Language of document : ECLI:EU:T:2011:329

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

6 ta’ Lulju 2011 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali BETWIN – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 49 KE”

Fil-Kawża T‑258/09,

i-content Ltd Zweigniederlassung Deutschland, stabbilita f’Berlin (il‑Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn A. Nordemann, sussegwentement minn A. Nordemann u T. Boddien, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Schäffner, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tal-4 ta’ Mejju 2009 (Każ R 1528/2008‑4), li tikkonċerna applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal verbali BETWIN bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Lulju 2009,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2009,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar 2010,

wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-20 ta’ April 2008, ir-rikorrenti, i-content Ltd Zweigniederlassung Deutschland ippreżentant quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal verbali BETWIN skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassijiet 35, 38 u 41 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 35: “Reklamar; servizzi ta’ ġestjoni tan-negozju; amministrazzjoni kummerċjali; pariri lil impriżi; funzjonijiet ta’ uffiċċju; previżjonijiet u analiżi ekonomiċi; studju komportamentali; marketing; marketing dirett; stħarriġ tas-swieq; relazzjonijiet pubbliċi (Public Relations); stimi tan‑negozju; pariri għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ impriżi; promozzjoni tal-bejgħ (Sales Promotion) (f’isem terzi); kummerċjalizzazzjoni ta’ avviżi; servizzi ta’ aġenzija, jiġifieri medjazzjoni ta’ kuntratti tal-bejgħ u tax-xiri ta’ prodotti; sistematizzazzjoni tad-databases informatiċi; (informazzjoni dwar il-qasam) tan-negozju kummerċjali u tal‑impriżi; żamma tal-kotba kontabbli, servizzi taż-żamma tal-kotba; kirjiet ta’ waqfiet kummerċjali għall-mezzi ta’ komunikazzjoni; (diffużjoni ta’) avviżi pubbliċitarji; riproduzzjoni ta’ dokumenti; servejs; editing ta’ testi pubbliċitarji; ġbir u kumpilazzjoni ta’ artikli tematiċi tal-istampa; ipproċessar tat-test; brokering ta’ negozji għal terzi; operat ta’ callcentre għall-bejgħ, għall-pariri jew għall-customer care; żvilupp ta’ proġetti f’termini ta’ negozju, tal-organizzazzjoni u tar-reklamar; sponsorships għal skopijiet ta’ reklamar; ħolqien u żvilupp ta’ xandiriet radjofoniċi u televiżivi f’termini tal-organizzazzjoni u tar-reklamar; organizzazzjoni u tmexxija ta’ espożizzjonijiet għal skopijiet ekonomiċi u pubbliċitarji; ħolqien u żvilupp ta’ spettakli, ta’ logħob, ta’ lotteriji, ta’ kompetizzjonijiet, ta’ ballijiet, ta’ tlugħ bix-xorti, ta’ kompetizzjonijiet f’termini ta’ negozju, tal-organizzazzjoni u tar-reklamar; żvilupp ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni, ta’ netwerks tal-ipproċessar tad-data, ta’ databases u algoritmi, b’mod partikolari fuq l-internet u għall-internet, f’termini ta’ negozju u tal-organizzazzjoni; (kirjiet ta’) material pubbliċitarju; pariri (dwar ġestjoni tal-persunal); riċerka u servejs ekonomiċi; organizzazzjoni ta’ bejgħ bl-irkant; servejs kummerċjali; reklamar bil-korrispondenza; stabbiliment ta’ kompetenzi relatati man-negozju; stimi tal-valuri; analiżi tal-ispiża/tal-utilità; servizzi ta’ aġenzija tal-prezzijiet; servizzi ta’ pariri għan-negozju; reklamar televiżiv; informazzjoni dwar in-negozju; studji tas-suq u tal-marketing; pjanifikazzjoni tan-negozju; riproduzzjoni ta’ dokumenti; pubblikazzjoni ta’ testi pubbliċitarji; amministrazzjoni informatika ta’ databases; (riproduzzjoni ta’) dokumenti; superviżjoni tan-negozju; amministrazzjoni ta’ fajls tal-kompjuter; (operat ta’) aġenzija ta’ import-export; tiftix dwar impriżi; ġbir, stabbiliment u diffużjoni ta’ informazzjoni ekonomika, statistika, databases informatiċi u informazzjoni ekonomika oħra; analiżi tas-suq; kirjiet ta’ spazji pubbliċitarji; studju tas-suq; kirja tal-materjal pubbliċitarju; preżentazzjoni ta’ prodotti għal skopijiet pubbliċitarji; (servizz ta’) aġenzija tar-reklamar; reklamar fil-forma ta’ kartelluni; (organizzazzjoni ta’) wirjiet u fieri għal skopijiet ekonomiċi u pubbliċitarji; distribuzzjoni ta’ kampjuni ta’ prodotti għal skopijiet pubbliċitarji; kirjiet ta’ vending machines; (stabbiliment ta’) previżjonijiet ekonomiċi; ħolqien ta’ avviżi għal terzi; reklamar online f’netwerk informatiku; (twettiq ta’) traskrizzjonijiet; servizzi ta’ provvisti f’isem terzi (xiri ta’ prodotti u ta’ servizzi għal impriżi oħra); servizzi ta’ mudelli għal skopijiet pubbliċitarji u promozzjonali; tiftix f’fajls tal-kompjuter (f’isem terzi); ġbir u kumpilazzjoni ta’ artikoli tal-istampa tematiċi; xogħol ta’ riproduzzjoni eljografika; ingaġġar (ta’ persunal); selezzjoni ta’ persunal bl-għajnuna ta’ testijiet psikoloġiċi ta’ kapaċità; tmexxija ta’ fieri għal skopijiet kummerċjali jew pubbliċitarji; tqegħid ta’ avviżi f’isem terzi; (kumpilazzjoni ta’) data f’databases informatiċi; ħruġ ta’ kontijiet; reklamar dirett; kumpilazzjoni ta’ data f’databases informatiċi; reklamar radjofoniku; fotokopji; preżentazzjoni awdjoviżiva għal skopijiet pubbliċitarji; (reklamar permezz ta’) kitbiet pubbliċtarji; (distribuzzjoni ta’) materjal pubbliċitarju (fuljetti, flyers, karti pprintjati, kampjuni ta’ prodotti)”;

–        klassi 38: “Telekomunikazzjonijiet; diffużjoni ta’ programmi radjofoniċi u televiżivi, wkoll permezz ta’ intermedjarju ta’ netwerk tal-kejbil; ġbir u provvista ta’ informazzjoni; aġenziji tal-istampa; twettiq jew tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ protokolli tal-komunikazzjoni sabiex jippermettu l‑iskambju ta’ informazzjoni jew it-trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn żewġ imsieħba tal-komunikazzjoni jew iktar; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ posta elettronika; trażmissjoni ta’ messaġġi; trażmissjoni ta’ messaġġi u ta’ stampi permezz tal-kompjuter; ksib ta’ aċċess għal-database sabiex wieħed iniżżel data u informazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi (Internet); servizzi ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ servizzi ta’ posta elettronika; (diffużjoni ta’) xandiriet radjofoniċi; implementazzjoni ta’ servizzi telefoniċi u ta’ servizzi ta’ teletext; servizzi ta’ videotex; diffużjoni, propagazzjoni u trażmissjoni ta’ stampi, ta’ informazzjoni fil-forma ta’ ħoss, ta’ grafiċi, ta’ data u ta’ informazzjoni oħra bir-radju, apparat ta’ telekomunikazzjoni, mezzi elettroniċi jew l-internet; servizzi ta’ aċċess għal databases fuq l-internet; servizzi elettroniċi ta’ avviżi (telekomunikazzjoni); tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet ta’ telekomunikazzjoni sabiex isiru ordnijiet ta’ prodotti u ta’ servizzi permezz tal-komunikazzjoni elettronika ta’ data; trażmissjoni permezz tas-satellita; servizzi ta’ telefonija lokali u interurbana, ta’ callback, barra l-pajjiż u mobbli; diffużjoni ta’ xandiriet ta’ teleshopping; (informazzjoni dwar it-)telekomunikazzjoni; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ rabtiet ta’ telekomunikazzjoni lejn netwerk informatiku mondjali; trażmissjoni ta’ messaġġi permezz ta’ netwerks informatiċi; operat ta’ netwerks għat-trażmissjoni ta’ messaġġi, ta’ stampi, ta’ testi, tal-vuċi, ta’ sinjali u ta’ data; diffużjoni ta’ programmi fuq l-internet; riċezzjoni u trażmissjoni ta’ messaġġi, ta’ dokumenti u ta’ data permezz ta’ trażmissjoni elettronika; trażmissjoni mill-ġdid ta’ sejħiet telefoniċi jew ta’ messaġġi ta’ telekomunikazzjoni; trażmissjoni (elettronika) ta’ messaġġi; notice boards u boards elettroniċi ta’ messaġġi dwar temi ta’ interess ġenerali; servizzi ta’ trażmissjoni bil-vidjow; diffużjoni u trażmissjoni ta’ informazzjoni permezz ta’ netwerks jew fuq l-internet; servizzi ta’ konferenzi telefoniċi; trażmissjoni elettronika mingħajr wajers tal-vuċi, ta’ data u ta’ informazzjoni; diffużjoni ta’ films ċinematografiċi u ta’ programmi awdjoviżivi; diffużjoni u trażmissjoni ta’ testi, ta’ messaġġi, ta’ informazzjoni, tal-ħoss, tal-istampa u ta’ data; servizzi ta’ telefonija viżwali; (diffużjoni ta’) xandiriet radjofoniċi; diffużjoni ta’ programmi ta’ payTV; servizzi online u trażmissjonijiet online, jiġifieri trażmissjoni ta’ data vokali, bħal stampi u vidjows kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ konferenzi ta’ telefonija viżwali u vidjokonferenzi”;

