-Regolament, dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati fl-ordni li fiha jissemmew f’dan il-Kapitolu III li huwa intitolat espressament “Ġerarkija ta’ kriterji”.

56.      Min-naħa l-oħra, il-“kriterji” inkwistjoni għandhom jiġu applikati “fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-persuna li tfittex l-ażil iddepożitat għall-ewwel darba (8) l-applikazzjoni tagħha għand Stat Membru” (Artikolu 5(2) tar-Regolament). L-ewwel applikazzjoni għall-ażil b’hekk hija determinanti sabiex tiġi identifikata s-sitwazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterji tar-Regolament, imma ma għandhiex l-għan li taħtar l-ewwel Stat Membru li jkun irċieva applikazzjoni bħala l-Istat li għandu jiġi kkunsidrat responsabbli biex jeżaminaha. F’din id-dispożizzjoni, qed jiġu biss stabbiliti l-kundizzjonijiet meta l-kriterji tal-Kapitolu III għandhom ikunu applikabbli u ma huwiex qed jiġi antiċipat dak li għandu jkun ir-riżultat tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

57.      L-ewwel wieħed mill-“kriterji” stabbiliti fil-Kapitolu III huwa dak previst fl-Artikolu 6, li jikkonċerna fil-fatt każ konkret, jiġifieri, f’termini sempliċi, dak fejn l-applikant ikun minuri mhux akkumpanjat. Il-kriterju applikabbli għal dan il-każ, li biħsiebni neżamina iktar ’il quddiem, huwa wkoll l-ewwel wieħed li huwa applikabbli, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1), kif ingħad iktar ’il fuq.

58.      Qabel xejn, għandu jiġi osservat li fir-rigward tal-unika dispożizzjoni speċifikament iddedikata għall-minuri mhux akkumpanjati, l-Artikolu 6 wkoll għandu jinkludi l-uniċi kriterji applikabbli għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni ppreżentata minn minuri mhux akkumpanjati. Fil-fatt, il-kriterji stabbiliti fl-artikoli l-oħra tal-Kapitolu III jirrigwardaw dejjem sitwazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi li jista’ jsib ruħu fihom kull min ifittex l-ażil u b’hekk, anki l-minuri. Issa, minkejja li l-Artikolu 6 jipprevedi kriterju speċifiku għall-minuri mhux akkumpanjati, nikkunsidra li, indipendentement mill-fatt li l-imsemmija minuri jistgħu wkoll isibu rwieħhom fis-sitwazzjonijiet imsemmija f’dispożizzjonijiet oħrajn, l-unika sitwazzjoni li hija rilevanti fir-rigward tagħhom hija ġustament dik li tagħmel minnhom “minuri mhux akkumpanjati”. Kif enfasizza waqt is-seduta l-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 6 tar-Regolament huwa xorta ta’ “kodiċi speċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-minuri mhux akkumpanjati, fejn għandhom jinstabu t-tweġibiet għas-sitwazzjonijiet kollha li fihom jistgħu jsibu rwieħhom.

59.      Parti kbira mid-dibattitu bejn il-partijiet għal din il-proċedura kienet iffokata fuq il-kwistjoni jekk l-applikazzjoni msemmija mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tkunx l-ewwel jew l-aħħar applikazzjoni minn dawk li setgħu ġew ippreżentati mill-minuri mhux akkumpanjat. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għal applikazzjoni fis-singular, mingħajr ma tipprovdi għal jew tipprevedi, b’mod jew b’ieħor, il-każ li tiġi ppreżentata iktar minn applikazzjoni waħda. Dan jirriżulta kemm mid-diċitura ta’ din ir-regola (“[…] l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għandu jkun dak fejn il-minorenni [minuri] jkun iddepożita l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu jew tagħha”) (9) kif ukoll mill-istruttura tagħha.

