Language of document : ECLI:EU:T:2011:329

Kawża T-258/09

i-content Ltd Zweigniederlassung Deutschland

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali BETWIN — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Artikolu 49 KE”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Eżami separat tar-raġunijiet ta’ rifjut fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1) u 75)

3.      Trade mark Komunitarja — Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju — Legalità — Eżami mill-qorti Komunitarja — Kriterji — Applikazzjoni għal motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni mill-prassi deċiżjonali tal-Uffiċċju

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7 u 76(1))

1.      Is-sinjal verbali BETWIN, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, mill-perspettiva tal-pubbliku li jitkellem bil-lingwa Ingliża, jiddeskrivi servizzi ta’ “ħolqien u żvilupp ta’ spettakli, ta’ logħob, ta’ lotteriji, ta’ kompetizzjonijiet, ta’ ballijiet, ta’ tlugħ bix-xorti, ta’ konkorsi; produzzjoni, organizzazzjoni u tmexxija ta’ logħob, ta’ lotteriji, ta’ kompetizzjonijiet, ta’ ballijiet, ta’ tlugħ bix-xorti, konkorsi ta’ kull tip; swali tal-logħob; operat ta’ każinos; servizzi ta’ stabbilimenti tal-isports, tal-logħob, tal-imħatri u tal-lotteriji, inklużi dawk fuq u permezz tal-internet; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet sportivi, tal-logħob, tal-imħatri u tal-lotteriji, inklużi dawk fuq u permezz tal-internet; operat ta’ swali tal-logħob; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ logħob tal-kompjuter interattivi; tmexxija u organizzazzjoni ta’ każinos, ta’ logħob tal-ażżard, ta’ logħob tal-karti, ta’ mħatri, ta’ mħatri sportivi, ta’ logħob ta’ abbiltà; kaxxi tal-logħob; operat ta’ każinos, operat ta’ swali tal-logħob; operat ta’ ċentri tal-imħatri u ta’ lotteriji ta’ kull tip”, li jaqgħu taħt il-klassi 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u servizzi ta’ “ħolqien u żvilupp ta’ spettakli, ta’ logħob, ta’ lotteriji, ta’ kompetizzjonijiet, ta’ ballijiet, ta’ tlugħ bix-xorti, ta’ kompetizzjonijiet f’termini ta’ negozju, tal-organizzazzjoni u tar-reklamar”, li jaqgħu taħt il-klassi 35 tal-imsemmi Ftehim.

L-għaqda taż-żewġ kelmiet Ingliżi “bet” (li tagħmel imħatra, imħatra) u “win” (rebħ, gwadann), li tqanqal il-possibbiltà ta’ “li tagħmel imħatra u tirbaħ”, tinftiehem direttament mill-pubbliku rilevanti. Barra minn hekk, teżisti rabta mill-qrib bejn it-tifsiriet taż-żewġ kelmiet: wieħed jagħmel imħatri biex jirbaħ u, biex jirbaħ, hemm bżonn li wieħed ikun għamel imħatra. In-nuqqas tal-kelma “and” ma tnaqqasx it-tifsira evidenti tat-terminu kompost “betwin”. Fil-fatt, sew jekk tiġi miftiehma bħala żewġ sostantivi, żewġ infinittivi jew żewġ verbi imperattivi, din ma hijiex għaqda mhux tas-soltu jew arbitrarja li s-sens tagħha jitbiegħed minn dak tat-tagħqid sempliċi tal-elementi li jiffurmawha. Fl-interazzjoni bejniethom, il-kliem “bet” u “win” jinfurmaw b’mod ċar bis-servizzi inkwistjoni u fuq is-sitwazzjonijiet tal-użu tagħhom, b’mod li jiddeskrivuhom.

