Language of document : ECLI:EU:T:2006:349

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

16 ta' Novembru 2006 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedura ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali Lyco-A – Ammissibbiltà ta' l-appell quddiem il-Bord ta' l-Appell – Spejjeż tal-proċedura – Tqassim”

Fil-kawża T‑32/04,

Lichtwer Pharma AG, stabbilita f'Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Kunz-Hallstein u R. Kunz-Hallstein, avocats,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Weberndörfer, bħala aġent,

konvenut,

bil-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI li hija

Laboratoire L. Lafon SA, stabbilita f' Maisons-Alfort (Franza),

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-13 ta' Novembru 2003 (każ R 1007/2002-4), safejn din id-deċiżjoni ddeċidiet dwar it-tqassim ta' l-ispejjeż sostnuti għall-għanijiet tal-proċeduri ta' oppożizzjoni u ta' appell,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Jannar 2004,

wara li rat ir-risposta ta' l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Ġunju 2004,

wara s-seduta tat-2 ta' Frar 2006

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-23 ta' Ġunju 1999, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat (aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 40/94"). It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Lyco-A għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 5, 29 u 30 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

2        Queisser Pharma GmbH & Co. ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba, ibbażata fuq it-trade mark preċedenti LYCO PROTECT. Bid-deċiżjoni Nru 3111/2002, tat-30 ta' Ottubru 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni ta' Queisser Pharma minħabba nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni. L-ebda appell ma ġie ppreżentat kontra din id-deċiżjoni.

3        Laboratoire L. Lafon SA ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba, ibbażata fuq it-trade mark preċedenti LYOC. Bid-deċiżjoni Nru 3108/2002, tat-30 ta' Ottubru 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni ta' Laboratoire L. Lafon minħabba nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni.

4        Medicom Pharma AG ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba, ibbażata fuq it-trade mark preċedenti LYCO Q10. Bid-deċiżjoni Nru 3110/2002, tal-31 ta' Ottubru 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni ta' Medicom Pharma u rrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba. L-ebda appell ma ġie ppreżentat kontra din id-deċiżjoni.

5        Fis-16 ta' Diċembru 2002, Laboratoire L. Lafon ippreżentat nota quddiem l-UASI, li fiha indikat kif ġej:

"Skond l-Artikoli 57, 58 u 59 tar-[Regolament Nru 40/94], aħna ninformawkhom li Laboratoire L. Lafon għandha l-intenzjoni tappella kontra [d-deċiżjoni Nru 3108/2002]. Għalhekk, nitolbukhom sabiex tiddebitaw immedjatament il-kont tagħna […] għas-somma ta' EUR 800. In-nota li tispjega l-motivi ta' l-appell ser tkun ippreżentata qabel it-28 ta' Frar [2003]."

6        Fit-3 ta' Frar 2003, Laboratoire L. Lafon ippreżentat nota li tispjega l-motivi ta' l-appell.

7        Fil-21 ta' Marzu 2003, l-UASI informa lir-rikorrenti u lil Laboratoire L. Lafon li d-deċiżjoni Nru 3110/2002, tal-31 ta' Ottubru 2002, li laqgħet l-oppożizzjoni ta' Medicom Pharma, kienet saret waħda finali.

8        Fl-10 ta' April 2003, ir-rikorrenti ppreżentat nota li fiha hija osservat li l-appell kien tilef il-bażi tiegħu u, fil-11 ta' April 2003, Laboratoire L. Lafon ippreżentat nota li fiha hija osservat li l-proċedura kienet intemmet.

9        B'deċiżjoni tat-13 ta' Novembru 2003 (każ R 1007/2002-4) (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-Raba' Bord ta' l-Appell ikkonstata li l-proċedura ta' l-appell kienet saret mingħajr suġġett minħabba r-rifjut definittiv għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba mir-rikorrenti. Minbarra dan, bl-imsemmija deċiżjoni, il-Bord ta' l-Appell ikkundanna lir-rikorrenti għad-drittijiet u l-ispejjeż tal-proċedura ta' oppożizzjoni u tal-proċedura ta' appell. Fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell immotiva d-deċiżjoni tiegħu fuq l-ispejjeż kif ġej:

"Peress li l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Lyco-A ġiet miċħuda ex tunc, għalkemm fi proċedura distinta, il-konvenuta kienet ħa tkun il-parti telliefa fil-proċedura f'din il-kawża wkoll. Għalhekk, hija għandha tbati d-drittijiet u l-ispejjeż sostnuti għall-għanijiet tal-proċeduri ta' oppożizzjoni u ta' appell."