–        klassi 41: “Traduzzjonijiet; edukazzjoni; formazzjoni; provvediment ta’ taħriġ; divertiment; attivitajiet sportivi u kulturali; organizzazzjoni u tmexxija ta’ konferenzi akkademiċi, konferenzi, kungressi, seminarji, simpożja, workshops u wirjiet ta’ kull ġeneru għal skopijiet kulturali u ta’ tagħlim; avvenimenti ta’ divertiment; produzzjoni, organizzazzjoni u tmexxija ta’ spettakli, logħob, lotteriji, kompetizzjonijiet, ballijiet, tlugħ bix-xorti, konkorsi ta’ kull tip; produzzjoni ta’ films, produzzjoni ta’ spettakli, ta’ programmi radjofoniċi u televiżivi; pubblikazzjoni ta’ testi u ta’ kotba, operat ta’ korsi tal-golf, ta’ parks ta’ attrazzjonijiet, ta’ vakanzi u ta’ divertiment; operat ta’ teatru, ta’ ċentru sportiv, ta’ stejdjum u ta’ stabbiliment fejn jiġu organizzati spettakli mużikali, sportivi, u spettakli ta’ divertiment oħra; kiri ta’ faċilitajiet u ta’ oġġetti li jservu għas-settur tal-edukazzjoni, tal-formazzjoni, tal-provvediment ta’ taħriġ, tad-divertiment, tal-isport jew tal-kultura; pubblikazzjoni, diffużjoni u editing ta’ kitbiet informattivi ta’ kull tip; operat ta’ ċentri tal-fitness; swali tal-logħob; operat ta’ każinos; produzzjoni mużikali; reġistrazzjoni tal-istampa jew tal-ħoss; servizzi ta’ stabbilimenti sportivi, ta’ logħob, ta’ mħatri u ta’ lotteriji, inklużi dawk fuq u permezz tal-internet; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet sportivi, ta’ logħob, ta’ mħatri u ta’ lotteriji, inklużi dawk fuq u permezz tal-internet; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni online dwar logħob, b’mod partikolari dwar logħob informatiku u online kif ukoll estensjonijiet informatiċi għal logħob; organizzazzjoni ta’ riżervazzjoni ta’ biljetti għal spettakli u avvenimenti oħra ta’ divertiment; servizzi ta’ rapporti tal-aħbarijiet; servizzi ta’ sport u ta’ rilassament; produzzjoni u preżentazzjoni ta’ programmi radjofoniċi u televiżivi, ta’ films, ta’ spettakli u ta’ xandiriet ta’ divertiment live; servizzi ta’ lotteriji; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ logħob informatiku li l-utenti għandhom aċċess għalihom permezz ta’ netwerk informatiku globali u/jew permezz tal-internet; servizzi ta’ parks sportivi; produzzjoni ta’ xandiriet ta’ teleshopping; servizzi ta’ programmi ta’ informazzjoni għar-radju u għat-televiżjoni; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar id-divertiment; servizzi informatiċi ta’ formazzjoni u ta’ taħriġ; operat ta’ studjows tal-mużika, tal-ħoss, tal-films, tal-vidjow u tat-televiżjoni; servizzi relattivi għal ċentri tas-saħħa u tal-fitness; divertiment ċinematografiku, mużikali, sportiv, viżwali u teatrali; organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-golf; operat ta’ swali tal-logħob; pubblikazzjoni elettronika ta’ kotba u ta’ rivisti online; riżervazzjonijiet għal avvenimenti ta’ divertiment; programmi ta’ informazzjoni intiżi li jiġu trażmessi fuq l‑internet; bejgħ dirett ta’ programmi televiżivi fuq għadd ta’ stazzjonijiet; logħob interattiv, divertiment u kompetizzjonijiet interattivi kif ukoll kwiżżis u logħob tal-ażżard elettroniċi, kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni permezz ta’ netwerk informatiku globali jew permezz tal-internet; organizzazzjoni u tmexxija ta’ avvenimenti u ta’ kompetizzjonijiet fil-qasam sportiv u kulturali; servizzi ta’ studjow tat-televiżjoni; servizzi ta’ fotografu; operat ta’ swali tal-logħob; servizzi ta’ redazzjoni; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar divertiment permezz ta’ netwerks informatiċi; operat u organizzazzjoni ta’ fanclubs; servizzi ta’ ċentri ta’ fitness; organizzazzjonijiet ta’ rappreżentazzjonijiet live; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ logħob tal-kompjuter interattivi għal numru ta’ lagħba fuq l-internet u permezz ta’ netwerks elettroniċi ta’ komunikazzjoni; kiri ta’ reġistrazzjonijiet awdjoviżivi; organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi u tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet għal dan l-iskop; informazzjoni dwar l-isport, dwar avvenimenti sportivi u dwar avvenimenti attwali oħra; logħob u kompetizzjonijiet elettroniċi pprovduti fuq l-internet; servizzi ta’ tfittxija fil-qasam tal-isports; operat, tmexxija u organizzazzjoni ta’ każinos, ta’ logħob tal-ażżard, ta’ logħob tal-karti, ta’ mħatri, ta’ mħatri sportivi, ta’ logħob ta’ abbiltà u ta’ logħob inġenerali; logħob offrut online permezz ta’ netwerk informatiku; organizzazzjoni ta’ logħob u ta’ kompetizzjonijiet; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar logħob elettroniku; dwar logħob informatiku, dwar kaxxi tal-logħob, dwar ċentri ta’ divertiment jew ta’ parks ta’ divertiment permezz ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjoni jew informatiċi; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni online dwar divertiment permezz ta’ database informatika jew tal-internet; riżervazzjoni ta’ karti u riżervazzjonijiet għal avvenimenti ta’ divertiment, sportivi u kulturali; organizzazzjoni ta’ tlielaq biż-żwiemel; operat ta’ każinos; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ logħob informatiku online; operat ta’ swali tal-logħob li fihom kaxxi tal-logħob u ta’ każinos kif ukoll ċentri ta’ mħatri u ta’ lotteriji ta’ kull tip; ippubblikar ta’ statistiċi”.

3        B’deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2008, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għas-servizzi kollha inkwistjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009].

4        Fit-22 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur taħt l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009).

5        B’deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir‑Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad ir-rikors għar-raġuni li s-sinjal verbali BETWIN kien jiddeskrivi s-servizzi kollha koperti fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u nieqes mill-karattru dinstintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament.

6        F’dak li jikkonċerna l-karattru deskrittiv, il-Bord tal-Appell enfasizza li l‑evalwazzjoni tiegħu kienet ibbażata fuq it-tifsira tas-sinjal verbali bl-Ingliż u, għaldaqstant, fuq il-perċezzjoni tagħha fir-reġjuni tal-Unjoni fejn hija mitkellma l‑lingwa Ingliża. Essenzjalment, huwa kkunsidra li, meta meħuda fl-intier tagħha, l-għaqda tal-elementi “bet” u “win” tqanqal il-possibbiltà li “tilgħab u tirbaħ” u li hija kelma komposta konformi mar-regoli tal-Ingliż, li t-tifsira a priori evidenti tagħha ma nbidlet xejn bit-tneħħija tal-kelma “and” (u). Barra minn hekk, skont il‑Bord tal-Appell, it-tifsira ta’ din il-kelma komposta tinftiehem direttament, peress li s-sinjal verbali inkwistjoni jissuġġerixxi direttament u mingħajr sforz ta’ analiżi mill-konsumatur finali kkonċernat bl-offerti ta’ mħatri u ta’ konkorsi ta’ logħob li s-servizzi offerti lilu jippermettulu li jagħmel imħatri biex jirbaħ xi ħaġa (punti 15 u 17 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa kkunsidra wkoll li dan kien magħmul minn għaqda ta’ żewġ forom verbali li, permezz tal-interazzjoni bejniethom, jinfurmaw dwar it-tip u l-iskop tas-servizzi msemmija u għaldaqstant, ma jistax ikun mod ieħor ħlief deskrittiv (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, huwa ċaħad l-interpretazzjoni l-oħra tas-sinjal verbali li ghalih saret l‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jiġifieri “be twin”, peress li “kun twin”, huwa messaġġ nieqes minn rilevanza fir-rigward tas-servizzi kkonċernati (punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fir-rigward tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il‑Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn jikkonċernaw, essenzjalment, servizzi tas-settur tal-logħob tal-ażżard u tal-imħatri, li kellhom l-għan li jippermettu lill-konsumatur finali jagħmel xi mħatri u li jirbaħ. Huwa kkunsidra wkoll, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-marketing modern assoċja l-bejgħ u ċ-ċansijiet aleatorji ta’ rebħ b’diversi modi, billi rrikorra, b’mod partikolari, għall-istazzjonijiet tat-televiżjoni u għall-offerti fuq l-internet li jipprovdu elementi ta’ logħob tal-ażżard u ta’ mħatri sabiex jippromwovu l-bejgħ, kif ukoll għall-istazzjonijiet ta’ teleshopping. Barra minn hekk, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osserva li s-settur tal-imħatri u tal-konkorsi ta’ logħob sar jiġġenera dħul mill-bejgħ importanti, li l-offerti tiegħu ma jikkwalifikawx kollha bħala serji. Barra dan, mill-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Bord tal-Appell, is-servizzi li għalihom saret l‑applikazzjoni jinkludu servizzi meħtiega fil-pjan tekniku għat-twettiq u l-bejgħ ta’ mħatri u ta’ konkorsi ta’ logħob li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tiddeskrivi, peress li huma jippermettu li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tekniċi tal-implementazzjoni tal-imħatri u tal-konkorsi ta’ logħob u li barra minn hekk, dawn tal-aħħar jistgħu jkunu element essenzjali ta’ avvenimenti ta’ logħob u ta’ divertiment, li jinkludu, pereżempju, programmi televiżivi. Fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 35, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, li huma kellhom l-għan li joħolqu rekords kummerċjali u statistiċi, indispensabbli, mill-perspettiva ta’ min jipproponi mħatra, sabiex ikun jista’ jikkalkula r-riskju, jiġifieri r-rabta bejn iċ‑ċans ta’ rebħ, li hija kwistjoni ta’ xorti, u l-probabbiltà li jseħħ dak li fuqu sar l‑imħatra. Fir-rigward tas-servizzi l-oħra, b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt il‑klassi 35, huwa kkonkluda, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma kienu jikkonċernaw il-promozzjoni ta’ bejgħ b’mod ġenerali ħafna u li, peress li l‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni kienet tikkonċerna s-servizzi inkwistjoni b’mod ġenerali ħafna, iċ-ċaħda kellha tiġi kkonfermata għall-imsemmija servizzi fit-totalità tagħhom u qies li, barra minn hekk, is-servizzi kollha ma setgħux jiġu sseparati minn xulxin.

