Language of document : ECLI:EU:C:2020:564

Kawża C-550/18

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Irlanda

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Lulju 2020

“ Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Assenza ta’ traspożizzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba ta’ kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa”

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta' obbligu– Eżami tal-fondatezza mill-Qorti tal-Ġustizzja – Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni – Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata

(Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punti 30, 32)

2.        Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Implimentazzjoni mill-Istati Membri – Direttiva li tipprevedi għall-implimentazzjoni tagħha billi tirreferi għaliha fid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali – Effett – Obbligu tal-Istati Membri li jadottaw att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-direttiva

(Artikolu 3 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2015/849, Artikolu 67)

(ara l-punt 31)

3.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu– Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn direttiva – Obbligu tagħha li tikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni – Portata

Artikolu 260(3) TFUE

(ara l-punti 54 sa 56)

4.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu– Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn direttiva – Obbligu li jiġu kkomunikati miżuri ta’ traspożizzjoni – Talba mill-Kummissjoni biex tikkundanna lill-Istat Membru kkonċernat għal piena pekunjarja – Setgħa diskrezzjonali – Effett – Assenza ta’ obbligu li jiġġustifika każ b'każ id-deċiżjoni tagħha li tfittex sanzjoni pekunjarja – Obbligu li jiddikjara n-natura u l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja mfittxija – Teħid inkunsiderazzjoni tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

Artikolu 260(3) TFUE

(ara l-punti 58 sa 63)

5.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas li tinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva – Sanzjonijiet pekunjarji – Somma f’daqqa – Nuqqas li ma jkunx kompla sakemm jiġu eżaminati l-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja – Assenza ta’ effett – Nuqqas li jkompli jippersisti għal żmien twil - Sanzjoni mhux sproporzjonata

Artikolu 260(3) TFUE

(ara l-punti 74 sa 77)

6.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva – Sanzjonijiet pekunjarji – Setgħa diskrezzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kriterji

Artikolu 260(3) TFUE

(ara l-punti 78 sa 80)

7.        Rikors għal nuqqas ta' twettiq ta’' obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva – Sanzjonijiet pekunjarji – Somma f’daqqa – Determinazzjoni tal-ammont – Kriterji

Artikolu 260(3) TFUE

(ara l-punti 81 sa 98)

Sunt

Ir-Rumanija u l-Irlanda huma kkundannati jħallsu lill-Kummissjoni, rispettivament, somma f’daqqa fl-ammont ta’ EUR 3 000 000 u ta’ EUR 2 000 000

Dawn iż-żewġ Stati Membri ma ttrasponewx, fit-terminu previst, b’mod komplet id-Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu

Id-Direttiva 2015/849 (1) hija intiża għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. L-Istati Membri kellhom jittrasponu din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom sa mhux iktar tard mis-26 ta’ Ġunju 2017 u kellhom jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea bil-miżuri adottati f’dan ir-rigward.

Fis-27 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żewġ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, billi qieset li r-Rumanija, minn naħa, u l-Irlanda, min-naħa l-oħra, ma kinux ittrasponew b’mod komplet id-Direttiva 2015/849 fit-terminu li kien ġie stabbilit lilhom fl-opinjonijiet motivati rispettivi, u lanqas ma kienu kkomunikaw il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni korrispondenti. Barra minn hekk, hija talbet, abbażi tal-Artikolu 260(3) TFUE  (2), li r-Rumanija u l-Irlanda jiġu kkundannati, minn naħa, għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, mid-data tal-għoti tas-sentenza minħabba li naqsu mill-obbligu li jikkomunikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din l-istess direttiva, u min-naħa l-oħra, għall-ħlas ta’ somma f’daqqa. Sussegwentement, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet qiegħda tirrinunzja parzjalment għar-rikors tagħha sa fejn ma għadhiex titlob l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, peress li din it-talba ma għadx għandha skop wara t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2015/849 fid-dritt Rumen u fid-dritt Irlandiż.

F’dan il-kuntest, ir-Rumanija u l-Irlanda kkontestaw l-applikazzjoni tas-sistema ta’ sanzjonijiet prevista fl-Artikolu 260(3) TFUE. Dawn iż-żewġ Stati Membri sostnew ukoll li t-talba tal-Kummissjoni li jiġi impost il-ħlas ta’ somma f’daqqa mhux biss ma hijiex iġġustifikata, iżda wkoll sproporzjonata fid-dawl tal-fatti tal-każ u tal-għan ta’ dan it-tip ta’ sanzjoni pekunjarja. Huma kkritikaw lill-Kummissjoni li ma mmotivatx, b’mod iddettaljat, u każ b’każ, id-deċiżjoni tagħha li titlob l-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni f’dan il-każ.

