Language of document : ECLI:EU:T:2006:47

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

ta’ l-14 ta’ Frar 2006 (*)

"Kuntratti pubbliċi – Proċedura Komunitarja ta' sejħa għal offerti – Reklutaġġ ta’ esperti għal perijodu qasir responsabbli li jagħtu assistenza teknika lill-pajjiżi terzi benefiċjarji ta’ għajnuna esterna – Rifjut ta’ offerti"

Fil-kawżi magħquda T‑376/05 u T‑383/05

TEA-CEGOS, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Services techniques globaux (STG) SA, stabbilita fi Brussell (Il-Belġju), irrappreżentati minn G. Vandersanden u L. Levi, Avocats,

rikorrenti fil-kawża T‑376/05,

GHK Consulting Ltd, stabbilita f’Londra (Ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Dittmer u J.-E. Svensson, Avocats,

rikorrenti fil-kawża T‑383/05,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Wilderspin u G. Boudot, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għal annulament, minn naħa, tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2005, li rrifjutaw l-offerti magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura tas-sejħa għal offerti bir-referenza "EuropeAid/119860/C/SV/multi-Lot 7" u, min-naħa l-oħra, ta’ kull deċiżjoni oħra meħuda mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din is-sejħa għal offerti wara d-deċiżjonijiet tat-12 ta’ Ottubru 2005,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       L-għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-azzjonijiet esterni tagħha huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-tieni parti tat-Titolu IV tar-Regolament Tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/25 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-[baġit] ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1, iktar ’il quddiem ir-"Regolament Finanazjarju"), kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tat-tieni parti tat-Titolu III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanazjarju (ĠU L 357, p. 1, iktar ’il quddiem ir-"regoli ddettaljati għall-implementazzjoni").

2       Skond l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanazjarju, imsemmi fil-punt 2.3.3 tal-Gwida Prattika tal-proċeduri kuntrattwali ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej fil-kuntest ta’ azzjonijiet esterni (iktar ’il quddiem il-"Gwida Prattika") :

"Il-kuntratti ma jistgħux jingħataw lill-kandidati jew appaltaturi li, matul il-proċedura tal-forniment:

(a)      huma suġġetti għal kunflitt ta’ l-interess,

(b)      huma ħatja ta’ [dikjarazzjonijiet foloz] fil-forniment ta’ l-informazzjoni meħtieġa mill-awtorità tal-kuntratti bħala kundizzjoni tal-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-kuntratt jew [naqsu milli jipprovdu] informazzjoni bħal din."

3       Skond l-Artikolu 146(3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni :

"Talbiet għall-parteċipazzjoni u offerti li ma jissodisfawx il-ħtiġiet essenzali kollha stabbiliti fid-dokumentazzjoni ta’ sostenn tas-sejħa biex isiru l-offerti jew il-ħtiġiet speċifiċi preskritti fihom ikunu eliminati.

Madankollu l-kumitat ta’ evalwazzjoni jista’ jitlob lill-kandidati jew lil dawk li jagħmlu l-offerti biex jagħtu iktar materjal jew biex jikkjarifikaw id-dokumenti ta’ sostenn mogħtija f’konnessjoni mal-kriterji ta’ eskluzjoni u għażla, f’limitu ta’ żmien speċifikat."

4       L-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ appalt maħruġ fil-kuntest ta’ proċedura ta' sejħa għal offerti li ġġib ir-referenza "EuropeAid/119860/C/SV/multi-Lot 7", dwar kuntratt ta’ qafas multiplu għar-reklutaġġ ta’ esperti għal perijodu qasir responsabbli li jagħtu assistenza teknika lill-pajiżi terzi benefiċjarji ta’ għajnuna esterna (iktar ’il quddiem is-"sejħa għall-offerti"), jipprovdi li l-persuni fiżici jew ġuridiċi (inklużi l-persuni ġuridiċi li jipparteċipaw għall-istess grupp ġuridiku) jistgħu jippreżentaw kandidatura waħda biss, tkun xi tkun il-forma ta’ parteċipazzjoni tagħhom (bħala entità ġuridika individwali jew kap jew soċju ta’ grupp kandidat). Fil-każ li persuna fiżika jew ġuridika (inklużi l-persuni ġuridiċi li jipparteċipaw fl-istess grupp ġuridiku) tippreżenta aktar minn kandidatura waħda, il-kandidaturi kollha li fihom din il-persuna (u l-persuni ġuridiċi li jipparteċipaw fl-istess grupp ġuridiku) tkun ipparteċipat ikunu esklużi.

5       Fil-formularju ta' dikjarazzjoni li l-kandidati u l-appaltaturi kellhom jimlew jissemma b’mod partikulari l-obbligu ta’ dawn li jindikaw jekk humiex jew le parti minn "grupp jew netwerk".

6       L-Artikolu 14 ta’ l-istruzzjonijiet lill-appaltaturi jispeċifika li kull appaltatur li jiġi kkunsidrat għandu jiġi infurmat bil-miktub. Minbarra dan, huwa jipprovdi li, qabel ma’ l-awtorità kontraenti ma tiffirma l-kuntratt qafas ma’ l-appaltatur li ġie kkunsidrat, dan ta’ l-aħħar għandu jipprovdi dokumenti supplementari sabiex juri l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet tiegħu. Jekk appaltatur mhux f’pożizzjoni li jipprovdi d-dokumenti meħtieġa f’terminu ta’ ħmistax-il jum kalendarju wara n-notifika ta’ l-għoti jew jekk jiġi muri li huwa kien ta informazzjoni falza, huwa previst li l-għoti jiġi ikkunsidrat null u bħala li ma seħħx. F’sitwazzjoni bħal din, l-awtorità kontraenti setgħet tagħti l-kuntratt ta’ qafas lil appaltatur ieħor jew tannulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

7       L-Artikolu 16 ta’ l-istruzzjonijiet lill-appaltaturi jipprovdi li l-appaltaturi li jqisu ruħhom milquta minn żball jew irregolarità waqt il-proċedura ta’ sejħa għal offerti setgħu jressqu lment, u l-awtorità kompetenti għandha twieġeb għall-imsemmi lment fi żmien 90 jum.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8       Permezz ta’ avviż ta’ appalt tad-9 ta’ Lulju 2004 ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2004, S 132), il-Kummissjoni fetħet is-sejħa għall-offerti.

9       Il-konsorzju TEA-CEGOS (iktar ’il quddiem il-"konsorzju TEA-CEGOS") wera x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fis-sejħa għal offerti. TEA-CEGOS, SA ntagħżlet sabiex tmexxi l-imsemmi konsorzju għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Services techniques globaux (STG) SA hija wkoll membru tal-konsorzju TEA-CEGOS u fornietu b’servizzi fil-qasam tat-tmexxija teknika u finanzjarja.

10     Fil-proċess tal-fażi tal-propożizzjoni tal-kandidaturi u konformement mar-rekwiżiti ta’ l-avviż ta’ l-appalt, il-membri differenti tal-konsorzju TEA-CEGOS għamlu dikjarazzjoni li tipprovdi li ma kinux jaqgħu f’ebda waħda mis-sitwazzjonijiet li jikkorrispondu mal-kawżi ta’ esklużjoni msemmija fil-punt 2.3.3 tal-Gwida Prattika. Fit-18 ta’ Awwissu 2004, id-Danish Institute for Human Rights (iktar ’il quddiem id-"DIHR"), membru tal-konsorzju TEA-CEGOS, bagħat lill-Kummissjoni dokument li fih kien indikat li d-DIHR kellu kunsill ta’ amministrazzjoni tiegħu stess iżda kien jagħmel parti minn struttura akbar, id-Danish Center for International Studies and Human Rights (iktar ’il quddiem iċ-"Ċentru") u kellu bħala soċju d-Danish Institute for International Studies (iktar ’il quddiem id-"DIIS"), istitut maħluq b’liġi Daniża tas-6 ta’ Ġunju 2002 li waqqfet ukoll iċ-Ċentru u d-DIHR.

