Language of document : ECLI:EU:C:2016:334

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Mejju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ) u Artikolu 9(1) – Persuni taxxabbli – Attivitajiet ekonomiċi – Kunċett – Trasport skolastiku”

Fil-Kawża C‑520/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

Gemeente Borsele

vs

Staatssecretaris van Financiën

u

Staatssecretaris van Financiën

vs

Gemeente Borsele,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Novembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gemeente Borsele, minn D. Bos u A. T. M. Joore-van Zanten, belastingadviseurs,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman, M. Gijzen u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye u S. Simmons, bħala aġenti, assistiti minn R. Hill, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) u tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar 'il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Geemente Borsele (muniċipalità ta’ Borsele) u l-iStaatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) dwar id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) invokat minn din il-muniċipalità.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li għandha tkun suġġetta għall-VAT:

“il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4        L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5        L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kwalunkwe każ, korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness I, sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux twettqu fuq skala tant żgħira li jkunu insinifikanti.”

6        Intitolat “Lista ta’ l-attivitajiet imsemmija fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(1)”, l-Anness I tal-istess direttiva jsemmi, fil-punt 5 tiegħu, it-“trasport ta’ passiġġieri”.

7        Skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

8        Intitolat “Spejjeż tat-trasport skolastiku”, l-Artikolu 4 tal-Wet op het primair onderwijs (Liġi dwar l-edukazzjoni primarja) jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet tal-edukazzjoni skolastika, is-sindku u l-membri tal-kunsill għandhom jieħdu, fuq talba, fil-konfront tal-ġenituri tal-istudenti li jirrisjedu fit-territorju tal-muniċipalità tagħhom, responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasport li huma jqisu neċessarji. Il-kunsill tal-muniċipalità għandu jadotta regolament li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ dan it-teħid ta’ responsabbiltà, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi segwenti.

[...]

4.      Ir-regolament għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni li tista’ raġonevolment tintalab mingħand il-ġenituri u għandu jipprevedi li t-trasport jista’ jitwettaq b’mod adegwat għall-istudent. Ir-regolament għandu jiddetermina l-modalitajiet ta’ kif is-sindku u l-membri tal-kunsill jikkonsultaw esperti fil-qasam.

5.      Ir-regolament għandu jipprevedi teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasport fuq id-distanza bejn id-dar tal-istudent u

(a)      l-eqreb skola primarja li hija aċċessibbli għalih jew, jekk l-istudent ikollu jattendi skola primarja speċjalizzata, l-eqreb skola primarja speċjalizzata li hija aċċessibbli għalih,

(b)      skola primarja ordinarja jew speċjalizzata oħra jekk it-trasport lejn din l-iskola jirrappreżenta, għall-muniċipalità, nefqa iżgħar minn dik tat-trasport lejn l-iskola primarja ordinarja jew speċjalizzata msemmija fil-punt (a) u jekk il-ġenituri jaċċettaw it-trasport lejn din l-iskola l-oħra,

(c)      l-eqreb skola primarja speċjalizzata aċċessibbli għall-istudent fil-kumpless skolastiku tal-iskola primarja li minnha jkun ħareġ jekk il-ġenituri jaċċettaw it-trasport lejn din l-iskola primarja speċjalizzata, jew

(d)      skola primarja speċjalizzata oħra tal-kumpless skolastiku msemmi fil-punt (c) jekk it-trasport lejn din l-iskola jirrappreżenta, għall-muniċipalità, nefqa iżgħar minn dik tat-trasport lejn l-iskola primarja speċjalizzata msemmija fil-punt (1) u jekk il-ġenituri jaċċettaw it-trasport lejn din l-iskola l-oħra.

[...]

