Language of document : ECLI:EU:T:2006:59

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

tat-22 ta’ Frar 2006(*)

"Għajnuna ta’ l-Istat – Kunċett ta’ parti interessata – Intimazzjoni sabiex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet – Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE– Miżura ta’ tnaqqis fiskali għal ċerti investimenti extra-Ewropej – Għajnuna għal żvilupp marbut mal-kostruzzjoni ta’ bastimenti – Evalwazzjoni fir-rigward ta’ l-Artikolu 87(1) KE – Obbligu ta’ motivazzjoni"

Fil-kawża T-34/02,

EURL Le Levant001, stabbilita f’Parġi (Franza), u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness ta’ din is-sentenza, irrappreżentati minn P. Kirch u N. Chahid-Nouraï, Avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Rozet, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2001/882/KE tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Lulju 2001, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat implimentata minn Franza fil-forma ta’ għajnuna għall-iżvilupp għall-bastiment tal-kruċieri Le Levant mibni minn Alstom Leroux Naval u destinat li jintuża f’Saint-Pierre-et-Miquelon (ĠU L 327, p. 37),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn B. Vesterdorf, President, J. D. Cooke, R. García‑Valdecasas, I. Labucka u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-‘Loi Pons’ u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet abbażi ta’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE

1       L-għajnuna in kwistjoni taqa’ taħt il-miżuri ta’ tnaqqis ta’ taxxa għal ċerti investimenti extra-Ewropej inizjalment stabbiliti mil-liġi Franċiża tal-11 ta’ Lulju 1986 (Liġi Nru 86‑824 li tipprovdi rettifika għal-liġi finanzjarja għall-1986, JORF tat-12 ta’ Lulju 1986, p. 8688), magħrufa bħala il-"loi Pons".

2       Fit-13 ta’ Awwissu 1992, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw dawn il-miżuri lill-Kummissjoni, sabiex hija tkun tista’ tagħti deċiżjoni fuq il-kompatibbiltà tagħhom mar-regoli applikabbli għall-għajnuniet ta’ l-Istat.

3       Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 1993, il-Kummissjoni infurmat lill-Gvern Franċiż bid-deċiżjoni tagħha li ma tqajjimx oġġezzjonijiet abbażi ta’ l-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87 KE) u ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88 KE) fir-rigward tal-miżuri fiskali previsti mil-loi Pons.

 Id-Direttiva tal-Kunsill 90/684/KEE fuq l-għajnuna għall-kostruzzjoni tal-bastimenti

4       Id-Direttiva tal-Kunsill 90/684/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1990, fuq l-għajnuna għall-kostruzzjoni tal-bastimenti (ĠU L 380, p. 27, iktar ’il quddiem is-"Seba’ Direttiva"), tipprovdi regoli speċifiċi applikabbli għall-għajnuna għal dan is-settur, li jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali msemmija fl-Artikolu 92(1) tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 87(1) KE). L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Seba’ Direttiva ġiet estiża permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3094/95 tat-22 ta’ Diċembru 1995 (ĠU L 332, p. 1), u r-Regolament tal-Kunsill Nru 1904/96, tas-27 ta’ Settembru 1996 (ĠU L 251, p. 5); it-tnejn jitrattaw l-għajnuna għall-kostruzzjoni tal-bastimenti.

5       Fil-Kapitolu II, intitolat "Għajnuna għall-Operat", l-Artikolu 4(1) tas-Seba’ Direttiva jipprovdi li "l-għajnuna għall-produzzjoni favur il-kostruzzjoni u l-konverżjoni tal-bastimenti jista’ jitqies bħala kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni li l-ammont totali ta’ l-għajnuna konċessa għal kuntratt ma jaqbiżx, bħala ekwivalenti ta’ l-għoti, limitu massimu komuni espress bħala persentaġġ tal-valur kuntrattwali qabel l-għajnuna, minn hawn ’il quddiem imsemmija il-‘limitu’" [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

6       Skond l-Artikolu 4(7) tas-Seba’ Direttiva :

"L-għajnuniet marbuta mal-kostruzzjoni u l-konverżjoni tal-bastimenti, konċessi bħala għajnuna għall-iżvilupp lil pajjiż li qed jiżviluppa, mhumiex suġġetti għal-limitu. Huma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq komuni jekk huma konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti għal dan il-għan mill-grupp ta’ ħidma Nru 6 ta’ l-Organizzazjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) fil-ftehim tiegħu dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 6, 7 u 8 ta’ l-Arranġament [dwar il-krediti għall-esportazzjoni tal-bastimenti tat-3 ta’ Awwissu 1981], jew għal kull addendum jew korriġendum ulterjuri għal imsemmi ftehim.

Kull proposta ta’ għajnuna individwali ta’ dan it-tip għandha tiġi nnotifikat minn qabel lill-Kummissjoni. Hija tivverifika l-parti speċifika ta’ l-għajnuna proposta li tirrigwarda l-’iżvilupp’ u tassigura li din l-għajnuna taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim imsemmi fl-ewwel paragrafu."

 Dispożizzjonijiet rigward il-proċedura amministrattiva

7       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU L 83, p. 1), daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1999.

8       L-Artikolu 1(h) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi lill-"parti interessata" bħala "kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ".

9       L-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżuri li jiġu nnotifikati lilha u fejn, wara eżami preliminari, issib li tqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni. Skond l-Artikolu 26(2) ta’ dan l-istess regolament, "[i]l-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali [...] id-deċiżjonijiet li tieħu skond l-Artikolu [4(4)] fil-verżjoni tal-lingwa awtentika tagħhom".

10     Skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, dwar il-Proċedura ta’ investigazzjoni formali :

"Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor [i]l-kwistjonijiet r[i]levanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil[l-]partijiet interessati [l-]oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt."

11     L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jirrigwarda l-irkupru ta’ għajnuna, jgħid :

"Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna [i]llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju [...] Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ [l-i]rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal[l-]prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità."

 Fatti li wasslu għall-kawża u l-proċeduri

 Deskrizzjoni tat-tranżazzjoni Le Levant

12     Kif jirriżulta mid-deskrizzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet Franċizi lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, it-tranżazzjoni in kwistjoni (iktar ’il quddiem it-"tranżazzjoni Le Levant") kienet tikkonsisti f’li jiġi żgurat fil-kuntest tal-loi Pons, il-finanzjament u l-użu tal-bastiment tal-kruċieri Le Levant, għal perijodu ta’ madwar seba’ snin, minn persunu fiżiċi investituri, permezz ta’ kumpannija b’membru wieħed b’responsabbiltà limitata (EURL), ikkostitwita esklussivament għal dan il-għan u miġbura flimkien fi ħdan komproprjetà marittima.

13     L-interess ta’ l-investituri sabiex jidħlu f’din it-tranżazzjoni tirriżulta mill-possibbiltà mogħtija lilhom li jnaqqsu mid-dħul taxxabbli tagħhom, permezz tal-mekkaniżmu stabbilit mil-loi Pons, il-prezz ta’ l-investiment magħmul u l-ispejjeż marbuta max-xiri tiegħu (interessi finanzjarji) u ż-żamma tagħha (deprezzament) kif ukoll it-telf eventwali li jirriżulta mill-użu tagħha.

14     L-aspetti ġuridiċi u finanzjarji tat-tranżazzjoni Le Levant hija deskritta mill-awtoritajiet Franċiżi b’dan il-mod. Fid-9 ta’ Diċembru 1996, bank Franċiż importanti (iktar ’il quddiem il-"Bank") ikkostitwixxa l-komproprjetà tal-bastiment Le Levant, maqsuma f’740 sehem ta’ komproprjetà, jew "sehem fil-bastiment". It-tmexxija ta’ din il-komproprjetà kienet ġiet fdata lill-Compagnie des îles du Levant (iktar ’il quddiem is-"CIL"), fil-kuntest ta’ mandat li għandu bħala għan, b’mod partikulari, il-firma ta’ kuntratt ta’ kostruzzjoni mal-kostrutturi tal-bastimenti Alstom Leroux Naval u t-tmexxija ta’ l-użu tal-bastiment. Fl-1997, xi persuni fiżiċi kkreaw, għal kull wieħed minnhom, EURL. Il-Bank biegħ lill-dawn ta’ l-aħħar l-ishma fil-bastiment permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti. Għal seba’ snin, is-CIL kellha tassumi l-użu, il-manteniment u t-tmexxija teknika u kummerċjali tal-bastiment għall-komproprjetà marittima. Min-naħa l-oħra, is-CIL intrabtet ma’ l-investituri billi assiguratilhom gross minimu li jirriżulta mill-użu u li tagħmel tajjeb għat-telf eventwali li jkun għola mill-estimi. Bħala rimunerazzjoni għall-mandat tagħha, is-CIL kellha tirċievi kull sena, b’mod partikulari, persentaġġ tad-dħul kollu tal-komproprjetà, għat-tmexxija tal-bastiment, persentaġġ tal-profitt gross ta’ l-operat, għall-garanzija rigward l-użu, u somma waħda, għat-tmexxija tal-komproprjetà.

15     Il-Bank intrabat, favur l-investituri, li jixtri l-ishma fl-EURL qabel il-15 ta’ Diċembru 2003. Barra minn hekk, kull EURL intrabtet li ċċedi lill-Bank l-ishma tagħha fil-bastiment qabel id-29 ta’ Frar 2004. Fl-istess waqt, is-CIL intrabtet li terġa’ tixtri mingħand il-Bank l-ishma kollha fil-bastiment, qabel il-31 ta’ Jannar 2004, u din ta’ l-aħħar intrabtet li ċċedihom lilu qabel id-29 ta’ Frar 2004.

 Proċedura amministrattiva

16     Fl-aħħar tas-sena 1998, il-Kummissjoni saret taf mill-istampa, li l-bastiment Le Levant, mibni fi Franza minn Alstom Leroux Naval għall-prezz kuntrattwali ta’ 228.55 miljun Frank Franċiż (FRF), kien ġie ffinanzjat permezz ta’ tnaqqis fiskali mogħti għal investimenti fit-territorji Franċiżi extra-Ewropej.

17     In segwitu ta’ investigazzjoni preliminari, li fiha l-Kummissjoni ġabret l-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Franċiżi, ippreżentati, b’mod partikulari, b’ittra tat-12 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni infurmat lil dawn l-awtoritajiet, b’ittra tat-2 ta’ Diċembru 1999, bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 88(2) KE għal dak li jirrigwarda l-għajnuna mogħtija minn Stat mhux innotifikata C 74/99 (ex NN 65/99) dwar għajnuna għal żvilupp mogħtija minn Franza favur Saint-Pierre-et-Miquelon (kostruzzjoni tal-bastimenti). Din id-deċiżjoni ġiet ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta’ Frar 2000 (ĠU C 33, p. 6, iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni li tinbeda l-proċedura"). Il-Kummissjoni wriet dubji fir-rigward ta’ l-Artikolu 4(7) tas-Seba’ Direttiva, inkwantu għall-importanza tal-parti li tirrigwarda "żvilupp" tal-proġett in kwistjoni. Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura kienet tistieden, minbarra dan, lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

18     L-awtoritajiet Franċiżi kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’ittri tat-12 ta’ Jannar u ta’ l-14 ta’ Ġunju 2000 u tas-27 ta’ April u tal-11 ta’ Ġunju 2001. Is-CIL ippreżentat ukoll l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva b’ittri tat-18 ta’ Novembru 1999 u tat-3 ta’ Marzu 2000.