11     GHK Consulting Ltd, kumpannija stabbilita taħt il-liġi Ingliża, tifforma parti minn konsorzju li jiġbor fih entitajiet diversi (iktar ’il quddiem il-"konsorzju GHK"), fosthom DIIS. GHK Consulting, permezz tad-diviżjoni tagħha GHK International Ltd, intagħżlet sabiex tmexxi il-konsorzju GHK għall-finijiet tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Fid-29 ta’ Settembru 2004, waqt il-propożizzjoni tal-kandidaturi, id-DIIS iddikjara li hu mhux parti minn grupp jew netwerk.

12     Permezz ta’ imejl tas-17 ta’ Diċembru 2004 u permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Diċembru 2004, il-konsorzju TEA-CEGOS ġie mistieden jipparteċipa għas-sejħa għall-offerti għal-lott Nru 7. Id-DIHR, f’din il-fażi tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti, mill-ġdid indika li kien jagħmel parti minn struttura akbar, iċ-Ċentru, li jinkludi istitut ieħor, id-DIIS. Il-konsorzju GHK kien ukoll ammess sabiex jissottometti offerta għal-lott Nru 7.

13     Permezz ta’ ittri ta’ l-20 ta’ Mejju 2005, TEA-CEGOS u GHK International saru jafu li l-offerti tal-konsorzja li għalihom huma kienu jappartjenu rispettivament kienu ntgħażlu għal-lott Nru 7. L-imsemmija ittri kienu jippeċiżaw li l-kuntratti kienu ser jiġu mibgħuta lill-konsorzja għall-firma, bil-kundizzjoni li tingħata prova li huma ma kinux isibu ruħhom f’waħda mis-sitwazzjonijiet li jikkorrispondu għall-kawżi ta’ esklużjoni previsti fil-punt 2.3.3 tal-Gwida Prattika. Ir-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni d-dokumenti li huma kienu jikkunsidraw rilevanti għal dan il-għan.

14     Permezz ta’ faks tat-22 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni talbet lill-TEA-CEGOS tispjega r-rabta tad-DIHR maċ-Ċentru kif ukoll l-indipendenza eventwali tiegħu vis-a-vis iċ-Ċentru u talbet ukoll lill-GHK International tagħtiha xi spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ l-istatus ġuridiku ta’ DIIS.

15     Fit-23 ta’ Ġunju 2005, il-konsorzju TEA-CEGOS bagħat lill-Kummissjoni ittra ta’ DIHR li fiha jispjega l-operat tiegħu. Fl-24 ta’ Ġunju 2005, GHK International bagħtet, permezz ta’ faks, lill-Kummissjoni xi spjegazzjonijiet dwar DIIS.

16     Bħala risposta għal talba ġdida tal-Kummissjoni magħmula peremezz ta' telefonata fis-27 ta’ Ġunju 2005 u bil-għan li jinġabru spjegazzjonijiet supplementari, il-konsorzju TEA-CEGOS bagħtilha fl-istess jum kopja tal-liġi Daniża tas-6 ta’ Ġunju 2002 li ħolqot iċ-Ċentru, flimkien ma’ memorandum li jindika l-elementi rilevanti ta’ l-imsemmija liġu u r-rabta bejn iċ-Ċentru u d-DIHR, kif ukoll ittra tal-kap ta’ l-amministrazzjoni taċ-Ċentru.

17     Fl-14 ta’ Lulju 2005, il-konsorzju TEA-CEGOS bagħat ukoll lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin Daniż, li fiha dan ta’ l-aħħar afferma li DIHR u d-DIIS kienu entitajiet awtonomi fi ħdan iċ-Ċentru.

18     Permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Lulju 2005 (iktar ’il quddiem id-"deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2005"), il-Kummissjoni infurmat lill-konsorzju TEA-CEGOS u lill-konsorzju GHK li d-deċiżjonijiet tagħha li permezz tagħhom hija aċċettat l-offerti tagħhom kienu bbażati fuq informazzjoni żbaljata li ġiet mogħtija lilha waqt il-proċedura tas-sejħa għall-offerti u li, fid-dawl ta’ elementi ġodda, il-kandidatura tagħhom u l-offerta tagħhom kellha tiġi miċħuda.

19     Fit-22 u l-25 ta’ Lulju 2005, il-konsorzju TEA-CEGOS qal lill-Kummissjoni li d-DIHR u d-DIIS ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-istess grupp ġuridiku skond l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt, filwaqt li fakkar li huwa kien indika, sa mill-bidu tal-proċedura tas-sejħa għal offerti, l-appartenenza tad-DIHR għaċ-Ċentru. Fis-27 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-ittra tat-22 ta’ Lulju, billi ppreċiżat li l-kontenut tagħha kellu jiġi eżaminat b’mod approfondit.

20     Fil-25 ta’ Lulju 2005, il-lista ta’ l-appaltaturi kkunsidrati għal-lott Nru 7, ippublikat fis-sit ta’ l-EuropeAid, ġie mmodifikat b’mod li ż-żewġ konsorzja ma dehrux aktar.

21     Fit-8 ta’ Settembru 2005, TEA-CEGOS u STG irrappurtaw lill-Kummissjoni l-illegalitajiet li, skond huma, kienu jinvalidaw id-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2005, u għaldaqstant stednuha terġa' teżamina dawn fl-iqsar żmien possibbli. Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni indikatilhom li kien qed iseħħ eżami mill-ġdid u li hija kienet bagħtet liċ-Ċentru serje ta’ domandi u li hi kienet staqsietu sabiex jipprovdi dokumenti li jistgħu jsaħħu r-risposti li huwa jagħti.

22     Fl-14 ta’ Settembru 2005, TEA-CEGOS u STG reġgħu tennew ix-xewqa tagħhom li jieħdu tweġiba fi żmien qasir fir-rigward tal-pożizzjoni finali li l-Kummissjoni kienet ser tadotta. Fil-21 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni indikatilhom li hija kienet qad tistenna, miċ-Ċentru, ċerta informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi fuq l-eżitu tal-kwistjoni, filwaqt li ntrabtet li fl-iqsar żmien tinformahom bid-deċiżjoni li kienet sejra tadotta.

23     Permezz ta’ imejl tat-23 ta’ Settembru 2005 u permezz ta’ faks tas-26 ta’ Settembru 2005, iċ-Ċentru rrisponda għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni, u bagħtilha wkoll serje ta’ dokumenti intiżi sabiex isostnu r-risposti tiegħu. Fis-26 ta’ Settembru 2005, GHK International bagħtet lill-Kummissjoni ittra sabiex isostni t-tweġibiet mogħtija miċ-Ċentru.

24     Fis-27 ta’ Settembru 2005 u fil-5 ta’ Ottubru 2005, TEA-CEGOS u STG bagħtu lill-Kummissjoni żewġ ittri li fihom kienu, b’mod partikulari, spjegaw in-natura indipendenti taż-żewġ istituti. Huma saħħqu dwar il-fatt li l-unika motivi li minħabba fihom setgħu jiġu rrevokati d-deċiżjonijiet ta’ l-għażla kienu dawk previsti mill-Artikolu 14 ta’ l-istruzzjonijiet lill-appaltaturi, li jirreferu għall-punt 2.3.3 tal-Gwida Prattika. Huma jżidu li l-konsorzju TEA-CEGOS ma kienx responsabbli għal ebda nuqqas ta’ informazzjoni u ma ta l-ebda informazzjoni żbaljata.