60.      Fil-fatt, l-Artikolu 6 jipprevedi qabel kollox is-sitwazzjoni l-iktar sempliċi: dik ta’ minuri mhux akkumpanjat li jippreżenta applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru. Dan tal-aħħar, abbażi tar-Regolament Nru 343/2003, għandu jiddetermina liema huwa l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni. Apparti mill-possibbiltà li tiġi applikata l-“klawżola ta’ sovranità” (Artikolu 3(2) tar-Regolament), l-Istat li jkun irċieva l-applikazzjoni jkollu jivverifika jekk membru tal-familja tal-minuri jkunx legalment preżenti fi Stat Membru. Jekk dan ikun il-każ, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6, l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni jkun dak fejn ikun preżenti l-membru tal-familja tal-minuri applikant; madankollu, din id-dispożizzjoni tinvolvi kwalifika importanti li qiegħda fil-fatt li dan japplika “sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-minorenni [minuri]”. Jekk dan ma jkunx il-każ, jiġifieri jekk l-eżistenza ta’ membru tal-familja li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix stabbilita, l-Istat Membru responsabbli allura jkun dak fejn il-minuri “jkun iddepożita l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu jew tagħha”, jiġifieri dak inkarigat li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli u li l-intervent tiegħu b’hekk ġie impost b’dik il-klawżola ta’ salvagwardja.

61.      Għaldaqstant, ir-regola ta’ prinċipju hija, sakemm l-aħjar interess tal-minuri ma jipprekludix dan, li r-responsabbiltà biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil tkun tal-Istat Membru fejn ikunu legalment preżenti membri tal-familja tal-minuri mhux akkumpanjat. Fin-nuqqas ta’ dan — jew għaliex il-minuri ma jkollux membri tal-familja tiegħu fi Stati Membri oħrajn, jew għaliex anki jekk ikollu, ma huwiex fl-aħjar interess tiegħu li l-Istat Membru fejn dawn ikunu preżenti jkun l-Istat kompetenti biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu — l-applikazzjoni tiegħu jkollha tiġi eżaminata mill-Istat Membru fejn din tkun ġiet ippreżentata.

62.      F’din is-sistema, hemm regola prinċipali (kompetenza tal-Istat Membru fejn ikunu preżenti l-membri tal-familja), li tista’ tkun suġġetta għal eċċezzjoni (ibbażata fuq l-aħjar interess tal-minuri), u li fin-nuqqas tagħha tkun applikabbli regola sussidjarja (kompetenza tal-Istat Membru li jkun irċieva l-applikazzjoni).

63.      L-affarijiet ikunu, naturalment, ferm differenti meta, bħal f’dan il-każ, il-minuri mhux akkumpanjat ikun ippreżenta diversi applikazzjonijiet f’iktar minn Stat Membru wieħed. F’dan il-każ, il-fatt li membri tal-familja tiegħu jkunu preżenti fi Stat Membru ieħor jew f’diversi Stati Membri oħrajn jista’ jagħti lok biex l-alternattivi differenti jwasslu biex ir-responsabbiltà tiġi attribwita lil wieħed minn dawn l-Istati, dejjem skont l-aħjar interess tal-minuri u jekk dan l-aħjar interess ma jeskludix ġustament din is-soluzzjoni. Issa, il-kwistjoni li tqajmet f’dan il-każ, jiġifieri dik li jiġi ddeterminat l-Istat Membru fost dawk kollha li jkunu rċevew applikazzjoni għall-ażil, li għandu jinkariga ruħu mir-responsabbiltà li jeżaminaha, tqum kemm fil-każ li l-aħjar interess tal-minuri jipprekludi li r-responsabbiltà tiġi attribwita lill-Istat Membru fejn ikunu preżenti l-membri tal-familja tiegħu kif ukoll fil-każ fejn il-minuri sempliċiment ma jkollux membri tal-familja tiegħu fit-territorju tal-Unjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni hija liema Stat Membru għandu jiddetermina liema Stat Membru għandu jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għall-ażil.