7.      Ir-regolament jista’ jipprevedi, għall-ġenituri li d-dħul akkumulat tagħhom jaqbeż EUR 17.700, li t-teħid ta’ responsabbiltà għandu jingħata biss sa fejn l-ispejjeż tat-trasport jaqbżu l-ispejjeż tat-trasport pubbliku fuq id-distanza ffissata mill-kunsill tal-muniċipalità fuq il-bażi tal-paragrafu 8, liema distanza ma tistax tkun ta’ iktar minn 6 kilometri. Il-kalkolu tad-dħul għandu jkun ibbażat fuq id-dħul irċevut matul it-tieni sena ċivili li tippreċedi dik li matulha tibda s-sena skolastika li fir-rigward tagħha jintalab it-teħid ta’ responsabbiltà. L-ispejjeż tat-trasport pubbliku msemmija fl-ewwel sentenza jikkorrispondu għall-ispejjeż tat-trasport pubbliku li jkunu raġonevolment dovuti għad-distanza vjaġġata, fid-dawl tas-separazzjoni f’żoni magħmula fir-regolament ibbażat fuq l-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar it-trasport ta’ passiġġieri, irrispettivament mill-preżenza ta’ trasport pubbliku jew l-użu effettiv tiegħu. Fil-każ li jkun japplika l-paragrafu 10, ir-regolament għandu jipprevedi kontribuzzjoni finanzjarja mill-ġenituri kkalkolata konformement mat-tielet sentenza. B’effett mill-1 ta’ Jannar 1999, l-ammont imsemmi fl-ewwel sentenza għandu jiġi aġġustat kull sena skont l-evoluzzjoni fl-indiċi tas-salarji kuntrattwali tal-ħaddiema adulti meta mqabbla mas-sena preċedenti, u mbagħad għandu jiġi arrotondit għal multiplu ta’ EUR 450. L-ammont aġġustat għandu jieħu post l-ammont imsemmi fl-ewwel sentenza.

8.      Ir-regolament jista’ jipprevedi li ma hemmx dritt għal teħid ta’ responsabbiltà fuq il-bażi tad-distanza bejn l-iskola aċċessibbli għall-istudent u r-residenza tiegħu, imkejla skont l-iktar vjaġġ qasir li jkun suffiċjentement prattikabbli u sikur għall-istudent.

[...]

10.      Ir-regolament jista’ jipprevedi li l-muniċipalità għandha tiżgura hija stess it-trasport jew li għandha tikkummissjonah, minflok ma tieħu responsabbiltà fi flus.

11.      Ir-regolament jista’ jipprevedi, għall-istudenti li fir-rigward tagħhom id-distanza msemmija fil-paragrafu 5 tkun ta’ iktar minn 20 kilometru, li l-ammont tat-teħid ta’ responsabbiltà jiddependi mill-kapaċità kontributorja tal-ġenituri jew li t-trasport żgurat jew ikkummissjonat mill-muniċipalità jitwettaq bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni li tiddependi mill-kapaċità kontributorja tal-ġenituri u li ma tistax tkun ta’ iktar mill-ammont tal-ispejjeż tat-trasport tal-istudent ikkonċernat. F’dan il-każ, ir-regolament għandu jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu tal-kapaċità kontributorja tal-ġenituri. L-ewwel sentenza ma tapplikax għall-istudenti tal-iskejjel primarji speċjalizzati li jirrisjedu f’distanza ta’ iktar minn 20 kilometru mill-eqreb skola primarja speċjalizzata pubblika jew privata.

[...]”

9        Skont l-Artikolu 4(1) tal-wet op de expertisecentra (Liġi dwar iċ-ċentri ta’ kompetenza), ir-“regolament għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni li tista’ raġonevolment tintalab mingħand il-ġenituri u għandu jipprevedi li t-trasport jista’ jitwettaq b’mod adegwat għall-istudent, bil-kundizzjoni li l-istudenti fl-iskejjel sekondarji speċjalizzati jistgħu jitolbu teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasport biss jekk ikollhom jużaw, minħabba d-diżabbiltà tagħhom, mezz ta’ trasport differenti mit-trasport pubbliku u jekk, minħabba d-diżabbiltà tagħhom, ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw b’mod awtonomu fuq it-trasport pubbliku”.

