Language of document : ECLI:EU:T:2010:461

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

10 ta’ Novembru 2010

Kawża T-260/09 P

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

vs

Manuel Simões Dos Santos

“Appell — Appell inċidentali — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2003 — Tnaqqis għal żero u kalkolu mill-ġdid tal-ammont ta’ punti ta’ mertu — Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali — Awtorità ta’ res judicata — Bażi legali — Nuqqas ta’ retroattività — Aspettattivi leġittimi — Danni materjali — Telf ta’ possibbiltà ta’ promozzjoni — Danni morali”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-5 ta’ Mejju 2009, Simões Dos Santos vs UASI (F-27/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑113 u II‑A‑1‑613), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza. Appell inċidentali ppreżentat minn M. Simões Dos Santos.

Deċiżjoni: Il-punti 2 sa 5 tad-dispożittiv tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-5 ta’ Mejju 2009, Simões Dos Santos vs UASI (F-27/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑113 u II‑A‑1‑613), huma annullati. Il-kumplament tal-appelli prinċipali u inċidentali huma miċħuda. Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Adozzjoni ta’ sistema ġdida ta’ promozzjoni — Revoka tal-punti ta’ mertu miksuba taħt is-sistema l-antika — Ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Adozzjoni ta’ sistema ġdida ta’ promozzjoni — Revoka tal-punti ta’ mertu miksuba taħt is-sistema l-antika — Neċessità ta’ bażi legali speċifika, preċiża u mhux ambigwa

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Adozzjoni ta’ sistema ġdida ta’ promozzjoni — Revoka tal-punti ta’ mertu miksuba taħt is-sistema l-antika — Uffiċjal li għandu bilanċ tal-punti ta’ mertu għoli minħabba l-fatt tal-anzjanità kunsiderevoli tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

4.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE)

5.      Uffiċjali — Rikors — Ġurisdizzjoni sħiħa — Kundanna ex officio tal-istituzzjoni konvenuta għall-ħlas ta’ kumpens f’każ ta’ dannu kkawżat minħabba nuqqas amministrattiv

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

6.      Uffiċjali — Rikors — Ġurisdizzjoni sħiħa — Portata — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

7.      Uffiċjali — Rikors — Ġurisdizzjoni sħiħa — Kumpens għad-danni materjali f’dak li jirrigwarda telf ta’ possibbiltà — Evalwazzjoni — Kriterji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

1.      Il-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, taċ-ċertezza legali, u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistgħux jiġu estiżi b’mod li jipprekludu, b’mod ġenerali, regola ġdida li tiġi applikata għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-qafas tar-regoli l-antiki. Min-naħa l-oħra, ir-regoli sostantivi jew tad-dritt materjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma intiżi biss għal sitwazzjonijiet miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għan u mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi assenjat lilhom. Bl-istess mod, dawn il-prinċipji jipprekludu li l-portata ratione temporis ta’ att tal-Unjoni jkollha effett minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, ħlief, eċċezzjonalment, meta l-għan li għandu jintlaħaq jeżiġi dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati jiġu debitament osservati. Barra minn hekk, akkost li titneħħa kull effettività għar-rimedji li jippermettu li jiġi invokat quddiem il-qorti tal-Unjoni ksur mill-att ikkontestat tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-għan li jista’ jiġġustifika r-retroattività ta’ att ta’ portata ġenerali ma jistax la jiġi eżawrit fl-effett retroattiv fih innifsu ta’ dan l-att, li jista’ jkollu biss effett wieħed, u lanqas jikkoinċidi mal-volontà biss tal-awtur tal-att sussegwenti li jirrimedja, b’mod retroattiv, omissjoni fl-att inizjali.

Peress li n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), b’mod sħiħ u identiku, tal-punti ta’ mertu mogħtija taħt il-qafas tas-sistema l-antika ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni tal-uffiċjali jikkorrispondi ma’ għażla leġittima tal-Uffiċċju, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu fir-rigward tal-implementazzjoni u tal-modifika tas-sistema ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni tal-uffiċjali, l-Uffiċċju ma jistax jibbaża ruħu fuq għanijiet imħaddna mir-riforma ta’ din is-sistema, li tikkonsisti f’li jiġu rimedjati l-aspetti dgħajfa ta’ din is-sistema li tirriżulta mill-għoti ta’ punti ta’ mertu eċċessivi abbażi ta’ anzjanità twila pjuttost milli l-merti attwali tal-uffiċjal ikkonċernat, meta huwa jonqos milli jispjega r-raġunijiet li għalihom, minflok ineħħi retroattivament il-bilanċ tal-punti ta’ mertu mogħtija taħt is-sistema l-antika, ma kienx possibbli li jiġu kkonvertiti, b’effett immedjat, f’punti ta’ mertu rilevanti tas-sistema ġdida ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni, mingħajr ma din tippreġudika l-imsemmija għanijiet. F’każ bħal dan, l-għan li jikkonsisti f’li jitneħħew in-nuqqasijiet tas-sistema antika ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni ma jikkonsistix fih innifsu f’għan suffiċjenti ta’ natura li jiġġustifika l-applikazzjoni retroattiva ta’ deċiżjoni ta’ revoka tal-punti ta’ mertu miksuba.