8        Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma baqgħetx tinvoka quddiemu r-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks li jistgħu jitqabblu, u żied li, fi kwalunkwe każ, l-eżaminatur kellu dritt jeħodhom inkunsiderazzjoni mingħajr ma jirrikonoxxi li għandhom effett vinkolanti.

9        F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li, bħala indikazzjoni deskrittiva li kulħadd seta’ jifhem is-sinjifikat, anki mingħajr għarfien speċjalizzat u mingħajr sforz ta’ analiżi, is-sinjal verbali li għalih saret talba għar-reġistrazzjoni kien ukoll nieqes minn karattru distintiv. Barra minn hekk, huwa qies, li huwa jittrasmetti biss inċentiv ġenerali sabiex wieħed jipparteċipa f’ċerti mħatri jew logħob, jew sabiex wieħed jikseb vantaġġi ekonomiċi f’termini ta’ gwadanni, mingħajr ma jippreċiża r-rabta possibbli ma’ fornitur partikolari, u kien, għaldaqstant, nieqes minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-deċiżjoni tal-eżaminatur;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

11      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

12      Fis-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżat li rtirat l-ewwel talba tagħha sa fejn din kienet intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-eżaminatur.

 Id-dritt

13      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament, ksur tal-Artikolu 83 tal-istess regolament, flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll tal-Artikoli 6 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma, fl-4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”, u ta’ ksur tal-Artikolu 49 KE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009

 L-argumenti tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet deskrittiva. Hija ssostni li din hija invenzjoni lessikali nondeskrittiva fl-intier tagħha u li ma hijiex normali fl-istruttura tagħha, peress li l-għaqda ta’ żewġ verbi ma hijiex normali fl-Ingliż. Skont din, ma huwiex possibbli li jinstabu eżempji ta’ żieda ta’ verb jew ta’ sostantiv wara l‑kelma “bet” sabiex tiġi kkostitwita kelma komposta. Barra minn hekk, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni lanqas ma hija magħmulha minn tqegħid ta’ kliem ħdejn xulxin iffurmata b’mod normali fl-Ingliż, bħalma hija l-għaqda tal-kelmiet “bet” (li tagħmel imħatra, imħatra) u “win” (rebħ, gwadann).

15      Skont ir-rikorrenti, l-allegat karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat mill-fatt li l-qasam tal-imħatri u tal-logħob tal-ażżard sar, fl-istess waqt, ta’ suċċess kbir.

16      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni, li l-Bord tal-Appell ma analizzax l‑argument tagħha b’mod rilevanti, argument li jgħid li t-trade mark setgħet ukoll tinqara bħala għaqda tal-kelmiet “be” u “twin”, bħal fil-każ tas-softwer beTwin, u li ħalla lilu nnifsu jiġi ggwidat bl-ipoteżi żbaljata li l-konsumatur medju dejjem ifittex qabelxejn it-tifsira deskrittiva ta’ trade mark.

17      Fl-aħħar nett, sussidjarjament, ir-rikorrenti tosserva li l-konklużjoni li tikkonċerna l-possibbiltà ta’ karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija l-iktar l-iktar iġġustifikata għas-servizzi li jikkonċernaw direttament il-provvista ta’ servizzi ta’ mħatri u logħob tal-ażżard.

18      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jsostni li t-terminu “betwin” hija deskrittiva.

19      Fir-rigward, partikolarment, tas-servizzi li huma s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, l-UASI tosserva li s-sinjal verbali BETWIN għandu karattru deskrittiv fir-rigward ta’ servizzi fis-settur tal-logħob tal-ażżard kif ukoll għas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark li huma meħtieġa fuq il-pjan tekniku għat-twettiq u l-bejgħ ta’ mħatri u konkorsi ta’ logħob. Huwa jippreċiża li s-servizzi kollha tal-klassijiet 35, 38 u 41 imsemmija fl-applikazzjoni ma jistgħux jiġu sseparati minn xulxin u li teżisti, għall-inqas, rabta mill-qrib u inseparabbli bejn dawn is-servizzi u l-imħatri sportivi u oħrajn, il-logħob tal-ażżard, il-lotteriji, il-konkorsi ta’ logħob jew oħrajn, jew, iktar u iktar, li l-imsemmija servizzi jimplikaw espliċitament it-twettiq ta’ dawn tal-aħħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

20      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il‑valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”. Skont il‑paragrafu 2 tal-istess artikolu, “[i]l-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r‑raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità”.

21      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprojbixxi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jaqgħu taħtu jkunu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark. Din id‑dispożizzjoni ssegwi għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jiġu użati liberament minn kullħadd (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Novembru 2007, Tegometall International vs UASI – Wupperman (TEK), T‑458/05, Ġabra p. II‑4721, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra p. II‑1927, punt 86).

22      Is-sinjali msemmija taħt l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 huma dawk li jitqiesu li ma jistgħux jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex il-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz li t-trade mark tidentifika, ikun jista’ jagħmel l-istess għażla f’akkwist sussegwenti jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li jagħmel għażla oħra, jekk din tirriżulta negattiva [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2003, Quick vs UASI (Quick), T‑348/02, Ġabra p. II‑5071, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza Mozart, punt 21 iktar ’il fuq, punt 87; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra p. I‑12447, punt 30].

23      Is-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, jindikaw direttament, jew b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom, il-prodott jew is-servizz li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T‑19/04, Ġabra p. II‑2383, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza Mozart, punt 21 iktar ’il fuq, punt 88].

24      Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt l-interdizzjoni stabbilita bl-imsemmija dispożizzjoni, huwa għandu jkollu relazzjoni suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni b’mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr riflessjoni ulterjuri, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenza PAPERLAB, punt 23 iktar ’il fuq, punt 25, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

25      Għandu jitfakkar ukoll li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’referenza għal dak li jifhem bih il-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’referenza għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati [ara s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2005, Münchener Rückversicherungs-Gesellschaft vs UASI (MunichFinancialServices), T‑316/03, Ġabra p. II‑1951, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata].

26      F’dan il-każ, fir-rigward tal-pubbliku li fir-rigward tiegħu għandha tiġi evalwata r‑raġuni assoluta ta’ rifjut inkwistjoni, il-Bord tal-Appell essenzjalment qies, li dan kien magħmul mill-konsumatur medju, li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax. Barra minn dan, fid-dawl tal-fatt li s-sinjal verbali BETWIN huwa magħmul minn kliem bil-lingwa Ingliża, il-Bord tal-Appell ġustament qies il‑karattru deskrittiv tiegħu, partikolarment mill-perspettiva tal-pubbliku li jitkellem bil-lingwa Ingliża.

27      Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk teżistix, mill-perspettiva tal-imsemmi pubbliku, rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn is-sinjal verbali inkwistjoni u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

28      Fir-rigward tas-servizzi kkonċernati, mill-punt 2 iktar ’il fuq jirriżulta li dawn jaqgħu taħt il-klassijiet 35, 38 u 41. Il-partijiet ġustament jaqblu, dwar il-fatt li huma jinkludu, minn naħa, servizzi li għandhom bħala suġġett l-offerta ta’ mħatri jew ta’ logħob tal-ażżard u, min-naħa l-oħra, servizzi li ma għandhomx rabta diretta ma dan is-settur. Dwar dawn tal-aħħar, ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies bħala li hija deskrittiva fir-rigward tagħhom. Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa utli li qabelxejn tiġi eżaminita il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ewwel kategorija ta’ servizzi, li għandhom bħala suġġett l-offerta ta’ mħatri u logħob tal-ażżard.

