Language of document : ECLI:EU:T:2009:141

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

6 ta’ Mejju 2009 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-tubi industrijali tar-ram – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq – Multi – Daqs tas-suq ikkonċernat – Ċirkustanzi aggravanti – Reċidiva”

Fil-Kawża T‑122/04,

Outokumpu Oyj, stabbilita f’Espoo (il-Finlandja),

Luvata Oy, li kienet Outokumpu Copper Products Oy, stabbilita f’Espoo,

irrappreżentati minn J. Ratliff, barrister, F. Distefano u J. Luostarinen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti skont l-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 4820 finali, tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/38.240 – Tubi industrijali), u, min-naħa l-oħra, kontrotalba tal-Kummissjoni intiża għaż-żieda tal-ammont tal-imsemmija multa,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn M.E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Outokumpu Oyj, kumpannija kkwotata fil-Borża, li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’Espoo (il-Finlandja), hija l-kumpannija li tikkontrolla grupp preżenti fid-dinja kollha u attiv, b’mod partikolari, fil-produzzjoni tal-metalli bażiċi, tal-azzar, ta’ prodotti tar-ram u fit-tekniċi ta’ manifattura ta’ dawn il-prodotti. Fiż-żmien tal-fatti, Outokumpu kellha 100 % tal-azzjonijiet ta’ Luvata Oy (li kienet Outokumpu Copper Products Oy), li tipproduċi b’mod partikolari tubi industrijali tar-ram (Outokumpu u Luvata huma minn issa ’il quddiem indistintament imsejħa “Outokumpu” jew ir-“rikorrenti”).

2        Wara l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni minn Mueller Industries Inc., il-Kummissjoni għamlet investigazzjonijiet mhux mistennija, f’Marzu 2001, fil-bini tal-kumpanniji KME Germany AG (li kienet KM Europa Metal AG), KME France SAS (li kienet Tréfimétaux SA), KME Italy SpA (li kienet Europa Metalli SpA) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“grupp KME”), Wieland-Werke AG (iktar ’il quddiem “Wieland”) u tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

3        Fid-9 ta’ April 2001, Outokumpu offriet li tikkomunika mal-Kummissjoni skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4) (iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni”). Ir-rikorrenti ppreżentaw memorandum dwar dan is-suġġett fit-30 ta’ Meju 2001.

4        B’risposta għal talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 17 magħmula f’Lulju 2002 mill-Kummissjoni lill-grupp KME u lil Wieland, din tal-aħħar talbet, fit-30 ta’ Settembru 2002, li jiġi applikat fir-rigward tagħha l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

5        Sussegwentement għall-istess talba għal informazzjoni, fil-15 ta’ Ottubru 2002, il-grupp KME talab, għalih innifsu, li jiġi applikat l-imsemmi avviż.

6        Wara li għamlet investigazzjoni, li tinkludi investigazzjonijiet addizzjonali fil-bini ta’ Outokumpu u tal-grupp KME, wara li pparteċipat fil-laqgħat mar-rappreżentanti ta’ Outokumpu, tal-grupp KME u ta’ Wieland, kif ukoll, taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, wara li għamlet talbiet għal informazzjoni addizzjonali lill-grupp KME u lil Weiland, f’Lulju 2003 il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ ksur u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-grupp KME, lil Wieland u lil Outokumpu. Minħabba li l-impriżi destinatarji rrinunzjaw li tinżamm seduta, din ma nżammitx.

7        Fis-16 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 4820 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/38.240 – Tubi industrijali) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2004 (ĠU L 125, p. 50).

8        Mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, lejn l-aħħar tas-snin 80, il-manifatturi organizzati fi ħdan l-assoċjazzjoni għall-kwalità tat-tubi użati fis-settur tal-arja kundizzjonata u tat-tkessiħ, Cuproclima Quality Association (iktar ’il quddiem “Cuproclima”), li fosthom hemm ir-rikorrenti, estendew il-kooperazzjoni tagħhom għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni.

9        Il-laqgħat li Cuproclima kienet iżżomm darbtejn fis-sena kienu kkostitwixxew okkażjoni regolari sabiex ikunu diskussi u ffissati l-prezzijiet kif ukoll kundizzjonijiet oħra kummerċjali applikabbli għat-tubi industrijali, wara li tkun ġiet diskussa l-aġenda uffiċjali tagħhom. Kuntatti bilaterali bejn l-impriżi kkonċernati kienu kkompletaw dawn il-laqgħat li jmorru kontra r-regoli tal-kompetizzjoni. L-impriżi kkonċernati kienu ffissaw objettivi ta’ prezzijiet kif ukoll kundizzjonijiet kummerċjali oħra għat-tubi industrijali. Huma kienu kkoordinaw żidiet fil-prezz, qassmu l-klijenti u l-ishma tas-suq u ssorveljaw l-implementazzjoni tal-ftehim antikompetittivi tagħhom, minn naħa, billi ħatru mexxejja għas-swieq u, min-naħa l-oħra, billi skambjaw informazzjoni kunfidenzjali.

