Language of document : ECLI:EU:T:2010:322

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

tad-29 ta’ Lulju 2010

Kawża T-475/08 P

Radu Duta

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Pożizzjoni ta’ référendaire — Appell manifestament inammissibbli”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Settembru 2008, Duta vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (F-103/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑277 u II‑A‑1‑1481), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Radu Duta għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea marbuta ma’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Proċedura — Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-kawża — Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2), l-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1), u Artikolu 144)

2.      Appell — Aggravji — Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 141(2))

1.      Mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagarfu tal-Artikolu 138(1), tal-Artikolu 48(2) u tal-Artikolu 144 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li appell għandu jkun fih, b’mod partikolari, espożizzjoni fil-qosor tal-aggravji invokati u li huwa pprojbit li jiġu ppreżentati motivi ġodda fil-mori ta’ kawża, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

(ara l-punt 28)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, C‑430/00 P, Ġabra p. I‑8547, punt 17; Il-Qorti Ġenerali 19 ta’ Jannar 2010, De Fays vs Il-Kummissjoni, T‑355/08 P, punt 34

2.      Ilment li ma huwiex intiż speċifikament sabiex jiġi identifikat l-iżball ta’ liġi li allegatament hija vvizzjata bih is-sentenza appellata u li essenzjalment sempliċement jirrepeti l-argumenti diġà ppreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkostitwixxi, fir-realtà, talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u dan imur lil hinn mill-kompetenza tal-qorti tal-appell.

(ara l-punt 32)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, Ġabra p. I‑2803, punt 77, u l-ġurisprudenża ċċitata; Il-Qorti tal-Ġustizzja 20 ta’ Settembru 2006, Ouariachi vs Il-Kummissjoni, C‑4/06 P, Ġabra p. I-94, punt 24