25     Fil-11 ta’ Ottubru 2005, TEA-CEGOS u STG staqsew lill-Kummissjoni jekk hija kinitx adottat pożizzjoni definittiva fir-rigward tal-proċedura tas-sejħa għal offerti, filwaqt li stidnuha ma tikkonkludix kuntratti flimkien ma’ deċiżjonijiet ta’ għoti li hija setgħet tadotta. Il-Kummissjoni indikatilhom li kienet waslet biex tadotta deċiżjoni.

26     Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet indirizzati fit-12 ta’ Ottubru 2005, minn naħa, lill-konsorzju TEA-CEGOS u, min-naħa l-oħra, lill-konsorzju GHK, il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2005 u ċaħdet l-offerti ta’ l-imsemmija Konsorzja (iktar ’il quddiem id-"deċiżjonijiet ikkontestati ").

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27     Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ Ottubru 2005, TEA-CEGOS u STG ressqu rikors fil-kawża T‑376/05.

28     Permezz ta’ att separat irreġistrat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Ottubru 2005, TEA-CEGOS u STG ressqu talba għal proċedura sommarja bil-għan li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni, minn naħa, tad-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża u, min-naħa l-oħra, ta’ kull deċiżjoni oħra meħudha mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-istess sejħa għal offerti wara l-imsemmija deċiżjoni. Permezz ta’ Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni ġiet ordnata tissospendi l-proċedura ta’ sejħa għal offerti bir-referenza "EuropeAid/119860/C/SV/multi-Lot 7" sakemm jiġi ppronunzjat digriet li jiddeċiedi b’mod definittiv fuq it-talba għal miżuri proviżorji. Minħabba ftehim milħuq bejn il-partijiet, fis-26 ta’ Ottubru 2005, fir-rigward tat-tranżazzjoni proposta mill-Imħallef għall-proċeduri sommarji, id-digriet ta’ l-14 ta’ Ottubru 2005, iċċitat iktar ’il fuq, ġie mħassar permezz ta’ Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 Diċembru 2005. Permezz ta’ Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Jannar 2006, it-talba għal proċedura sommarja ta’ TEA-CEGOS u ta’ STG ġiet mħassra mir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, b’riżerva għall-ispejjeż.

29     Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Ottubru 2005, GHK Consulting ressqet rikors fil-kawża T‑383/05, li permezz tiegħu talbet li tittieħed deċizjoni permezz tal-proċedura mħaffa skond l-Artikolu 76 a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fis-7 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni wriet il-kunsens tagħha fuq din id-domanda.

30     Permezz ta’ att separat irreġistrat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Ottubru 2005, GHK Consulting ressqet talba għal proċedura sommarja bil-għan li tikseb, minn naħa, is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni f’din il-kawża u tad-deċiżjonijiet kollha sussegwenti fir-rigward ta’ l-appaltaturi l-oħra u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Prim’Istanza timponi miżuri provviżorji sabiex jiġu sospiżi l-effetti ta’ l-imsemmija deċiżjonijiet. Permezz ta’ ittra ddepożitata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Diċembru 2005, GHK Consulting informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, li hija kienet ser tirrinunzja t-talba għal proċedura sommarja tagħha. Permezz ta’ Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Jannar 2006, it-talba għal proċedura sommarja ta’ GHK Consulting ġiet imħassra mir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, b’riżerva għall-ispejjeż.

31     Permezz ta’ ittra ddepożitata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Ottubru 2005, GHK Consulting introduċiet talba sabiex jingħaqdu l-kawzi T‑376/05 u T‑383/05. Il-Kummissjoni, kif ukoll TEA-CEGOS u STG indikaw fit-28 ta’ Ottubru 2005 u t-8 ta’ Novembru 2005 rispettivament, li ma kellhom ebda oġġezzjoni fir-rigward ta’ dan it-taqgħid.

32     Permezz ta’ ittra ddepożitata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Ottubru 2005, GHK Consulting ippreżentat talba sabiex tinbidel il-lingwa tal-kawża sabiex din tkun il-Franċiż, madankollu hija rriżervat id-dritt li tuża, jekk ikun meħtieġ, l-Ingliż fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub u dik orali. Fis-7 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni indikat li ma kellha ebda oġġezzjoni fir-rigward tat-tibdil tal-lingwa proposta.

33     Permezz ta’ ittra ddepożitata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Novembru 2005, TEA-CEGOS, STG u GHK Consulting talbu li huma jkunu mogħtija l-possibbiltà li jpoġġu fil-proċess, fil-kuntest ta’ rikors fil-kawża prinċipali, id-dokumenti mitluba mill-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta tal-proċedura sommarja. Fl-4 ta’ Novembru 2005, il-president tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħa din it-talba bil-kundizzjoni li l-imsemmija dokumenti jkunu indirizzati lir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bl-Ingliż mhux aktar tard mill-1 ta’ Diċembru 2005.

34     Fit-8 ta’ Novembru 2005, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li takkorda, minn naħa, il-benefiċċju tal-proċedura mħaffa fil-kawża T‑383/05 u, min-naħa l-oħra, it-tibdil tal-lingwa tal-proċedura kif mitlub minn GHK Consulting.

35     Permezz ta’ Digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Novembru 2005, il-kawżi T‑376/05 u T‑383/05 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

36     Permezz ta’ ittra ddepożitata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni talbet li tittieħed deċiżjoni għall-kawża T‑376/05, permezz ta’ proċedura mħaffa skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura. Fl-1 ta’ Diċembru 2005, TEA-CEGOS u STG urew il-qbil tagħhom fuq it-talba msemmija. Fis-6 ta’ Diċembru 2005, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tikkonċedi l-benefiċċju tal-proċedura mħaffa fil-kawża T‑376/05.

37     Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Instemgħu t-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2006.

38     Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–       tannulla kull deċiżjoni oħra meħuda mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-sejħa għal offerti wara d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–       tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

39     Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza :

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna li r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Id-dritt

40     Ir-rikorrenti, fil-kawża T-376/05, invokaw erba’ motivi sabiex isostnu r-rikors tagħhom. Permezz ta’ l-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret, minn naħa, l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14 ta’ l-istruzzjonijiet lill-appaltaturi. Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, u minħabba li din, barra minn hekk wettqet, skond huma, żball ċar ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt. Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u li naqset mill-obbligu tagħha ta' diliġenza. Fl-aħħarnett, permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ l-aspettattiva leġittima. Peress li t-tieni motiv jikkundizzjona b’mod wiesa’ r-riżoluzzjoni tal-motivi l-oħra, jeħtieġ li dan jiġi eżaminata qabel l-oħrajn.

41     Ir-rikorrenti, fil-kawża T-383/05, tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt; dan il-motiv ser ikun ukoll analizzat fil-kuntest tat-tieni motiv imsemmi iktar ’il fuq.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni, ta’ żball ċar ta’ evalwazzjoni u tal-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali

 L-Argumenti tal-partijiet

42     TEA-CEGOS u STG jsostnu li l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt jeskludi l-kandidaturi ta’ "persuni fiżiċi jew ġuridiċi" li jitfgħu bosta offerti għall-istess lott, inklużi "persuni ġuridiċi li jipparteċipaw fl-istess grupp ġuridiku". Madankollu, ma tingħata ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ "grupp ġuridiku" mid-dritt Komunitarju jew mid-dokumenti forniti fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti. Fin-nuqqas ta’ definizzjoni bħal din, GHK Consulting tqis li l-esklużjoni ta’ offerta, kif previst mill-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt, m'għandhiex isseħħ ħlief fis-sitwazzjoni fejn l-entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp, jiġifieri meta huma kkontrollati minn kumpannija parent komuni jew meta huma jikkontrollaw lil xulxin. Issa, GHK Consulting isostni li, f’dan il-każ, id-DIHR u d-DIIS huma indipendenti, li għandhom l-istatut tagħhom u li kull waħda tħaddan għanijiet speċifiċi, filwaqt li ċ-Ċentru li kien imwaqqaf għall-finijiet li jiffaċilita l-amministrazzjoni ta’ żewġ istituti. Hija biss it-tmexxija tas-servizzi amministrattivi tagħhom li hija komuni, safejn dawn huma mmexxija miċ-Ċentru li jirċievi ħlas bħala korrispettiv għas-servizzi fornuti. Minbarra dan, TEA-CEGOS u STG isostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ċar ta’ evalwazzjoni meta naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li kull istitut kien jiddisponi minn patrimonju tiegħu proprju.