19     Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2001, l-EURL Le Levant 114, waħda mill-EURL li kienu involuti fit-tranżazzjoni Le Levant, talbet lill-Kummissjoni tispjegalha l-pożizzjoni tagħha dwar l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji ta’ l-għajnuna li qed jiġu investigati. Hija talbet, b’mod partikulari, lill-Kummissjoni sabiex tikkonferma li hija ma kenitx parti interessata fil-proċedura amministrattiva li kienet qeda għaddejja.

20     Fin-nuqqas ta’ risposta bil-miktub min-naħa tal-Kummissjoni, l-EURL Le Levant 114 irtirat it-talba tagħha b’ittra tad-19 ta’ Lulju 2001. F’din l-ittra, hija indikat ukoll li hija kienet ġiet infurmata li l-Kummissjoni kienet ser tibda teżamina l-fajl fil-25 ta’ Lulju 2001 u talbet lill-Kummissjoni sabiex tkun mogħtija terminu raġonevoli sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-proċedura. Hija ressqet bosta raġunijiet sabiex issostni din it-talba, li tirreferi għall-aħħar frażi ta’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, u b’mod partikulari qalet li hija setgħet leġittimament tikkunsidra li mhijiex ikkonċernata mill-imsemmija proċedura fid-dawl ta’ l-indikazzjonijiet fornuti mid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura.

21     Permezz ta’ ittta ta’ l-24 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni rrispondiet għaż-żewġ ittri ta’ l-EURL Le Levant 114 fejn illimitat ruħha li tindika li t-terminu previst għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet mill-partijiet interessati kien ilu li għadda.

 Id-Deċiżjoni kkontestata

22     Fil-25 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/882/KE, tal-25 ta’ Lulju 2001, dwar l-għajnuna mogħtija minn Franza taħt forma ta’ għajnuna għall-iżvilupp għall-bastiment tal-kruċieri Le Levant mibni minn Alstom Leroux Naval u destinat li jintuża f’Saint-Pierre-et-Miquelon (iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-12 ta’ Diċembru 2001 (ĠU L 327, p. 37).

23     Skond id-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna ngħatat fl-1996 fl-okkażjoni ta’ l-akkwist tal-bastiment Le Levant minn grupp ta’ investituri privati li ffurmaw komproprjetà marittima fuq inizjattiva tal-Bank. Sussegwentement, il-bastiment ġie mikri lis-CIL, kumpannija sussidjarja ta’ kumpannija Franċiża, irreġistrata f’Wallis-et-Futuna, territorju Franċiż extra-ewropew. L-investituri kienu awtorizzati li jnaqqsu mid-dħul taxxabbli tagħhom l-investimenti tagħhom skond il-loi Pons, li stabbilixxiet sistema fiskali awtorizzata mill-Kummissjoni fl-1992. Dan it-tnaqqis fiskali ppermetta li s-CIL tuża l-bastiment taħt kundizzjonijiet favorevoli (premessi 5 u 6). L-għajnuna li ġejja mit-tnaqqis fiskali kienet tammonta għal 78 miljun FRF (11,9 miljun Euro) (premessa 7). L-investituri kellhom id-dritt u l-obbligu li jerġu jbiegħu l-ishma tagħhom wara ħames snin, jiġifieri fil-bidu ta’ l-2004. Is-CIL kellha wkoll id-dritt u l-obbligu li tixtri dawn l-ishma bi prezz li kien jippermetti l-irkupru tal-valur ta’ l-għajnuna. L-għajnuna kienet suġġetta għall-obbligu ta’ CIL li tuża l-bastiment għal perijodu minimu ta’ ħames snin, essenzjalment minn u lejn Saint-Pierre-et-Miquelon, għal 160 jum fis-sena (premessa 5).

24     Id-deċiżjoni kkontestata teżamina l-għajnuna in kwistjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(7) tas-Seba’ Direttiva, "peress li l-għajnuna mogħtija hija għajnuna marbuta mal-kostruzzjoni tal-bastimenti li ngħatat bħala għajnuna għall-iżvilupp fl-1996 fil-kuntest ta’ sistema ta’ għajnuna (il-loi Pons) awtorizzata fl-1992" (premessa 16). [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

25     Skond din id-deċiżjoni, jirriżulta minn dan l-eżami li t-tranżazzjoni Le Levant kienet tissodisfa l-kriterji ta’ l-għajnuna għal żvilupp definit mill-OECD; fatt li kien ġie spjegat mill-Kummissjoni fl-ittra tat-3 ta’ Jannar 1989 indirizzata lill-Istati Membri (premessi 18, 19 u 21).

26     Madankollu, skond il-prinċipju stabbilit mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑400/92, Ġabra p. I‑4701), li jipprovdi li l-Kummissjoni hija marbuta li tivverifika separatament l-osservanza tal-komponent li jirrigwarda "żvilupp" u l-osservanza tal-kriterji ta’ l-OECD, id-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra li t-tranżazzjoni Le Levant ma kinitx tinkludi komponent veru ta’ "żvilupp" fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata, meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-insuffiċjenza tar-riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali kkonstatati għal Saint-Pierre-et-Miquelon (premessi 20, 22 sa 33).

27     Konsegwentement, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li "l-għajnuna mogħtija mill-Istat implementata minn Franza fil-forma ta’ tnaqqis fiskali u bħala għajnuna għall-iżvilupp għall-bastiment Le Levant […] ma tistax titqies bħala għajnuna vera għall-iżvilupp fis-sens ta’ l-Artikolu 4(7) tas-[Seba’ Direttiva] u għalhekk hija inkompatibbli mas-suq komuni".

28     Fl-istadju tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju li mingħandu l-għajnuna inkompatibbli għandha tiġi rkuprata, id-deċiżjoni kkontestata tqis wieħed wieħed is-sitwazzjoni ta’ l-investituri, ta’ l-operatur tal-bastiment (is-CIL) u tat-tarzna.

29     Skond id-deċiżjoni kkontestata, il-benefiċjarji immedjati ta’ l-għajnuna huma l-investituri, li bbenefikaw mit-tnaqqis fiskali (premessa 35). Dwar dan in-punt, id-deċiżjoni tirrepeti l-argumenti ppreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi li jipprovdu li l-investituri kisbu vantaġġi permezz tat-tnaqqis fiskali u li huma kienu proprjetarji tal-bastiment fil-kuntest tal-komproprjetà (premessa 36). B’hekk, "mhemmx dubju li huma l-investituri, inkwantu l-benefiċjarji diretti u proprjetarji attwali tal-bastiment, li jridu jħallsu lura l-għajnuna" (premessa 39).

30     Fir-rigward ta’ l-operatur tal-bastiment (is-CIL), id-deċiżjoni kkontestata tinnota li l-investituri għandhom ikomplu jibbenefikaw mit-tnaqqis fiskali sal-mument tal-bejgħ tal-bastiment lis-CIL, jiġifieri sal-bidu tas-sena 2004, u li, skond l-informazzjoni disponibbli, il-prezz ta’ dan il-bejgħ jittrasferixxi l-għajnuna lill-operatur CIL. Konsegwentement, is-CIL tkun il-benefiċjarja prinċipali ta’ l-għajnuna, la darba l-bastiment ikun ġie mibjugħ lilha bi prezz vantaġġuż (premessa 36). Id-deċiżjoni kkontestata tgħid ukoll li "jekk il-bastiment ikun inbiegħ lis-CIL bi prezz aktar baxx minn dak tas-suq u jekk, minħabba f’dan il-fatt, l-għajnuna tkun ġiet ittrasferita lil din l-impriża, hija s-[CIL] li għandha tħallasha lura" u li "peress li t-trasferiment [m’għandux iseħħ] qabel nofs l-2003, l-operatriċi CIL ma tistax titqies bħala responsabbli għall-ħlas lura ta’ l-għajnuna f’dan l-istadju" (premessa 40).

31     Għal dak li jirrigwarda t-tarzna, id-deċiżjoni kkontestata tosserva li din ibbenefikat indirettament mill-għajnuna, safejn din ippermettitilha tikseb ordni li altrimenti ma setgħetx tirċievi (premessa 37). Għalhekk, id-deċiżjoni tqis li l-għajnuna m’għandhiex tiġi rkuprata mit-tarzna peress li ma tistax tinżamm responsabbli ta’ l-użu tal-bastiment wara l-kunsinna tiegħu u li r-regoli applikati fil-każ preżenti ma jaffettwawx lit-tarzna (premessa 41).

32     Konsegwentement, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tordna lir-Repubblika Franċiża sabiex tieħu l-miżuri kollha sabiex "tinterrompi u tirkupra mill-investituri, li huma l-benefiċjarji diretti ta’ l-għajnuna u l-proprjetarji attwali tal-bastiment, l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u mogħtija illegalment lill-benefiċjarji".

 Proċeduri ġurisdizzjonali

33     Fit-8 ta’ Ottubru 2001, Franza ressqet rikors għal annullament tad-Deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li permezz tiegħu hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-għajnuna in kwistjoni ma kenitx għajnuna għal żvilupp.

34     Fl-20 ta’ Frar 2002, l-EURL Le Levant 001 u r-rikorrenti l-oħra, persuni ġuridiċi u persuni fiżiċi, li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness, ressqu dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

35     Permezz ta’ att separat depożitat fit-23 ta’ April 2002, B u 255 rikorrenti oħra ppreżentaw talba għal deċiżjoni sommarja bil-għan li tiġi sospiża l-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm tittieħed deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors għal annullament u sabiex tiġi sospiża l-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun iddeċidiet fuq l-ewwel talba.

36     Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 2002, B vs Il-Kummissjoni (T‑34/02 R, Ġabra p. II‑2803), it-talba għal deċiżjoni sommarja ġiet miċħuda.

37     Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, il-kawża T‑34/02 ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġusitzzja li ġġib fit-tmiem l-istanza fil-kawża C‑394/01.

38     Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑394/01, Ġabra p. I‑8245), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors billi qalet li l-argumenti differenti ppreżentati mir-Repubblika Franċiża fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi maħluqa u r-riperkussjonijiet ekonomiċi mhumiex fondati jew ma kinux ippreżentati minn dan l-Istat Membru fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Is-sospensjoni tal-proċedura f’din il-kawża tneħħiet minħabba din is-sentenza.