64.      F’dawn it-termini, interpretazzjoni sistematika tar-Regolament, imsaħħa b’interpretazzjoni konformi mal-prinċipji tal-Karta, twassalni biex nikkunsidra li l-kriterju tal-aħjar interess tal-minuri ma huwiex biss rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ta’ applikazzjoni għall-ażil waħda, l-Istat Membru responsabbli għandux ikun dak fejn ikun legalment preżenti membru tal-familja tal-minuri jew dak li, billi jkun irċieva dik l-applikazzjoni, jiddetermina liema huwa l-Istat Membru responsabbli. Għar-raġunijiet li se nispjega iktar ’il quddiem, l-aħjar interess tal-minuri għandu jkun ukoll determinanti sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli fost dawk kollha li jkunu rċevew applikazzjoni għall-ażil.

65.      Essenzjalment, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 ma jipprevedix il-każ tal-kawża prinċipali. Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-ipoteżi ta’ applikazzjoni għall-ażil waħda biss. Għaldaqstant, nikkunsidra li d-dibattitu dwar il-kwistjoni jekk din id-dispożizzjoni, fid-diċitura tagħha, tippreċiżax diġà jekk għandhiex tkun l-ewwel jew l-aħħar applikazzjoni jista’ jibqa’ għaddej in aeternum.

66.      F’dawn il-kundizzjonijiet, jidhirli li għandu jsir sforz sabiex tiġi stabbilita interpretazzjoni koerenti tal-Artikolu 6, li fil-kuntest tagħha s-sistema tar-Regolament Nru 343/2003, bħala tali, tkun armonizzata mal-prinċipji dderivati, b’mod partikolari mill-Karta, li b’dan il-mod tkun qed tirrifletti espressament ir-riferiment għall-aħjar interess tat-tfal inkluż fl-Artikolu 24(2) tal-Karta.

67.      F’dan ir-rigward, l-aħjar interess tal-minuri, preżenti b’mod differenti fir-Regolament Nru 343/2003, għandu jkun il-bażi tal-interpretazzjoni tiegħu u, konsegwentement, il-każ ineżami, fejn hemm sitwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil paralleli għandu jiġi solvut, bħala prinċipju, billi tingħata preferenza lill-aħħar applikazzjoni, dejjem abbażi tal-preżunzjoni li dan ikun il-post fejn dan l-aħjar interess jista’ jiġi ggarantit bl-aħjar mod.

68.      Qabel ma nkompli, ikun aħjar jekk jiġu ċċarati xi affarijiet sabiex tiġi evitata l-konfużjoni. Mill-proċess ta’ riforma tar-Regolament Nru 343/2003, li għaddej bħalissa, jirriżulta li l-Parlament Ewropew għalissa ma xtaqx jintroduċi riferiment espliċitu għall-aħħar applikazzjoni (10), billi wħud mill-partijiet għal din il-proċedura taw x’jifhem li s-sistema ma għandhiex tinbidel f’dan il-punt u li, għaldaqstant, hija ma tagħti l-ebda importanza, f’dan ir-rigward, lill-aħħar applikazzjoni. Madankollu, ma naħsibx li din iċ-ċirkustanza għandha tingħata wisq importanza.

69.      Jekk fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, jittieħdu anki inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ ċarezza u ta’ ħeffa, nikkunsidra, in concreto, li l-kompetenza inkwistjoni għandha tiġi attribwita lill-Istat Membru li jkun qiegħed fl-aħjar kundizzjonijiet sabiex jara x’inhu l-aħjar interess tal-minuri. F’dawn il-kundizzjonijiet, kif se nispjega iktar ’il quddiem, dan l-Istat Membru għandu normalment ikun dak fejn ikun preżenti l-minuri u li, b’mod ġenerali, ikun l-Istat Membru li jkun irċieva l-aħħar applikazzjoni għall-ażil. Peress li din l-attribuzzjoni ta’ responsabbiltà ma tkunx ibbażata direttament fuq il-kriterju tal-aħħar applikazzjoni, imma fuq dak tal-aħjar interess tal-minuri (li għandu b’mod indirett, imma inevitabbli, iwassal għall-aħħar applikazzjoni), il-proposta tiegħi taqbel bla ebda problema mal-idea li ma huwiex opportun li fl-Artikolu 6 jiġi stabbilit riferiment inkundizzjonali għall-Istat Membru fejn tkun ġiet ippreżentata l-aħħar applikazzjoni għall-ażil.