–       Fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tas-servizzi li għandhom bħala suġġett l-offerta ta’ mħatri jew logħob tal-ażżard

29      Għandu jitfakkar li, sabiex trade mark li tkun magħmula minn neoloġiżmu jew minn kelma magħmula minn għaqda ta’ elementi tkun ikkunsidrata bħala deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma huwiex biżżejjed li jista’ jiġi kkonstatat li kull wieħed minn dawn l-elementi għandu karattru distintiv. Tali karattru għandu wkoll jiġi kkonstatat għan-neoloġiżmu jew għall-kelma stess [is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali PAPERLAB, punt 23 iktar ’il fuq, punt 26; tal-14 ta’ Ġunju 2007, Europig vs UASI (EUROPIG), T‑207/06, Ġabra p. II‑1961, punt 28, u tal-25 ta’ Marzu 2009, allsafe Jungfalk vs UASI (ALLSAFE), T‑343/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 22].

30      Trade mark magħmula minn neoloġiżmu jew minn kelma magħmula minn elementi li kull wieħed minnhom huwa deskrittiv tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija hi stess deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7 (1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ħlief jekk teżisti differenza li tista’ tinħass bejn in-neoloġiżmu jew il-kelma u s-sempliċi total tal-elementi li jiffurmawha. Dan jippresupponi li, minħabba l-karattru mhux tas-soltu tal-għaqda flimkien tal-kliem b’relazzjoni għall-imsemmija prodotti jew servizzi, in‑neoloġiżmu jew il-kelma tagħti impressjoni suffiċjentement differenti minn dik li tirriżulta mis-sempliċi għaqda tal-indikazzjonijiet li jagħtu l-elementi li jifformawh, b’mod li huwa jipprevali fuq it-total tal-imsemmija elementi. F’dan ir-rigward, l-analiżi tal-kelma inkwistjoni, fid-dawl tar-regoli lessikali u grammatikali xierqa hija wkoll rilevanti (ara s-sentenza ALLSAFE, punt 29 iktar ’il fuq, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dak li jirrigwarda dak li jifhem il-pubbliku rilevanti f’dan il-każ dwar it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, kif il-Bord tal-Appell indika fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonferma l-analiżi tal-eżaminatur, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija magħmula miż-żewġ kelmiet Ingliżi “bet” (li tagħmel imħatra, imħatra) u “win” (rebħ, gwadann). Dawn huma kliem komuni fil-lingwa Ingliża, li, għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tikkontestax.

32      Fir-rigward tal-għaqda ta’ dawn iż-żewġ kelmiet, il-Bord tal-Appell indika, fil-punti 16 u 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li, meta titqies fl-intier tagħha, hija tqanqal il-possibbiltà ta’ “li tagħmel imħatra u tirbaħ”. Skont dan, din l-għaqda tinftiehem direttament mill-pubbliku rilevanti u barra minn hekk, teżisti rabta mill-qrib bejn it-tifsiriet taż-żewġ kelmiet: wieħed jagħmel imħatri biex jirbaħ u, biex jirbaħ, hemm bżonn li wieħed ikun għamel imħatra. Din l-evalwazzjoni għandha tiġi kkonfermata. Fil-fatt, hekk kif josserva l-Bord tal-Appell, in-nuqqas tal-kelma “and” ma tnaqqasx it-tifsira evidenti tat-terminu kompost “betwin”. Fil-fatt, sew jekk tiġi miftiehma bħala żewġ sostantivi, żewġ infinittivi jew żewġ verbi imperattivi, din ma hijiex għaqda mhux tas-soltu jew arbitrarja li s-sens tagħha jitbiegħed minn dak tat-tagħqid sempliċi tal-elementi li jiffurmawha.

33      Fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni, il-Bord tal-Appell isemmi bħala eżempji, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, is-servizzi li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “ħolqien u żvilupp ta’ spettakli, ta’ logħob, ta’ lotteriji, ta’ kompetizzjonijiet, ta’ ballijiet, ta’ tlugħ bix-xorti, ta’ konkorsi; produzzjoni, organizzazzjoni u tmexxija ta’ logħob, ta’ lotteriji, ta’ kompetizzjonijiet, ta’ ballijiet, ta’ tlugħ bix-xorti, konkorsi ta’ kull tip; swali tal-logħob; operat ta’ każinos; servizzi ta’ stabbilimenti tal-isports, tal-logħob, tal-imħatri u tal-lotteriji, inklużi dawk fuq u permezz tal-internet; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet sportivi, tal-logħob, tal-imħatri u tal-lotteriji, inklużi dawk fuq u permezz tal-internet; operat ta’ swali tal-logħob; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ logħob tal-kompjuter interattivi; tmexxija u organizzazzjoni ta’ każinos, ta’ logħob tal-ażżard, ta’ logħob tal-karti, ta’ mħatri, ta’ mħatri sportivi, ta’ logħob ta’ abbiltà; kaxxi tal-logħob; operat ta’ każinos, operat ta’ swali tal-logħob; operat ta’ ċentri tal-imħatri u ta’ lotteriji ta’ kull tip” (iktar ’il quddiem is-“servizzi msemmija fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata”).

34      Fir-rigward tat-tliet klassijiet ta’ servizzi li jaqgħu taħt l-applikazzjoni għat-trade mark, hekk kif imfakkra fil-punt 2 iktar ’il fuq, jiġifieri l-klassijiet 35, 38 u 41, għandu jingħad li l-lista ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 35 jinkludu servizzi ta’ “ħolqien u żvilupp ta’ spettakli, ta’ logħob, ta’ lotteriji, ta’ kompetizzjonijiet, ta’ ballijiet, ta’ tlugħ bix-xorti, ta’ kompetizzjonijiet f’termini ta’ negozju, tal-organizzazzjoni u tar-reklamar”, li, peress li huma kważi identiċi għas-servizzi msemmija fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, huma jaqgħu taħt l-argumenti tal-Bord tal-Appell mressqa fl-imsemmi punt 20, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata ma tindikahomx b’mod espliċitu. Fir-rigward tal-klassi 38, l-ebda wieħed mis-servizzi hemm elenkati ma jikkorrispondu ma’ dawk imsemmija fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dak li jikkonċerna s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 41, hemm lok li jiġi osservat li, parzjalment, dan jikkonċerna s-servizzi msemmija fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

35      Għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tas-servizzi tas-settur tal-imħatri u tal-logħob tal-ażżard, kif deskritti fiż-żewġ punti ta’ qabel dan, il-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn is-servizzi kellhom l-għan li jippermettu lill-konsumatur finali li jagħmel imħatri u li jagħmel gwadann. Fir‑rigward ta’ dawn is-servizzi, il-kunsiderazzjoni li tidher fil-punt 32 iktar ’il fuq, li skont din ma jeżisti l-ebda differenza li tista’ tinħass bejn in-neoloġiżmu “betwin” u s-sempliċi għaqda tal-elementi li jiffurmawha, hija, għaldaqstant, rilevanti. Fil-fatt, kif josserva l-Bord tal-Appell fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-interazzjoni bejniethom, il-kliem “bet” u “win” jinfurmaw b’mod ċar bis-servizzi inkwistjoni u fuq is-sitwazzjonijiet tal-użu tagħhom, b’mod li jiddeskrivuhom. Bl-istess mod, fir-rigward tas-servizzi ta’ din in-natura, it‑terminu kompost “betwin” tqanqal fil-pubbliku rilevanti l-possibbiltà li jagħmel l-imħatri u li jirbaħ.

36      L-ebda wieħed mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti ma jikkontesta din l‑evalwazzjoni.

37      Kuntrarjament għal dak li tallega, il-fatt li l-għaqda ta’ żewġ verbi ma hijiex normali fl-Ingliż u li fil-lessiku ma teżistix l-għaqda tat-terminu “bet” ma’ kelma oħra, ma jwassalx sabiex l-għaqda bejn il-kelmiet “bet” u “win”, f’dan il-każ, ma għandiex, għall-pubbliku rilevanti, sens li jinħass immedjatament u lanqas li l‑imsemmija għaqda toħloq xi tip ta’ diffikultà biex tinftiehem. Fil-fatt, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni r-rabta mill-qrib bejn it-tifsiriet taż-żewġ termini, in-nuqqas tal-kelma “u” jew tas-simbolu “&” ma jxekkilhiex milli tfisser li s‑servizzi offerti jippermettu li wieħed jagħmel imħatri u jirbaħ. Fi kwalunkwe każ, hekk kif josserva l-Bord tal-Appell fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑fatt li din tikkonsisti f’għaqda ta’ kelmiet miktuba f’terminu wieħed, mingħajr sing bejniethom jew spazju, ma huwiex determinanti, u lanqas ma huwa l-fatt li dan huwa terminu li ma jinstabx fil-lessiku [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Harbinger vs UASI (TRUSTEDLINK), T‑345/99, Ġabra p. II‑3525, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata].

38      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat mill-fatt li s-settur tal-imħatri u tal-logħob tal-ażżard sar, fl-istess waqt, ta’ suċċess kbir, għandu jiġi osservat li, anki jekk il-Bord tal-Appell, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, effettivament jistipula li s-settur inkwistjoni jiġġenera dħul mill-bejgħ importanti u joħloq kwistjonijiet ġuridiċi li jmissu l-protezzjoni tal-konsumaturi, madankollu huwa ma bbaża l-ebda riżultat fuq dan il-fatt sabiex jevalwa l-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt is-settur tal-imħatri u tal-logħob tal-ażżard.