Barra minn hekk, deċiżjoni bħal din tikkostitwixxi ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-uffiċjal ikkonċernat, meta dan seta’ leġittimament jistenna, permezz ta’ sentenza ta’ annullament, minħabba nuqqas ta’ bażi legali, tad-deċiżjoni li tirrevoka l-punti, li l-bilanċ tal-punti ta’ mertu tiegħu miksuba taħt il-qafas tas-sistema l-antika ma jkunx irrevokat b’effett retroattiv, bla ħsara għal modifika eventwali tal-imsemmi bilanċ b’effett immedjat u fil-futur.

(ara l-punti 48, 52, 54, 60, 62 u 63)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 25 ta’ Jannar 1979, Weingut Decker, 99/78, Ġabra p. 101, punt 8; Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, C‑368/89, Ġabra p. I‑3695, punt 17; Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, Ġabra p. I‑9465, punti 43 u 44; Il‑Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland, C‑256/07, Ġabra p. I‑1951, punt 2, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 14 ta’ Frar 2007, Simões Dos Santos vs UASI, T‑435/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑61 u II‑A‑2‑427, punt 100; Il-Qorti Ġenerali 7 ta’ Ottubru 2009, Vischim vs Il‑Kummissjoni, T‑380/06, Ġabra p. II-3911, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Legiżlazzjoni interna adottata minn istituzzjoni jew aġenzija tal-Unjoni, dwar l-implementazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni tal-uffiċjali u li tipprovdi r-revoka tal-punti ta’ mertu miksuba taħt is-sistema l-antika ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni, għandha jkun fiha regola speċifika li sservi bħala bażi legali sabiex jintlaħaq l-għan tar-riforma ta’ din is-sistema, jiġifieri regola speċifika u biżżejjed ċara u preċiża li tipprovdi għat-tneħħija ta’ punti ta’ mertu akkumulati, mill-uffiċjali tal-imsemmija istituzzjoni jew aġenzija, taħt is-sistema l-antika.

In-nuqqas ta’ bażi legali bħal din jammonta għal illegalità li ma tistax tiġi rregolarizzata minn att sussegwenti li għandu portata retroattiva.

Fil-fatt, nuqqas bħal dan ma jillimitax ruħu għal sempliċi difett fil-forma li jkun jista’ jiġi rregolarizzat retroattivament, permezz ta’ att interpretattiv, iżda jikkostitwixxi illegalità gravi u rreversibbli, li tmur kontra l-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, kieku kien mod ieħor, l-effettività tar-rimedji ġudizzjarji bil-għan li jiġi annullat att jew li tiġi kkonstatata l-illegalità tiegħu minħabba nuqqas ta’ bażi legali ma tkunx iktar żgurata, peress li l-istituzzjoni jew l-aġenzija kkonċernata tista’ tinjora retroattivament l-effetti ta’ tali annullament jew ta’ tali konstatazzjoni ta’ illegalità kif ukoll li tiġi stabbilita sitwazzjoni ġuridika fil-passat bħallikieku din l-illegalità gravi u rreversibbli qatt ma twettqet, li jippermettilu jimmodifika a posteriori s-suġġett ta’ kawża li tat lok għall-annullament jew għall-konstatazzjoni ta’ illegalità. Dan huwa iktar minnu meta l-illegalità tal-leġiżlazzjoni ġenerali, li għandha tikkostitwixxi l-bażi legali tal-att annullat, ma hijiex, fiha nnfisha, ikkontestata fil-kuntest ta’ rikors kontra l-imsemmi att u, b’hekk, permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

Barra minn hekk, anki f’sitwazzjoni fejn in-nuqqas ta’ bażi legali jammonta biss għal difett formali, sentenza ta’ annullament ibbażata fuq tali difett tinkludi konstatazzjoni ta’ illegalità li tmur lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-att annullat, bla ħsara għall-possibbiltà li titkompla l-proċedura intiża sabiex tissostitwixxi tali att fl-istadju preċiż li fih seħħet l-illegalità u tal-validità eventwali tal-atti preparatorji adottati preċedentement. Madankollu, ma jirriżultax minn dawn il-prinċipji li l-att adottat sussegwentement u li huwa intiż li jissostitwixxi l-att annullat minħabba difett fil-forma huwa adattat sabiex jirregolarizza dan id-difett b’mod retroattiv.