70.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar, qabel xejn, li r-Regolament Nru 343/2003 jiddikjara huwa stess b’mod espliċitu li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u li josserva l-prinċipji li huma rikonoxxuti mill-Karta, b’riferiment partikolari għad-dritt għall-ażil (premessa 15) (11). Lil hinn minn din id-dikjarazzjoni, huwa fatt li, bil-valur legali kkwalifikat li jagħtiha l-Artikolu 6(1) TUE, il-Karta tipprevedi li “[f]l-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja” [Artikolu 24(2) tal-Karta] (12).

71.      Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet jorbtu lill-Istati Membri meta huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta. Il-fatt li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw id-dritt tal-Unjoni ma ġiex iddubitat fis-sentenza NS, iċċitata iktar ’il fuq, fejn fil-punt 68 tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, sa fejn “[j]agħmel parti mill-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għall-ażil previsti mir-regolament imsemmi [...] [huwa] biss element wieħed mis-sistema Ewropea komuni tal-ażil [, biex b’hekk] Stat Membru li jeżerċita [...] is-setgħa diskrezzjonali [mogħtija minn dik id-dispożizzjoni] għandu jitqies bħala li qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta”. L-istess jista’ jingħad, għall-istess raġunijiet, fir-rigward tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003.

72.      Konsegwentement, l-aħjar interess tal-minuri għandu jsir, abbażi ta’ obbligu li jirriżulta mid-dritt primarju tal-Unjoni, “kunsiderazzjoni primarja” minn dawk li japplikaw id-dritt tal-Unjoni u, fil-kuntest inkwistjoni f’dan il-każ, dak tar-Regolament Nru 343/2003 kollu, mill-awtoritajiet nazzjonali li jkollhom jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli minn applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn minuri mhux akkumpanjat li ma jkollux membri oħra tal-familja tiegħu preżenti legalment fit-territorju tal-Unjoni.

73.      F’dawn il-kundizzjonijiet, u indipendentement mill-kontenut litterali tar-Regolament Nru 343/2003, fil-każijiet fejn l-awtorità nazzjonali jkollha tiddeċiedi bejn diversi Stati Membri li jistgħu jkunu responsabbli, b’mod kunfliġġenti, skont il-kriterji tal-imsemmi regolament, biex jeżaminaw l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn minuri mhux akkumpanjat, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi li l-għażla ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri ssir dejjem skont l-aħjar interess tal-minuri.

74.      Issa, f’dan l-istadju, għandha ssir riflessjoni oħra. Sabiex jiġi ddeterminat liema huwa, fiċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, l-aħjar interess tal-minuri u jiġi ddeterminat liema hija d-deċiżjoni li hija l-iktar idonea fid-dawl ta’ dak l-interess, għandha tintalab l-għajnuna tal-minuri (13). F’dan is-sens, il-post fejn ikun preżenti l-minuri fil-mument li tkun qed tittieħed id-deċiżjoni dwar l-Istat responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil għandu jkun suġġett għal attenzjoni partikolari għaliex, fil-prinċipju, għal difiża adegwata tal-aħjar interessi tal-minuri, kull deċiżjoni li taffettwah għandha tiġi adottata mill-awtorità li tkun tista’ teżamina b’mod dirett iċ-ċirkustanzi tal-każ.

75.      Huwa minnu li huwa dejjem possibbli li l-minuri li jfittex l-ażil jiġi rritornat fl-Istat Membru fejn ikun ippreżenta l-ewwel applikazzjoni tiegħu. Madankollu, naħseb li għal raġunijiet ta’ żmien u fid-dawl tal-aħjar trattament li għandhom jibbenefikaw minnu l-minuri, dawn il-minuri li jfittxu l-ażil ma għandhomx jiġu mċaqilqa minn post għall-ieħor meta dan ikun jista’ jiġi evitat. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-premessa 4 tar-Regolament Nru 343/2003 tenfasizza li l-metodu sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli “għandu, b’mod partikolari, jagħmel possibbli li jkun iddeterminat bil-ħeffa l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri li jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat u ma jkunx kompromess l-għan ta’ l-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-ażil”.