10      Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

Is-segwenti impriżi kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) [KE] u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, fil-perijodi msemmija, f’numru ta’ ftehim u prattiki miftiehma li jikkonsistu fl-iffissar tal-prezzijiet u fit-tqassim bejniethom tas-swieq fis-settur tat-tubi industrijali:

a)      [Wieland] mit-3 ta’ Mejju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

b)      Outokumpu […], individwalment mit-3 ta’ Mejju 1998 sat-30 ta’ Diċembru 1988, u insolidum ma’ [Luvata] mill-31 ta’ Diċembru 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

ċ)      [Luvata], mill-31 ta’ Diċembru 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001 (insolidum ma’ Outokumpu […]);

d)      [KME Germany], individwalment mit-3 ta’ Mejju 1988 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u insolidum ma’ [KME France] u [KME Italy] mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

e)      [KME Italy], insolidum ma’ [KME France] mit-3 ta’ Mejju 1988 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u insolidum ma’ [KME Germany] u [KME France] mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

f)      [KME France], insolidum ma’ [KME Italy] mit-3 ta’ Mejju 1988 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u insolidum ma’ [KME Germany] u [KME Italy] mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001.

Artikolu 2

Is-segwenti multi huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

a)      [Wieland]: EUR 20.79 miljun;

b)      Outokumpu […] u [Luvata], insolidum: EUR 18.13 miljun;

c)      [KME Germany], [KME France] u [KME Italy], insolidum: EUR 18.99 miljun;

d)      [KME Germany]: EUR 10.41 miljuni;

e)      [KME Italy] u [KME France] insolidum: EUR 10.41 miljuni”.

11      Fl-ewwel lok, rigward l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur, li sostanzjalment kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet u fit-tqassim tas-swieq, kien minnu nnifsu, ksur serju ħafna (premessa 294 tad-Deċiżjoni kkontestata).

12      Sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kartell kien affettwa t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (premessa 316 tad-Deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni barra minn hekk eżaminat l-effetti reali tal-ksur u kkonstatat li l-akkordju kien “globalment, ipproduċa effetti fuq is-suq” (premessa 314 tad-Deċiżjoni kkontestata).

13      Fl-aħħar nett, dejjem fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li s-suq tat-tubi industrijali tar-ram kien jikkostitwixxi settur importanti, li l-valur tiegħu ġie stmat għal EUR 288 miljun f’dak li jikkonċerna ż-ŻEE (premessa 318 tad-Deċiżjoni kkontestata).

14      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ksur inkwistjoni kellu jiġi kkunsidrat bħala serju ħafna (premessa 320 tad-Deċiżjoni kkontestata).

15      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni adottat trattament differenzjat tal-impriżi kkonċernati, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ kull waħda minnhom li tikkawża dannu sostanzjali lill-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat l-eżistenza ta’ differenza bejn l-ishma tas-suq miżmuma fis-suq tat-tubi industrijali fiż-ŻEE, minn naħa, mill-grupp KME, leader fis-suq taż-ŻEE b’ishma tas-suq ta’ [kunfidenzjali] (1) %, u, min-naħa l-oħra, mir-rikorrenti u Wieland li għandhom rispettivament ishma tas-suq ta’ [kunfidenzjali] u 13.4 %. Fid-dawl ta’ din id-differenza, l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u fuq Wieland kien ġie stabbilit għal 33 % ta’ dak impost fuq il-grupp KME, jiġifieri EUR 11.55 miljun għal Outokumpu u għal Wieland u EUR 35 miljun għall-grupp KME (premessi 322 sa 323 u 326 sa 328 tad-Deċiżjoni kkontestata).

16      Fit-tielet lok, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li l-multa tiġi stabbilita f’ livell li jiżgura effett dissważiv, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq Outokumpu b’50 %, u ġabitu għalhekk għal EUR 17.33 miljun, billi kkunsidrat li d-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Outokumpu, ta’ iktar minn EUR 5 biljuni, kien jindika li kellha daqs u saħħa ekonomika li kienu jawtorizzaw l-imsemmija żieda (premessa 334 tad-Deċiżjoni kkontestata).

17      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni kklassifikat it-tul tal-ksur, li dam mit-3 ta’ Mejju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001, bħala “twil”. Għalhekk, billi ħadet inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni għaldaqstant iddeċidiet li kien xieraq li żżid l-ammont inizjali tal-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati b’10 % għal kull sena ta’ parteċipazzjoni fil-kartell. Għaldaqstant, l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kien ġie miżjud għal 125 %, fejn l-ammont bażiku kien konsegwentement stabbilit għal EUR 38.98 miljun (premessi 338, 342 u 347 tad-Deċiżjoni kkontestata).

