Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta' Lulju 2009 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija fil-5 ta' Mejju 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-27/08, Simões Dos Santos vs UASI

(Kawża T-260/09 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (rappreżentanti: I. de Medrano Caballero, aġent, assistit minn D. Waelbroeck, avukat)

Parti oħra fil-proċeduri: Manuel Simões Dos Santos (Madrid, Spanja)

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mogħtija fil-Kawża F-27/08, inklużi t-talbiet dwar l-ispejjeż;

tilqa' t-talbiet li l-appellant kien ippreżenta fl-ewwel istanza, jiġifieri tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lill-konvenut fl-appell għall-ispejjeż tal-istanza preżenti u ta' dik li saret quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-appell preżenti, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI) jitlob l-annulament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP), tal-5 ta' Mejju 2009, mogħtija fil-kawża Simões Dos Santos vs UASI, F-27/08, li permezz tagħha t-TSP annulla d-Deċiżjoni PERS-01-07 u l-ittra tal-15 ta' Ġunju 2007 tal-UASI, sa fejn dawn fihom id-dikjarazzjoni ta' tneħħija tal-bilanċ tal-punti ta' mertu ta' Simões Dos Santos wara l-promozzjoni tiegħu.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-UASI jressaq tliet argumenti bbażati:

fuq żball ta' liġi peress li t-TSP, bi ksur tal-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet relattivi għall-applikazzjoni retroattiva ta' att u għall-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ikkonstata li l-UASI kiser il-prinċipju ta' ċertezza legali u l-prinċipju ta' nonretroattività;

fuq żball ta' liġi peress li t-TSP ikkunsidra li l-UASI kien kiser l-Artikolu 233 KE u l-prinċipju ta' res iudicata li jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza mogħtija fl-14 ta' Frar 2007 fil-Kawża T-435/04, Simões Dos Santos vs UASI, filwaqt li l-miżuri meħuda mill-UASI għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza huma l-uniċi permessi sakemm ma jinkisirx il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni;

fuq illegalità tal-għoti, mit-TSP, ta' kumpens għal allegat dannu morali, peress li l-UASI ma wettaq l-ebda żball u t-TSP iddeċieda ultra petita.

____________