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

11      L-UASI qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, fis-sustanza, tliet motivi ta' annullament. Fil-kuntest ta' l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regola 48(1)(ċ) u tar-Regola 49(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), kif emendat (aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 2868/95"), kif ukoll tal-prinċipju ta' trattament ugwali, peress li tikkunsidra li l-Bord ta' l-Appell kien marbut li jiddikjara inammissibbli l-appell imressaq kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 81(4) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-prinċipju ta' ekwità, safejn il-Bord ta' l-Appell eżerċita b'mod żbaljat id-diskrezzjoni tiegħu fir-rigward tat-tqassim ta' l-ispejjeż tal-proċedura. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-UASI kien obbligat, skond ir-Regoli 21 u 51 tar-Regolament Nru 2868/95, iħallas lura lill-partijiet in-nofs tad-drittijiet ta' oppożizzjoni u l-ispejjeż kollha ta' l-appell. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li għandha l-ewwel teżamina t-tieni motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li r-rikorrenti kienet ħa tkun il-parti telliefa fil-proċedura kontenzjuża u kellha, minħabba dan il-fatt, tbati l-ispejjeż marbuta ma' din il-proċedura, hija żbaljata.

14      Ir-rikorrenti tikkunsidra, l-ewwel nett, li l-Bord ta' l-Appell għamel applikazzjoni żbalajata ta' l-Artikolu 81(4) tar-Regolament Nru 40/94. F'dan ir-rigward, hija tikkunsidra li interpretazzjoni ta' din id-dispożizzjoni fid-dawl tad-dritt Ġermaniż, li kien serva ta' eżempju għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-regolament, turi li l-Bord ta' l-Appell kien imissu vverifika x'kien ser ikun ir-riżultat probabbli tal-proċedura ta' oppożizzjoni pendenti bejn ir-rikorrenti u Laboratoire L. Lafon. Hija tikkunsidra, minbarra dan, li l-fatt li tintlaqa' oppożizzjoni ma jistax iwassal għar-rifjut tat-trade markex tunc, iżda biss ex nunc. Fil-każ kuntrarju, l-UASI jkollu jħallas lura, fl-eventwalità li tintlaqa' l-oppożizzjoni, id-drittijiet kollha ta' oppożizzjoni marbuta mal-proċeduri l-oħrajn li għadhom pendenti, peress li t-talba tkun ikkunsidrata bħala li qatt ma eżistiet. Ir-rikorrenti tiċċita f'dan ir-rigward ir-Regola 19(3) tar-Regolament Nru 2868/95. Ir-rikorrenti tikkunsidra, fl-aħħar nett, li r-Regola 21 tar-Regolament Nru 2868/95 turi li l-intenzjoni tal-leġiżlatur ma kinitx li l-parti li titlef il-kawża tkun ikkundannata tbati l-ispejjeż marbuta mal-proċeduri kollha ta' oppożizzjoni pendenti.

15      Ir-rikorrenti tikkunsidra, it-tieni nett, li l-motivazzjoni mogħtija mill-Bord ta' l-Appell ma tiġġustifikax deroga għall-ekwità. Skond ir-rikorrenti, il-prinċipju ta' ekwità jeżiġi li l-ispejjeż jitqassmu bejn tnejn meta, bħal f'din il-kawża, waħda mill-oppożizzjonijiet imressqa kontra l-istess applikazzjoni għal trade mark Komunitarja twassal għar-rifjut tagħha. Skond ir-rikorrenti, mid-direttivi dwar il-proċeduri quddiem l-UASI, jirriżulta li l-kundanna sabiex ikunu sostnuti l-ispejjeż kollha ma tikkostitwixxix ir-regola ħlief meta waħda mill-partijiet ittemm il-proċedura. Hija tfakkar li, fil-paġna 130 ta' l-abbozz ta' direttivi dwar il-proċedura ta' oppożizzjoni, huwa indikat kif ġej :

"Meta ma tingħata l-ebda deċiżjoni fuq il-fatti, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni għandha diskrezzjoni dwar l-ispejjeż (Artikolu 81(4) tar-[Regolament Nru 40/94]). L-Uffiċċju ma jistax jiddetermina liema mill-partijiet hija "rebbieħa jew telliefa" u, għalhekk, b'applikazzjoni tal-prinċipju ta' ekwità, kull parti għandha tbati l-ipejjez tagħha." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      L-UASI jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

17      Skond l-Artikolu 81(4) tar-Regolament Nru 40/94, "[m]eta każ ma jasalx għal deċiżjoni, l-ispejjeż għandhom ikunu fid-diskrezzjoni […] [ta]l-Bord ta’ l-Appell".