39     Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet, fit-22 ta’ Ottubru 2004, lill-partijiet sabiex jippronunzjaw rwieħhom fuq żewġ domandi, li għalihom ir-rikorrenti rrispondew permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Novembru 2004 u l-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2004.

40     Fl-ewwel domanda tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-partijiet sabiex jindikaw jekk il-bejgħ tal-bastiment lis-CIL kienx seħħ, għal-liema prezz u jekk il-prezz kienx ippermetta li jiġi ttrasferit l-valur ta’ l-għajnuna.

41     Bħala risposta, ir-rikorrenti indikaw li l-bejgħ tal-bastiment Le Levant lis-CIL kien seħħ fit-2 ta’ Jannar 2004. F’din id-data, is-CIL kienet reġgħet xtrat lura s-738 sehem fil-bastiment li ma kinux proprjetà tagħha, għas-somma ta’ 17 731 821 Euro. Skond ir-rikorrenti, din is-somma ġiet stabbilita b’mod konformi mal-konvenji ta’ xiri u ta’ bejgħ konkluzi fil-bidu tat-tranżazzjoni u tikkorrispondi għal madwar 50 % tal-valur inizjali ta’ l-ishma tal-komproprjetà – li kienu inxtraw għal ammont totali ta’ 35 789 508 Euro. Sa mit-2 ta’ Jannar 2004, is-CIL kienet għalhekk saret il-proprjetarja sħiħa tas-740 sehem fil-bastiment li kienu jiffurmaw il-komproprjetà tal-bastiment Le Levant investigat mid-deċiżjoni kkontestata u din il-komproprjetà ġiet xolta.

42     Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni indikat li hija ma kellha l-ebda informazzjoni dwar il-prezz tal-bejgħ u rigward id-domanda dwar jekk dan kienx ippermetta li jiġi ttrasferit l-valur ta’ l-għajnuna.

43     Fit-tieni domanda tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-partijiet, jekk seħħx il-fatt li l-investituri ma kinux aktar il-proprjetarji attwali tal-bastiment Le Levant u li l-prezz tal-bejgħ tal-bastiment kien ttrasferixxa l-valur ta’ l-għajnuna lis-CIL, li jindika jekk l-għajnuna in kwistjoni setgħatx tkun irkuprata mill-investituri.

44     Bħala risposta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li huma jqisu li l-għajnuna in kwistjoni ma setgħetx tkun irkuprata aktar minnhom, peress li s-CIL kienet il-proprjetarja tal-bastiment Le Levant mit-2 ta’ Jannar 2004 u li s-CIL kienet il-benefiċjarja vera ta’ l-għajnuna in kwistjoni, minħabba li din il-kumpannija kienet ibbenefikat, bħala proprjetarja tal-bastiment u impriża attiva fis-suq, minn vantaġġ ekonomiku miksub barra mill-kundizzjonijiet normali tas-suq bis-saħħa ta’ l-intervent ta’ l-awtoritajiet Franċiżi. Konsegwentement, ir-rikorrenti jistaqsu jekk l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li abbażi tagħha Franza kellha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna mill-investituri, kienx għad għandha għan. Huma jgħidu li, kif issuġerit mid-deċiżjoni kkontestata stess fil-premessi 36 u 40, li l-Artikolu 2 tad-dispożittiv isir mingħajr għan fil-jum meta l-valur ta’ l-għajnuna jkun ittrasferit lill-CIL, operatur tal-bastiment. Ir-rikorrenti b’hekk jindikaw li, kieku huma żammew ir-rikors għal annulament, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet fi kwalunkwe każ tikkonstata li, indipendentement mill-motivi ta’ annullament, l-għajnuna in kwistjoni ma setgħetx tkun irkuprata mill-investituri privati skond d-deċiżjoni kkontestata stess.

45     Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija irrilevanti għall-kawża preżenti, li tittratta fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u li għalhekk trid tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li hija kellha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. It-tieni domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt tittratta l-problema ta’ l-implementazzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni li fil-kuntest tagħha huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jikkomunika mal-Kummissjoni, abbażi tal-kooperazzjoni amministrattiva, sabiex jinfurmaha b’kull domanda jew diffikultà li jista’ jkun hemm jew li tista’ tinqala’ waqt l-imsemmija implimentazzjoni.

46     Fis-16 ta’ Diċembru 2004, il-partijiet ġew mistiedna mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jattendu laqgħa informali quddiem il-President ta’ l-Ewwel Awla Estiża u quddiem l-Imħallef Relatur. Din il-laqgħa seħħet fil-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Jannar 2005.

47     Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-ewwel Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ġew mistiedna jippreżentaw ċerti dokumenti.

48     Permezz ta’ ittra tar-rikorrenti tad-9 ta’ Awwissu 2005 u permezz ta’ ittra tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Lulju 2005, il-partijiet ippreżentaw id-dokumenti mitluba mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

49     Instemgħet it-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tas-27 ta’ Settembru 2005.

 It-talbiet tal-partijiet

50     Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza :

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       sussidjarjament, tikkonstata li l-għajnuna in kwistjoni ma tistax tiġi rkuprata mill-investituri privati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

51     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza :

–       tiddikjara r-rikors bħala mhux fondat u tiċħad ir-rikors;

–       tordna li r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż, inkluzi dawk relatati mal-proċedura sommarja.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal dak li jirrigwarda ċerti rikorrenti

 1. Fuq il-poteri stabbiliti f’isem ċerti EURL

–       L-Argumenti tal-partijiet

52     Il-Kummissjoni tosserva li l-avukat tar-rikorrenti jintervjeni fil-kawża preżenti abbażi tal-mandati mogħti lilu, minn naħa, mill-maniġer tal-varji EURL rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, mis-soċju uniku ta’ kull waħda mill-EURL. F’dan il-kuntest, hija ssostni li l-mandati mogħtija lill-avukat mill-maniġers ta’ l-EURL differenti huma "ffirmati" permezz ta’ timbru u mhumiex datati. Minbarra dan, il-Kummissjoni tinnota li l-mandati mogħtija mis-soċju uniku ta’ għaxar EURL – l-EURL Le Levant 3, Le Levant 4, Le Levant 73, Le Levant 96, Le Levant 150, Le Levant 153, Le Levant 182, Le Levant 209, Le Levant 272 u Le Levant 273 – mhumiex datati. Hija ssostni ukoll li ma ngħata l-ebda mandat lill-avukat mis-soċji uniċi ta’ tmien EURL – l-EURL Le Levant 15, Le Levant 20, Le Levant 46, Le Levant 144, Le Levant 203, Le Levant 250, Le Levant 251 u Le Levant 269. Il-Kummissjoni tissottometti ruħha għall-ġudizzju tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq il-validità ta’ l-imsemmija mandati.

53     Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jimponu biss li tiġi ppreżentata prova li l-mandat ġie mogħti regolarment lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop mingħajr ma jimponu xi kundizzjonijiet ta’ forma partikulari. Issa, fil-każ preżenti, l-Kummissjoni ma tikkontestax l-fatt li l-maniġer ta’ EURL għandu l-awtorità sħiħa li jieħu azzjoni legali għan-nom u f’isem il-kumpannija li huwa jmexxi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis neċessarju, huma jistgħu jiġu msejħa jirregolarizzaw ir-rikors tagħhom skond l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

54     Skond l-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura :

"Jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, huwa għandu jehmeż mar-rikors tiegħu :

a) l-istatut tiegħu jew estratt reċenti mir-Reġistru tal-kumpanniji, jew estratt reċenti mir-reġistru ta’ l-assoċjazzjonijiet jew kull prova oħra li turi l-eżistenza ġuridika tiegħu;

b) prova li l-mandat ġie mogħti regolarment lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop."

55     Issa, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-fatt li l-mandati mogħtija lill-avukat mill-maniġer ta’ l-EURL varji mhumiex datati, għandu jiġi rrilevat li dawn il-mandati neċessarjament ġew ippreparati qabel il-preżentata tar-rikors, peress li huma jikkostitwixxu wieħed mill-annessi. In-nuqqas ta’ data fuq dawn il-mandati għalhekk ma jippermettix li tiġi konkluża l-inamissibbiltà tar-rikors ta’ l-EURL. L-istess risposta għandha tingħata għal dak li jirrigwarda l-argument li l-mandati mogħtija lill-avukat mis-soċji uniċi ta’ l-għaxar EURL – l-EURL Le Levant 3, Le Levant 4, Le Levant 73, Le Levant 96, Le Levant 150, Le Levant 153, Le Levant 182, Le Levant 209, Le Levant 272 u Le Levant 273 – mhumiex datati.

56     Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatt li l-mandati mogħtija lill-avukat mill-maniġer ta’ l-EURL varji ġew iffirmati permezz ta’ timbru li jinkludi l-firma, l-isem u l-kwalità ta’ l-imsemmi maniġer, għandu jiġi nnotat li l-użu ta’ timbru bħal dan huwa spjegat mill-fatt li l-EURL differenti kollha għandhom l-istess maniġer bħala firmatarju, li, minflok ma jkollu jiffirma bl-id l-awtorizzazzjonijiet, immanifesta l-kunsens tiegħu bl-użu ta’ timbru. Il-firma ta’ dawn il-mandati permezz ta’ timbru għalhekk ma jippermettix li r-rikors ta’ l-EURL jiġi meqjus bħala inammissibbli, fin-nuqqas ta’ elementi oħra li jippermettu li jiġi ddubitat l-kunsens tal-maniġer.

57     Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fatt li ma ngħata l-ebda mandat lill-avukat mis-soċju uniku kkonċernat għal dak li jirrigwarda tmien EURL – l-EURL Le Levant 15, Le Levant 20, Le Levant 46, Le Levant 144, Le Levant 203, Le Levant 250, Le Levant 251 u Le Levant 269 –, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-mandat mogħti lill-avukat mill-maniġer huwa suffiċjenti sabiex jippermetti lil dan l-avukat li jirrappreżenta l-interessi ta’ dawn il-kumpanniji, u dan aktar jekk l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jikkontestawx l-awtorità tal-maniġer, iżda sempliċement jikkritikaw ċerti aspetti formali ta’ l-imsemmija awtorità, jiġifieri n-nuqqas ta’ data u l-użu ta’ timbru għall-firma.

58     Jirriżulta minn dak li ntqal li l-ebda argument invokat mill-Kummissjoni ma jippermetti li tiġi ddubitata l-ammissibiltà tar-rikors għal dak li jirrigwarda l-EURL differenti.