10      Il-Verordening leerlingenvervoer gemeente Borsele 2008 (regolament tal-muniċipalità ta’ Borsele, tas-sena 2008, dwar it-trasport skolastiku) jipprevedi, b’mod partikolari:

–        għall-vjaġġi ta’ distanza inqas minn 6 kilometri, ma hemmx teħid ta’ responsabbiltà għat-trasport skolastiku,

–        għall-vjaġġi ta’ distanza bejn 6 kilometri u 20 kilometru, it-trasport skolastiku għandu jiġi pprovdut bil-ħlas, mill-ġenituri tal-minuri ttrasportat, ta’ kontribuzzjoni ta’ ammont iffissat f’livell ekwivalenti għall-prezz tat-trasport pubbliku għal distanza ta’ 6 kilometri.

–        għall-vjaġġi ta’ distanza ta’ iktar minn 20 kilometru, it-trasport skolastiku għandu jiġi pprovdut bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni li ma tistax tkun ogħla mill-kost ta’ dan it-trasport, ikkalkolata, għal kull familja, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet kontributorji tal-ġenituri, fuq il-bażi tad-dħul akkumulat tal-ġenituri, wara tnaqqis, fis-sens tal-Liġi tal-2001 dwar it-taxxa fuq id-dħul.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Il-muniċipalità ta’ Borsele tagħmel użu, għat-trasport skolastiku tal-istudenti li huma intitolati għalih, mis-servizzi ta’ impriżi ta’ trasport. F’dan ir-rigward, għas-sena 2008, hija ħallset is-somma ta’ EUR 458 231, inkluża l-VAT.

12      Konformement mad-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-muniċipalità ta’ Borsele, tas-sena 2008, dwar it-trasport skolastiku, madwar terz mill-ġenituri tal-istudenti li jibbenefikaw mit-trasport skolastiku ħallsu kontribuzzjonijiet li l-ammont totali tagħhom, li jikkorrispondi għal 3 % tas-somom imħallsa minn din il-muniċipalità sabiex tiffinanzja s-servizzi tat-trasport skolastiku, kien ta’ EUR 13.958. Il-bilanċ kien iffinanzjat mill-imsemmija muniċipalità permezz ta’ fondi pubbliċi.

13      Quddiem l-awtoritajiet fiskali, il-muniċipalità ta’ Borsele sostniet li kienet suġġetta għall-ħlas tal-VAT fir-rigward tal-provvista tas-servizzi ta’ trasport skolastiku bil-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet u, għaldaqstant, li setgħet tnaqqas minn dan il-ħlas il-VAT li kienet iffatturatha mit-trasportaturi. Dan l-argument inċaħad minħabba li din il-muniċipalità ma kinitx tipprovdi servizzi bi ħlas u għalhekk ma kinitx teżerċita attività ekonomika.

14      F’deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2009, l-awtoritajiet fiskali stabbilixxew l-ammont dovut mill-fond ta’ kumpens tal-VAT lill-muniċipalità ta’ Borsele, fir-rigward tas-sena 2008, mingħajr ma inkludew, f’dan l-ammont, il-VAT li din il-muniċipalità kienet ġiet iffatturata mit-trasportaturi.

15      Il-muniċipalità ta’ Borsele ppreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem ir-rechtbank te ’s-Gravenhage (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi). Dan ir-rikors ġie miċħud, bħala infondat, permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Diċembru 2010. Il-muniċipalità ta’ Borsele ppreżentat appell quddiem il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage (qorti tal-appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), li, permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2012, annullat din l-aħħar deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet fiskali. Il-muniċipalità ta’ Borsele u s-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi ppreżentaw it-tnejn li huma appell separat fil-kassazzjoni, kontra d-deċiżjoni tal-Gerechtshof te ’s-Gravenhage (qorti tal-appell ta’ Den Haag), quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-parti inizjali tal-Artikoli 2(1), l-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [tal-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li Komun għandu jiġi kklassifikat bħala persuna taxxabbli fis-sens ta’ din id-direttiva fir-rigward tat-trasport skolastiku, minħabba regolament komunali bħal dak deskritt fit-talba għal deċiżjoni preliminari?

2)      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-regolament komunali kollu jew għandha ssir evalwazzjoni separata għal kull servizz ta’ trasport ipprovdut?