43     TEA-CEGOS u STG jikkunsidraw li l-Kummissjoni mmodifikat l-interpretazzjoni li hija tagħti lill-kunċett ta’ "grupp ġuridiku", peress li, fid-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2005, hija ddikjarat, għall-ewwel darba, li l-kriterju ta’ l-indipendenza ma kienx aktar rilevanti u li kien suffiċjenti li d-DIHR tifforma parti strutturali miċ-Ċentru, approċċ li kien ikkonfermat fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li b'hekk jikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

44     TEA-CEGOS u STG ifakkru li l-għan ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt jikkonsisti f’li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess bejn persuni li, kemm direttament kemm indirettament, jistgħu jikkompetu bosta drabi għall-istess suq u jinsabu, b’tali mod, f’kompetizzjoni għall-kuntratt ta’ qafas jew, sussegwentement, għal kuntratti speċifiċi. B’hekk, jekk id-DIHR u d-DIIS mhumiex indipendenti miċ-Ċentru u għall-konklużjoni ta’ kuntratt għandhom bżonn l-approvazzjoni minn qabel taċ-Ċentru, jista’ jeżisti kunflitt ta’ interess bejn it-tnejn. F’dan il-każ, TEA-CEGOS u STG jikkunsidraw li l-imġieba ta’ kull entità tista’ tiġi attribwita biss lil dan u mhux lill-oħrajn, b’mod li ċ-Ċentru u ż-żewġ istituti ma jistgħux jikkostitwixxu entità ekonomika waħda (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T‑325/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 218 u 219). Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tkunx tista', bħal f’dan il-każ, tikkunsidra li l-appartenenza taż-żewġ istituti għaċ-Ċentru twassal għal xkiel għall-kompetizzjoni effettiva bejnithom għall-implementazzjoni tal-kuntratt ta’ qafas. Fil-każ li l-analiżi ta’ kunflitt ta’ interess mhijiex meħtieġa mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt, TEA-CEGOS u STG jqisu li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dan l-artikolu huwa manifestament sproporzjonat u inadegwat fil-konfront ta’ l-għan imfittex, jiġifieri li jiġu evitati kunflitti ta’ interess bejn l-appaltaturi.

45     Il-Kummissjoni tagħraf in-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett tal-"grupp ġuridiku" fl-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt. Iżda, filwaqt li dan il-kunċett huwa ġenerali u jippermetti li jkopri numru ta’ sitwazzjonijiet, il-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni konkreta għall-finijiet li tippronunzja ruħha dwar l-eżistenza ta’ grupp ġuridiku. Hija tfakkar li l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt jirriproduċi dispożizzoni aktar ġenerali tar-Regolament Finanazjarju, jiġifieri l-Artikolu 94 ta’ l-imsemmi regolament, li jipprovdi espressament l-esklużjoni tal-kandidati li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li l-appartenenza taż-żewġ istituti għaċ-Ċentru jwassal għal sitwazzjoni fejn diffiċilment ikun hemm kompetizzjoni effettiva bejnithom, peress illi dawn l-aħħar għandhom oqsma ta’ speċjalizzazzjoni simili u l-oqsma ta’ kompetenza tagħhom jistgħu jkunu l-istess. Barra minn hekk, l-Artikolu 13 huwa suffiċjentement ċar meta jipprojbixxi l-appartenenza għall-istess grupp ġuridiku, li b’hekk jintroduċi kriterju strutturali.

46     Fir-rigward ta’ l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali u ta’ ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn mhumiex fondati.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

47     Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-oġġezzjoni bbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, hemm lok li jiġi kkostatat li r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ċaħdet l-offerti tar-rikorrenti jirriżultaw b’mod ċar mill-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

48     Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, il-portata ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni jiddependi fuq in-natura ta’ l-att in kwistjoni u tal-kuntest li fih huwa ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, b’mod, minn naħa, li tippermetti lill-interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lill-Imħallef Komunitarju li jeżerċità l-kontroll tiegħu ta’ legalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punti 15 u 16, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ April 2003, Forum des migrants vs Il-Kummissjoni, T‑217/01, Ġabra p. II‑1563, punt 68).

49     F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ikkontestati jsemmu espressament li l-offerti ta’ żewġ konsorzja jiksru l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt minħabba li DIIS u DIHR kienu jappartjenu għall-istess grupp ġuridiku, u l-elementi li ppermettew lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi f’dan is-sens peress li kienu msemmija fl-imsemmija deċiżjonijiet. Minbarra dan, għandu jingħad li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati wara eżami mill-ġdid approfondit imwettaq mill-Kummissjoni, wara d-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2005 u wara li nstemgħu r-rikorrenti. Konsegwentement, dawn ta’ l-aħħar kienu jafu bid-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tip ta’ rabta eżistenti bejn iż-żewġ istituti u ċ-Ċentru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-ilment ma jistax jiġi akkolt.

50     Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-ilment bbażat fuq żball ċar ta’ evalwazzjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa wiesa’ ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ l-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fid-dawl tat-teħid ta’ deċiżjoni li tagħti kuntratt fuq sejħa għall-offerti u li l-kontroll tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tillimita ruħha għall-verifika tar-rispett tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-preċiżjoni materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball ċar ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra p. II‑387, punt 147, u tas-26 ta’ Frar 2002, Esedra vs Il-Kummissjoni, T‑169/00, Ġabra p. II‑609, punt 95).

51     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt kien jipprojbixxi li entitajiet ta’ l-istess grupp ġuridiku jipparteċipaw għall-istess sejħa għall-offerti, per eżempju bħala membri ta’ konsorzja, sabiex jiġi evitat riskju ta’ kunflitt ta’ interess jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-appaltaturi. Minn din il-projbizzjoni, jirriżulta li r-rispett ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt jikkundizzjona l-validità ta’ offerta, peress li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa wiesa’ ta’ evalwazzjoni sabiex tistabbilixxi kemm il-kontenut kif ukoll l-implementazzjoni tar-regoli applikabbli għall-għoti ta’ kuntratt fuq sejħa għall-offerti. Għalhekk, anki fil-każ li ksur ta’ l-imsemmi Artikolu huwa misjub biss f’stadju avvanzat tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti, dan l-artikolu xorta għandu jiġi applikat.

52     Ikkunsidrati dawn il-kunsiderazzjonijiet, f’dan il-każ huwa importanti li jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ċar ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li DIIS u DIHR jappartjenu għall-istess grupp ġuridiku. Għal dan il-għan, għandu jiġi mfakkar li, fin-nuqqas ta’ definizzjoni testwali jew legali tal-kunċett tal-grupp ġuridiku li jiffissa l-kriterji ta’ grupp bħal dan, il-Kummissjoni hija obbligata, għall-finijiet li tippronunzja ruħha dwar is-sodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt, li tipproċedi għall-eżami każ b’każ billi tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha.

53     Konsegwentement, sabiex issib f'din il-kawża l-eżistenza ta’ grupp ġuridiku, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi jekk l-entitajiet in kwistjoni kienu strutturalment marbuta maċ-Ċentru, peress li dan l-element jista' jikkrea riskju ta’ kunflitt ta’ interess jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-appaltaturi, filwaqt li madankollu jkun ikkunsidrat li fatturi oħra setgħu jsaħħu l-analiżi tar-rabtiet strutturali, bħal dawk rigward il-livell ta’ indipendenza ta’ l-entitajiet kkonċernati u kwalifikati mill-partijiet tal-"kriterju funzjonali".