 2. Fuq il-poteri stabbiliti minn ċerti persuni fiżiċi f’isimhom stess

–       L-Argumenti tal-partijiet

59     Il-Kummissjoni tgħid li l-poteri stabbiliti minn erba’ minn 256 persuna fiżika li ppreżentaw ir-rikors ma jinkludux il-post u d-data tal-firma tagħhom. Hija tissottometti ruħha għall-ġudizzju tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tippronunzja ruħha dwar il-validità ta’ tali poteri.

60     Ir-rikorrenti jsostnu li ma jirriżultax mir-Regoli tal-Proċedura li l-preżentata ta’ dokument li jiċċertifika l-mandat mogħti lill-avukat jikkostitwixxi kundizzjoni għall-amissibilità tar-rikors. Fil-fatt ikun suffiċjenti għall-avukat mandatarju li jiġġustifika l-kwalità tiegħu u huwa ma jkunx meħtieġ jippreżenta prokura ħlief fil-każ ta’ kontestazzjoni ta’ l-eżistenza tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 1965, Barge vs Haute autorité, 14/64, Ġabra p. 69, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Settembru 1990, Virgili-Schettini vs Il-Parlament, T‑139/89, Ġabra p. II‑535).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

61     L-investituri, persuni privati, jaġixxu fil-kawża preżenti fi kwalità doppja. L-ewwel waħda hija dik ta’ soċju uniku ta’ l-EURL rikorrenti u huwa f’din il-kwalità li l-investituri taw il-mandati eżaminati hawn fuq sabiex jippermettu lill-avukat appuntat li jirrappreżenta dawn l-EURL quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. L-investituri jintervjenu ukoll bħala persuni fiżiċi u huwa f’din il-kwalità li huma taw mandat lill-avukat sabiex jirrapreżentahom f’din il-kawza.

62     Skond l-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura:

"L-avukat li jassisti jew jirrappreżenta xi parti għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-ftehim ŻEE."

63     Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, li sabiex jippreżenta rikors l-avukat m’għandux jipproduċi prokura debitament magħmula, ħlief f’każ ta’ kontestazzjoni fejn ikollu jipproduċi din l-awtorizzazzjoni (sentenza Barge vs Haute autorité, iċċitata iktar ’il fuq, p. 78).

64     Għalhekk, ir-Regoli tal-Proċedura jippermettu lill-persuni fiżiċi li jkunu rrapreżentati minn avukat mingħajr ma dan ikollu jipproduċi mandat, kif inhu l-każ għal persuna ġuridika. Fil-prinċipju huwa suffiċjenti li l-avukat jippreżenta dokument ta’ leġitimazzjoni li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru. Din il-formalità hija suffiċjenti u twettqet fil-każ in eżami.

65     Fi kwalunkwe każ, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni jittrattaw il-fatt li l-awtorizzazzjonijiet ippreżentati minn erba’ mill-256 persuna fiżika li ppreżentaw ir-rikors ma jinkludux il-post u d-data tal-firma tagħhom. L-imsemmija awtorizzazzjonijiet kienu ma dan kollu ppreparati sew qabel il-preżentata tar-rikors, peress li huma jiffurmaw parti minn waħda mill-annessi, u l-kwistjoni tal-post tal-firma tagħhom hija irrilevanti għall-kawża preżenti. Konsegwentement, in-nuqqas tad-data u l-post fuq dawn l-awtorizzazzjonijiet ma tqajjimx kwistjoni li teħtieġ regolarizzazzjoni.

66     Jirriżulta minn dak li ntqal li l-ebda argument invokat mill-Kumissjoni ma jippermetti li tiġi ddubitata l-ammissibiltà tar-rikors għal dak li jikkonċerna l-persuni fiżiċi rikorrenti.

67     Konsegwentement, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibiltà mressqa mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-mertu

68     Ir-rikorrenti invokaw ħdax-il motiv sabiex isostnu r-rikors tagħhom. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni u tal-ksur ta’ l-Artikolu 3(1)(g) KE ta’ l-Artikoli 5 KE, 87 KE u 211 KE kif ukoll tal-ksur ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-ewwel protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, (iktar ’il quddiem "CEDH"). It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE, fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999 u fl-Artikolu 6 tas-CEDH. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4(7) tas-Seba’ Direttiva. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999. It-tmien motiv jallega l-eżistenza ta’ l-impreċizjoni materjali u ta’ żballji ċari fl-evalwazzjoni tal-fatti. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni. L-għaxar motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 153(2) KE. Il-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 69/2001 tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuniet de minimis (ĠU L 10, p. 30).

69     Għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, it-tieni motiv qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tielet u d-disa’ motivi.

 1. Fuq it-tieni motiv

–       L-Argumenti tal-partijiet

70     Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret id-dritt li tinstema, previst fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, meħud għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 tas-CEDH. Huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudikhom, peress li tikklassifikahom bħala benefiċjarji diretti ta’ għajnuna ta’ Stat illegali li huma marbuta li jagħtu lura u jsostnu li fl-ebda mument ma effettivament ġew mistiedna jew awtorizzati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

71     Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ma ppermettitilhomx li jaħsbu li huma setgħu jkunu kklassifikati bħala benefiċjarji ta’ l-għajnuna, peress li din ħalliet x’wieħed jifhem li l-imsemmija għajnuna ġiet mogħtija lit-tarzna jew lis-CIL, l-operatur tal-bastiment. Konsegwentement, minħabba l-fatt tal-modifika ta’ l-analizi tagħha rigward il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni kellha tippubblika deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ġdida, tagħti terminu lir-rikorrenti sabiex tippermettilhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, jew tieħu l-miżuri kollha siwja sabiex tiġbed l-attenzjoni tagħhom fuq l-istatus ġdid mogħti lilhom fid-deċiżjoni finali, li varja b’mod sinjifikanti mill-istatus previst fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura. Osservazzjonijiet bħal dawn kienu aktar u aktar neċessarji peress illi d-deċiżjoni kkontestata kienet timmodifika l-prattika preċedenti tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ "impriża benefiċjarja" billi applikatha għall-investituri privati involuti f’investiment finanzjarju, u peress illi din id-deċiżjoni ma tieħux in kunsiderazzjoni l-awtorizzazzjoni preċedenti tal-loi Pons mill-Kummissjoni u peress illi hi ma tieħux aktar in kunsiderazzjoni l-imġiba ta’ l-awtoritajiet Franċizi, li ma kkomunikawx id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura lir-rikorrenti – meħudha bħala benefiċjarji ta’ l-għajnuna – kif meħtieġ minnhom fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura.

72     Il-Kummissjoni ssostni li, skond il-ġurisprudenza, l-Artikolu 88(2) KE ma jeħtieġx notifika individwali, iżda biss li l-persuni kollha potenzjalment interessati jkunu avżati bil-ftuħ ta’ proċedura u li jkollhom l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-pubblikazzjoni ta’ avviz fil-Ġurnal Uffiċjali jidher mezz adegwat u suffiċjenti sabiex jinforma lill-partijiet interessati kollha bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 17, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Jannar 1999, Neue Maxhütte Stalhwerke et Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, T‑129/95, T‑2/96 u T‑97/96, Ġabra p. II‑17, punt 232). Fil-każ in eżami, id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali fil-5 ta’ Frar 2000, tissodisfa dawn il-ħtiġijiet, minħabba li din il-pubblikazzjoni tat lill-partijiet interessati informazzjoni ġenerali fuq l-elementi essenzjali tal-proposta ta’ għajnuna u esponiet il-punti tal-fajl li fuqhom il-Kummissjoni kellha xi dubji.

73     Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm ir-rikorrenti qiesu li huma ma bbenefikawx mill-miżura ta’ l-għajnuna, huma ma jistgħux isostnu li huma mhumiex ikkonċernati mill-imsemmija proċedura, peress li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-partijiet interessati skond l-Artikolu 88(2) KE jinkludu mhux biss l-impriża jew l-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuna, iżda kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni li l-interessi tagħhom huma eventwalment affettwati mill-għoti ta’ l-għajnuna, b’mod partikulari l-impriżi konkorrenti (sentenza Intermills vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 16, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2001, Hamburger Hafen- und Lagerhaus et vs Il-Kummissjoni, T‑69/96, Ġabra p. II‑1037, punt 40).

74     Barra minn hekk, bħala risposta għall-argument tar-rikorrenti li hija mmodifikat l-analiżi tagħha dwar il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, li kellha twassal għal pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tinbeda proċedura ġdida sabiex tirrispetta l-garanziji proċedurali tagħhom, il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti tagħha kontra r-Repubblika Franċiża ma ġewx immodifikati fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. B’hekk, id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura tesponi d-dubji tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-kompatibilità ta’ l-għajnuna fir-rigward tas-Seba’ Direttiva u d-deċiżjoni finali tevalwa din l-għajnuna fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva, sabiex tiddeċiedi dwar l-inkompatibilità tagħha mas-suq komuni.

75     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret it-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 meta rrifjutat li tipproroga t-terminu ta’ xahar sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha mitluba minn l-EURL Le Levant 114 fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Lulju 2001. Iżda, din it-talba ta’ proroga kienet debitament ġustifikata peress li l-investituri setgħu leġittimament jikkunsidraw li huma ma kinux ikkonċernati mid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura u li l-Kummissjoni mhijiex marbuta li tieħu deċiżjoni dwar għajnuna ta’ l-istat f’terminu speċifiku.

76     Il-Kummissjoni tgħid li jirriżulta mill-ittra tat-13 ta’ Lulju 2001 ta’ l-EURL Le Levant 114, li din saret taf tard bid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, ippubblikata fil-5 ta’ Frar 2000. Il-fatt li din saret taf biha tard jaffettwa wkoll lill-EURL Le Levant l-oħra, peress li kollha kemm huma għandhom bħala maniġer membru tal-persunal tal-Bank, u kien il-maniġer ta’ l-EURL Le Levant 114 li ta awtorizzazzjoni lill-bord ta’ din il-kumpannija sabiex jintervjeni quddiem il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Konsegwentement, il-fatt tan-nuqqas ta’ intervenzjoni ta’ l-EURL Le Levant 114 fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx marbut mal-kontenut tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, iżda biss minħabba li din il-kumpannija saret taf tard bid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura u bl-eżistenza tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Ir-rikorrenti għalhekk ma setgħux jippretendu li l-kontenut tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura wasslithom jikkunsidraw li huma ma kinux ikkonċernati minn din il-proċedura u li minħabba dan il-fatt kienu sofrew ksur tal-garanziji proċedurali tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tgħid li t-terminu normali ta’ xahar previst wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura kien ilu li nqabeż, kif hi indikat fl-ittra tagħha ta’ l-24 ta’ Lulju 2001 bħala risposta għaż-żewġ ittri ta’ l-EURL Le Levant 114.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

77     L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 88(2) KE jipprovdi :

"Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni."