3)      Fil-każ li kull evalwazzjoni għandha ssir separatament għandha ssir distinzjoni bejn it-trasport ta’ studenti fuq distanza ta’ bejn 6 u 20 kilometru u dak fuq distanza ta’ iktar minn 20 kilometru?”

 Fuq id-domandi preliminari

17      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li kollettività territorjali, li tipprovdi servizz ta’ trasport skolastiku, f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taġixxix bħala persuna taxxabbli u jekk hijiex għalhekk suġġetta għall-VAT.

18      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, hija meqjusa bħala “persuna taxxabbli” kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq, fi kwalunkwe post, attività ekonomika, irrispettivament mill-iskop jew mir-riżultati ta’ din l-attività.

19      Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest tal-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kollettività territorjali taġixxix bħala persuna taxxabbli, għandu jiġi ddeterminat jekk din tal-aħħar teżerċitax attività ekonomika fis-sens tad-Direttiva tal-VAT.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li hija meqjusa bħala “attività ekonomika” kwalunkwe attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ fornitur ta’ servizzi, inklużi l-attivitajiet fil-minjieri, fl-agrikoltura u dawk tal-professjonijiet liberali jew assimilati.

21      Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, attività tista’ tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni fil-każ biss li tikkorrispondi għal waħda mit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-VAT.

22      F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trasport skolastiku żgurat minn muniċipalità f’kundizzjonijiet bħal dawk tal-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix attività ekonomika fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, għandu għaldaqstant jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, jekk, fil-kuntest tal-organizzazzjoni ta’ dan it-trasport skolastiku, din il-muniċipalità wettqitx tranżazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi prevista fl-Artikolu 2(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva.

23      Sa fejn l-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha jippermettu li jitqies li fil-kawża prinċipali hija effettivament involuta prestazzjoni ta’ servizzi, għandu jiġi vverifikat jekk din il-prestazzjoni tistax titqies li qiegħda tiġi pprovduta mill-imsemmija muniċipalità bi ħlas, kif jeżiġi l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, prestazzjoni ta’ servizzi titwettaq “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, u għalhekk tkun taxxabbli, fil-każ biss li bejn il-fornitur u l-benefiċjarju jkun hemm relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C‑16/93, EU:C:1994:80, punt 14; tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C‑2/95, EU:C:1997:278, punt 45, u tas-26 ta’ Ġunju 2003, MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring, C‑305/01, EU:C:2003:377, punt 47).

25      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kontribuzzjoni mill-ġenituri għall-ispejjeż tat-trasport skolastiku ma hijiex ikkalkolata fuq il-bażi tal-ispejjeż reali tas-servizzi pprovduti. Fil-fatt, l-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni mill-ġenituri la huwa marbut man-numru ta’ kilometri mwettqa kuljum, la mal-kost għal kull vjaġġ għal kull student ittrasportat, u lanqas mal-frekwenza tal-vjaġġi.

26      Madankollu, il-fatt li tranżazzjoni ekonomika titwettaq bi prezz ogħla jew iżgħar mill-kost huwa irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bħala “tranżazzjoni bi ħlas”. Fil-fatt, dan il-kunċett tal-aħħar jirrikjedi biss l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-kunsinna ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi u korrispettiv realment irċevut mill-persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council,102/86, EU:C:1988:120, punt 12, u tal-20 ta’ Jannar 2005, Hotel Scandic Gåsabäck, C‑412/03, EU:C:2005:47, punt 22).

27      Għaldaqstant, il-ħlas minn madwar terz tal-ġenituri tal-minuri ttrasportati ta’ kontribuzzjoni għat-trasport skolastiku jippermetti li jitqies li l-muniċipalità ta’ Borsele wettqet provvista ta’ servizzi bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT.

28      Fit-tieni lok, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 u 50 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi ppreċiżat li l-eżistenza ta’ prestazzjoni ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT.