54     F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati li l-Kummissjoni kkonstatat li d-DIIS u d-DIHR kienu ġuridikament jiffurmaw parti miċ-Ċentru u b'hekk jappartjenu għall-istess struttua. Hija kkonkludiet mil-liġi Daniża tas-6 ta’ Ġunju 2002 kif ukoll mill-istatut taċ-Ċentru u ta’ dak ta’ l-istituti li d-DIIS u d-DIHR mhumiex entitajiet ġuridiċi distinti taċ-Ċentru u rrilevat li dan ta’ l-aħħar jipprovdi b’mod partikulari l-amministrazzjoni komuni taż-żewġ istituti, li barra minn hekk kienu rappreżentati fil-kunsill ta’ amministrazzjoni taċ-Ċentru.

55     Fir-rigward, l-ewwelnett, ta’ l-appartenenza strutturali ta’ l-istituti għaċ-Ċentru, fil-fatt jirriżulta mill-proċess, u aktar speċifikament mis-sezzjoni 1, sub-sezzjoni 2, ta’ l-istatut taċ-Ċentru, li ċ-Ċentru huwa magħmul minn żewġ entitajiet awtonomi : d-DIIS u d-DIHR, iż-żewġ istituti u ċ-Ċentru li jużaw l-istess bini.

56     Fir-rigward ta’ l-amministrazzjoni taż-żewġ istituti, kif irrilevat il-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, l-Artikolu 2 ta’ l-istatut taċ-Ċentru jgħid li dan ta’ l-aħħar "jipprovdi amministrazzjoni konġunta għall-finanzi, għar-riżorsi umani, għall-amministrazzjoni, għas-servizzi komuni kif ukoll il-biblijoteka komuni għaż-żewġ istituti". Għalhekk, is-servizzi amministrattivi, bħalma huma s-salarji u t-tmexxija tal-fatturi, huma pprovduti miċ-Ċentru, li jirċievi miż-żewġ istituti ħlas speċifiku bħala korrispettiv għas-servizzi li jagħti; dan ta’ l-aħħar huwa wkoll inkarigat li jirċievi l-ħlasijiet imħallsa favur l-istituti.

57     Min-naħa l-oħra, kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, teżisti rabta bejn l-istituti u l-kunsill ta’ amministrazzjoni taċ-Ċentru, peress li ċerti membri taċ-Ċentru huma nominati mid-DIIS u DIHR (sezzjoni 5, sub-sezzjoni 3, tal-liġi Daniża tas-6 ta’ Ġunju 2002). Skambju ta’ l-opinjonijiet dwar l-istrateġiji kummerċjali li għandhom jitwettqu miż-żewġ istituti jista’ iseħħ f’dan il-livell għoli ta’ l-istruttura. Din ir-rabta hija msaħħa mill-fatt, li jirriżulta wkoll mill-proċess, li l-kunsill ta’ amministrazzjoni taċ-Ċentru jiddiskuti t-tbassir operattivi taż-żewġ istituti.

58     Jirriżulta mill-premess li ż-żewġ istituti għandhom ikunu kkunsidrati bħala li strutturalment jagħmlu parti mill-istess grupp ġuridiku. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ċar ta’ evalwazzjoni meta applikat l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt, peress li din l-appartenenza strutturali tikkostitwixxi indizzju suffiċjenti ta’ riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-appaltaturi, u anki ta’ kunflitt ta’ interess. Minbarra dan, għandu jiġi kkostatat li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-elementi rilevanti tal-kriterju funzjonali ma jpoġġix fid-dubju l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

59     Fil-fatt f'dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kriterju funzjonali, jiġifieri ta’ l-indipendenza ta’ l-istituti fir-rigward taċ-Ċentru, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-awtonomija finanzjarja ta’ l-istituti hija relattivament limitata minħabba l-influwenza taċ-Ċentru. Fil-fatt, kif dan jirriżulta mill-proċess, id-DIIS u d-DIHR huma ffinanzjati in parti mill-fondi pubbliċi mogħtija liċ-Ċentru li jrid iqassamhom b'dan il-mod: sa 80 % għad-DIIS u sa 20 % għad-DIHR. Barra minn hekk, l-artikoli 4 u 15 ta’ l-istatut tad-DIIS jipprovdu li dan ta’ l-aħħar "jaqa' taħt l-awspiċi taċ-[Ċentru]" u li "il-kontijiet ta’ l-istitut huma kkontrollati bħala entità taċ-[Ċentru] mir-‘Rigsrevisor’". Bl-istess mod, il-kontijiet tad-DIHR għandhom ikunu approvati mill-kunsill ta’ amministrazzjoni taċ-Ċentru.

60     Għal dak li jirrigwarda l-awtonomija deċiżjonali ta’ l-istituti, ir-rikorrenti juru l-fatt li l-kunsilli ta’ amministrazzjoni ta’ l-istituti huma awtonomi fir-rigward taċ-Ċentru. Din l-allegazzjoni madankollu mhix suffiċjenti sabiex tannulla l-konstatazzjoni li d-DIIS u d-DIHR jappartjenu għall-istess grupp ġuridiku, peress li din l-appartenenza mhux neċessarjament teskludi awtonomija deċiżjonali ta’ l-entitajiet ġuridiċi differenti li jeżistu flimkien fi ħdan l-istess grupp.

61     Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti, li jipprovdi li l-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-istituti kienu jippossjedu patrimonji distinti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jippreżentaw elementi ta’ prova li jistgħu juru li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta rrilevat fid-deċiżjonijiet ikkontestati li l-assi ta’ l-istituti kienu jappartjenu għaċ-Ċentru. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-istituti kienu nieqsa minn personalità ġuridika ma tammontax għal żball manifest ta’ evalwazzjoni li twassal għall-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjonijiet ikkontestati żgur mhumiex ibbażati fuq in-nuqqas ta’ personalità ġuridika, peress li dan l-element mhuwa fl-ebda mument imsemmi f’dawn l-aħħar imsemmija. Min-naħa l-oħra, u kif turi b'mod suffiċjenti kif rikjest mil-liġi l-Kummissjoni fl-atti tagħha, anki jekk wieħed jissupponi li l-istituti għandhom personalità ġuridika proprja, l-appartenenza tad-DIIS u tad-DIHR għaċ-Ċentru jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt.

62     Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ċar ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha prinċipalment fuq kriterju strutturali. Il-fatt li hija setgħet titlob, inizzjalment, informazzjoni konnessa mal-kriterju funzjonali sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-kriterju strutturali ma jistax ibiddel din il-konstatazzjoni, meta l-Kummissjoni tkun wettqet analiżi approfondita taċ-ċirkostanzi tal-każ qabel ma tapplika l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt.

63     Konsegwentement, l-ilment li jipprovdi li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju taċ-ċertezza legali meta ddeċidiet tagħżel kriterju strutturali mhux fondat. Minbarra dan, is-suppressjoni ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt tas-sejħa għall-offerti ulterjuri ma jaffettwax is-soluzzjoni ta' din il-kawża, peress li l-legalità ta’ att trid tiġi evalwata abbażi ta’ l-elementi ta' fatt u ta' dritt li jeżistu fid-data meta hija ttieħdet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑449/98 P, Ġabra p. I‑3875, punt 87 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Altmann et vs Il-Kummissjoni, T‑177/94 u T‑377/94, Ġabra p. II‑2041, punt 119).