39      Fir-rigward tal-argument li jeżisti softwer bl-isem “beTwin” u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tiġi għaldaqstant moqrija mill-pubbliku rilevanti bħala għaqda tal-kelmiet “be” u “twin”, għandu jitfakkar li, hekk kif josserva l-UASI, sinjal verbali għandu jiġi rrifjutat ir-reġistrazzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jekk, f’mill-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Wrigley, punt 22 iktar ’il fuq, punt 32, u tat-12 ta’ Frar 2004, Campina Melkunie, C‑265/00, Ġabra p. I‑1699, punt 38). B’kunsiderazzjoni wkoll tal-fatt li għandha tiġi injorata l-kitba partikolari tal-isem tas-softwer inkwistjoni, beTwin, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ trade mark verbali li tista’ tinkiteb b’modi differenti, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li użu effettiv partikolari tal-kelma komposta inkwistjoni ma teskludix li, fir-rigward ta’ servizzi li għandhom rabta diretta mas-settur tal-imħatri u tal-logħob, it-terminu “betwin” jista’ jinftiehem bħala riferiment għall-possibbiltà li tagħmel imħatra u li tirbaħ.

40      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li tiġi kkonfermata l‑konklużjoni tal-Bord tal-Appell li t-trade mark BETWIN li għaliha saret applikazzjoni tiddeskrivi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, servizzi li għandhom bħala suġġett l-offerta ta’ mħatri jew ta’ logħob tal-ażżard.

–       Fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tas-servizzi li ma għandhomx l-offerta ta’ mħatri jew logħob tal-ażżard bħala s‑suġġett tagħhom

41      Il-Bord tal-Appell, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li l-formulazzjoni tas-servizzi msemmija hija b’mod li dawn ma jistgħux jiġu sseparati minn xulxin. Barra minn hekk, skont dan, ma huwiex possibbli, abbażi tal-lista twila ħafna ta’ servizzi fil-klassijiet 35, 38 u 41, li jiġu identifikati dawk li ma għandhom l-ebda rabta mal-imħatri jew il-konkorsi ta’ logħob u dawk li għandhom biss rabta aleatorja mal-imsemmija mħatri jew konkorsi ta’ logħob.

42      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja minn naħa tfakkar, li l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut għandu jirrigwarda kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l‑oħra, li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-UASI jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha bħala prinċipju tkun motivata għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew mill-imsemmija servizzi (ara d-digriet tal-qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 2010, CFCMCEE vs UASI, C‑282/09 P, Ġabra p. I-2395, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Huwa minnu li, meta l-istess raġuni għal rifjut tapplika għal kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi, l-UASI jista’ sempliċiment jagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew is-servizzi kkonċernati kollha (ara, b’analoġija, is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C‑239/05, Ġabra p. I‑1455, punt 37).

44      Madankollu, din il-possibbiltà ma tistax tkun ta’ preġudizzju għar-rekwiżit essenzjali li kull deċiżjoni li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ dritt irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju intiż li jiżgura l-ħarsien effettiv ta’ dan id-dritt u li, minn dan il-fatt, għandu jirrigwarda l-legalità tar-raġunijiet għal dan ir-rifjut (ara d-digriet CFCMCEE vs UASI, punt 42 iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-possibbiltà għall-Bord tal-Appell li jagħti motivazzjoni globali għal serje ta’ prodotti jew ta’ servizzi tista’ testendi biss għal prodotti jew għal servizzi li għandhom konnessjoni suffiċjentement diretta u konkreta bejniethom, sal-punt li huma jiffurmaw kategorija suffiċjentement omoġenja sabiex tippermetti li l-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, minn naħa, jispjegaw suffiċjentement ir-raġunament segwit mill-Bord tal-Appell għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi li jappartjenu għal din il-kategorija u, min-naħa l-oħra, jistgħu jkunu applikati mingħajr distinzjoni għal kull wieħed mill-prodotti u mis-servizzi kkonċernati [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2009, Zuffa vs UASI (ULTIMATE FIGHTING CHAMPIONSHIP), T‑118/06, Ġabra p. II‑841, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata]. B’mod partikolari, anki f’każ fejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jaqgħu fl-istess klassi skont il-Ftehim ta’ Nice, dan il‑fatt fih innifsu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li teżisti omoġenjità suffiċjenti, billi dawn il-klassijiet sikwit jinkludu varjetà kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi li ma għandhomx neċessarjament rabta suffiċjentement diretta jew konkreta bejniethom (id-digriet CFCMCEE vs UASI, punt 42 iktar ’il fuq, punt 40).

46      Barra minn hekk, in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, li tirriżulta mill-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 253 KE, tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ April 2008, Dainichiseika Colour & Chemicals Mfg. Vs UASI – Pelikan (Rappreżentazzjoni ta’ pellikan), T‑389/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata].

47      F’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi ppreċiżat li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt ta’ qabel dan jirriżulta li l-argument tal-UASI, imqajjem waqt is-seduta, li l-ilment ta’ nuqqas jew ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa tardiv, jista’ biss jiġi miċħud.

48      Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li talbet lill-UASI jippreċiża għal liema klassijiet koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni japplikaw il-motivi elenkati fil-punti 20 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, dan tal-aħħar isostni li l-punti 20 sa 22 tal-imsemmija deċiżjoni kienu jirrigwardaw is-servizzi fil-klassijiet 38 u 41 u li, mill-punt 24, il-Bord tal-Appell indirizza l-klassi 35. Huwa fakkar ukoll li l-ġurisprudenza tippermetti li s-servizzi jiġu kkategorizzati u li għaldaqstant, is-servizzi kollha mniżżla fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma kellhomx jiġu ripetuti b’mod litterali.

49      Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata toffri biss ftit linji-gwida biex id‑diversi raġunijet għal rifjut jiġu applikati għan-numru kbir ta’ servizzi koperti bit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u li jaqgħu taħt il-klassijiet 35, 38 u 41 elenkati fil-punt 2 iktar ’il fuq u li qari attent ta’ din id-deċiżjoni ma twassalx biex l-analiżi tal-UASI mqajma fil-punt ta’ qabel dan tiġi kkonfermata.

50      Qabelxejn, hekk kif ġie diskuss b’mod partikolari fil-punt 34 iktar ’il fuq, parti mis-servizzi koperti, minn naħa, mill-klassi 35 u, min-naħa l-oħra, mill-klassi 41 hija marbuta b’mod ċar mal-motivi mqajma fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata.

51      Fir-rigward tal-bqija, fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna s-servizzi li jaqgħu taħt il‑klassi 35, dawn jinkludu servizzi relatati mal-qasam tar-reklamar fis-sens wiesa’. Issa, barra mis-servizzi msemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq, l-imsemmija klassi 35 tinkludi wkoll sensiela ta’ servizzi li, minkejja li huma eteroġeni ħafna, peress li dawn is-servizzi jvarjaw minn, pereżempju, il-“pariri għall-impriżi”, iż‑“żamma tal-kotba kontabbli, servizzi ta’ żamma tal-kotba”, ir-“riċerki u servejs ekonomiċi”, l-“(operat ta’) aġenzija ta’ import-export”, il-“kiri ta’ materjal pubbliċitarju”, ir-“reklamar fil-forma ta’ kartelluni”, il-“kiri ta’ vending machines”, ir-“reklutaġġ (ta’ persunal)”, is-“selezzjoni ta’ persunal bl-għajnuna ta’ testijiet psikoloġiċi ta’ kapaċità” jew il-“kumpilazzjoni ta’ data f’databases informatiċi”.

52      Ir-raġuni li tidher fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li, essenzjalment, il‑marketing modern jassoċja l-bejgħ u ċ-ċansijiet aleatorji ta’ rebħ b’diversi modi, ma tipprovdi ebda perspettiva ta’ analiżi li tippermetti li tiġbor is-servizzi kollha inkwistjoni taħt kategorija omoġenja.

53      Fir-rigward tal-konstatazzjoni li tidher fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li l‑imsemmija klassi 35 tinkludi s-servizzi li għandhom bħala għan, ir-rekords kummerċjali u statistiċi indispensabbli għall-offerta ta’ mħatri, għandu jiġi kkonstatat li din hija ġenerali ħafna u li l-iktar l-iktar tapplika biss għal parti mis-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi kkunsidrata. Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tasal għal liema servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 35 japplika dan l‑argument.

54      Bl-istess mod, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina numru ta’ servizzi, u b’mod partikolari, dawk li jaqgħu taħt il-klassi 35. Huwa sostna li dawn tal-aħħar jikkonċernaw ir-reklamar ta’ bejgħ “fil-forma ta’ reklamar ta’ bejgħ ta’ mħatri sportivi stess, minn naħa, u, min-naħa l-oħra, fil-forma tal-implementazzjoni ffukata fuq l-imħatri sportivi sabiex tistimula l-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi oħra”. Huma msemmija bħala eżempji, is-servizzi ta’ reklamar, is-servizzi ta’ business management, l-amministrazzjoni kummerċjali, il-kollezzjoni ta’ artikoli fil-gazzetti u l-isponsorships. Dawn ir-raġunijet lanqas ma huma bizzejjed biex jistabbilixxu li s-servizzi eteroġenji li jaqgħu taħt il‑klassi 35, bħalma huma dawk imsemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, jiffurmaw kategorija omoġenja biżżejjed sabiex tippermetti l-applikazzjoni ta’ motivazzjoni globali tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tagħhom.

