Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fil-15 ta’ Frar 2021 – Finanzamt R vs W-GmbH

(Kawża C-98/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Finanzamt R

Konvenut: W-GmbH

Domandi preliminari

F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 168(a) flimkien mal-Artikolu 167 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija holding ġestjonarja, li twettaq operazzjonijiet taxxabbli fi stadju sussegwenti lil sussidjarji, hija intitolata għal dritt għal tnaqqis anki fir-rigward ta’ servizzi li hija tikseb mingħand terzi u li tikkontribwixxi lil sussidjarji bi skambju għall-għoti ta’ sehem fil-profitt ġenerali, minkejja li s-servizzi fi stadju preċedenti ma jkollhomx rabta diretta u immedjata mal-operazzjonijiet tal-kumpannija holding stess iżda mal-attivitajiet (fil-parti l-kbira) eżentati tas-sussidjarji, li l-imsemmija servizzi ma jkunux inklużi fil-prezz tal-operazzjonijiet taxxabbli (imwettqa favur sussidjarji) u ma jkunux jagħmlux parti mill-ispejjeż ġenerali tal-attività ekonomika tal-kumpannija holding stess?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: hemm abbuż tad-dritt fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta kumpannija holding ġestjonarja li “tintervjeni” fl-akkwist ta’ servizzi għal sussidjarji billi takkwista hija stess is-servizzi li fir-rigward tagħhom is-sussidjarji ma jkollhom ebda dritt għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa fi stadju preċedenti fil-każ ta’ akkwist dirett, billi tikkontribwixxi l-imsemmija servizzi lis-sussidjarji bi skambju għall-għoti ta’ sehem fil-profitt tagħhom, u sussegwentement tinvoka dritt għal tnaqqis komplet tat-taxxa mħallsa fi stadju preċedenti minħabba l-kwalità tagħha ta’ kumpannija holding ġestjonarja, jew inkella dan l-intervent jista’ jiġi ġġustifikat għal raġunijiet mhux fiskali, minkejja li d-dritt għal tnaqqis komplet tat-taxxa mħallsa fir-rigward ta’ servizzi fi stadju preċedenti, bħala prinċipju, jikkunfliġġi mas-sistema u jwassal sabiex jinħoloq vantaġġ kompetittiv għal strutturi ta’ kumpanniji holding meta mqabbla ma’ kumpanniji fuq livell wieħed?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.