Permezz ta’ żewġ sentenzi mogħtija mill-Awla Manja, fis-16 ta’ Lulju 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikorsi ppreżentati mill-Kummissjoni. Għalhekk, hija kkonstatat, fl-ewwel lok, li, fl-iskadenza tat-terminu li kien ġie ffissat lilhom fl-opinjoni motivata, ir-Rumanija u l-Irlanda la kienu adottaw il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 u lanqas ikkomunikaw tali miżuri lill-Kummissjoni u li, għaldaqstant, huma naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt din id-direttiva.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE japplika fil-kawżi preżenti (3). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-“obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu”, fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE, huwa marbut mal-obbligu tal-Istati Membri li jittrażmettu informazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Il-konformità ma’ dan l-obbligu kienet timplika f’dawn il-kawżi għall-Istati Membri li jindikaw, għal kull dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha. Filwaqt li rrilevat li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet in-nuqqas ta’ komunikazzjoni mir-Rumanija u mill-Irlanda tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 fit-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, l-ewwel nett, li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha timmotiva każ b’każ id-deċiżjoni tagħha li titlob sanzjoni pekunjarja skont l-Artikolu 260(3) TFUE. Fil-fatt, hija qieset li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jistgħux ikunu iktar restrittivi minn dawk li jipprevedu l-implementazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE, sa fejn l-Artikolu 260(3) TFUE jikkostitwixxi biss modalità aċċessorja tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li l-implementazzjoni tagħha taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżerċita stħarriġ ġudizzjarju. Din l-assenza ta’ motivazzjoni ma taffettwax il-garanziji proċedurali tal-Istat Membru inkwistjoni, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, meta timponi tali sanzjoni, hija suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Kummissjoni tibqa’ obbligata timmotiva n-natura u l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja mitluba, billi tieħu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward il-linji gwida li hija adottat, peress li, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss setgħa diskrezzjonali limitata. Fil-fatt, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas minn din tal-aħħar, il-proposti tal-Kummissjoni jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura tas-sanzjoni pekunjarja li hija tista’ timponi u fir-rigward tal-ammont massimu tas-sanzjoni li hija tista’ tiddeċiedi.

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-għan segwit bl-introduzzjoni tal-mekkaniżmu li jinsab fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jtemmu, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, ikollu t-tendenza li jippersisti, iżda wkoll li jnaqqas u jħaffef il-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva skont din id-direttiva. Għalhekk, hija ddeċidiet li rikors tal-Kummissjoni, bħal f’dan il-każ, li kien jitlob l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa ma jistax jiġi miċħud bħala sproporzjonat għas-sempliċi raġuni li għandu bħala suġġett nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, filwaqt li kompla matul iż-żmien, intemm fil-mument tal-eżami tal‑fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ippersista matul perijodu twil.

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kalkolu tas-somma f’daqqa li huwa xieraq li jiġi impost f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam kif inkwadrat mill-proposti tal-Kummissjoni, hija għandha tiffissa l-ammont tas‑somma f’daqqa li għall-ħlas tagħha Stat Membru jista’ jiġi kkundannat skont l‑Artikolu 260(3) TFUE b’tali mod li din tkun, minn naħa, adattata għaċ-ċirkustanzi u, min‑naħa l-oħra, proporzjonata mal-ksur imwettaq. Il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinkludu l‑gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità tal-Istat Membru biex iħallas.

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-gravità tal-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li għalkemm ir-Rumanija u l-Irlanda temmew in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-mori tal-kawża, xorta jibqa’ l-fatt li dan in-nuqqas kien jeżisti fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjonijiet motivati rispettivi, b’tali mod li l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ma kinitx żgurata f’kull ħin.

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li dan għandu, bħala prinċipju, jitqies li seħħ fid-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti, jiġifieri fid-data tal-għeluq tal-proċedura. Fir-rigward tal-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont tas-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta skont l-Artikolu 260(3) TFUE, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall‑evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (użata għad-determinazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum li għandhom jiġu imposti), iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jittrasponu d-direttivi fit-termini stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u jiżguraw l-effettività sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Kwalunkwe soluzzjoni oħra twassal, barra minn hekk, sabiex tiġi kkontestata l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jistabbilixxu d-data li fiha l-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom għandhom jidħlu fis-seħħ u sabiex jingħata terminu ta’ traspożizzjoni addizzjonali, li t-tul tiegħu jvarja, barra minn hekk, skont il-ħeffa li biha l-Kummissjoni tibda l-proċedura prekontenzjuża, mingħajr ma jkun jista’, madankollu, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ dan it-terminu waqt l-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Rumanija u tal-Irlanda dam għal ftit iktar minn sentejn.

Fir-rigward, it-tielet nett, tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-prodott gross domestiku (PGD) ta’ dan l-Istat Membru, kif kienet fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Konsegwentement, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ dawn il-kawżi u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lir-Rumanija u lill-Irlanda jħallsu lill-Kummissjoni rispettivament somma f’daqqa ta’ EUR 3 000 000 u ta’ EUR 2 000 000.


1      Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73).


2      L-Artikolu 260(3) TFUE jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li timponi sanzjoni finanzjarja (somma f'daqqa jew penalità ta’ kuljum) fuq l-Istat Membru kkonċernat fil-każ ta’ nuqqas ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-“obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva tal-Unjoni” lill-Kummissjoni.


3      Il-Qorti applikat din id-dispożizzjoni tat-TFUE għall-ewwel darba fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE - Netwerks tal-broadband) (C-543/17, UE: C: 2019: 573).