18      Fil-ħames lok, fir-rigward ta’ ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Outokumpu kien ġie miżjud b’50 % minħabba li din kienet instabet ħatja ta’ reċidiva, peress li hija kienet destinatarja tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/417/KEFA, tat-18 ta’ Lulju 1990, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [KEFA] dwar il-ftehim u l-prattiki miftiehma tal-manifatturi Ewropej ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli laminati bil-kesħa (ĠU L 220, p. 28) (premessa 354 tad-Deċiżjoni kkontestata).

19      Fis-sitt lok, fir-rigward ta’ ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni rrilevat li, mingħajr il-kooperazzjoni ta’ Outokumpu, hija setgħet tistabbilixxi l-eżistenza tal-komportament li jikkostitwixxi ksur biss għal perijodu ta’ erba’ snin u għalhekk naqqset l-ammont bażiku tal-multa tagħha bi EUR 22.22 miljun, b’mod li l-imsemmi ammont jikkorrispondi għall-multa li kieku kienet tkun imposta fuqha għal dan il-perijodu (premessa 386 tad-Deċiżjoni kkontestata).

20      Fis-seba’ u l-aħħar lok, il-Kummissjoni, bis-saħħa tat-Titolu D tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, naqqset l-ammont bażiku tal-multi b’50 % għal Outokumpu, b’20 % għal Wieland, u bi 30 % għall-grupp KME (premessi 402, 408 u 423 tad-Deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fid-29 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

22      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla u għaldaqstant din il-kawża ġiet assenjata lil din tal-aħħar.

23      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni talbet li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jiżdied minħabba li fir-replika dawn jikkontestaw ċerti fatti mhux ikkontestati matul il-proċedura amministrattiva. Il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lir-rikorrenti jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din il-kontrotalba, li fil-fatt huma għamlu fit-terminu mogħti.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lill-partijiet jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom domandi bil-miktub li huma rrispondew fit-terminu mogħti.

25      It-trattazzjonijiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi orali magħmulin mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta tal-5 ta’ Marzu 2008. F’din l-okkażjoni, ir-rikorrenti, tennew ir-rieda tagħhom, kif kienu diġà sostnew fl-osservazzjonijiet tagħhom fir-rapport għas-seduta, li jirrinunċaw għal żewġ argumenti mressqa fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq il-konstatazzjoni żbaljata ta’ reċidiva, dwar l-importanza ta’ sanzjoni pekunjarja preliminari u l-limitu taż-żmien possibbli għall-Kummissjoni sabiex tikkonstata reċidiva f’dan il-każ.

26      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fl-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        iżżid l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

28      B’ittra tal-1 ta’ April 2008, ir-rikorrenti indikaw li kienu qed jirtiraw it-tielet motiv tagħhom, ibbażat fuq żieda żbaljata ta’ 50 % tal-ammont tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni. Permezz ta’ digriet tat-23 ta’ April 2008, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali, skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, u, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, iddeċidiet li tqiegħed fil-proċess l-imsemmija ittra. B’ittra tal-5 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmi rtirar.

29      Il-proċedura orali ngħalqet fit-2 ta’ Ġunju 2008.

 Id-dritt

30      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi bbażati rispettivament fuq żieda żbaljata tal-ammont tal-multa minħabba r-reċidiva u evalwazzjoni inadegwata, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont inizjali, tad-daqs tas-suq affettwat mill-ksur.

31      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi mfakkar, minn naħa, li mill-premessi 290 sa 387 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-multi imposti mill-Kummissjoni minħabba l-ksur kienu ġew imposti bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li, minkejja li l-Kummissjoni ma tagħmilx riferiment espliċitament, fid-Deċiżjoni kkontestata, għal-Linji ta’ gwida [linji gwida] dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), huwa paċifiku li hija ddeterminat l-ammont tal-multi skont il-metodoloġija ddefinita fihom.

32      Il-linji gwida, għalkemm ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjoni legali, jistipulaw regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi segwita li l-Kummissjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midlan u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tivverifika, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-multi imposti permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, jekk il-Kummissjoni eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu previst fil-linji gwida u, sa fejn tali qorti jkollha tikkonstata li l-Kummissjoni tbegħdet minnu, hija għandha tivverifika jekk tali tbegħid huwiex iġġustifikat u mmotivat biżżejjed kif meħtieġ mil-liġi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-validità, minn naħa, tal-prinċipju nnifsu tal-linji gwida u, min-naħa l-oħra, tal-metodu indikat fihom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 252 sa 255, 266 sa 267, 312 u 313).

34      L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida fil-fatt mhijiex inkompatibbli mal-fatt li l-Kummissjoni żżomm marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali. Il-linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 267).

