Language of document : ECLI:EU:T:2010:536





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Imħallef uniku) tas-16 ta’ Diċembru 2010 – Il-Kummissjoni vs Arci Nuova associazione comitato di Cagliari u Gessa

(Kawża T-259/09)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Ftehim konkluż fil-kuntest tal-appoġġ għal proġetti Ewropej ta’ diskussjonijiet imwettqa minn organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-2003 – Rikors ippreżentat kontra l-president ta’ assoċjazzjoni – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim – Rimbors tas-somom imħallsa bil-quddiem”

1.                     Proċedura - Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ - Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja fin-nuqqas ta’ espressjoni tal-volontà tal-partijiet li jagħtuha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq tilwima ta’ natura kuntrattwali - Kuntratti konklużi bejn il-Kummissjoni u assoċjazzjoni - Rikors tal-Kummissjoni kontra l-president tal-imsemmija assoċjazzjoni - President mhux marbut bil-kuntratti - Rifjut - Responsabbiltà in solidum tal-president skont id-dritt nazzjonali applikabbli - Nuqqas ta’ effett (Artikoli 238 KE u 240 KE) (ara l-punti 39-46)

2.                     Baġit tal-Komunitajiet Ewropej - Għajnuna finanzjarja Komunitarja - Obbligu tal-benefiċjarju li josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna - Finanzjament li jkopri biss l-ispejjeż effettivament sostnuti - Ġustifikazzjoni tar-realtà tal-ispejjeż iddikjarati fil-forom u fit-termini previsti - Assenza - Spejjeż mhux eliġibbli (Artikolu 274 KE) (ara l-punti 61-67)

Suġġett

Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 238 KE, ibbażat fuq klawżola ta’ arbitraġġ bil-għan li tikkundanna lil Arci Nuova Associazione comitato di Cagliari, kif ukoll lil A. Gessa personalment u in solidum, sabiex jirrimborsaw is-somma mħallsa bil-quddiem mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ftehim 2003-1550/001-001, flimkien mal-interessi moratorji.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud sa fejn huwa dirett kontra Alberto Gessa.

2)

Arci Nuova associazione comitato di Cagliari hija kkundannata tirrimborsa lill-Kummissjoni Ewropea s-somma prinċipali dovuta ta’ EUR 15 675, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ta’ 7.32 %, sa mill-20 ta’ Mejju 2007 u sal-ħlas tas-somma kollha dovuta.

3)

Arci Nuova associazione comitato di Cagliari hija kkundannata għall-ispejjeż.