64     Fir-rigward tan-natura allegatament sproporzjonata u inadegwata ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt, ir-rikorrenti indikaw, fis-seduta, li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt kien wiesa’ wisq, u setgħa jkopri sitwazzjonijiet li fihom ma kien jirriżulta ebda kunflitt ta’ interess ta’ appartenenza strutturali. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, meħud in kunsiderazzjoni l-poter wiesa’ ta’ evalwazzjoni li tgawdi minnu l-Kummissjoni u n-neċessità li jiġu ffisati minn qabel regoli ċari u li jinftehmu fl-avviż ta’ l-appalt, il-Kummissjoni ma eċċeditx b’mod ċar il-poter tagħha meta ddeċidiet dwar il-kontenut ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt u meta applikatu għall-offerti tar-rikorrenti. B’mod partikulari, hija ma qabżitx il-limiti ta’ dan il-poter meta stipulat f'dan l-Artikolu 13 li l-appartenenza tal-persuni ġuridiċi għall-istess grupp ġuridiku kien iwassal għall-esklużjoni tagħhom mill-aġġudikazzjoni.

65     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, b’mod qawwi ħafna, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C‑21/03 u C‑34/03, Ġabra p. I‑1559, punt 36), li kandidat jew appaltatur ma jistax ikun eskluż b’mod awtomatiku minn proċedura ta’ sejħa għall-offerti mingħajr ma tkun ingħatatlu l-possibbiltà li jesprimi ruħu fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw esklużjoni bħal din.

66     F'din il-kawża, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fit-twettiq tal-poter wiesa’ ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni ppermettit lir-rikorrenti li jispeċifikaw fid-dettall u f’diversi okkazjonijiet ir-rabta li taqgħad iż-żewġ istituti maċ-Ċentru qabel ma tiġi konkluża l-appartenenza strutturali taż-żewġ istituti għall-istess grupp ġuridiku u li jiġi applikat l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt. Għalhekk, l-esklużjoni definittiva tar-rikorrenti mill-proċedura tas-sejħa għall-offerti ġie deċiż biss wara li dawn kellhom il-possibbiltà li jaqsmu l-perspettiva tagħhom fir-rigward tar-rabtiet eżistenti bejn id-DIIS u d-DIHR. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma applikatx b’mod awtomatiku d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt. Għalhekk, iċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami huma differenti minn dawk li wasslu għas-sentenza Fabricom, iċċitata iktar ’il fuq. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti fir-rigward tan-natura sproporzjonata jew inadegwata ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt għandu jiġi respint.

67     Jirriżulta mill-premess li, fir-rigward ta’ l-appartenenza strutturali tad-DIIS u tad-DIHR għaċ-Ċentru, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ċar ta’ evalwazzjoni u ma kisritx il-prinċipju taċ-ċertezza legali meta kkunsidrat li ż-żewġ istituti bħala jagħmlu parti mill-istess grupp ġuridiku u meta applikat l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt. Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt u ta’ l-Artikolu 14 ta’ l-istruzzjonijiet lill-appaltaturi

 L-Argumenti tal-partijiet

68     TEA-CEGOS u STG ifakkru li, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 14 ta’ l-istruzzjonijiet lill-appaltaturi, l-iffirmar tal-kuntratt ta’ qafas ma’ l-appaltatur magħżul kien suġġett għall-għoti tad-dokumenti supplimentari intiżi sabiex tiġi murija l-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-appaltatur waqt il-proċedura tas-sejħa għall-offerti. Konsegwentement, id-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt kellha tiġi ddikjarata nulla u bħala li ma seħħitx biss fis-sitwazzjoni fejn l-appaltatur magħżul ma kienx fil-pożizzjoni li jipproduċi l-imsemmija dokumenti jew kien ikkomunika informazzjoni żbaljata waqt il-proċedura tas-sejħa għall-offerti.

69     Hija ssostni li, f’dan il-każ, il-konsorzju TEA-CEGOS, minn naħa, b’mod konformi mad-domanda magħmula f’ittra ta’ l-20 ta’ Mejju 2005 (ara punt 13 iktar ’il fuq), bagħat id-dokumenti mitluba f’terminu ta’ ħmistax-il jum kalendarju u, min-naħa l-oħra, ma forna l-ebda informazzjoni falza, peress li l-appartenenza tad-DIHR għaċ-Ċentru kienet isemmiet fil-proposta tal-kandidatura. Konsegwentement, TEA-CEGOS u STG isostnu li l-provi meħtieġa kienu debitament forniti, skond l-Artikolu 14 ta’ l-istruzzjonijiet lill-appaltaturi. Minbarra dan, TEA-CEGOS u STG kkunsidraw li l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt ma setax ikun applikabbli wara li kienet ittieħdet deċiżjoni ta’ attribuzzjoni. L-uniċi motivi li għalihom id-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni setgħat tiġi rtirata setgħu ikunu dawk previsti fl-Artikolu 14 ta’ l-istruzzjonijiet lill-appaltaturi, li jidhru fil-punt 2.3.3 tal-Gwida Prattika.

70     Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti. Skond hi, l-ittri ta’ l-20 ta’ Mejju 2005 ma jistgħux jiġu kkomparati ma' deċiżjonijiet li jattribwixxu b’mod definittiv il-kuntratt lir-rikorrenti, peress li l-għoti hija suġġetta għall-għoti tad-dokumenti li juru li r-rikorrenti mhumiex f’sitwazzjoni li tikkorrispondi mal-kawżi ta’ esklużjoni. Issa, il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti mressqa juru nuqqas ta' osservanza, mir-rikorrenti, ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

71     Għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjonijiet ta’ l-20 ta’ Mejju 2005 jindikaw espressament li l-iffirmar tal-kuntratt ta’ qafas huwa suġġett għall-prova li trid tingħata mir-rikorrenti li huma mhumiex fl-ebda mis-sitwazzjonijiet li jikkorrispondu għall-kawżi ta’ esklużjoni previsti fil-punt 2.3.3 tal-Gwida Prattika. Minbarra dan, jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 14 ta’ l-istruzzjonijiet lill-appaltaturi li huma l-kandidati magħżula li jridu juru l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet tagħhom. Konsegwentement, l-għoti ta’ kuntratt huwa suġġett għall-għoti ta’ l-elementi li jistgħu juru l-veraċità ta’ l-informazzjoni mressqa mir-rikorrenti meta jitfgħu l-offerta tagħhom u għall-verifika mill-Kummissjoni li l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt huwa rrispettat.

72     Fil-fatt, u kif intqal qabel (punt 51 iktar ’il fuq), l-osservanza ta’ l-Artikolu 13 jikkundizzjona l-validità ta’ l-offerti kollha u l-Kummissjoni setgħet tapplika dan l-artikolu fi stadju avvanzat tal-proċedura, għal inqas sal-mument ta’ l-eżami tal-provi previsti fil-punt preċedenti. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti, li l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt ma setgħax japplika wara li kienet ittieħdet deċiżjoni ta’ għoti, mhuwiex fondat.

73     Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nuqqas ta’ diliġenza

 L-Argumenti tal-partijiet

74     TEA-CEGOS u STG ifakkru li l-Kummissjoni kienet taf, sa mill-proposta tal-kandidatura dwar l-appartenenza tad-DIHR għaċ-Ċentru. Jekk il-Kummissjoni kellha xi mistoqsijiet dwar il-portata ta’ l-appartenenza tad-DIHR għaċ-Ċentru, hija kellha tistaqsi lill-konsorzju TEA-CEGOS waqt il-proċedura tas-sejħa għall-offerti u mhux wara li hi ddeċidiet li tagħtiha l-kuntratt. Meta naqset li tagħmel dan, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba. Hi kellha wkoll tirrispondi għall-ittri tal-konsorzju TEA-CEGOS tat-22 u tal-25 ta’ Lulju 2005, haġa li għamlet biss wara li ġiet mitluba minn TEA-CEGOS. Konsegwentement, skond huma, jeħtieġ li tiġi kkundannata l-leġġerezza li permezz tagħha l-Kummissjoni pproċediet, din l-attitudni tinsab fl-informazzjoni diverġenti fuq is-sit tagħha ta’ l-Internet rigward l-appaltaturi magħżula għal-lott Nru 7.