35      Barra minn hekk, fl-oqsma bħal dak tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fejn il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni, pereżempju f’dak li jikkonċerna r-rata ta’ żieda minħabba r-reċidiva, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punti 64 u 79).

36      Barra minn hekk, bħala prinċipju, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet fuqha nnifisha ma jippreġudikawx l-eżerċizzju, mill-qorti Komunitarja, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 538), li jippermettilha tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 60 sa 62; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑368/00, Ġabra p. II‑4491, punt 181).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żieda żbaljata, minħabba reċidiva, tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

37      Ir-rikorrenti jfakkru li, abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Outokumpu kien miżjud mill-Kummissjoni b’50 % minħabba li din kienet instabet ħatja ta’ reċidiva, peress li din kienet ġiet implikata fil-każ tal-azzar inossidabbli li wassal għad-Deċiżjoni 90/417.

38      Ir-rikorrenti jqisu li, billi żiedet l-ammont tal-multa minħabba reċidiva, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-linji gwida, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst mill-Artikolu 253 KE kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-fatti rilevanti. F’dan ir-rigward, huma jressqu l-ilmenti li ġejjin.

39      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-ksur inkwistjoni ma jistax jikkostitwixxi każ ta’ reċidiva minħabba li l-ksur preċedenti kien jaqa’ taħt it-Trattat KEFA filwaqt li l-kartell inkwistjoni huwa ssanzjonat taħt it-Trattat KE.

40      It-tieni nett, ir-rikorrenti jqisu li ż-żewġ każijiet ta’ ksur mhumiex tal-istess tip. Il-Kummissjoni kisret il-linji gwida kif ukoll il-kunċett ta’ reċidiva kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni (T‑141/94, Ġabra p. II‑347), inkwantu din kienet eżaminat jekk iż-żewġ każijiet ta’ ksur kinux tal-istess tip biss fid-dawl tan-natura tal-komportamenti li jikkostitwixxu ksur inkwistjoni (iffissar ta’ prezzijiet, ta’ kwoti u ta’ tqassim tas-suq), filwaqt li injorat il-kuntest li fih iż-żewġ każijiet ta’ ksur kienu kommessi. Skont ir-rikorrenti, l-approċċ tal-Kummissjoni huwa formalistiku wisq. Meta eżaminat il-kwistjoni tar-reċidiva, il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari li jiċċirkondaw il-ksur stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 90/417, u dan iktar u iktar peress li dawn iċ-ċirkustanzi jirriżultaw b’mod ċar mill-imsemmija deċiżjoni.

41      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment kemm għad-Deċiżjoni 90/417 u għall-fajl tal-Kummissjoni f’dan il-każ, kif ukoll għal dokumenti oħrajn relatati magħha. Dawn l-elementi juru li l-każ tal-azzar inossidabbli kien jirriżulta minn nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-politika kummerċjali u l-politika ta’ kompetizzjoni tal-Kummissjoni. F’dan il-każ, Outokumpu, wara pressjoni eżerċitata fuqha kif ukoll fuq l-industrija kollha mill-Kummissjoni u minn ċerti gvernijiet fil-kuntest tal-politika kummerċjali pprattikata dak iż-żmien bejn il-Komunità u l-Finlandja, daħlet, “kontra qalbha” u “kontra l-interessi tagħha stess”, fi ftehim li jirristrinġi l-kompetizzjoni mingħajr ma kellha l-intenzjoni li tirristrinġi l-kompetizzjoni u bit-twemmin li ma kinitx qegħda taġixxi bi ksur tal-Artikolu 65 KEFA.

42      B’hekk, il-ksur stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 90/417 ma kienx ordinarju u kien iwassal għal kuntatti bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali sabiex tinsab soluzzjoni leċita sabiex tiġi rrimedjata l-kriżi li laqtet is-settur tal-azzar fuq livell Komunitarju, filwaqt li l-ksur inkwistjoni f’dan il-każ kien ordinarju, u kien jikkonċerna tranżazzjonijiet magħmula intenzjonalment mingħajr ma l-Kummissjoni kienet taf u li permezz tagħhom ir-rikorrenti ppruvaw jipproteġu l-interessi kummerċjali tagħhom stess.

43      Ir-rikorrenti josservaw ukoll li, bi ksur tal-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni ma pprovdietx spegazzjoni xierqa rigward ir-raġuni li għaliha, minkejja dawn iċ-ċirkustanzi speċjali, kien hemm lok li żżid l-ammont tal-multa minħabba reċidiva.