18      Mill-formulazzjoni ta' din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell għandu marġni ta' diskrezzjoni wiesa' fit-tqassim ta' l-ispejjeż tal-proċedura fil-kuntest ta' deċiżjoni li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu [ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2005, Schäfer vs UASI – KoKa (Mike’s MEALS ON WHEELS), T‑163/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 55). F'ċirkustanzi bħal dawn, il-Qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord ta' l-Appell. Madankollu, huwa obbligu tagħha li tivverifika jekk, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li setgħu wassluh għall-evlawazzjoni tiegħu, il-Bord ta' l-Appell kienx qabeż il-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu u jekk kienx uża din id-diskrezzjoni tiegħu b'mod manifestament żbaljat.

19      Għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata, l-ewwel nett, li l-proċedura ta' l-appell kienet saret mingħajr suġġett minħabba r-rifjut definittiv tar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba mir-rikorrenti u, sussegwentament, ikkundanna lil din ta' l-aħħar, abbażi ta' l-Artikolu 81(4) tar-Regolament Nru 40/94, sabiex tbati d-drittijiet u l-ispejjeż sostnuti għall-għanijiet tal-proċeduri ta' oppożizzjoni u ta' appell.

20      F'dan ir-rigward, il-Bord ta' l-Appell immotiva d-deċiżjoni tiegħu billi stqarr li, "[p]eress li l-applikazzjoni għat-trade mark […] ġiet miċħuda extunc, għalkemm fi proċedura distinta, [ir-rikorrenti] kienet ħa tkun il-parti telliefa fil-proċedura f'din il-kawża wkoll".

21      L-ewwel nett, hemm qbil li l-proċedura ta' oppożizzjoni li wasslet għar-rifjut tat-trade mark mitluba mir-rikorrenti u l-proċedura ta' oppożizzjoni kontra din it-trade mark imressqa minn Laboratoire L. Lafon, li l-Bord ta' l-Appell kellu quddiemu f'din il-kawża, huma bbażati fuq elementi ta' fatt distinti. Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti f'kull waħda minn dawn il-proċeduri timplika t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt invokati f'kull każ mill-partijiet.

22      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li kienet intlaqgħat l-oppożizzjoni, għalkemm ħalla l-proċeduri paralleli mingħajr suġġett, bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi stabbilit liema waħda mill-partijiet għal dawn il-proċeduri parallelli kienet ħa titlef. Fil-fatt, id-determinazzjoni tal-parti telliefa fi proċedura speċifika ma tistax tistrieħ fuq is-suġġett u l-kuntest fattwali u ġuridiku ta' dik il-proċedura, kif iddefiniti mit-talbiet tal-partijiet.

23      Minbarra dan, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-effetti ta' deċiżjoni ta' rifjut ta' applikazzjoni għal trade mark, il-kundanna ta' l-applikant għal trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha kienet miċħuda sabiex ibati l-ispejjeż magħmula f'kull proċedura parallella eventwali ma tistax tirriżulta awtomatikament, kif tippreżumi d-deċiżjoni kkontestata, mid-deċiżjoni li tilqa' waħda mill-oppożizzjonijiet imressqa kontra din l-applikazzjoni.

24      Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li r-rikorrenti ġustament issostni li l-motivazzjoni tal-Bord ta' l-Appell hija vvizzjata minn żball manifest safejn dan ta' l-aħħar ikkunsidra li, minħabba r-rifjut ta' l-applikazzjoni għal trade mark fi proċedura ta' oppożizzjoni oħra, ir-rikorrenti kellha tkun il-parti telliefa fil-proċedura ta' oppożizzjoni għal din it-trade mark imressqa minn Laboratoire L. Lafon u kellha, minħabba dan il-fatt, tbati d-drittijiet u l-ispejjeż sostnuti għall-għanijiet tal-proċeduri ta' oppożizzjoni u ta' appell. Permezz ta' evalwazzjoni bħal din, il-Bord ta' l-Appell eċċeda l-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu fid-dawl ta' l-Artikolu 81( 4) tar-Regolament Nru 40/94.

25      Għalhekk, il-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

26      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Il-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) tat-13 ta' Novembru 2003 (każ R 1007/2002-4) huwa annullat.

2)      L-UASI huwa ordnat ibati l-isejjeż.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta' Novembru 2006.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.