78     Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li, qabel ma tiġi kkonstatata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna ta’ Stat mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha tkun avżat lill-interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

79     Il-portata ta’ dan l-obbligu huwa speċifikat mill-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 li jiddefinixxi l-"parti interessata" bħala "kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ".

80     Fis-sitwazzjoni fejn, bħal fil-każ in eżami, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tikkonċerna għajnuna illegali li ġiet implementata, il-kwistjoni ta’ l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna hija importanti ħafna, peress li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jiddisponi li, fil-każ ta’ "deċiżjoni negattiva", li tikkonstata li tali għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni, "il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju".

81     Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża preżenti, jiġifieri l-investituri li ġew awtorizzati li jnaqqsu l-investimenti tagħhom mid-dħul taxxabbli tagħhom, għandhom jiġu intimati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, peress li huma indikati fid-deċiżjoni kkontestata bħala benefiċjarji diretti ta’ l-għajnuna (premessa 35) u li huma "partijiet interessati" skond id-definizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.

82     L-identifikazzjoni tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna tikkostitwixxi neċessarjament "kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi" fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 għandha, skond din id-dispożizzjoni, tkun esposta fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura jekk dan ikun possibbli f’dan l-istadju tal-proċedura, peress li huwa fuq il-bażi ta’ identifikazzjoni bħal din li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta d-deċiżjoni ta’ irkupru.

83     Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-kwalità tagħha bħala benefiċjarja ta’ l-għajnuna in kwistjoni, kemm fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura u kif ukoll fi stadju ulterjuri tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li ssir qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni, din it-tip ta’ parti interessata ma tistax titqies bħala li ġiet debitament intimata sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, minħabba li hija tista’ leġittimament taħseb li tali osservazzjonijiet mhumiex neċessarji, peress li mhijiex ikklassifkata bħala benefiċjarja ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

84     Huwa f’dan il-kuntest, jiġifieri sabiex ikun stabbilit jekk il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata setgħux effettivament ikunu kkunsidrati bħala li ġew intimati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħom fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li l-ewwelnett jeħtieġ li tiġi eżaminata d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-5 ta’ Frar 2000.

85     F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li kellha dubji fir-rigward tar-rispett tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7) tas-Seba’ Direttiva. Hija kienet qed tistieden ukoll lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata madankollu li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura fl-ebda parti ma għamlet referenza għall-investituri bħala benefiċjarji eventwali ta’ l-allegata għajnuna, iżda, għall-kuntrarju, tagħti l-impressjoni li l-imsemmija benefiċjarja kienet is-CIL, li kienet indikata bħala l-operatur u l-proprjetarja finali tal-bastiment.

86     B’hekk, fir-rigward ta’ l-investituri privati, id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura tindika fit-tielet paragrafu tal-parti intitolata "Sommarju" :

"Il-bastiment […] ġie ffinanzjat minn investituri privati, li sussegwentement krewh lis-CIL. Dawn l-investituri ġew awtorizzati jnaqqsu l-investimenti tagħhom mid-dħul taxxabbli tagħhom, b’mod konformi mas-sistema fiskali awtorizzata mill-Kummissjoni [...]" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

87     Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-CIL, din id-deċiżjoni tippreċiża, bl-istess mod :

"Il-Kummissjoni qieset li t-tnaqqis fiskali jirrappreżenta sussidju ekwivalenti nett ta’ 34 %. Dan it-tnaqqis ippermetta lis-CIL li tikri l-bastiment bi prezz baxx ħafna. Is-CIL hija l-operatriċi (u proprjetarja finali) tal-bastiment […] Is-CIL hija marbuta li tuża l-bastiment għal perijodu minimu ta’ ħames snin, prinċipalment minn u lejn Saint-Pierre-et-Miquelon, u li takkwistah mill-investituri fi tmiem dan il-perijodu."

88     Konsegwentement, l-investituri setgħu leġittimament jaħsbu li huma ma kinux ikkonċernati mid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, peress illi din tesponi li s-sistema fiskali li bis-saħħa tagħha huma kienu awtorizzati jnaqqsu l-investimenti tagħhom mid-dħul taxxabbli tagħhom – il-loi Pons – kienet ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni.

89     Barra minn hekk, jirriżulta mill-kontenut tad-diskussjonijiet li seħħew bejn l-awtoritajiet Franċiżi u l-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni, li l-unika benefiċjarja ta’ l-għajnuna msemmija f’dan l-istadju tal-proċedura kienet is-CIL, "il-proprjetarja tal-bastiment", u mhux l-investituri privati (ara l-ittra tat-12 ta’ Mejju 1999, indirizzata mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni). Barra minn hekk huwa f’dan il-kuntest li s-CIL − u mhux l-investituri privati − setgħet tipparteċipa fil-proċedura amministrattiva (ara d-deċiżjoni ikkontestata, premessi 10 u 11).

90     Il-klassifikazzjoni inizzjali tas-CIL bħala benefiċjarja ta’ l-allegata għajnuna hija wkoll korroborata mill-fatt li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura tirreferi għall-kunċett ta’ benefiċjarju ta’ l-għajnuna fis-singular u mhux fil-plural, kif inhu l-każ fid-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, il-Kummissjoni ssaqsi lill-Awtoritajiet Franċiżi, fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura (il-paragrafu ta’ qabel ta’ l-aħħar tal-parti intitolata "Test ta’ l-ittra"), sabiex jibagħtu mingħajr dewmien kopja ta’ din id-deċiżjoni lill-"benefiċjarju ta’ l-għajnuna".

91     Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ l-identifikazzjoni bħala benefiċjarji ta’ l-għajnuna fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, l-investituri privati ma ġewx, f’dan l-istadju, "imsejħa sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom" skond l-Artikolu 88(2) KE u lanqas "imsejħa sabiex jissottomettu l-kummenti f’perijodu preskritt" skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

92     F’dawn iċ-ċirkostanzi, għandha wkoll tiġi eżaminata r-risposta mogħtija mill-Kummissjoni għat-talba ppreżentata mill-EURL Le Levant 114, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2001, sabiex ittawwal t-terminu b’xahar mogħti lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura. Fil-fatt, l-aħħar frażi ta’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li, "[f]’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perijodu preskritt [it-terminu normali ta’ xahar mogħti lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura]".

93     Permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni rrispondiet l-ittra ta’ l-EURL Le Levant 114 fejn qalet li t-terminu ta’ xahar, li jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, previst għad-depożitu ta’ osservazzjonijiet mill-partijiet interessati "kien ilu li nqabeż", mingħajr ma ittieħdet pożizzjoni fuq it-talba għal-proroga ta’ dan it-terminu ppreżentata mill-EURL Le Levant 114. Dan ir-rifjut huwa iktar u iktar kundannabbli minħabba l-fatt li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ma kenitx tidentifika l-investituri privati bħala benefiċjarji ta’ l-għajnuna rikuperabbli, iżda għal kuntrarju tagħti l-impressjoni li l-benefiċjarja kienet is-CIL, li kienet indikata bħala l-operatriċi u l-proprjetarja finali tal-bastiment.

94     Konsegwentement, billi naqset milli tippermetti lill-EURL Le Levant 114 li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura peress illi rrifjutat t-talba għal proroga, mingħajr ma tesponi r-raġunijiet li għalihom it-talba tad-19 ta’ Lulju 2001 ma kenitx "debitament ġustifikata", il-Kummissjoni kisret it-tielet frażi ta’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

95     Fin-nuqqas ta’ irregolarità bħal din, jiġifieri kieku r-rikorrenti jew l-EURL Le Levant 114 effettivament kellhom il-possibbiltà, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-klassifikazzjoni tagħhom bħala benefiċjarji ta’ l-għajnuna li kellha tiġi rkuprata, ma jistax ikun eskluż li l-proċedura setgħet tasal għal riżultat differenti f’dak li jirrigwarda b’mod partikulari l-evalwazzjoni ta’ l-inkompatibilità ta’ l-għajnuna fir-rigward tas-suq komuni, b’mod konformi mal-kriterji definiti fl-Artikolu 87(1) KE.

96     Minbarra dan, għandu jingħad li l-Kummissjoni ma tistax tinħeba wara interpretazzjoni formalistika ta’ l-obbligi tagħha fil-qasam ta’ għajnuna ta’ l-Istat, peress illi dak li huwa rilevanti hawnhekk huwa l-fatt li individwu li kontra tiegħu l-Kummisjoni tkun qed tipprepara li tieħu deċiżjoni leżiva billi tikklassifikah bħala benefiċjarju ta’ għajnuna inkompatibbli li mingħandu din l-għajnuna trid tiġi rkuprata għandu jkollu l-possibilità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħal din.

97     Issa, fil-każ in eżami, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet mingħajr ma ġiet mogħtija possibiltà bħal din lill-investituri privati. Billi rrifjutat li tisma’ lill-EURL Le Levant 114 u billi ma identifikatx fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura lill-investituri bħala benefiċjarji ta’ l-għajnuna eventwalment inkompatibbli u li għandha tiġi rkuprata, il-Kummissjoni kisret prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju jeżiġi li l-persuni kollha li kontrihom tista’ tittieħed deċiżjoni li tikkawżalhom preġudizzju għandhom ikollhom l-opportunità li jippreżentaw l-pożizzjoni tagħhom dwar l-elementi ritenuti kontra tagħhom mill-Kummissjoni bħala bażi tad-deċiżjoni in kwistjoni. B’hekk, fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 86(3) KE (preċedentement l-Artikolu 90(3) tat-Trattat KE), jew, bħal fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, huwa l-Istat ikkonċernat li huwa d-destinatarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti rrikonoxxiet lill-impriżi benefiċjarji tal-miżura pubblika in kwistjoni d-dritt li jinstemgħu, u qalet li dawn l-impriżi kienu l-benefiċjarji diretti tal-miżura pubblika kkontestata, li huma kienu msemmija bl-isem f’din il-miżura u espliċitament indikati fid-deċiżjoni in kwistjoni u li l-konsegwenzi ekonomiċi ta’ din id-deċiżjoni affettwawhom direttament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1992, Pays-Bas et vs Il-Kummissjoni, C‑48/90 u C‑66/90, Ġabra p. I‑565, punti 50 u 51).

98     Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88(2) KE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

99     Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi ddikjarat fondat mingħajr ma hemm ħtieġa li jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 6 tas-CEDH.

 2. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE u d-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

–       L-Argumenti tal-partijiet

100   Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 87(1) KE, minħabba li hija tikkwalifika lill-investituri privati bħala benefiċjarji ta’ l-għajnuna meta l-miżura in kwistjoni ma tipprovdilhom l-ebda vantaġġ kompetittiv u ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-operatur ekonomiku vvantaġġjat biss, li jsib ruħu f’pożizzjoni aktar favorevoli minn dik tal-kompetituri tiegħu minħabba l-għajnuna, jista’ jiġi kklasifikat bħala impriża benefiċjarja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. It-tfittxija għall-benefiċjarju veru ta’ l-għajnuna, li jista’ ma jkunx id-destinatarju formali tal-miżura, timplika għalhekk l-identifikazzjoni ta’ l-impriża li għandha t-tgawdija effettiva ta’ vantaġġ ekonomiku marbut ma’ l-attivitajiet kummerċjali tagħha u li jista’ ixekkel il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991, Italja vs Il-Kummissjoni, C‑303/88, Ġabra p. I‑1433, punt 57).