44      Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li l-fatt li, f’deċiżjonijiet preċedenti għad-Deċiżjoni 90/417, il-Kummissjoni ma żidietx, minħabba reċidiva, l-multi imposti fuq kumpanniji oħra implikati fil-każ tal-azzar inossidabbli jikkonferma li l-imsemmi każ kien ta’ natura tant partikolari li ma setax ikun mistenni li r-rikorrenti jikkonsidrawh bħala twissija rilevanti fir-rigward tal-komportament li jikkostitwixxi ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni kkontestata.

45      Ir-rikorrenti jallegaw li, fi kwalunkwe każ, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ tal-azzar inossidabbli, iż-żieda ta’ 50 % tal-ammont tal-multa imposta f’dan il-każ hija sproporzjonata. Fl-opinjoni tagħhom, ksur mhux intenzjonat għandu jwassal għal rata ta’ żieda, minħabba reċidiva, inqas għolja. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment ukoll għal diversi deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li fihom iż-żieda tal-ammont tal-multi minħabba reċidiva kienet iżgħar.

46      Fl-aħħar nett ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li l-Kummissjoni għaddiet minn deċiżjoni li ma timponi ebda multa għal deċiżjoni li timponi multa miżjuda minħabba reċidiva jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

47      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Barra minn hekk, hija tosserva li huwa biss għall-ewwel darba fir-replika li r-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar iż-żieda tal-multi minħabba reċidiva, u li dan l-argument għandu għaldaqstant jiġi ddikkjarat inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

48      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha.

49      Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tal-att inkwistjoni, imma wkoll tal-kuntest li fih dan l-att ġie adottat kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dak li jikkonċerna l-iffissar ta’ multi minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali li dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tiddetermina l-gravità u t-tul tal-ksur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 463 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan il-każ, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li ż-żewġ ksur kienu tal-istess natura, peress li dawn kienu jikkonċernaw l-iffissar ta’ kwoti u ta’ prezzijiet intiżi sabiex tiġi kkontrollata l-produzzjoni u għat-tqassim tas-swieq (premessa 353). Barra minn hekk, hija qieset (premessa 352): “[H]emm reċidiva meta impriża, li diġà kienet destinatarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-passat inkwantu parti fi ksur, tinsab ulterjorament responsabbli għal ksur ieħor tal-istess tip. Tali deċiżjoni hija intiża mhux biss sabiex tordna lill-impriża ttemm il-ksur, imma sabiex tavżaha u tiddisswadiha milli twettaq ksur simili fil-futur, anke jekk, għal raġuni jew oħra, ebda multa ma hija imposta”. Iktar preċiżament, il-Kummissjoni ddikjarat (premessa 354): “[I]l-fatt li Outokumpu kienet kompliet il-ksur tagħha fis-settur tat-tubi industrijali wara li rċiviet l-ordni, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li ttemm il-ksur tagħha fis-settur tal-azzar inossidabbli, juri b’mod ċar li d-deċiżjoni preċedenti ma kellhiex effet dissważiv biżżejjed fuq il-komportament ta’ Outokumpu fis-suq. Huwa għalhekk neċessarju li jiżdied l-ammont tal-multa f’din il-kawża sabiex jiġi ggarantit effett verament dissważiv fil-futur”. Għalhekk, il-Kummissjoni mmotivat biżżejjed skont il-liġi d-deċiżjoni tagħha li żżid minħabba reċidiva l-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

52      Fit-tieni lok, fir-rigward, tat-talba ta’ inammissibbiltà mqajjma mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali effettivament ma ġiex invokat espressament mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

53      Madankollu mill-ġurisprudenza kif ukoll mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li rikorrent mhuwiex obbligat jiċċita l-artikoli tat-Trattat jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt li huwa jinvoka. Huwa biżżejjed li l-fatti, il-motivi u t-talbiet tar-rikorrent ikunu jidhru fir-rikors b’mod li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddefendi b’mod effettiv l-interessi tagħha u b’mod li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-7 ta’ Mejju 1991, Jongen vs Il-Kummissjoni, T‑18/90, Ġabra p. II‑187, punt 13, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ir-rekwiżit huwa soddisfatt f’dan il-każ minħabba li mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti jikkritikaw iż-żieda ta’ 50 % tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom bħala żbaljata, b’mod partikolari fid-dawl tar-rati ta’ żieda applikati mill-Kummissjoni minħabba reċidiva fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha.

54      Għaldaqstant, l-ilmenti kollha mqajjma insostenn ta’ dan il-motiv għandhom jiġu ddikkjarati ammissibbli.

55      F’dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, il-fondatezza tal-motiv, għandu jitfakkar li t-Trattati kostituttivi implementaw ordni ġuridiku uniku li fih t-Trattat KEEA jikkostitwixxi, u t-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi, sat-23 ta’ Lulju 2002, lex specialis li tidderoga mil-lex generalis li hija t-Trattat KE (ara s‑sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe‑Stahlwerke Feralpi vs Il‑Kummissjoni, T‑6/99, Ġabra p. II‑1523, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ akkordji hija prevista minn żewġ dispożizzjonijiet analogi, jiġifieri l-Artikoli 81 KE u 65 KEFA, li, minkejja li jirriżultaw minn żewġ Trattati distinti, jagħmlu riferiment għal kunċetti ġuridiċi identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑145/94, Ġabra p. II‑585, punti 248 u 252, u tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 181).