(ara l-punti 56, 57, 59, 71 u 72)

Referenza: Il‑Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 72 sa 75; Il‑Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Novembru 2007, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑417/06 P, mhux ippublikata fil-Ġabra, punti 51 sa 53; Simões Dos Santos vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 139 sa 146

3.      Fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni interna ta’ istituzzjoni jew ta’ aġenzija tal-Unjoni, dwar l-implementazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni tal-uffiċjali, deċiżjoni li għandha effett retroattiv u li tipprovdi għar-revoka tal-punti ta’ mertu miksuba taħt is-sistema l-antika ma tistax tkun iġġustifikata, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, fir-rigward ta’ uffiċjal li huwa l-uniku li jiddisponi minn bilanċ tal-punti ta’ mertu partikolarment għoli minħabba l-fatt tal-anzjanità kunsiderevoli tiegħu u li kien l-uniku li ppreżenta, b’mod kostanti, rikors sabiex ma jitlifx dan il-bilanċ.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ma għandux bażi sabiex isostni li tali uffiċjal kien jinsab f’sitwazzjoni simili jew identika għal dik ta’ uffiċjali oħra tal-imsemmi Uffiċċju li setgħet tagħti lok għal trattament mhux ugwali għad-dannu ta’ dawn tal-aħħar.

(ara l-punt 61)

4.      Sabiex ikun hemm konformità ma’ sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal din u li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tagħha, fis-sens li dawn huma indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira eżatta ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 233 KE jimponi fuq l-istituzzjoni kkonċernata tevita li kull att iddestinat li jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament. Dawn il-prinċipji japplikaw iktar meta s-sentenza ta’ annullament tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

L-għan tar-rikors għal annullament u l-effettività tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE jkunu kompromessi b’mod qawwi, anki saħansitra distorti, jekk l-istituzzjoni li minnha ħareġ l-att annullat, pjuttost milli tieħu l-miżuri li permezz tagħhom tiġi eżegwita s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u li tiġi kkoreġuta l-illegalità mwettqa, kienet awtorizzata timmodifika, b’effett retroattiv, il-bażi legali tal-imsemmi att sabiex jintlaħaq riżultat korrispondenti għal dak li kien ġie ssanzjonat mill-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 70 u 72)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 27; Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363, punti 54 u 56; Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Lulju 2000, Gómez de Enterría y Sanchez vs Il‑Parlament, C‑8/99 P, Ġabra p. I‑6031, punt 20; L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50

5.      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-kawżi ta’ natura pekunjarja, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa li fil-kuntest tagħha hija għandha s-setgħa, jekk ikun hemm bżonn, li tikkundanna ex officio lill-istituzzjoni jew lill-aġenzija konvenuta għal ħlas ta’ kumpens għad-dannu kkawżat minħabba nuqqas tagħha, u f’każ bħal dan, li tevalwa, wara li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, id-dannu subit ex æquo et bono. Fil-fatt, din il-ġurisdizzjoni tagħti lill-qorti tal-Unjoni l-kompitu li tagħti lill-kawżi li jitressqu quddiemha soluzzjoni kompluta u tippermettilha, anki fin-nuqqas ta’ talbiet regolari għal dan il-għan, mhux biss li tannulla, iżda wkoll, jekk hemm lok, li tikkundanna ex officio l-istituzzjoni jew l-aġenzija konvenuta, għal ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali kkawżat minħabba nuqqas amministrattiv tagħha.

Fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji, ma jistax jiġi sostnut li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn uffiċjal kontra deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien iddeċieda ultra petita meta ta lill-parti interessata, fin-nuqqas ta’ talbiet speċifiċi f’dan is-sens minn naħa ta’ din tal-aħħar, kumpens għad-danni morali subiti minnha minħabba l-fatt tan-nuqqas amministrattiv tal-Uffiċċju.

(ara l-punti 83 sa 85)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Diċembru 2009, Réexamen M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, Ġabra p. I‑12033, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Ġustizzja 20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, Ġabra p. I-4469, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punt 232, u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lil qorti tal-Unjoni fil-kawżi pekunjarji bejn l-istituzzjonijiet kontra l-membri tal-persunal tagħhom ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tagħti lil din il-qorti s-setgħa li tali kawża ma ssegwix l-osservanza tar-regoli proċedurali marbuta mal-prinċipju ta’ kontradittorju. Dan il-prinċipju, li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li jiġi osservat u li tosserva hija stess, jifforma parti mid-drittijiet tad-difiża u japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ aġenzija li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi ta’ persuna.