101   Fil-każ in eżami, ir-rikorrenti jsostnu li teżisti differenza fundamentali bejn l-investituri privati, li huma d-destinatarji diretti tal-vantaġġi fiskali konċessi, u l-impriża kkonċernata, jiġifieri l-operatriċi CIL, li hija l-benefiċjarja indiretta tal-vantaġġ ekonomiku fis-suq in kwistjoni u, konsegwentement, il-benefiċjarja ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat (ara, għal każ ta’ distinzjoni bejn benefiċjarju ta’ vantaġġ fiskali u benefiċjarju ta’ vantaġġ ekonomiku, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punti 26 u 27). Il-vantaġġ fiskali jkun biss mezz fil-mekkaniżmu ta’ l-għajnuna, u mhux vantaġġ effettiv li jxekkel il-kompetizzjoni fil-livell ta’ l-investituri privati. B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata tfixkel l-vantaġġ fiskali li minnu l-investituri privati jibbenefikaw direttament kif indikat fil-premessa 35, mal-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta indirettament mill-vantaġġ fiskali, li jibbenefika lis-CIL biss. Il-fatt li l-investituri jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali ma jippermettix li jiġi konkluż li huma jibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv f’suq partikolari li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

102   Bl-istess mod, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu tal-motivazzjoni billi hi ma tippreċiżax f’xiex jikkonsisti l-vantaġġ li jakkwistaw l-investituri privati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Allemagne et vs Il-Kummissjoni, C‑329/93, C‑62/95 et C‑63/95, Ġabra p. I‑5151, punt 56). Fuq dan il-punt, huma jikkritikaw il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tfittex il-vantaġġ ekonomiku li huma setgħu bbenefikaw meta ma eżerċitaw l-ebda responsabbiltà fl-użu tal-bastiment, xorta waħda tqishom bħala benefiċjarji ta’ l-għajnuna minħabba s-sempliċi fatt li huma jibbenefikaw minn tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul tagħhom imsemmi fil-premessa 39 li, għalkemm mhux ċert jekk ebda wieħed mill-investituri privati individwali jista’ jkun meqjus responsabbli mill-użu abbużiv ta’ l-għajnuna, huma madankollu dawn l-investituri li bbenefikaw mit-tnaqqis fiskali u li jkomplu jibbenefikaw minnhom bħala proprjetarji ta’ bastiment mixtri b’kundizzjonijiet favorevoli.

103   Id-deċiżjoni kkontestata tippreżenta wkoll kontradizzjoni tal-motivi minħabba li hi tipprova tattribwixxi lill-investituri privati l-effetti ta’ vantaġġ ekonomiku, filwaqt li dan ta’ l-aħħar kien fir-realtà konċess jew lit-tarzna għall-kostruzzjoni navali, jew lis-CIL, fil-kuntest tat-tmexxija u ta’ l-użu tal-bastiment. B’hekk, għal dak li jirrigwarda t-tarzna, il-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata tgħid li l-għajnuna m’għandhiex tiġi rkuprata mingħandu peress li hu ma jistax jinżamm responsabbli ta’ l-użu tal-bastiment wara l-kunsinna tiegħu. Issa, daqsxejn qabel, il-premessa 37 tesponi li jista’ jkun ikkunsidrat li t-tarzna bbenefikat indirettament mill-għajnuna meta hija ppermettietilha tikseb ordni li altrimenti ma kenitx tiġi magħmula lilha. Bl-istess mod, fir-rigward tas-CIL, il-Kummissjoni kellha tattribwixxi lilha r-responsabbiltà ta’ l-allegata inosservanza tar-regoli bażiċi ta’ l-OECD, safejn din il-kumpannija hija responsabbli ta’ l-użu tal-bastiment. Minn din il-perspettiva, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax kif l-irkupru mill-investituri privati jkollu l-effett li jiċħad lill-operatur u l-maniġer tal-komproprjetà mill-benefiċċju finali tal-vantaġġ ekonomiku la darba l-bastiment ikun inbiegħ lilu bi prezz vantaġġjuż.

104   Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 87(1) KE u l-obbligu tal-motivazzjoni, billi hi ma tesponix kif l-għajnuna in kwistjoni tista’ taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ fil-Komunità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Intermills vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38; tat-13 ta’ Marzu 1985, L-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punti 22 sa 24, u l-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 53). B’mod partikulari, ir-rikorrenti jgħidu li d-deċiżjoni kkontestata ma tidentifikax is-suq li fih il-kompetizzjoni kienet ġiet imxekkla u li fuqha l-investituri privati jkunu vantaġġati. B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jkun magħruf jekk is-suq rilevanti huwiex is-suq tas-servizzi tal-kroċjera jew is-suq tal-prodotti relatati mal-bastimenti tal-kroċjera, u lanqas ma tippermetti li jkun magħruf x’inhi d-dimensjoni ġeografika ta’ suq bħal dan, li tista’ tkun mondjali, reġjonali jew lokali f’Saint-Pierre-et-Miquelon. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata ma tidentifikax id-distorsjoni tal-kompetizzjoni hawnhekk in kwistjoni, li jkun aktar diffiċli li tagħmel minħabba li l-loi Pons hija applikabbli għall-persuni taxxabbli kollha u li miżura fiskali li tagħti vantaġġ bl-istess mod lill-persuni taxxabbli kollha ma xxekkilx il-kompetizzjoni [ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (KE) 96/C 266/14 abbażi ta’ l-Artikolu [88](2) tat-Trattat KE, indirizzata lill-Istati Membri l-oħra u partijiet oħra interessati dwar għajnuna li Spanja kkonċediet għax-xiri tal-vetturi industrijali, Plan Renove Industrial (ĠU 1996, C 266, p. 10]. Il-loi Pons mhijiex selettiva ħlief mill-perspettiva tal-benefiċjarji finali, f’li hi tagħti vantaġġ sħiħ biss lil ċerti impriżi stabbiliti fit-territorji Franċiżi extra-Ewropej. Fl-aħħarnett, is-sitwazzjoni fiskali ta’ l-investituri privati ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

105   Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jinnutaw li d-Deċiżjoni 1999/719/KE tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Marzu 1999, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat li Franza qed tippjana li tagħti bħala għajnuna ta’ żvilupp għall-bejgħ taż-żewġ bastimenti mibnija minn Chantiers de l’Atlantique u użati minn Renaissance Financial fil-Polineżja Franċiża (ĠU L 292, p. 23, iktar ’il quddiem id-"Deċiżjoni Renaissance"), li tiddikjara bħala kompatibbli mas-suq komuni għajnuna li tippjana li tagħti r-Repubblika Franċiża taħt il-forma ta’ vantaġġi fiskali konċessi lill-investituri privati fil-kuntest tal-loi Pons, tadotta din id-distinzjoni bejn l-investitur u l-intraprenditur, peress li din tindika li Renaissance Financial, u mhux il-persuni fiżiċi investituri, iridu jkunu kkunsidrati bħala l-benefiċjarji reali ta’ l-għajnuna. Minbarra dan, id-Deċiżjoni Renaissance tindika wkoll li l-benefiċjarja reali ta’ l-għajnuna għandha tkun it-tarzna fil-każ li l-kundizzjonijiet esposti minn din id-deċiżjoni ma jkunux irrispettati u, b’mod partikulari, meta l-għajnuna ma tkunx konformi ma’ l-Artikolu 4(7) tas-Seba’ Direttiva. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ l-OECD, u b’mod partikulari l-kundizzjoni tar-residenza tal-proprjetarju reali u l-kundizzjoni li l-impriża benefiċjarja ta’ l-għajnuna ma tridx tkun kumpannija sussidjarja mhux operattiva ta’ kumpannija barranija, la d-Deċiżjoni Renaissance, la d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/569/KEE, tal-31 ta’ Lulju 1992, dwar proġett ta’ għajnuna mogħtija mill-Ġermanja favur Cosco (iċ-Ċina) għax-xiri ta’ erba’ bastimenti li jġorru l-kontejners (ĠU L 367, p. 29, iktar ’il quddiem id-"Deċiżjoni Cosco"), u lanqas d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura fil-kawża preżenti ma jidentifikaw lill-investituri kkonċernati bħala proprjetarju reali tal-bastiment jew bħala benefiċjarju ta’ l-għajnuna.

106   Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li t-tranżazzjoni Le Levant ġiet implementata sabiex tippermetti lill-investituri privati li jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali. Il-fatt li dan l-arranġament ikun legali skond il-liġi Franċiża ma jassigurax fih innifsu l-legalità tiegħu fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-għajnuniet mogħtija mill-Istat. F’dan ir-rigward, wara li ġie mfakkar li l-każijiet ta’ applikazzjoni tal-loi Pons fil-qasam tal-kostruzzjoni navali jridu jkunu nnotifikati lilha, l-Kummissjoni ssostni li kull investitur privat ibbenefika, fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul tiegħu, mill-fatt tat-trasparenza fiskali ta’ l-EURL, tat-tnaqqis previst mill-loi Pons favur ċerti impriżi li jinvestu f’territorji extra-Ewropej. Konsegwentement, l-għajnuna mogħtija mill-Istat li jirriżulta mill-benefiċċju tal-loi Pons taħt il-forma ta’ tnaqqis fiskali jaħdem bħala għajnuna għall-funzjonament favur l-offerta tal-kruċieri mill-proprjetarji u operaturi tal-bastiment.