56      Għaldaqstant, għandu jkun ammess li ladarba l-Kummissjoni stabbiliet, permezz ta’ deċiżjoni, il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju, skont il-kompetenza mogħtija lilha mis-sistema ġuridika Komunitarja din id-deċiżjoni tista’ sservi ta’ bażi sabiex tiġi evalwata, fil-kuntest ta’ deċiżjoni ġdida li tirrigwarda d-dritt Komunitarju, il-propensità ta’ din l-impriża li tikser ir-regoli Komunitarji dwar l-akkordji.

57      Barra minn hekk, l-ebda element fil-linji gwida ma jindika li l-indikazzjoni li tgħid li għandu jkun hemm inkwistjoni “reċidiva ta’ l-istess tip magħmul mill-istess impriża(/i)”, għandha tiġi mifhuma fis-sens li l-Kummissjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tikkonstata reċidiva fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, ksur ikkonstatat bis-saħħa tat-Trattat KEFA. Għall-kuntrarju, mit-titolu tal-linji gwida jirriżulta li dawn japplikaw kemm għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kif ukoll għal dawk imposti skont l-Artikolu 65(5) KEFA.

58      F’dak li jikkonċerna l-argument li ċ-ċirkustanzi speċjali li ċċirkondaw il-ksur preċedenti jipprekludu lill-Kummissjoni milli tikkonstata r-reċidiva fir-rigward tar-rikorrenti, hemm lok li dan jiġi miċħud peress li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ reċidiva jimplika biss il-konstatazzjoni preliminari ta’ ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 41).

59      Issa, f’dan il-każ, mill-Artikoli 1 u 4 tad-Deċiżjoni 90/417 jirriżulta b’mod ċar li Outokumpu kienet ġiet avżata li, billi kkonkludiet ftehim dwar il-prezzijiet u billi qassmet is-swieq u l-klijenti mal-kompetituri tagħha, hija kisret id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u li hija kellha tastjeni milli tirrepeti dawn il-komportamenti. Madankollu mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li sussegwentement ir-rikorrenti pparteċipaw fi ksur kważi identiku.

60      Fir-rigward tal-argument li r-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ trattament diskriminatorju meta mqabbla ma’ impriżi oħra li fil-konfronti tagħhom id-Deċiżjoni 90/417 ma kinitx ġiet ikkunsidrata bħala ċirkustanza aggravanti, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt biss li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċerti elementi ma jikkostitwixxux ċirkustanza aggravanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma jimplikax li hija obbligata tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni ulterjuri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 57).

61      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat reċidiva fir-rigward tar-rikorrenti.

62      F’dak li jikkonċerna l-ilmenti fformultati kontra r-rata ta’ żieda ta’ 50 % applikata fid-Deċiżjoni kkontestata, għandu jkun irrilevat li l-Kummissjoni tista’, meta tiffissa rata ta’ żieda minħabba reċidiva, tieħu inkunsiderazzjoni l-indizzji li jikkonfermaw il-propensità tal-impriża kkonċernata li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, inkluż iż-żmien li jkun għadda bejn il-ksur inkwistjoni.

63      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 90/417, fit-18 ta’ Lulju 1990, l-akkordju li kien is-suġġett tad-Deċiżjoni kkontestata kien diġà beda. Issa, minkejja l-konstatazzjoni ta’ ksur kważi identiku tar-regoli tal-kompetizzjoni min-naħa tar-rikorrenti fid-Deċiżjoni 90/417, dawn iddeċidew li jkomplu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju l-ġdid. Dan il-fatt fih innifsu jiġġustifika r-rata ta’ żieda stabbilita fid-Deċiżjoni kkontestata.

64      Ċertament, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għal numru ta’ ċirkustanzi li ċċirkondaw il-ksur ikkonstatat fid-Deċiżjoni 90/417 u li huma spjegati fil-punt 12 tat-Titolu X tal-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi, li bla dubju ta’ xejn iġġustifikaw in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq ir-rikorrenti fl-imsemmija deċiżjoni, huma neċessarjament relatati ma’ din tal-aħħar u ma jippreżentaw ebda rabta mal-propensità tar-rikorrenti li jinjoraw, mit-18 ta’ Lulju 1990, ir-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita r-rata ta’ żieda tal-multa minħabba reċidiva.