75     Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm huwa veru li d-DIHR kien indika r-rabta eżistenti mad-DIIS, id-DIIS ma għamilx dikjarazzjoni f’dan is-sens. Konsegwentement, is-sistema informatika li kien hemm fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika ksur eventwali ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt. Informata minn terz dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn id-DIHR u d-DIIS, il-Kummissjoni b’hekk irreaġixxiet billi staqsiet lir-rikorrenti dwar dan il-punt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata għal nuqqas eventwali ta’ diliġenza. Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li hija rrispondiet malajr għad-domandi tar-rikorrenti magħmula fit-22 u fil-25 ta’ Lulju 2005, u fis-27 ta’ Lulju 2005, fejn indikatilhom b’mod partikulari li hija kienet ser tikkunsidra r-rimarki tagħhom u li kienet ser tinfurmahom dwar dak li kienet ser tiddeċiedi fl-iqsar żmien possibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

76     Jirrizulta mill-ġurisprudenza li, fost il-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi, jidher b’mod partikolari l-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu ta' l-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ in eżami (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14 ; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T‑44/90, Ġabra p. II‑1, punt 86, u tal-11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il-Kunsill, T‑70/99, Ġabra p. II‑3495, punt 182). Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija marbuta li tosserva, f’kull fażi ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti, r-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u, konsegwentement, l-opportunitajiet ugwali ta’ l-appaltaturi kollha (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra p. I‑3801, punt 108, u s-sentenza ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 164).

77     F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti, fl-20 ta’ Mejju 2005, li l-offerti tagħhom kienu ġew magħżula għal-lott Nru 7 bil-kundizzjoni li r-rikorrenti jfornu d-dokumenti li juru li huma ma kinux fl-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet korrispondenti għall-kawżi ta’ esklużjoni previsti fil-punt 2.3.3 tal-Gwida Prattika.

78     Għandu jiġi kkonstatat li d-DIHR indika l-appartenenza tiegħu għaċ-Ċentru mal-proposta ta’ kandidatura tal-konsorzju TEA-CEGOS, billi semma wkoll li wieħed mill-imsieħba tiegħu kien id-DIIS. Min-naħa tiegħu, id-DIIS iddikjara li hu ma jappartjeni għal ebda grupp jew netwerk. Issa, jekk id-DIIS verament kien jikkunsidra li ma kienx jappartjeni għal grupp ġuridiku, huwa kellu għall-inqas jinforma lill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ l-informazzjoni mitluba fil-formola tad-dikjarazzjoni, li kellu rabtiet maċ-Ċentru u li kien jagħmel parti minn netwerk, peress li l-istatut taċ-Ċentru jipprovdi speċifikament li d-DIIS huwa wieħed mill-entitajiet tiegħu.

79     Għalkemm id-dikjarazzjoni tad-DIIS hija żbaljata, għandu jiġi rrilevat li l-offerta teknika ppreżentata mill-konsorzju GHK kienet tindika l-isem tal-membri differenti tal-Konsorzju u li d-DIIS kien imsemmi fit-tielet pożizzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet tinduna li d-dikjarazzjoni tad-DIIS ma kenitx eżatta. Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni ma ndunatx dwar l-appartenenza ta’ l-istituti għaċ-Ċentru ħlief fi stadju avvanzat tal-proċedura huwa mingħajr effett fuq is-soluzzjoni ta' din il-kawża, minħabba li, anki f’din il-fażi, l-offerta tal-konsorzju GHK kellha tiġi eskluża b’mod konformi ma’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt.

80     Fi kwalunkwe każ, il-kumplessità inerenti għad-diversità fl-informazzjoni ppreżentata fil-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti jista’ jispjega li l-Kummissjoni ma ndunatx bl-eżistenza ta’ l-appartenenza għaċ-Ċentru ħlief meta ż-żewġ offerti ntagħżlu kundizzjonalment. Fil-fatt, huwa biss f’dan l-istadju tal-proċedura li r-rikorrenti sabu ruħhom taħt l-obbligu li jagħtu d-dokumenti li jiġġustifikaw il- veraċità tad-dikjarazzjonijiet inizzjali tagħhom. Isegwi li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba billi qajmet id-domanda dwar l-appartenenza ta’ l-istituti għaċ-Ċentru biss wara l-aċċetazzjoni kundizzjonata ta’ l-offerta tal-konsorzju GHK.

81     Fir-rigward tat-tmexxija tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, sa mit-22 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni talbet lill-TEA‑CEGOS jispjega r-rabta li taqgħad lid-DIHR maċ-Ċentru u talbet lil GHK International li tagħtiha spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ l-istatut ġuridiku tad-DIIS. Wara li rċeviet l-informazzjoni mogħtija minn TEA-CEGOS, il-Kummissjoni talbitu fis-27 ta’ Ġunju 2005, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2005, jagħti informazzjoni supplementari. Barra minn hekk, jirriżulta mill-fatti li, bejn it-18 ta’ Lulju u t-12 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni kienet f’kuntatt kostanti mar-rikorrenti u b’mod partikulari indikatilhom li hija kienet ser terġa teżamina xi elementi ppreżentati u kienet ser tgħidilhom fl-iqsar żmien possibbli l-pożizzjoni finali li hija kienet ser tadotta. Minbarra dan, il-Kummissjoni ppruvat tirrispondi minnufih għat-talbiet tar-rikorrenti, b’mod partikulari billi infurmat lill-avukati ta’ TEA-CEGOS dwar l-istat tal-proċedura tat-13 ta’ Settembru 2005, peress li dawn ta’ l-aħħar kienu urew ix-xewqa tagħhom li jkunu jafu dan fit-8 ta’ Settembru 2005.

82     Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni kontradittorja li jingħad li ġiet mogħtija fis-sit ta’ l-Internet ta’ EuropeAid, għandu jiġi kkonstatat li l-ismijiet ta’ l-appaltaturi magħżula u msemmija fuq l-imsemmi sit kienu dawk li kienu magħżula kundizzjonalment mill-Kummissjoni. Għalhekk kien jagħmel sens li l-ismijiet tar-rikorrenti kienu jidhru, peress li kien biss fil-mument fejn dawn l-aħħar imsemmija kellhom juru l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet tagħhom, f’dan il-każ wara d-deċiżjonijiet ta’ l-20 ta’ Mejju 2005, li l-appartenenza tad-DIIS u tad-DIHR għaċ-Ċentru deher b’mod ċar u inekwivoku. La darba ġew adottati d-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2005, tneħħew l-ismijiet tar-rikorrenti minn dan is-sit, u dan mill-25 ta’ Lulju 2005.