107   Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tesponi b’mod ċar mit-titolu tagħha li l-għajnuna in kwistjoni tikkonċerna l-użu ta’ bastiment destinat li jiġi użat f’Saint-Pierre-et-Miquelon. L-analiżi żviluppata mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-parti li tirrigwarda "żvilupp" u l-konsegwenzi ekonomiċi tat-tranżazzjoni Le Levant turi ukoll li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi kemm għall-użu ta’ bastiment tal-kruċieri u kif ukoll l-offerta tal-kruċieri. Dan jirriżulta ukoll min-natura stess tal-Loi Pons u mill-karatteristiċi tat-tranżazzjoni Le Levant. Il-Kummissjoni ssostni ukoll li d-deċiżjoni kkontestata tesponi b’mod ċar li l-investituri, dak iż-żmien proprjetarji tal-bastiment, kisbu vantaġġi fiskali destinati sabiex jikkumpensaw id-diffikultajiet partikulari ta’ investiment produttiv destinat li jkun użat barra mill-pajjiż għal perijodu ta’ ħames snin li fit-tmiem ta’ dan il-perijodu huma kellhom jbigħu l-bastiment lis-CIL bi prezz li jittrasferixxi l-għajnuna mogħtija lis-CIL, b’mod li din ma tkunx il-benefiċjarja finali ta’ l-għajnuna ħlief meta l-bastiment ikun inbiegħ lilha bi prezz vantaġġuż (deċiżjoni ikkontestata, premessi 36, 39 u 40). Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tirrileva li l-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata tippreċiża l-kuntest li fih kellha ssir l-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna in kwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 4(7) tas-Seba’ Direttiva, u li l-premessa 33 tikkostitwixxi l-konklużjoni ta’ din l-evalwazzjoni, jiġifieri li din l-għajnuna ma tirrispettax il-kriterji previsti minn din id-dispożizzjoni. L-ebda element ma jippermetti li jiġi dedott minn din l-analiżi li l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna kellha tkun it-tarzna.

108   Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkontradixxix il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha. Fir-rigward tad-Deċiżjoni Renaissance, hija tinnota li din effettivament hija każ ta’ applikazzjoni tal-loi Pons u li l-awtoritajiet Franċiżi kienu indikaw lill-Kummissjoni li l-iskema ta’ finanzjament in kwistjoni kienet tipprovdi l-intervenzjoni ta’ strutturi li jikkonċernaw individwi u li, meta l-investiment ikun mikri b’lokazzjoni lill-impriża operattiva, l-amministrazzjoni tivverifika li l-vantaġġ fiskali kien reġa’ ġie assenjat lil din ta’ l-aħħar permezz ta’ tnaqqis fil-miżati li trid tħallas. Madankollu, din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata fuq il-bażi ta’ informazzjoni fornuta mill-Istat Membru li l-investituri in kwistjoni kienu kumpanniji metropolitani u l-istruttura użata kienet tippermetti li effettivament tingħata lura l-għajnuna fiskali lill-proprjetarju tal-vapur użat, jiġifieri konfigurazzjoni materjali differenti minn dik tal-kawża preżenti. Fir-rigward tad-Deċiżjoni Cosco, il-Kummissjoni tirrileva li s-sitwazzjoni kienet fundamentalment differenti mis-sitwazzjoni preżenti, peress li l-proprjetaju tal-vapur ċiniż Cosco kien ordna bastimenti li jġorru l-kontejners minn tarzna Ġermaniża u li l-għajnuna nnotifikata kienet destinata li tkopri parti mill-prezz kuntrattwali tal-bastimenti in kwistjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

109   L-Artikolu 87(1) KE, jipprovdi "[b]la ħsara għal kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni".

110   Il-kwalifikazzjoni ta’ għajnuna, fis-sens ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, magħrufa "Tubemeuse", C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 25; tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 68, u ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, punt 74). Jirriżulta mill-Artikolu 87(1) KE li dawn il-kundizzjonijiet ikunu s-segwenti. Fl-ewwel lok, irid ikun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat. Fit-tieni lok, dan l-intervent irid ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fit-tielet lok, dan irid jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu billi jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet. Fir-raba’ lok, dan irid ixekkel jew jhedded li jxekkel il-kompetizzjoni.

111   Hemm lok li jiġi mfakkar ukoll li jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali li tikkawża preġudizzju għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’mod li tippermetti lill-interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħudha u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63).

112   Fl-evalwazzjoni ta’ l-inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna, id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha li tindika li l-għajnuna mogħtija għall-bastiment Le Levant għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ l-Artikolu 4(7) tas-Seba’ Direttiva, "peress li l-għajnuna mogħtija hija għajnuna marbuta mal-kostruzzjoni tal-bastimenti li ngħatat bħala għajnuna għall-iżvilupp fl-1996 fil-kuntest ta’ sistema ta’ għajnuna (il-loi Pons) awtorizzata fl-1992" (premessa 16). Skond id-deċiżjoni, jekk l-għajnuna tissodisfa l-kriterji ta’ l-għajnuna għal żvilupp definiti mill-OECD, li kienu ġew esposti mill-Kummissjoni fl-ittra tat-3 ta’ Jannar 1989 indirizzata mill-Kummission lill-Istati Membri (premessi 18, 19 u 21), din ma kinitx tinkludi parti li verament tirrigwarda "żvilupp" (premessi 20, 22 sa 33). Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata tiddikjara li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni.

113   Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma teżaminax kif il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 87(1) KE sabiex jistabbilixxu l-inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni huma ssodisfatti fil-każ in eżami.

114   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-eżistenza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(1) KE hija indispensabbli sabiex l-għajnuna mogħtija mill-Istat tkun inkompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, jekk l-għajnuna in kwistjoni hija kompatibbli mas-suq komuni, minħabba li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE mhumiex sodisfatti, is-Seba’ Direttiva – adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 87(3)(e) KE – ma tapplikax, peress li din id-direttiva tippresupponi neċessarjament li l-għajnuna in kwistjoni tkun inkompatibbli mas-suq komuni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

115   F’dan ir-rigward, u fl-ewwel lok fir-rigward tal-kundizzjoni li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jiġi milqut, imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-għajnuna in kwistjoni tikkonċerna l-użu ta’ bastiment destinat li jiġi użat f’Saint-Pierre-et-Miquelon (titolu u premessa 5).

116   Issa, għandu jiġi mfakkar li l-arċipelagu ta’ Saint-Pierre-et-Miquelon huwa grupp territorjali Franċiż li jinsab fin-nord Atlantiku ħdejn il-kosta ta’ Newfoundland. Dan huwa wieħed mill-"pajjiżi u territorji extra-ewropew" (PTOM) li ma jiffurmax parti mit-territorju Komunitarju.

117   Fin-nuqqas ta’ kull spjegazzjoni fuq dan il-punt, id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġi mifhum kif l-għajnuna mogħtija fil-kuntest tat-tranżazzjoni Le Levant tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri skond it-termini ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

118   Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta ma’ l-identifikazzjoni tal-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju ta’ l-għajnuna u tal-fatt li hi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li jekk il-benefiċjarji diretti ta’ l-għajnuna jkunu l-investituri privati, l-effetti ta’ l-għajnuna fuq il-kompetizzjoni jkunu marbuta mal-fatt li s-CIL tkun tista’ topera l-bastiment b’kundizzjonijiet favorevoli minn Saint-Pierre-et-Miquelon (l-Artikolu 1 u l-premessa 5).

119   Madankollu, peress li t-tarzna ma bbenefikatx direttament mill-għajnuna (premessa 37), peress li l-investituri privati mhumiex identifikati mid-deċiżjoni kkontestata bħala proprjetarji ta’ bastiment li konsegwentement ġie mikri lis-CIL (premessa 5) u peress li s-CIL, li topera l-imsemmi bastiment b’kundizzjonijiet favorevoli, mhix il-benefiċjarja ta’ l-għajnuna f’dan l-istadju u għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala responsabbli għall-ħlas lura tagħha (premessa 40), titqajjem id-domanda dwar kif, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt, min-naħa ta’ l-imsemmija investituri, li jiffinanzjaw il-kostruzzjoni ta’ vapur grazzi għal tnaqqis fiskali tahom vantaġġ li jista’ jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet.

120   Billi ma eżaminatx kif il-fatt li l-investituri privati jkunu benefiċjarji ta’ vantaġġ fiskali jikkostitwixxi vantaġġ kompetittiv fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, filwaqt li fl-istess ħin l-imsemmi vantaġġ kompetittiv huwa attribwit lis-CIL permezz tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġi mifhum għal-liema raġunijiet l-investituri privati huma vantaġġati mill-għajnuna in kwistjoni.

121   Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħti l-ebda spjegazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum kif il-fatt li l-investituri privati jikru l-vapur lis-CIL jista’ jittrasferixxi vantaġġ eventwali kompetittiv mill-investituri privati lill-operatur tal-bastiment.

122   Minbarra dan, fuq dan il-punt għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata hija differenti mis-soluzzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Renaissance. F’din il-kawża, il-Kummissjoni ddikjarat bħala kompatibbli mas-suq komuni għajnuna mogħtija minn Franza taħt il-forma ta’ vantaġġi fiskali konċessi b’applikazzjoni tal-loi Pons għall-kostruzzjoni taż-żewġ bastimenti destinati li jiġu operati minn Renaissance Financial fil-Polineżja Franċiża. L-istruttura finanzjarja in kwistjoni kienet tixbaħ lil dik użata fil-kawża preżenti, peress li din kienet taħseb ukoll għall-akkwist tal-proprjetà tal-bastimenti minn investituri privati, li sussegwentement krew il-bastimenti lill-Renaissance Financial sabiex din il-kumpannija tkun tista’ toperahom għal ħames snin fil-Polineżja Franċiża. Issa, fid-Deċiżjoni Renaissance, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-benefiċċju ta’ l-għajnuna kienet ittrasferita minn investituri privati lill-operatur tal-bastiment, li kien il-benefiċjarju reali, minħabba l-kiri tal-bastimenti min-naħa ta’ dan l-operatur u mill-impenn tiegħu li jerġa jixtri dawn il-bastimenti fl-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin.

123   Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-fatt li xxekkel jew li thedded li xxekkel il-kompetizzjoni, għandu jiġi kkonstatat – kif ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fis-seduta – li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi stabbilit kif u f’liema suq il-kompetizzjoni hija affettwata jew tista’ tiġi affettwata mill-għajnuna.

124   Dan in-nuqqas ta’ analiżi huwa aktar importanti minħabba li, bħala risposta għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Ġunju 2000, fejn dawn l-awtoritajiet jgħidu li Saint-Pierre-et-Miquelon jibbenefikaw minn konsegwenzi kummerċjali ikkawżati mill-bastiment Le Levant, għaliex bosta kumpanniji marittimi kienu mmanifestaw l-intenzjoni tagħhom li jpoġġu hemm, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva fil-premessa 31 li mhux neċessarju li jittieħdu in kunsiderazzjon dawn l-osservazzjonijiet sabiex tiġi evalwata l-kompatibilità ta’ l-għajnuna mas-suq komuni, peress li din l-affermazzjoni mhix kwantitattiva u probabbilment ma tistax tkun u li affermazzjoni bħal din ma tikkonċernax direttament il-parti li tirrigwarda "żvilupp" tat-tranżazzjoni Le Levant. Billi tagħmel dan, il-Kummissjoni rrifjutat li teżamina d-data dwar suq eventwali tal-kruċieri fl-arċipelagu, jew f’postijiet oħra, li setgħu jkunu affettwati bid-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

125   Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma tippermetix li jiġi mifhum kif l-għajnuna in kwistjoni hawnhekk tikkorrispondi għal tlieta mill-erba’ kundizzjonijiet definiti fl-Artikolu 87(1) KE sabiex tiġi stabbilita l-inkompatibilità ta’ l-imsemmija għajnuna fir-rigward tas-suq komuni.