65      F’dak li jikkonċerna l-argument li r-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ trattament diskriminatroju meta mqabbla ma’ impriżi oħra li fir-rigward tagħhom il-konstatazzjoni ta’ reċidiva ma wasslitx għal żieda daqshekk severa daqs dik tar-rikorrenti, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 292) u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-Regolament Nru 17, marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-komportament tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 216) u sabiex f’kull mument tkun tista’ tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika. (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 169).

66      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi applikat fir-rigward tar-rikorrenti żieda ta’ 50 % tal-ammont tal-multa imposta minħabba reċidiva. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tqisx li huwa neċessarju, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li timmodifika l-imsemmija rata.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni inadegwata tad-daqs tas-settur affettwat mill-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

67      Permezz ta’ dan it-tieni motiv ir-rikorrenti jsostnu li, billi qieset li l-valur tas-suq ikkonċernat kien ta’ EUR 288 miljun, il-Kummissjoni eżaġerat id-daqs tiegħu u, għaldaqstant, il-gravità tal-ksur, fatt li ta lok għal multa eċċessiva.

68      Preliminarjament, ir-rikorrenti josservaw li, fis-settur tat-tubi industrijali, il-prezz totali tal-prodotti huwa kompost normalment mill-prezz tar-ram, ibbażat fuq il-kwotazzjoni fil-London Metal Exchange (Borża tal-metalli ta’ Londra, iktar ’il quddiem l-“LME”), u mill-ispiża tal-ipproċessar, li tikkorrispondi għall-valur miżjud mill-manifattur (iktar ’il quddiem il-“marġni tal-ipproċessar”). Il-materja prima neċessarja għall-manifattura tat-tubi industrijali hija pprovduta jew mill-klijent, jew mill-manifattur tat-tubi nnifsu, li jiffatturaha mbagħad fil-prezz totali.

69      Skont ir-rikorrenti, id-daqs tas-suq ikkonċernat huwa importanti fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa. Minn tal-anqas, ir-rikorrenti jallegaw li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont inizjali abbażi tad-daqs tas-suq ikkonċernat.

70      Ir-rikorrenti jallegaw li huma, bħala manifatturi ta’ tubi industrijali, ma għandhom l-ebda influwenza fuq il-prezz tal-materja prima prinċipali, jiġifieri r-ram, li jirrappreżenta madwar żewġ terz tal-prezz finali mħallas mill-klijenti tagħhom. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li l-prezz tal-metall huwa ddeterminat skont il-kwotazzjonijiet ta’ kuljum tal-LME u li, meta jiksbu dan il-metall, huma jkun qegħdin biss isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija mix-xerrejja ta’ tubi industrijali. Għaldaqstant, huma l-klijenti stess li jiddeterminaw il-prezz tal-metall. Konsegwentement, il-prezz tal-metall huwa biss element li għandu jingħadda fuq il-klijenti. Għaldaqstant, il-piż ekonomiku reali tas-suq kkonċernat kien ġie limitat għall-marġni tal-ipproċessar.

71      Billi jibbażaw ruħhom fuq dak li ntqal preċedentement, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kien imissha naqqset madwar żewġ terzi tal-prezz totali tal-prodotti inkwistjoni meta evalwat id-daqs tas-suq ikkonċernat, li kellu jwassal għall-iffissar ta’ ammont inizjali tal-multa iktar baxx. Ir-rikorrenti jikkonkludu li, billi naqset milli tnaqqas il-prezz tar-ram mid-dħul mill-bejgħ tas-suq ikkonċernat, il-Kummissjoni injorat ir-realtà ekonomika tas-suq u ffissat ammont inizjali tal-multa eżaġerat meta mqabbel mall-gravità tal-ksur.

72      Il-Kummissjoni titlob li l-motiv imqajjem mir-rikorrenti jiġi miċħud. Barra minn hekk, il-Kummissjoni teżiġi, fil-kontroreplika tagħha, li r-rikorrenti jippreċiżaw jekk kinux qed jikkontestaw il-fatt li kienu pparteċipaw fi ksur li jaffettwa s-settur tat-tubi industrijali kollu. Il-Kummissjoni ssostni li, jekk dan huwa l-każ, dan il-motiv huwa inammissibbli, peress li ma ġiex imqajjem fl-istadju tar-rikors. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li tali kontestazzjoni twassalha titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza żżid l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, peress li dawn ibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 50 % tal-imsemmi ammont b’mod partikolari talli ddikkjaraw li huma ma kinux qegħdin jikkontestaw il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni kienet qed tibbaża l-akkużi tagħha.