29      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk provvista ta’ servizzi titwettaqx bi ħlas ta’ natura tali li din l-attività għandha tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 235/85, EU:C:1987:161, punt 15), għandhom jiġu analizzati l-kundizzjonijiet kollha li fihom titwettaq din il-provvista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Enkler, C‑230/94, EU:C:1996:352, punt 27).

30      B’hekk, il-paragun bejn il-kundizzjonijiet li fihom il-persuna kkonċernata twettaq il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni u l-kundizzjonijiet li fihom din it-tip ta’ provvista ta’ servizzi normalment titwettaq jista’ jikkostitwixxi wieħed mill-metodi li jippermettu li jiġi vverifikat jekk l-attività kkonċernata tikkostitwixxix attività ekonomika (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Enkler, C‑230/94, EU:C:1996:352, punt 28).

31      Elementi oħra, bħalma huma, b’mod partikolari, id-daqs tal-klijentela u l-ammont tad-dħul, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, flimkien ma’ elementi oħra, fil-kuntest ta’ dan l-eżami (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Enkler, C‑230/94, EU:C:1996:352, punt 29).

32      Għalkemm huwa minnu li, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-informazzjoni kollha dwar il-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tipprovdi risposti utli lill-qorti nazzjonali, għandha l-kompetenza sabiex tagħti indikazzjonijiet, misluta mill-proċess ta’ din il-kawża kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati quddiemha, li jkunu ta’ natura li jippermettu lil din l-istess qorti tiddeċiedi dwar it-tilwima konkreta li jkollha quddiemha.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-muniċipalità ta’ Borsele, permezz tal-kontribuzzjonijiet miġbura minnha, tirkupra biss parti żgħira ħafna mill-ispejjeż tagħha. Fil-fatt, il-kontribuzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex dovuti minn kull utent u kienu tħallsu biss minn terz minnhom, tant li l-ammont tagħhom ikopri biss 3 % mit-totalità tal-ispejjeż tat-trasport, bil-bilanċ iffinanzjat minn fondi pubbliċi. Tali differenza bejn l-ispejjeż tal-funzjonament u l-ammonti miġbura bħala korrispettiv għas-servizzi offerti hija ta’ natura li tissuġġerixxi li l-kontribuzzjoni mill-ġenituri għandha tiġi ekwiparata iktar ma’ tariffa milli ma’ ħlas (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑246/08, EU:C:2009:671, punt 50).

34      B’hekk, minn tali nuqqas ta’ simetrija tirriżulta assenza ta’ rabtiet reali bejn is-somma mħallsa u l-provvista ta’ servizzi mogħtija. Għaldaqstant, ma jidhirx li r-rabta bejn is-servizz ta’ trasport ipprovdut mill-imsemmija muniċipalità u l-korrispettiv li għandu jitħallas mill-ġenituri għandha n-natura diretta meħtieġa sabiex dan il-korrispettiv ikun jista’ jitqies bħala korrispettiv li jikkostitwixxi ħlas għal dan is-servizz u sabiex dan tal-aħħar jitqies li huwa attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑246/08, EU:C:2009:671, punt 51).

35      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-kundizzjonijiet li fihom titwettaq il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma differenti minn dawk li fihom normalment jitwettqu l-attivitajiet ta’ trasport ta’ passiġġieri peress li l-muniċipalità ta’ Borsele, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, ma toffrix provvisti ta’ servizzi fuq is-suq ġenerali tat-trasport ta’ passiġġieri, iżda iktar tidher li hija benefiċjarju u konsumatur finali ta’ provvisti ta’ trasport li hija takkwista mingħand impriżi tat-trasport li tinnegozja magħhom u li hija tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ġenituri ta’ studenti fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ servizz pubbliku.

36      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju hija li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li kollettività territorjali, li tipprovdi servizz ta’ trasport skolastiku, f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma teżerċitax attività ekonomika u għalhekk ma għandhiex il-kwalità ta’ persuna taxxabbli.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija dik il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Il-Ħames Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li kollettività territorjali, li tipprovdi servizz ta’ trasport skolastiku, f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma teżerċitax attività ekonomika u għalhekk ma għandhiex il-kwalità ta’ persuna taxxabbli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.