126   Minbarra dan, hemm lok li jiġi rrilevat li l-għajnuna kienet mogħtija b’applikazzjoni ta’ sistema fiskali – il-loi Pons – li tawtorizza tnaqqis fiskali għall-investiment imwettaq fid-dipartimenti u t-territorji extra-Ewropej, u li din is-sistema kienet ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni fl-1992 (premessi 5 u 16).

127   Il-komunikat stampa ppublikat mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Diċembru 1992 dwar il-loi Pons indika li l-evalwazzjoni tagħha kienet ibbażata "fuq is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej li tiġġustifika ż-żamma tagħhom fiż-żoni setgħu jibbenefikaw mid-deroga tagħhom prevista fl-Artikolu 92(3)(a) tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 87(3)(a) KE]". Din id-deroga tkopri s-sitwazzjoni ta’ l-għajnuniet destinati sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni li fihom il-livell tal-ħajja hija anormalment baxxa jew li fiha hemm sitwazzjoni gravi fejn in-nies jistgħu jaħdmu inqas milli attwalment jifilħu jaħdmu.

128   Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġi mifhum kif l-għajnuna in kwistjoni ma tistax tibbenefika mid-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra miżuri fiskali previsti mil-loi Pons, fir-rigward b’mod partikulari ta’ l-investimenti produttivi fis-settur tat-turiżmu f’Saint-Pierre-et-Miquelon.

129   Għalhekk, għandu jingħad li l-prassi preċedenti tal-Kummissjoni turi li, f’deċiżjonijiet oħra li jirrigwardaw l-għajnuniet għall-kostruzzjoni navali, hija eżaminat jekk il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87(1) KE kienux sodisfatti [Deċiżjoni Cosco; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/657/KE, tat-3 ta’ Marzu 1999, dwar għajnuna konċessa mill-Ġermanja bħala għajnuna għall-iżvilupp lill-Indoneżja għall-kostruzzjoni ta’ żewġ dredġers minn Volkswerft Stralsund u l-bejgħ tagħhom lill-Pengerukan (Rukindo) (ĠU L 259, p. 19), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/675/KE, tat-8 ta’ Lulju 1999, dwar l-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-kumpannija Kvaener Warnow Werft GmbH (ĠU L 274, p. 23)].

130   B’mod partikulari, fid-Deċiżjoni Cosco, il-Kummissjoni eżaminat l-għajnuna mhux biss mill-perspettiva ta’ l-Artikolu 4(7) tas-Seba’ Direttiva, iżda wkoll fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 87(1) KE. F’din il-kawża, l-għajnuna in kwistjoni kienet għajnuna għall-iżvilupp li l-Gvern Ġermaniż kien qed jaħseb li jikkonċedi lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina taħt il-forma ta’ kreditu għall-finanzjament tal-bastimenti li jġorru l-kontejners. Dawn il-bastimenti kellhom jiġu operati minn Cosco, kumpannija ta’ l-Istat stabbilita f’Peking. Il-kostruzzjoni ta’ dawn il-bastimenti kellha ssir fil-Ġermanja minn tarzniet navali Ġermaniżi. F’dan il-każ partikulari, fid-Deċiżjoni Cosco, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna in kwistjoni xekklet jew kienet thedded li xxekkel il-kompetizzjoni fis-suq komuni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, kemm fis-settur tal-kostruzzjoni tal-bastimenti kif ukoll f’dak tat-trasport marittimu, b’mod li jmur kontra l-interess komuni, fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

131   Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi difett ta’ motivazzjoni b’mod li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhix f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

132   Konsegwentement, id-disa’ motiv għandu jiġi meqjus ukoll bħala infondat, u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tal-motivazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 253 KE, mingħajr ma hemm ħtieġa li jiġu eżaminati l-ilmenti u l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti.

 Fuq il-possibbiltà għar-rikorrenti u l-Kummissjoni li jistrieħu fuq ċerti dokumenti annessi mar-rikors

–       L-Argumenti tal-partijiet

133   Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma jistgħux jistrieħu, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, fuq elementi ta’ fatt li ma jagħmlux parti mill-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1999, Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, T‑110/97, Ġabra p. II‑2881, punt 102), filwaqt li tirrileva li l-kwistjoni dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-imsemmija proċedura hija diskussa fil-kuntest tal-mertu tal-kawża. Dawn l-elementi jkunu superfluwi meta huma jirrepetu fatti esposti fid-dokumenti li jagħmlu parti mill-proċedura amministrattiva u inammissibbli meta huma jqajjmu elementi ta’ fatti li ma kinux jiffurmaw parti mill-proċedura amministrattiva. Dwar dan l-aħħar titolu, ir-rikorrenti ma jmisshomx jistrieħu fuq id-dokumenti segwenti fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja: it-talba ta’ approvazzjoni tat-tranżazzjoni Le Levant ippreżentata mill-Bank u mis-CIL fid-19 ta’ Awwissu 1996, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tat-tranżazzjoni mogħtija mill-Ministru tal-Baġit Franċiż fis-26 ta’ Novembru 1996, il-memorandum u l-avviz tal-Kummissjoni tat-tranżazzjonijiet tal-Borża Franċiża tat-3 ta’ Diċembru 1996, il-protokoll ta’ ftehim tad-9 ta’ Diċembru 1996 bejn il-Bank u s-CIL, il-mandat ta’ tmexxija ta’ l-operat tal-bastiment minn CIL, il-konvenji għall-bejgħ u xiri bejn il-Bank u s-CIL u l-konvenji għall-bejgħ u xiri bejn l-EURL u l-Bank.

134   Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li hu leġittimu għaliha, għal dak li jirrigwardaha, li tibbaża ruħha fuq dawn id-dokumenti sabiex tistabbilixxi li t-talbiet tar-rikorrenti mhumiex fondati u li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha s-setgħa li tikkunsidra dan.

135   Ir-rikorrenti jgħidu li r-raġunament tal-Kummissjoni jissupponi li l-proċedura amministrattiva timxi b’mod trasparenti u ġust, li ma kienx il-każ fil-kawża preżenti. Barra minn hekk, id-dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni jkollhom neċessarjament ikunu eżaminati fil-kuntest tar-rikors, peress li huma marbuta mal-motivi ta’ annullament li huma invokati. Minbarra dan, dawn id-dokumenti u l-asserzjonijiet li jirriżultaw ma jirrigwardawx l-proċedura amministrattiva, iżda jirrigwardaw it-tranżazzjoni Le Levant, u dawn jippermettu li jiġu identifikati l-iżbalji metodoloġiċi mwettqa mill-Kummissjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

136   Skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat bis-saħħa ta’ l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att Komunitarju għandu jiġi evalwat skond l-elementi ta’ fatt eżistenti fid-data meta l-att ġie adottat. B’mod partikulari, il-kunsiderazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati biss skond l-elementi biss li din kienet kellha fil-mument meta huma wettquhom (sentenza tat-3 ta Ottubru 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punt 81; Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 47, u tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle vs Il-Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, li għandhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 67).

137   F’dan il-każ partikulari, il-kwistjoni dwar l-użu tad-dokumenti in kwistjoni mhix importanti aktar, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tannulla d-deċiżjoni kkontestata għal difetti ta’ proċedura u nuqqas ta’ motivazzjoni.

138   Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tat-tieni motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni injorat l-obbligi tagħha u li hi ma adottatx l-miżuri neċessarji sabiex tippermetti lir-rikorrenti li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

139   Għalhekk, ir-rikorrenti setgħu jipprevalu mid-dokumenti in kwistjoni sabiex isostnu t-talba tagħhom ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-Kummissjoni setgħet tikkontesta dawn l-argumenti fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja. Madankollu, fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni ta’ l-imsemmija dokumenti mill-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet issir biss fil-limiti tal-poteri li tiddisponi minnhom. Fil-fatt, jekk dawn id-dokumenti kienu jinkludu elementi ta’ fatt li setgħu jikkontradixxu l-elementi ta’ fatt li kienet tiddisponi minnhom il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u li fuq il-bażi tagħhom hija adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tieħu post il-Kummissjoni sabiex tevalwa l-effett ekonomiku jew ġuridiku li l-imsemmija fatti setgħu jkollhom fuq l-analiżi tagħha. Kif ġustament issostni l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha (difiża, punt 110), kieku il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet eżerċizzju bħal dan, hija kienet tkun qed twettaq l-analiżi tagħha stess u kienet tasal għall-konklużjonijiet tagħha mill-fatti ġodda allegati minflok tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni ikkontestata. Din mhijiex il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Jekk l-imħallef Komunitarju ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu fil-fatt, b’mod partikulari fuq il-livell ekonomiku, għal dik ta’ l-awtur tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 23, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, Ġabra p. II‑2319, punt 130), aktar u aktar ma jistax jagħmel evalwazzjoni de novo fejn jibbaża ruħu fuq fatti li ma kinux jagħmlu parti mill-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

140   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawza għandha tbati l-ispejjez, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet fit-talbiet tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjez tagħha stess u l-ispejjez tar-rikorrenti, inkluzi dawk relatati mal-proċedura sommarja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeciedi :

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/882/KE, tal-25 ta’ Lulju 2001, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat implimentata minn Franza fil-forma ta’ għajnuna għall-iżvilupp għall-bastiment tal-kruċieri Le Levantmibni minn Alstom Leroux Naval u destinat li jintuża f’Saint-Pierre-et-Miquelo hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u l-ispejjeż tar-rikorrenti, inkluzi dawk relatati mal-proċedura sommarja.

Vesterdorf

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

 

       Trstenjak

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-22 ta’ Frar 2006.

E. Coulon

 

       B. Vesterdorf

Reġistratur

 

      il-President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-‘Loi Pons’ u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet abbażi ta’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/684/KEE fuq l-għajnuna għall-kostruzzjoni tal-bastimenti

Dispożizzjonijiet rigward il-proċedura amministrattiva

Fatti li wasslu għall-kawża u l-proċeduri

Deskrizzjoni tat-tranżazzjoni Le Levant

Proċedura amministrattiva

Id-Deċiżjoni kkontestata

Proċeduri ġurisdizzjonali

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal dak li jirrigwarda ċerti rikorrenti

1. Fuq il-poteri stabbiliti f’isem ċerti EURL

– L-Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2. Fuq il-poteri stabbiliti minn ċerti persuni fiżiċi f’isimhom stess

– L-Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-mertu

1. Fuq it-tieni motiv

– L-Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE u d-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

– L-Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-possibbiltà għar-rikorrenti u l-Kummissjoni li jistrieħu fuq ċerti dokumenti annessi mar-rikors

– L-Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.