83     Jirriżulta mill-premess li r-rikorrenti ma urewx li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba u li kienet naqset mid-dover tagħha ta’ diliġenza b’mod li l-ilmenti tagħhom huma, fi kwalunkwe każ, infondati. Għalhekk, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq revoka retroattiva tad-deċiżjonijiet ikkontestati u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ l-aspetattiva leġittima

 L-Argumenti tal-partijiet

84     TEA-CEGOS u STG kkunsidraw li d-deċiżjoni kkontestata minnhom tannulla d-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Mejju 2005 li tagħti l-kuntratt lill-konsorzju TEA-CEGOS, li fir-realtà kienet tikkostitwixxi revoka retroattiva ta’ att amministrattiv. Issa, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li r-revoka retroattiva ta’ att amministrattiv favorevoli hija suġġetta għall-kundizzjonijiet stretti ħafna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 1978, Herpels vs Il-Kummissjoni, 54/77, Ġabra p. 585, punt 38). Huma jindikaw wkoll li, skond ġurisprudenza stabbilita, jekk jeħtieġ li jiġi rikonoxxut lil kull istituzzjoni Komunitarja li tikkonstata li l-att li hija tkun għadha kif adottat huwa vizzjat minn illegalità, id-dritt li jiġi rrevokat fi żmien raġonevoli b’effett retroattiv; dan id-dritt jista’ isib ruħhu limitat min-neċessità li tiġi rrispettata l-aspetattiva leġittima tal-benefiċjarju ta’ l-att li setgħa jafda fil-legalità ta’ dan (sentenza tal-Qorti tas-17 ta’ April 1997, de Compte vs Il-Parlament, C‑90/95 P, Ġabra p. I‑1999, punt 35).

85     TEA-CEGOS u STG isostnu li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni inizzjali mhix illegali u għalhekk ma kelliex tiġi revokata. Kieku wieħed kellu jqis li din id-deċiżjoni kienet illegali, li fil-fehma tagħhom ma kienx il-każ, ir-revoka tagħha ma kinitx tkun tista’ tiġi deċiża ħlief jekk tissodifa l-kundizzjonijiet żviluppati għal dan il-għan mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. Issa, it-talba għall-spjegazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-rabtiet bejn id-DIHR u ċ-Ċentru kienet saret biss fit-22 ta’ Ġunju 2005, għalkemm hija kellha sa mix-xahar ta’ Ottubru 2004 id-dikjarazzjoni tad-DIHR. Kien biss wara madwar xahrejn wara d-deċiżjoni favorevoli ta’ l-20 ta’ Mejju 2005 li din ġiet irrevokata. Il-konsorzju TEA-CEGOS kienet xorta ħadet ħsieb li tirrispondi d-domandi tal-Kummissjoni bħalma kienu fformulati fil-faks tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2005. Iżda, id-deċiżjoni kkontestata minnha tibbaża fuq motivi li ma jikkorrispondux għal dawn id-domandi. B’hekk, TEA-CEGOS u STG jikkunsidraw li huma setgħu leġittimament jaħsbu li l-elementi mressqa għall-konoxxenza tal-Kummissjoni ma kinux ser jerġgħu jitqajmu dubji dwarhom u ma setgħux ikunu l-bażi ta’ deċiżjoni li terġa titratta l-għoti tal-kuntratt. Għalhekk, dawn ta’ l-aħħar iqisu li setgħu jafdaw fil-legalità tad-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Mejju 2005 u setgħu jippretendu li din id-deċiżjoni kienet ser tinżamm fis-seħħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aspettattiva leġittima tagħhom ġiet injorata, kif ukoll l-kundizzjonijiet li fihom att amministrattiv jista’ jiġi rrevokat.

86     Il-Kummissjoni ssostni li l-ittri ta’ l-20 ta’ Mejju 2005 jipprovdu li r-rikorrenti jkunu magħżula bil-kunidzzjoni li huma jfornu d-dokumenti meħtieġa skond l-Artikolu 14 ta’ l-istruzzjonijiet lill-appaltaturi. Konsegwentement, hija tqis li l-imsemmija ittri ma kinux jikkonsistu f'deċiżjoni, iżda sempliċement informazzjoni dwar l-intenzjoni kundizzjonali tal-Kummissjoni li taċetta l-offerti tar-rikorrenti. Hija żżid li, peress li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jressqu l-prova li ż-żewġ istituti kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-avviż ta’ l-appalt, il-kuntratt, fl-ebda każ, ma seta' jiġi attribwit lilhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

87     Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li r-revoka retroattiva ta’ att amministrattiv favorevoli huwa ġeneralment suġġett għal kundizzjonijiet stretti ħafna (sentenza Herpels vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). Skond ġurisprudenza kostanti, jekk jeħtieġ li jiġi rikonoxxut lil kull istituzzjoni Komunitarja li tikkonstata li l-att li hija tkun għadha kif adottat huwa vizzjat minn illegalità, id-dritt li tirrevokah fi żmien raġonevoli b’effett retroattiv, dan id-dritt jista’ jsib ruħhu limitat min-neċessità li tiġi rrispettata l-aspetattiva leġittima tal-benefiċjarju ta’ l-att li setgħa jafda fil-legalità ta’ dan (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steelvs Il-Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punti 10 sa 12; tas-26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il-Kummissjoni, 15/85, Ġabra p. 1005, punti 12 sa 17; ta’ l-20 ta’ Ġunju 1991, Cargill vs Il-Kummissjoni, C‑248/89, Ġabra p. I‑2987, punt 20; Cargill, C‑365/89, Ġabra p. I‑3045, punt 18, u ta’ Compte vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

88     Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, id-dritt li wieħed jeżiġi l-protezzjoni ta’ l-aspetattiva leġittima, li tikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità, jestendi għal kull individwu li jinsab f’din is-sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi ttih assigurazzjonijiet preċiżi, nibbet fih speranzi fondati. Jammontaw għal tali assigurazzjonijiet, tkun xi tkun il-forma li taħtha jkunu kkomunikati, spjegazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u li jaqblu u li ġejjin minn sorsi awtorizzati u li wieħed jista’ joqgħod fuqhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-21 Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1305, punti 104 sa 107). Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li ngħatawlu mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T‑290/97, Ġabra p. II‑15, punt 59, u tad-19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, T‑273/01, Ġabra p. II‑1093, punt 26).

89     F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwelnett, ta’ l-argument tar-rikorrenti dwar ir-revoka ta’ att amministrattiv, hemm lok li jiġi mfakkar li d-deċiżjonijiet ta’ l-20 ta’ Mejju 2005 kienu atti suġġetti għal xi kundizzjonijiet. Fil-fatt, l-iffirmar tal-kuntratt ta’ qafas għal-lott Nru 7 previst mid-deċiżjonijiet ikkontestati kien suġġett għall-kundizzjoni li r-rikorrenti jressqu l-prova li huma ma kinux f’waħda mis-sitwazzjonijiet korrispondenti għall-kawżi ta’ esklużjoni previsti fil-punt 2.3.3 tal-Gwida Prattika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li n-nuqqas ta' attribuzzjoni tal-kuntratt lir-rikorrenti ma jirriżultax mir-revoka ta’ deċiżjoni li tassenjalhom l-imsemmi kuntratt, iżda minħabba li r-rikorrenti ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet li għalihom deċiżjoni bħal din hija suġġetta. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti fuq dan il-punt huwa bla effett.

90     Fir-rigward tal-ksur ta’ l-aspetattiva leġittima allegata mit-TEA‑CEGOS u STG, id-deċiżjonijiet ta’ l-20 ta’ Mejju 2005 ma jinkludux assigurazzjonijiet preċiżi fir-rigward tal-fatt li l-kuntratt ta’ qafas ser ikun iffirmat f’kull każ u għalhekk ma setgħux inibbtu fir-rikorrenti speranzji fondati f’dan is-sens, peress li huma indikaw speċifikament li l-iffirmar tal-kuntratt ta’ qafas kienet suġġetta għall-produzzjoni mir-rikorrenti tal-prova li din ma kinitx tinsab fl-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet korrispondenti għall-kawżi ta’ esklużjoni previsti fil-punt 2.3.3 tal-Gwida Prattika. Jirriżulta minn dan li l-argumenti relattivi għall-ksur ta’ l-aspetattiva leġittima mressqa mir-rikorrenti mhumiex fondati.

91     Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. Isegwi li dawn ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

92     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jigu kkundannati jbatu l-ispejjez, inkluzi dawk relatati mal-procedura sommarja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeciedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż, inklużi dawk konnessi mal-proċeduri sommarji.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta’ Frar 2006.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.