Dan ifisser, bħala regola ġenerali, li l-partijiet fi proċedura għandhom dritt li jkollhom l-opportunità jieħdu pożizzjoni dwar il-fatti u d-dokumenti li fuqhom ser tkun ibbażata deċiżjoni ġudizzjarja kif ukoll li jiddiskutu l-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u l-motivi ta’ dritt imqajma ex officio mill-qorti, li fuqhom, din tal-aħħar, ikollha intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Fil-fatt, sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura. Konsegwentement, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, bħala regola, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq punt ta’ liġi mqajjem ex officio, anki jekk ikun ta’ ordni pubbliku, mingħajr ma qabel tkun stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmi motiv.

F’dan ir-rigward, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jevalwa l-eżistenza u l-portata ta’ danni morali subiti minn uffiċjal tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), kif ukoll in-natura kumpensabbli tagħhom, mingħajr ma qabel ikun ta l-okkażjoni lill-Uffiċċju li effettivament jikkomunika l-perspettiva tiegħu f’dan ir-rigward, huwa jonqos milli josserva l-prinċipju ta’ kontradittorju u jikser id-drittijiet tad-difiża tal-Uffiċċju.

(ara l-punti 86, 87, 91 u 92)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, Ġabra p. I-11245, punti 50 sa 57; Réexamen M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 sa 42, u, rispettivament, il-ġurisprudenza ċċitata, u punt 58; Il-Qorti Ġenerali 12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il‑Kummissjoni, T‑491/08 P, punt 88

7.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-għażla tal-uffiċjali li għandhom jiġu promossi. B’hekk jirriżulta li, anki fil-każ fejn huwa stabbilit li l-imsemmija awtorità wettqet illegalitajiet matul proċedura ta’ promozzjoni għad-dannu tal-parti interessata, dawn l-illegalitajiet, waħedhom, ma humiex biżżejjed, akkost li tiġi miċħuda s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ta’ din l-awtorità fil-qasam tal-promozzjoni, sabiex jiġi konkluż li, fin-nuqqas tagħhom, il-parti interessata kienet tkun effettivament promossa u li, konsegwentement, id-danni materjali allegati kienu ċerti u attwali. Fil-fatt, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtu l-ebda dritt għal promozzjoni, lanqas lill-uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha sabiex ikunu jistgħu jiġu promossi. B’hekk jirriżulta li l-possibbiltajiet ta’ progress tal-parti interessata ma jistgħux jiġu ddeterminati bi preċiżjoni suffiċjenti mill-qorti tal-Unjoni, mingħajr ma din tbiddel l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-imsemmija awtorità, sabiex tkun tista’ tikkonstata li din il-parti interessata sofriet dannu pekunjarju f’dan ir-rigward. B’hekk, fin-nuqqas tad-dritt suġġettiv għal promozzjoni, id-danni materjali invokati minn rikorrent ma jistgħux jikkonsistu fit-telf tar-remunerazzjoni addizzjonali li huwa kien jirċievi f’każ tal-promozzjoni tiegħu.

Madankollu, hekk kif ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza, danni materjali reali u ċerti u, għaldaqstant, kumpensabbli jistgħu wkoll jirriżultaw mit-telf ta’ possibbiltà, bħal dik li jiġi promoss. Issa, quddiem sensiela ta’ elementi suffiċjentement preċiżi u plawżibbli, kalkoli ddettaljati insostenn, sabiex jintwera li, indipendentement mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Awtorità tal-Ħatra, l-uffiċjal rikorrent kellu possibbiltà konkreta u serja li jiġi promoss f’każ ta’ konverżjoni ta’ bilanċ ta’ punti ta’ mertu maħruġ taħt sistema antika ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni, f’ammont ta’ punti ta’ mertu rilevanti ta’ sistema ġdida, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax legalment jikkonstata li anki l-possibbiltà serja li tinkiseb promozzjoni ma tistax tkun il-bażi ta’ danni materjali li jikkonsistu f’telf ta’ dħul. Għall-kuntrarju, telf eventwali bħal dan jikkostitwixxi element rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-portata tal-kumpens li għandu jingħata sabiex id-danni li jirriżultaw mit-telf ta’ possibbiltà jiġu kkumpensati.

(ara l-punti 102 sa 106)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punti 54 et seq, u punt 67; Il-Qorti Ġenerali 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, Ġabra SP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 97, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 31 ta’ Jannar 2007, C vs Il-Kummissjoni, T‑166/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑9 u II‑A‑2‑49, punti 65 u 66