Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta' Lulju 2009 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fit-28 April 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawżi magħquda F-5/05, Violetti et vs Il-Kummissjoni, u F-7/05, Schmit vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-261/09 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: J. Currall u J.-P. Keppenne, aġenti)

Partijiet oħra għall-proċedimenti: Antonello Violetti (Cittiglio, l-Italja), Nadine Schmit (Ispra, l-Italja), Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Anna Bassi Perucchini (Reno di Leggiuno, l-Italja), Marco Basso (Varano Borghi, l-Italja), Ernesto Brognieri (Barasso, l-Italja), Sergio Brusorio (Sesto Calende, l-Italja), Natale Cao (Ispra), Renato Cazzaniga (Ispra), Elvidio Flammini (Varese, l-Italja), Luigi Magistri (Ispra), Reginella Molinari Canale (Ispra), Giuseppe Morelli (Besozzo, l-Italja), Nadia Valentini (Varese) u Giuseppe Zara (Ispra)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, tat-28 ta' April 2009, fil-kawżi magħquda Violetti et vs Il-Kummissjoni, F-5/05 u F-7/05, sa fejn dik is-sentenza iddeċidiet li kienu ammissibbli r-rikorsi għal annullament ippreżentati kontra d-deċiżjoni tal-OLAF li jipprovdi informazzjoni lill-awtoritajiet Taljani;

tiddeċiedi hija stess dawn il-kawżi u tiddikjara inammissibbli r-rikorsi għal annullament tar-rikorrenti fl-ewwel istanza;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-istanza, inklużi dawk tal-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

B'dan l-appell, il-Kummissjoni qed titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tat-28 ta' April 2009, mogħtija fil-kawżi magħquda Violetti et vs Il-Kummissjoni, F-5/05 u F-7/05, li permezz tagħha t-TSP annulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) li jipprovdi informazzjoni dwar ir-rikorrenti fl-ewwel istanza lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani u ordna lill-Kummissjoni sabiex tħallas somma ta' EUR 3 000 lil kull rikorrent fl-ewwel istanza bħala danni.

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni aggravju wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, sa fejn it-TSP kiser id-dritt Komunitarju u wettaq numru ta' żbalji ta' motivazzjoni meta injora l-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-atti preparatorji bħalma huma l-ftuħ ta' investigazzjoni mill-OLAF, ir-rapport finali tal-OLAF u l-ftuħ tal-proċedura dixxiplinarja ma jikkawżawx preġudizzju. Il-Kummissjoni ssostni li din il-ġurisprudenza hija applikabbli għall-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej rigward il-possibbiltà li jsir ilment kontra l-atti tal-OLAF.

____________