55      Fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell żied li, peress li t-talba għar-reġistrazzjoni tikkonċerna s-servizzi inkwistjoni b’mod ġenerali ħafna, iċ‑ċaħda għandha tiġi kkonfermata fir-rigward tal-imsemmija servizzi fit-totalità tagħhom. F’dan ir-rigward, huwa jagħmel riferiment għall-punt 33 tas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2001, DKV vs UASI (EuroHealth) (T‑359/99, Ġabra p. II‑1645), fejn il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikorrenti li għamlet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal inkwistjoni f’din il-kawża għas-servizzi kollha li jaqgħu taħt il-kategorija “assigurazzjonijet”, mingħajr ma għamlet distinzjoni bejniethom, kien hemm lok li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fejn kienet tirrigwarda t‑totalità ta’ dawn is-servizzi, tiġi kkonfermata. Issa, il-każ ta’ klassi deskritta b’mod ġeneriku fl-applikazzjoni ta’ trade mark bħala “assigurazzjonijet u servizzi finanzjarji” ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ, fejn lista ta’ servizzi differenti ħafna ġiet ippreżentata.

56      Fit-tieni lok, fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 38, relattivi għas-settur tat-telekomunikazzjoni, għandu jiġi osservat li, għalkemm dawn jinkludu wkoll servizzi differenti bħalma huma, b’mod partikolari, id-diffużjoni ta’ programmi radjofoniċi u televiżivi, ukoll jekk permezz ta’ intermedjarju ta’ netwerks tal-kejbil, l-aġenziji għall-istampa, is-servizzi ta’ konferenzi telefoniċi, id-diffużjoni ta’ programmi ta’ teleshopping, madankollu huwa possibbli li dawn jitqiesu bħala li jaqgħu taħt kategorija omoġenja ta’ servizzi, għall-finijiet ta’ motivazzjoni globali.

57      Anki jekk il-klassi 38 ma hijiex imsemmija b’mod espliċitu, l-argumentazzjoni żviluppata fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda b’mod ċar din il‑kategorija ta’ servizzi. Hemmhekk, il-Bord tal-Appell b’mod partikolari indika li s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni jinkludu servizzi meħtiega fuq il‑pjan tekniku għat-twettiq u l-bejgħ tal-imħatri u tal-konkorsi ta’ logħob, jiġifieri, id-diffużjoni ta’ programmi televiżivi, b’mod partikolari l-istazzjonijiet imsejħa bħala payTV, l-internet, is-softwer, u l-logħob tal-kompjuter kkonċernati. Barra minn hekk, skont dan, tali mħatri u tali logħob jistgħu jkunu elementi essenzjali tal-avvenimenti ta’ logħob u tad-divertiment inklużi fil-kuntest tat-trażmissjoni fuq it-televiżjoni. Huwa wkoll speċifika li t-trażmissjoni ta’ avvenimenti sportivi fuq it-televiżjoni hija spiss akkumpanjata minn informazzjoni dwar ċerti probabbiltajiet u kwoti ta’ mħatri ta’ fornitur privat.

58      Il-fatt li tipi differenti ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni huma meħtiega fuq il‑pjan tekniku sabiex ikun hemm it-twettiq u l-bejgħ tal-imħatri u tal-konkorsi ta’ logħob jew li tali mħatri jew logħob jistgħu jkunu elementi essenzjali għall-avvenimenti ta’ logħob u ta’ divertiment fuq it-televiżjoni jew oħrajn, ma jistabbilixxix rabta diretta u konkreta biżżejjed bejn it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, BETWIN, li fir-rigward tagħha ġie stabbilit illi din tqanqal fil-pubbliku rilevanti l-possibbiltà li jagħmel imħatri u li jirbaħ, u dawn is-servizzi li, anki jekk jistgħu jkunu għodda teknika fis-settur tal-logħob u tal-imħatri, ma għandhomx fihom infushom l-għan tat-twettiq ta’ mħatri u lanqas it-tfittxija ta’ rebħ permezz tagħhom. Barra minn hekk, fir-rigward tar-referenza, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, għas-servizzi ta’ marketing, bħalma huma dak tat‑televiżjoni u tal-offerti fuq l-internet li jipprovdu elementi ta’ logħob tal-ażżard u ta’ mħatri sabiex jippromwovu l-bejgħ, kif ukoll dak tal-istazzjonijiet ta’ teleshopping li jużaw elementi aleatorji li jqanqlu l-imħatri sabiex jistimulaw il‑bejgħ, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe referenza konkreta f’dan il-punt għall-klassi 38, ma huwiex possibbli għall-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi jekk din l‑argumentazzjoni servietx sabiex jiġi stabbilit il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tas-servizzi mniżżla fl-imsemmija klassi, b’mod li, f’dan ir-rigward ukoll, nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkonstatata.

59      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma stabbilixxiex b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 38, b’mod li jkun hemm lok li jintlaqa’ l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 f’dak li jikkonċerna dawn is-servizzi.

60      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-klassi 41, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ssemmiha biss fil-konklużjoni fuq il-karattru distintiv imsemmi fil-punt 25 taghha (ara l-punt 41 iktar ‘il fuq). Hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 34 iktar ’il fuq, parti mis-servizzi li jaqgħu taħt din il-klassi tirrigwarda b’mod ċar is-settur tal-logħob u tal-imħatri. L-imsemmija klassi tinkludi wkoll ċerti servizzi marbuta mal-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni kif ukoll mal-qasam sportiv. Fir-rigward tal-bqija, is-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 41 jikkonċernaw sensiela ta’ servizzi eteroġeni, bħalma huma s-servizzi ta’ traduzzjoni, ta’ edukazzjoni, ta’ formazzjoni, l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ konferenzi akkademiċi, konferenzi, kungressi, seminars, simpożji, workshops u wirjiet ta’ kull ġeneru għal skopijiet kulturali u ta’ tagħlim, il-pubblikazzjoni ta’ testi u ta’ kotba, is-servizzi ta’ fotografu, is-servizzi relattivi għal ċentri tas-saħħa u tal-fitness.

61      Anki jekk ċerti motivi tad-deċiżjoni kkontestata kellhom jiġu interpretati bħala illi japplikaw għal ċerti servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 41, b’mod partikolari dawk marbuta mas-settur tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni kif ukoll tal-qasam sportiv, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-eteroġenjità tas-servizzi tal-imsemmija klassi u tan-nuqqas ta’ diskussjoni espliċita fir-rigward tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jitqajjem ex officio, għas-servizzi li jaqgħu taħt il‑klassi 41 barra minn dawk imsemmija espliċitament fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, b’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq, il-fatt li l-Bord tal-Appell ma mmotivax b’mod suffiċjenti fid-dritt l-imsemmija deċiżjoni, meta indika, bħalma huwa kellu jagħmel, li din kienet kategorija ta’ servizzi omoġenja li fir-rigward tagħha huwa seta’ japplika motivazzjoni globali fir-rigward tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tagħhom.

62      Minn dak li jirriżulta iktar ’il fuq isegwi li l-Bord tal-Appell stabbilixxa korrettament il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi msemmija fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għas‑servizzi ta’ “ħolqien u żvilupp ta’ spettakli, ta’ logħob, ta’ lotteriji, ta’ kompetizzjonijiet, ta’ ballijiet, ta’ tlugħ bix-xorti, ta’ kompetizzjonijiet f’termini ta’ negozju, tal-organizzazzjoni u tar-reklamar”, li jaqgħu taħt il-klassi 35. Madankollu, hemm lok li l-ewwel motiv jintlaqa’ f’dak li jikkonċerna s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 38 u d-deċiżjoni kkontestata għandha wkoll tiġi annullata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni mqajjem ex officio, għas-servizzi l-oħra li jaqgħu taħt il-klassi 35 kif ukoll għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 41, barra minn dawk imsemmija espliċitament fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

 L-argumenti tal-partijiet

63      Ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, BETWIN, għandha l-livell minimu meħtieġ ta’ karattru distintiv sabiex tiġi rreġistrata, peress li kemm il-konsumatur medju kif ukoll il-pubbliku speċjalizzat taslilhom indikazzjoni ta’ oriġini minħabba l-forma partikolari u mhux komuni tiegħu. Sussidjarjament, hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-pubbliku kkonċernat se jagħti lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, karattru distintiv fis-sens ta’ indikazzjoni ta’ oriġini fir-rigward ta’ servizzi li ma għandhomx rabta mal-imħatri jew mal-logħob tal-ażżard, bħalma huma s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni.

64      L-UASI jikkunsidra li, peress li s-sinjal inkwistjoni huwa deskrittiv, huwa wkoll nieqes minn karattru distintiv. Huwa jikkontesta l-argument li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, BETWIN, għandha l-minimu ta’ karattru distintiv meħtieġ. Skont dan, hija twassal biss għal inċentiv ġenerali sabiex wieħed jipparteċipa f’ċerti mħatri jew logħob, u għaldaqstant ma huwiex xieraq sabiex wieħed jiddistingwi s-servizzi tar-rikorrenti minn dawk offruti minn impriżi oħra.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

65      F’dak li jikkonċerna s-servizzi li għalihom il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġie stabbilit fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll dawk ta’ “ħolqien u żvilupp ta’ spettakli, ta’ logħob, ta’ lotteriji, ta’ kompetizzjonijiet, ta’ ballijiet, ta’ tlugħ bix-xorti, ta’ kompetizzjonijiet f’termini ta’ negozju, tal-organizzazzjoni u tar-reklamar”, li jaqgħu taħt il-klassi 35, ma hemmx lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita sew, huwa biżżejjed li waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 tapplika sabiex sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2008, Eurocopter vs UASI (STEADYCONTROL), T‑181/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 56].