76.      Naturalment, għandu jiġi rikonoxxut li s-soluzzjoni proposta jista’ jkollha l-effett mhux mixtieq ta’ xorta ta’ “forum shopping”, kif osservaw diversi partijiet għal din il-proċedura. Dan ir-riskju, li ma hemmx lok li jiġi evalwat issa, madankollu huwa ġġustifikat b’mod suffiċjenti mill-fatt li huwa biss b’dan il-mod li tkun tista’ tingħata l-attenzjoni meħtieġa lill-aħjar interess tal-minuri li għandu jingħata, kif diġà ngħad f’dawn il-paġni, “kunsiderazzjoni primarja” skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta.

77.      Is-smigħ ta’ minuri u l-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tiegħu ta’ dawk li huma l-aħjar interessi tiegħu huma kompiti li jistgħu jitwettqu biss mill-awtorità tal-Istat Membru fejn ikun preżenti l-minuri fil-mument li tkun se tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu (14). Normalment, dan l-Istat Membru għandu jkun dak fejn tkun ġiet ippreżentata l-aħħar applikazzjoni għalkemm ma jistgħux jiġu esklużi każijiet oħrajn; minn dan tirriżulta n-neċessità li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi partikolari ta’ kull każ, li jkun jista’ jiġi deċiż biss meta l-qorti nazzjonali kompetenti jkollha għarfien sħiħ tal-fatti.

78.      Ikun xi jkun il-każ, l-applikazzjoni stess tar-regola li, skont il-proposta tiegħi, tattribwixxi r-responsabbiltà lill-Istat Membru fejn tkun ġiet ippreżentata l-aħħar applikazzjoni għadha tkun tista’ tiġi suġġetta għal deroga, jekk, għal darba oħra, l-aħjar interess tal-minuri jitlob dan. Minkejja li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi li jista’ jkun hemm deroga mir-responsabbiltà tal-Istat Membru fejn ikunu preżenti l-membri tal-familja tal-minuri jekk l-aħjar interess tiegħu jitlob dan, għandu jiġi kkunsidrat li għandha ssir deroga wkoll, fil-każ ta’ diversi applikazzjonijiet, mir-responsabbiltà tal-Istat Membru tal-aħħar applikazzjoni jekk dan l-istess interess jitlob dan. Fi kliem ieħor, il-kriterju tal-aħħar applikazzjoni huwa ġġustifikat biss mill-fatt li dan huwa, bħala prinċipju, il-kriterju li huwa l-iktar idoneu biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-minuri, b’tali mod li jekk, f’każ partikolari, jirriżulta li din il-kunsiderazzjoni ta’ prinċipju ma tkunx opportuna, l-aħjar interess stess tal-minuri jitlob li jkun hemm deroga minnha.

79.      Fl-aħħar mill-aħħar, u abbażi tar-regola ta’ prinċipju li għandha tinsilet minn interpretazzjoni koerenti tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 u tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex tiġi osservata aħjar il-kunsiderazzjoni primarja li għandha fi kwalunkwe każ tingħata lill-aħjar interess tal-minuri, l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fi Stati Membri differenti jkun, bħala prinċipju, dak fejn dik l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata l-aħħar.

VII – Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari bil-mod li ġej:

“Fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, l-Istat Membru li jinħatar bħala dak responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 meta min ifittex l-ażil, li jkun minuri mhux akkumpanjat li l-ebda membru tal-familja tiegħu ma jkun legalment preżenti fi Stat Membru, ikun ippreżenta applikazzjonijiet għall-ażil f’iktar minn Stat Membru wieħed, għandu bħala prinċipju jkun, fid-dawl tal-aħjar interess tal-minuri u sakemm dan l-aħjar interess ma jitlobx soluzzjoni oħra, l-Istat fejn tkun ġiet ippreżentata l-aħħar applikazzjoni.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 –      Regolament tal-Kunsill (KE), tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 343/2003” jew ir-“Regolament”). Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2001, innotifika x-xewqa tiegħu sabiex jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.