73      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fuq it-talba tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma jikkontestawx li pparteċipaw fi ksur uniku li kien jinkludi t-tqassim tas-swieq u tal-klijenti, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ mexxej fis-suq ikkonċernat, kif ukoll akkordji dwar il-kundizzjonijiet ta’ provvista ta’ tubi industrijali. Huma jammettu barra minn hekk li dan il-ksur affettwa s-settur tat-tubi industrijali fl-intier tiegħu. Madankollu, huma jenfasizzaw li l-ksur ma estendiex għall-prezz tar-ram.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

74      Preliminarjament, għandu jġi kkonstatat li la hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba ta’ inammissibbiltà u lanqas fuq il-kontrotalba mressqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti indikaw b’mod ċar, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-talba tal-Kummissjoni, li huma kienu qegħdin jammettu li l-ksur kien affettwa s-settur tat-tubi industrijali fl-intier tiegħu.

75      Dwar il-mertu, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li l-metodoloġija, prevista fil-linji gwida, adottata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), tissodisfa loġika stabbilita li tgħid li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, determinat skont il-gravità tal-ksur, huwa kkalkolat abbażi tan-natura tal-ksur, tal-impatt konkret tiegħu fuq is-suq fejn dan jista’ jiġi kkalkolat u tad-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti (l-ewwel paragrafu tal-Punt 1 A tal-linji gwida). Sussegwentement, l-ammont inizjali ġenerali tal-multa huwa individwalizzat għal kull parteċipant b’mod partikolari abbażi tad-daqs tiegħu.

76      Barra minn hekk, sabiex ikun determinat l-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni tista’, mingħajr madankollu mhija obbligata tagħmel dan, tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq affettwat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 134, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punti 149 u 150).

77      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jidher li l-premessa tar-rikorrenti, li tgħid li d-daqs tas-suq rilevanti huwa, fih innifsu, fattur determinanti sabiex tkun evalwata l-gravità ta’ ksur, u, għaldaqstant sabiex jiġi determinat l-ammont inizjali ta’ multa, hija infondata.

78      Madankollu mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, l-Kummissjoni, f’dan il-każ, għażlet li tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq tat-tubi industrijali fiż-ŻEE. Minkejja li l-Kummissjoni kienet diġà kkonkludiet, abbażi tan-natura tal-ksur, li dan kien “serju ħafna” skont il-linji gwida tagħha (premessa 294), hija fil-fatt iddeterminat, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-gravità tal-ksur u, għaldaqstant, l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti reali tal-kartell fuq is-suq (premessi 295 sa 314), id-daqs ġeografiku tas-suq inkwistjoni (premessi 315 sa 317) u l-fatt li s-settur li kien is-suġġett tal-ksur kien suq sinjifikattiv, li d-daqs tiegħu fiż-ŻEE kien stmat għal EUR 288 miljun (premessi 318 u 319).

79      Għalkemm, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-ammont inizjali ġenerali tal-multa, id-daqs tas-suq ikkonċernat ikkostitwixxa biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata, jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni effettivament iffissat l-imsemmi ammont billi ħadet tali daqs inkunsiderazzjoni. Għaldaqstant, d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ma kienx neċessarjament ikun inqas minn EUR 11.55 miljun li kieku l-prezz tar-ram tnaqqas mid-dħul mill-bejgħ tas-suq għandha tiġi miċħuda.

80      Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni żbaljatx meta, fl-evalwazzjoni tad-daqs tas-suq affettwat, ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz tar-ram.

81      Ir-rikorrenti jallegaw f’dan ir-rigward, minn naħa, li l-prezz tar-ram ma jaqax taħt il-kontroll tal-manifatturi ta’ tubi industrijali minħabba li dan huwa ffissat skont l-LME u, min-naħa l-oħra, li huma x-xerrejja ta’ tubi industrijali li jiddeċiedu huma stess b’liema prezz jinxtara l-metal.

82      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li ebda raġuni valida ma timponi li d-dħul mill-bejgħ ta’ suq rilevanti jiġi kkalkolat billi jiġu esklużi ċerti spejjeż ta’ manifattura. Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, fis-setturi industrijali kollha jeżistu spejjeż inerenti għall-prodott finali li l-manifattur ma jistax jikkontrolla, imma li xorta waħda jikkostitwixxu element essenzjali tal-attivitajiet kollha tiegħu u li, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu eskluzi mid-dħul mill-bejgħ tiegħu meta jiġi ffissat l-ammont inizjali tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491 punti 5030 u 5031). Il-fatt li l-prezz tar-ram jikkostitwixxi parti sinjifikattiva mill-prezz finali tat-tubi industrijali jew li r-riskju ta’ fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tar-ram huwa ħafn għola milli għal materji primi oħra ma jdgħajjifx din il-konklużjoni.

83      Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet korretta meta ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz tar-ram sabiex tiddetermina d-daqs tas-suq ikkonċernat. Għalhekk, lanqas it-tieni motiv mhuwa fondat.

84      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

85      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Outokumpu Oyj u Luvata Oy huma kkundannati għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Mejju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Data kunfidenzjali mħassra.