66      Fir-rigward tas-servizzi l-oħra, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, “trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv” ma jistgħux jiġu rreġistrati.

67      Il-kunċett ta’ interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkoinċidi mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI, C‑304/06 P, Ġabra p. I‑3297, punt 56, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, għandha karattru distintiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni t-trade mark li tippermetti li wieħed jidentifika l-prodott jew is‑servizz li għalih saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala li ġej minn impriża partikolari u għaldaqstant, li wieħed jiddistingwi dan il-prodott jew dan is‑servizz minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p. I‑5089, punt 34).

68      Fl-aħħar nett, il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tiegħu [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2008, Inter‑IKEA vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ pallet), T‑387/06 sa T‑390/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata].

69      F’dan il-każ, il-motivazzjoni tan-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija qasira ħafna. Fil-fatt, il‑Bord tal-Appell indika biss, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata li, minn naħa, bħala indikazzjoni deskrittiva “fejn ma jimpurtax min se jifhem it-tifsira mingħajr konoxxenzi speċjalizzati u mingħajr sforz ta’ analiżi”, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ukoll jekk nieqsa minn karattru distintiv, kienet eskluża mir-reġistrazzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell jindika, li t-terminu “betwin” iwassal biss inċentiv ġenerali sabiex wieħed jipparteċipa f’ċerti mħatri jew logħob, jew sabiex wieħed jikseb vantaġġi ekonomiċi f’termini ta’ rebħ, mingħajr ma jippreċiża r‑rabta possibbli ma’ fornitur partikolari, u li, għal din ir-raġuni, is-sinjal inkwistjoni ma jħallix lill-konsumatur ikkonċernat li jikkonċepixxih bħala riferiment għal oriġini kummerċjali partikolari tas-servizzi fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ mħatri u ta’ rebħ u li jipperċepixxih bħala sinjal individwali ta’ fornitur partikolari fis-settur.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għas-servizzi li ma humiex marbutin direttament mas-settur tal-imħatri u tal-konkorsi ta’ logħob imsemmija fil-punt 65 iktar ’il fuq, għandu jitqajjem ex officio nuqqas ta’ motivazzjoni, b’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq. Fil-fatt, ma jistax jinftiehem kif il‑motivazzjoni globali meħuda fil-punt ta’ qabel dan tista’ tiġi applikata għas‑servizzi eteroġenji l-oħra kollha li jagħmlu parti mill-applikazzjoni għat-trade mark u li wħud minnhom ma għandhom l-ebda rabta mal-imħatri u mat-tfittxija ta’ rebħ. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha wkoll tiġi annullata f’dan ir-rigward.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikoli 6 u 14 tal-KEDB

 L-argumenti tal-partijiet

71      Ir-rikorrenti ssostni li l-applikanti għat-trade mark għandhom dritt għal trattament ugwali fil-proċedimenti quddiem l-UASI, b’konformità mal-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009, li skont dan l-artikolu, il-prinċipji proċedurali ġeneralment aċċettati jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet proċedurali tal-imsemmi regolament, għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u għall-Artikoli 6 u 14 tal-KEDB, relattivi, rispettivament, għad-dritt għal smigħ xieraq u għall-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni. Fuq din il-bażi, hija għandha dritt għal proċess ta’ eżami u ta’ reġistrazzjoni koerenti min-naħa tal-UASI, sabiex jiġu evitati inġustizzji u sabiex l-applikanti kollha jkun jista’ jkollhom ċans indaqs li jiksbu trade mark Komunitarja f’każijiet kumparabbli. Filwaqt li jiġi rrikonoxxut li d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell jaqgħu taħt kompetenza limitata u li l‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi applikat b’osservanza tal-liġi, ir‑rikorrenti tqis li hi għandha dritt li l-istanzi tal-UASI japplikaw l-istess kriterji kull darba u li l-eżami tagħhom ma jkunx iktar strett fir-rigward tagħha milli fir-rigward ta’ applikanti oħra.

72      Barra minn hekk, fid-dawl tal-kundizzjonijiet diffiċli ta’ applikazzjoni tal-proċeduri ta’ nullità u tal-ispiża tagħhom, dawn ma jippermettux li n-nuqqas ta’ ugwaljanza inizjali li tirriżulta minn trattament differenti ta’ trade marks kumparabbli tiġi rrimedjata.

73      Ir-rikorrenti tinvoka numru ta’ eżempji ta’ trade marks kumparabbli fejn l-istanzi tal-UASI kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-prinċipju tal-eżami tal-fatti ex officio. Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, trade marks verbali li permezz tat-terminu “bet” u ta’ terminu deskrittiv ieħor jiffurmaw kelma ġdida, li wħud minnhom ġew irreġistrati għal servizzi li għandhom rabta diretta mal-imħatri u mar-rebħ: it-trade marks Komunitarji verbali BETFAIR (Nru 003161205 u Nru 003580255), MYBET (Nru 00437885), BETMAX (Nru 004272159), ULTIMATEBET (Nru 004685681), YOUBET.COM (Nru 001499185), BETLINK (Nru 001738525), MEGA-BET (Nru 004103644), MULTI-BET (Nru 004104766), BET UNITED (Nru 004173472), BETWAY (Nru 004832325), BET-AT-HOME (Nru 003844073) u GAMEBOOKERS (Nru 005829056). Fir-rigward tal-argument tal-UASI li hija ma invokatx it-trade marks Komunitarji inkwistjoni fil-proċedimenti quddiemu, ir-rikorrenti ssostni li l-UASI huwa marbut, b’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jagħmel eżami tal-fatti ex officio.

74      Fl-aħħar nett, hija ssostni li, skont il-ġurisprudenza, awtorità nazzjonali kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet preċedenti tagħha fir-rigward ta’ applikazzjonijiet ta’ trade marks simili, obbligu li japplika ruħu b’analoġija għall-UASI. F’dan ir-rigward, hija tinvoka d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2009, Bild digital u ZVS (C‑39/08 u C‑43/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra).

75      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

76      Mill-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-proċedimenti quddiem il‑Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ma baqgħetx isserraħ fuq ir-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks allegatament kumparabbli li hi kienet invokat quddiem l-eżaminatur. Madankollu, f’dan il-punt, il-Bord tal-Appell xorta kkonferma li l-eżaminatur kellu dritt jikkunsidra l-imsemmija reġistrazzjonijet preċedenti, mingħajr ma jirrikonoxxi li għandhom effett vinkolanti.

77      Hemm lok li din l-analiżi tintlaqa’. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d‑deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja li l-Bordijiet tal-Appell huma meħtieġa jieħdu taħt ir-Regolament Nru 207/2009 jaqgħu taħt kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali, li barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax. Għaldaqstant, il‑legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, hekk kif interpretata mill-qorti tal-Unjoni, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tagħhom [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T‑106/00, Ġabra p. II‑723, punt 66].

78      Skont il-ġurisprudenza, għaldaqstant, jeżistu żewġ ipoteżi. Jekk, billi jkun aċċetta, f’kawża preċedenti, li sinjal għandu karattru li jippermettilu li jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja, il-Bord tal-Appell ikun implementa b’mod korrett id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 207/2009 u, f’kawża sussegwenti, kumparabbli mal-ewwel waħda, il-Bord tal-Appell wasal għal deċiżjoni kuntrarja, il-qorti Komunitarja tkun obbligata li tannulla din l-aħħar deċiżjoni minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, f’din l-ewwel ipoteżi, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa mingħajr effett (sentenza STREAMSERVE, punt 77 iktar ’il fuq, punt 67).

79      Min-naħa l-oħra, jekk, billi jkun aċċetta, f’kawża preċedenti, li sinjal għandu karattru li jippermettilu li jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja, il-Bord tal-Appell ikun wettaq żball ta’ dritt, u, f’kawża sussegwenti, kumparabbli mal-ewwel waħda, il-Bord tal-Appell wasal għal deċiżjoni kuntrarja, l-ewwel deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi invokata b’suċċess insostenn tat-talba għall-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tikkonċilja mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka għall-vantaġġ tiegħu stess illegalità mwettqa favur persuna oħra (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1984, Witte vs Il‑Parlament, 188/83, Ġabra p. 3465, punt 15, u tal-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14). Għaldaqstant, f’din it-tieni ipoteżi, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa wkoll mingħajr effett [sentenzi tal-Qorti Ġenerali STREAMSERVE, punt 77 iktar ’il fuq, punt 67; tat-30 ta’ Novembru 2006, Camper vs UASI – JC (BROTHERS by CAMPER), T‑43/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 94 u 95, u Mozart, punt 21 iktar ’il fuq, punti 65 sa 69].

80      Issa, hekk kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel motiv, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma setgħetx tiġi rreġistrata sa fejn hija tiddeskrivi s-servizzi li għandhom bħala suġġett l-offerta ta’ mħatri u ta’ logħob tal-ażżard.

81      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1), jirriżulta li l-eżaminaturi tal-UASI u, fuq appell, il-Bordijiet tal-Appell tal-UASI għandhom jeżaminaw il-fatti ex officio sabiex jiddeterminaw jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni taqax taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni li jissemmew fl-Artikolu 7 tal-istess Regolament jew le. Issa, fid-dawl tal-kompetenza limitata imsemmija fil-punt 77 iktar ’il fuq u fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità mfakkar fil-punt 79 iktar ’il fuq, dan l-eżami għandu jikkonċentra fuq il-kundizzjonjiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 u minn dan ma jistax jiġi dedott li l-istanzi tal-UASI huma marbuta bil-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks preċedenti.