3 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200.


4 –      C-155/11 PPU, Ġabra p. I-5095.


5 –      Ibid., punt 21.


6 – Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-klawżola tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2011 fil-punti 65 sa 68 tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, NS (C‑411/10 u C‑493/10, Ġabra p. I-13905). Hija tat deċiżjoni dwar il-“klawżola umanitarja”, prevista mill-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, li tikkostitwixxi varjant ta’ dik tal-Artikolu 3(2) fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Novembru 2012, K (C‑245/11, punti 27 sa 54).


7 – Punti 75 sa 86 u 95 sa 108 ta’ din is-sentenza.


8 –      Enfasi miżjuda minni.


9 – Din l-espressjoni inekwivoka tinsab ukoll f’verżjonijiet lingwistiċi oħrajn tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003: “[…] el Estado miembro en el que el menor la haya presentado”; “[…] celui dans lequel le mineur a introduit sa demande d’asile”; “[…] that where the minor has lodged his or her application for asylum”; “[…] in dem der Minderjährige seinen Asylantrag gestellt hat […]”; “[…] in cui il minore ha presentato la domanda d’asilo”; “[…] em que o menor apresentou o seu pedido de asilo”.


10 – Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [li] jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat [COM(2008) 820] u r-Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew (A6‑0284/2009).


11 – Anki jekk ma jagħmilx espressament riferiment għad-drittijiet fundamentali tal-minuri stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta, kif jagħmel ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), jista’ jingħad fir-rigward tar-Regolament Nru 343/2003, l-istess kif jingħad fis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, J. McB (C‑400/10 PPU, Ġabra p. I‑8965, punt 60), li d-dispożizzjonjiet tiegħu “ma jistgħux jiġu interpretati b’tali mod li jmorru kontra l-imsemmi dritt fundamentali li l-osservanza tiegħu hija bla dubju marbuta mal-aħjar interessi tal-minuri”. F’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni ġenerika tar-rispett tad-drittijiet rikonoxxuti fil-Karta tammonta għal riferiment speċifiku għal dritt konkret.


12 – Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU C 303, tal-14 ta’ Diċembru 2007, p. 17), l-Artikolu 24 tal-Karta huwa bbażat fuq il-Konvenzjoni ta’ New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal, iffirmata fl-20 ta’ Novembru 1989 u rratifikata mill-Istati Membri kollha, li l-Artikolu 3 tagħha jipprevedi li “[f]’dak kollu li jsir dwar it-tfal, kemm minn istituzzjonijiet pubbliċi jew privati ta’ ħarsien soċjali, minn qrati tal-ġustizzja, awtoritajiet amministrattivi jew korpi leġislattivi, l-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun ħsieb ewlieni”.


13 – L-Artikolu 24(1) tal-Karta jipprevedi huwa stess li l-opinjonijiet liberament espressi mit-tfal “għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom”. Indirizzajt din il-kwistjoni fil-konklużjonijiet għall-Kawża X (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, C‑507/10, Ġabra p. I-14241, punti 46 sa 49), billi bbażajt ruħi fuq is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga (C‑491/10 PPU, Ġabra p. I‑14247, punti 64 sa 67).


14 – Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1560/2003 jaqbel ukoll ma’ dik l-idea għaliex jipprovdi li d-deċiżjoni li tiġi fdata l-kura ta’ minuri mhux akkumpanjat lil membru tal-familja tiegħu li mhux l-omm, il-missier jew tutur legali li jkun residenti fi Stat Membru ieħor, għandha tkun ippreċeduta mill-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex l-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ikun residenti dak il-membru tal-familja tiegħu jkunu “jistgħu jiddeċiedu, b’għarfien sħiħ tal-fatti, fuq l-abilità ta’ l-adult jew adulti konċernati li jieħdu l-inkarigu tal-minuri b’mod li jservi l-aħjar interessi tagħhom”.