(ara l-punti 26, 32-35, 40)

2.      L-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut għandu jirrigwarda kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha bħala prinċipju tkun motivata għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew mill-imsemmija servizzi. Meta l-istess raġuni għal rifjut tapplika għal kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi, l-UASI jista’ sempliċiment jagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew is-servizzi kkonċernati kollha. Madankollu, din il-possibbiltà ma tistax tkun ta’ preġudizzju għar-rekwiżit essenzjali li kull deċiżjoni li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ dritt irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju intiż li jiżgura l-ħarsien effettiv ta’ dan id-dritt u li, minn dan il-fatt, għandu jirrigwarda l-legalità tar-raġunijiet għal dan ir-rifjut.

Il-possibbiltà għall-Bord tal-Appell li jagħti motivazzjoni globali għal serje ta’ prodotti jew ta’ servizzi tista’ testendi biss għal prodotti jew għal servizzi li għandhom konnessjoni suffiċjentement diretta u konkreta bejniethom, sal-punt li huma jiffurmaw kategorija suffiċjentement omoġenja sabiex tippermetti li l-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, minn naħa, jispjegaw suffiċjentement ir-raġunament segwit mill-Bord tal-Appell għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi li jappartjenu għal din il-kategorija u, min-naħa l-oħra, jistgħu jkunu applikati mingħajr distinzjoni għal kull wieħed mill-prodotti u mis-servizzi kkonċernati. B’mod partikolari, anki f’każ fejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jaqgħu fl-istess klassi skont il-Ftehim ta’ Nice, dan il-fatt fih innifsu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li teżisti omoġenjità suffiċjenti, billi dawn il-klassijiet sikwit jinkludu varjetà kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi li ma għandhomx neċessarjament rabta suffiċjentement diretta jew konkreta bejniethom.

(ara l-punti 42-45)

3.      Id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja li l-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) huma meħtieġa jieħdu taħt ir-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, jaqgħu taħt kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, hekk kif interpretata mill-qorti tal-Unjoni, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tagħhom.

Fir-rigward tal-motiv imressaq quddiem il-qorti Komunitarja li jsostni li l-Uffiċċju kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi rrifjuta li jirreġistra sinjal partikolari, filwaqt li qabel, huwa aċċetta r-reġistrazzjoni ta’ sinjal kumparabbli, jeżistu, għaldaqstant, żewġ ipoteżi.

Jekk, billi jkun aċċetta, f’kawża preċedenti, li sinjal għandu karattru li jippermettilu li jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja, il-Bord tal-Appell ikun implementa b’mod korrett id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 207/2009 u, f’kawża sussegwenti, kumparabbli mal-ewwel waħda, il-Bord tal-Appell wasal għal deċiżjoni kuntrarja, il-qorti Komunitarja tkun obbligata li tannulla din l-aħħar deċiżjoni minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 207/2009. F’din l-ewwel ipoteżi, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa mingħajr effett. Min-naħa l-oħra, jekk, billi jkun aċċetta, f’kawża preċedenti, li sinjal għandu karattru li jippermettilu li jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja, il-Bord tal-Appell ikun wettaq żball ta’ dritt, u, f’kawża sussegwenti, kumparabbli mal-ewwel waħda, il-Bord tal-Appell wasal għal deċiżjoni kuntrarja, l-ewwel deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi invokata b’suċċess insostenn tat-talba għall-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni. Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tikkonċilja mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka għall-vantaġġ tiegħu stess illegalità mwettqa favur persuna oħra. Għaldaqstant, f’din it-tieni ipoteżi, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa wkoll mingħajr effett.

Barra minn hekk, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-eżaminaturi tal-Uffiċċju u, fuq appell, il-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għandhom jeżaminaw il-fatti ex officio sabiex jiddeterminaw jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni taqax taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni li jissemmew fl-Artikolu 7 tal-istess Regolament jew le. Issa, fid-dawl tal-kompetenza limitata u fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità, dan l-eżami għandu jikkonċentra fuq il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament u minn dan ma jistax jiġi dedott li l-istanzi tal-Uffiċċju huma marbuta bil-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks preċedenti.

(ara l-punti 77-79, 81)