82      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-digriet Bild digital u ZVS, punt 74 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi osservat li, fil-punt 17 ta’ dan id-digriet, il‑Qorti tal-Ġustizzja tindika li awtorità nazzjonali kompetenti għar-reġistrazzjonijiet għandha, fil-kuntest tal-proċess ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, sa fejn hija għandha informazzjoni f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u tistħarreġ b’attenzjoni partikolari fuq il-punt dwar jekk hemmx lok jew le li tiddeċiedi fl-istess sens. Għalkemm huwa awtorizzat li jiġi dedott li tali kunsiderazzjoni tapplika b’analoġija għall-eżami mwettaq mill-istanzi tal-UASI fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l‑awtorità inkwistjoni ma tistax tkun marbuta b’dawn id-deċiżjonijiet fuq applikazzjonijiet simili. Barra minn hekk, fil-punt 18 tal-imsemmi digriet, hija tfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tal-legalità. F’dawn il‑kundizzjonijiet, din il-ġurisprudenza ma tikkontestax l-analiżi mwettqa fil-punti 77 sa 81 iktar ’il fuq.

83      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settemrbu 2010, UASI vs Borco-Marken-Import Matthiesen (C‑265/09 P, Ġabra p. I-8265), invokata mir-rikorrenti waqt is-seduta, u li minnha hija ddeduċiet obbligu fuq l-UASI sabiex jagħmel eżami ex officio tar-reġistrazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 45 tal-imsemmija sentenza, li għalih ir-rikorrenti tirreferi, fakkret li l-eżami tar-reġistrazzjonijiet preċedenti ma għandux ikun minimu iżda għandu jkun rigoruż u komplut sabiex jiġi evitat li jiġu rreġistrati trade marks li ma għandhomx jiġu rreġistrati u sabiex jiġi żgurat, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, li t-trade marks li l-użu tagħhom jista’ jiġi kkontestat b’suċċess quddiem il-qrati ma jiġux irreġistrati. Issa, minbarra s-sitwazzjoni li din is-sentenza ma tikkonċernax il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni eventwali ta’ reġistrazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar ukoll li l‑eżami tal-UASI għandu jsir b’osservanza tal-legalità. Għaldaqstant, lanqas din il-ġurisprudenza ma tikkontradixxi l-analiżi li saret fil-punti 77 sa 81 iktar ’il fuq.

84      Fl-aħħar nett, fid-dawl tar-rabta fil-kompetenza tal-istanzi tal-UASI u tal-prinċipju tal-legalità, u mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l‑ammissibbiltà, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ta’ lment ibbażat fuq il-ksur ta’ artikolu tal-KEDB, għandu jiġi enfasizzat li huwa impossibbli li, fin-nuqqas ta’ allegazzjonijiet konkreti ta’ żbalji proċedurali quddiem il-Bordijiet tal-UASI li affrontat ir-rikorrenti, is-sitwazzjoni li trade marks li jistgħu jkunu kumparabbli jkunu ġew irreġistrati preċedentement waħedhom, tista’ twassal għal ksur ta’ dritt tar-rikorrenti għal smigħ xieraq. Għall-istess raġunijiet, iċ-ċirkustanzi ta’ madwar il-proċeduri ta’ nullità jibqgħu mingħajr rilevanza f’dan ir-rigward.

85      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 KE

 L-argumenti tal-partijiet

86      Ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut tal-UASI li jawtorizza r-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali inkwistjoni, filwaqt li awtorizza lill-kompetituri tagħha li jiddistingwu s‑servizzi tagħhom permezz ta’ trade mark kumparabbli u li jeskludu lil terzi milli jużaw dawn it-trade marks, għandu l-effett li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, jillimita l-moviment liberu tas-servizzi u jxekkel l-attività professjonali tagħha.

87      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

88      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-liġi tat-trade marks tikkostitwixxi element essenzjali fis-sistema ta’ kompetizzjoni ġusta, li t-Trattat għandu l-għan li jistabbilixxi u jissalvagwardja (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, Ġabra p. I‑3793, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Barra minn hekk, it-trade mark irreġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha, għal prodotti u servizzi partikolari, dritt esklużiv li jippermettilu li jimmonopolizza s‑sinjal irreġistrat bħala trade mark mingħajr limitazzjoni ta’ żmien, iżda l‑possibbiltà li trade mark tiġi rreġistrata tista’ tiġi ristretta għal raġunijiet marbutin mal-interess pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Libertel, punt 88 iktar ’il fuq, punti 49 u 50).

90      Għaldaqstant, hekk kif jitfakkar fil-punt 21 iktar ’il fuq, l-għan ta’ interess ġenerali mfittex mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jeħtieġ li s‑sinjali jew l-indikazzjonijiet li jiddeskrivu kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, ikunu jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd. Fir-rigward tal-interess ġenerali fil-bażi tal‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, kif jitfakkar fil-punt 67 iktar ’il fuq, dan ifittex il-ħtieġa, minn naħa, li ma tiġix ristretta indebitament id‑disponibbiltà tas-sinjal li r-reġistrazzjoni tiegħu ntalbet għall-operaturi l-oħrajn li joffru prodotti jew servizzi kumparabbli għal dawk li għalihom saret l‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, li l-konsumatur jew l-utent finali jiġi ggarantit l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti bl-applikazzjoni għat-trade mark, b’mod li huwa jkun jista’ jiddistingwi, mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni, dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi minn dawk li għandhom oriġini oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C‑329/02 P, Ġabra p. I‑8317, punti 23, 26 u 27, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza Eurohypo vs UASI, punt 67 iktar ’il fuq, punti 59 u 62).

91      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell, bħalma hija dik mogħtija f’dan il-każ għas-servizzi li għandhom bħala suġġett l-offerta ta’ mħatri u ta’ logħob tal-ażżard, li b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 207/2009 ġustament tiddeċiedi li sinjal ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja, ma tistax titqies bħala li hija ostakolu għall-kompetizzjoni ħielsa, u għaldaqstant, lanqas għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE jew għall-attività professjonali tal-applikanti għat-trade mark. Għall-kuntrarju, hekk kif l-UASI ġustament osserva waqt is‑seduta, ir-rwol tal-istanzi tal-UASI sabiex jivverifikaw li trade mark li għaliha saret applikazzjoni tosserva l-leġiżlazzjoni li tirregola r-reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji jservi sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni mhux distorta iktar milli sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

92      Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

93      Minn dak kollu msemmi iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fir-rigward tas-servizzi li ma humiex imsemmija fil-punt 20 tad‑deċiżjoni kkontestata u s-servizzi ta’ “ħolqien u żvilupp ta’ spettakli, ta’ logħob, ta’ lotteriji, ta’ kompetizzjonijiet, ta’ ballijiet, ta’ tlugħ bix-xorti, ta’ kompetizzjonijiet f’termini ta’ negozju, tal-organizzazzjoni u tar-reklamar”, li jaqgħu fil-klassi 35.

 Fuq l-ispejjeż

94      Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, billi t-talba tar-rikorrenti ntlaqgħet biss għal parti mis-servizzi kkonċernati, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l‑ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI) tal-4 ta’ Mejju 2009 (Każ R 1528/2008-4) hija annullata f’dak li jikkonċerna s-servizzi li ma humiex is-servizzi ta’ “ħolqien u żvilupp ta’ spettakli, ta’ logħob, ta’ lotteriji, ta’ kompetizzjonijiet, ta’ ballijiet, ta’ tlugħ bix-xorti, ta’ konkorsi; produzzjoni, organizzazzjoni u tmexxija ta’ logħob, lotteriji, kompetizzjonijiet, ballijiet, tlugħ bix-xorti, konkorsi ta’ kull tip; swali tal-logħob; operat ta’ każinos; servizzi ta’ stabbilimenti tal-isports, tal-logħob, tal-imħatri u tal-lotteriji, inklużi dawk fuq u permezz tal-internet; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet sportivi, tal-logħob, tal-imħatri u tal-lotteriji, inklużi dawk fuq u permezz tal-internet; operat ta’ swali tal-logħob; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ logħob tal-kompjuter interattivi; tmexxija u organizzazzjoni ta’ każinos, ta’ logħob tal-ażżard, ta’ logħob tal-karti, ta’ mħatri, ta’ mħatri sportivi, ta’ logħob ta’ abbiltà; kaxxi tal-logħob; operat ta’ każinos, operat ta’ swali tal-logħob; operat ta’ ċentri tal-imħatri u ta’ lotteriji ta’ kull tip”, li jaqgħu taħt il-klassi 41 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u s-servizzi “ħolqien u żvilupp ta’ spettakli, ta’ logħob, ta’ lotteriji, ta’ kompetizzjonijiet, ta’ ballijiet, ta’ tlugħ bix-xorti, ta’ kompetizzjonijiet f’termini ta’ negozju, tal-organizzazzjoni u tar-reklamar”, li jaqgħu taħt il-klassi 35 tal-imsemmi ftehim.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Lulju 2011.

Firem



















Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tas-servizzi li għandhom bħala suġġett l-offerta ta’ mħatri jew logħob tal-ażżard

– Fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tas-servizzi li ma għandhomx l-offerta ta’ mħatri jew logħob tal-ażżard bħala s‑suġġett tagħhom

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikoli 6 u 14 tal-KEDB

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.