Language of document : ECLI:EU:T:2024:110

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża)

21 ta’ Frar 2024 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli favur ċerti gruppi b’interess ekonomiku (GIE) u l-investituri tagħhom – Sistema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja għall-akkwist ta’ bastimenti (sistema Spanjola tat-taxxa tal-lokazzjoni) – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru parzjali tagħha – Tmiem parzjali tas-suġġett tat-tilwima – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni parzjali – Għajnuna ġdida – Irkupru – Klawżoli kuntrattwali li jipproteġu l-benefiċjarji kontra l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali”

Fil-Kawżi magħquda T‑29/14 u T‑31/14,

Telefónica Gestión Integral de Edificios y Servicios, SL, li kienet Taetel, SL, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn E. Navarro Varona, P. Vidal Martínez, J. López-Quiroga Teijero, G. Canalejo Lasarte u A. Pérez Hernández, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑29/14,

Banco Santander, SA, li kienet Banco Popular Español, SA, stabbilita f’Madrid, irrappreżentata minn E. Abad Valdenebro, R. Calvo Salinero u A. Lamadrid de Pablo, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑31/14,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Carpi Badía u P. Němečková, bħala aġenti, assistiti minn M. Segura Catalán, avukata,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík, K. Kecsmár u S. Kingston (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: P. Nuñez Ruiz, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        id-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2014 li għaqqad il-Kawżi T‑29/14 u T‑31/14 għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u dik orali tal-proċedura kif ukoll tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza,

–        id-deċiżjoni tat‑2 ta’ Marzu 2016 li l-proċedura tiġi sospiża sad-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591),

–        id-deċiżjoni tal‑21 ta’ Novembru 2018 li l-proċedura tiġi sospiża sakemm id-deċiżjonijiet li jtemmu l-istanza fil-Kawżi T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV ikunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata,

–        id-deċiżjoni tal‑20 ta’ April 2021 li titkompla l-proċedura,

–        id-deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2022 li tiġi sospiża l-proċedura sad-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-kawżi li kienu taw lok għas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60),

–        il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑22 ta’ Frar 2023 li tistieden lill-partijiet jagħmlu osservazzjonijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), għat-trattament tal-kawżi,

–        it-tweġiba tar-rikorrenti fil-Kawża T‑29/14 tas‑16 ta’ Marzu 2023 li titlob lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-motivi li ma kinux ġew deċiżi fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), u dik tar-rikorrenti fil-Kawża T‑31/14 tas‑16 ta’ Marzu 2023 li tindika, essenzjalment, li hija ma tikkontestax lill-Qorti Ġenerali tikkonstata ex officio li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni skont l-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

–        it-tweġiba tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Marzu 2023, li tgħid li, essenzjalment, il-kwistjonijiet kollha mqajma fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi ġew deċiżi fir-rikorsi kkonċernati bis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), u r-rikorsi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, ħlief fir-rigward tar-raba’ motivi, li fuqhom ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni meta hija tkun adottat il-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza,

–        il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑26 ta’ Mejju 2023 li tistieden lir-rikorrenti fil-Kawża T‑31/14, minn naħa, tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti tal-Artikolu 130(2), jekk hija tixtieq titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni f’din il-kawża u, min-naħa l-oħra, tippreċiża jekk, fl-ipoteżi fejn il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li tingħata deċiżjoni, l-imsemmija talba għandhiex tinftiehem bħala talba għar-rinunzja għall-atti,

–        it-tweġiba tar-rikorrenti fil-Kawża T‑31/14 tad‑9 ta’ Ġunju 2023 tindika, essenzjalment, li hija ma għandhiex l-intenzjoni titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u lanqas li tirrinunzja għar-rikors tagħha.

wara s-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikorsi tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Telefónica Gestión Integral de Edificios y Servicios, SL, li kienet Taetel, SL, u Banco Santander, SA, li kienet Banco Popular Español, SA, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas‑17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

 Fuq idDeċiżjoni kkontestata

2        Wara li tressqu lmenti dwar il-fatt li s-sistema Spanjola tat-taxxa tal-lokazzjoni kif kienet ġiet applikata għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja għall-akkwist ta’ bastimenti (iktar ’il quddiem is-“STL”) kienet tippermetti lill-kumpanniji marittimi jakkwistaw bastimenti mibnija f’tarzni Spanjoli filwaqt li jibbenefikaw minn tnaqqis fil-prezz minn 20 % sa 30 %, il-Kummissjoni Ewropea fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE permezz tad-Deċiżjoni C(2011) 4494 finali tad‑29 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, C 276, p. 5, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali”).

3        Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kkonstatat li s-STL kienet intużat, sad-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, għal tranżazzjonijiet li jikkonsistu fil-kostruzzjoni ta’ bastimenti minn tarzni u l-akkwist tagħhom minn kumpanniji marittimi kif ukoll fil-finanzjament ta’ dawn it-tranżazzjonijiet permezz ta’ struttura legali u finanzjarja ad hoc imfassla minn bank. Is-STL kienet tinvolvi, għal kull ordni ta’ bastiment, kumpannija marittima, tarzna, bank, kumpannija ta’ lokazzjoni u grupp b’interess ekonomiku (GIE) ikkostitwit minn dan il-bank u minn investituri li jakkwistaw sehem f’dan il-GIE. Dan tal-aħħar kien jieħu l-bastiment b’lokazzjoni mingħand kumpannija ta’ lokazzjoni sa mill-bidu tal-kostruzzjoni tiegħu, u sussegwentement kien jikrih lil kumpannija marittima permezz ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ. L-imsemmi GIE kien jimpenja ruħu li jixtri l-imsemmi bastiment fit-tmiem il-kuntratt ta’ lokazzjoni, filwaqt li l-kumpannija marittima kienet timpenja ruħha li tixtrih fit-tmiem tal-kuntratt ta’ lokazzjoni mingħajr ekwipaġġ. Skont id-Deċiżjoni kkontestata, din kienet skema ta’ ppjanar tat-taxxa intiża sabiex tiġġenera vantaġġi fiskali favur investituri miġbura fi ħdan GIE “fiskalment trasparenti” fis-sens li l-profitti u t-telf irreġistrati mill-GIE kienu ttrasferiti awtomatikament lill-investituri residenti fi Spanja pro rata s-sehem tagħhom fil-GIE, u li tiġi ttrasferita parti minn dawn il-vantaġġi lil kumpannija marittima fil-forma ta’ tnaqqis fuq il-prezz tal-istess bastiment.

4        Il-Kummissjoni kkonstatat li l-operazzjonijiet imwettqa abbażi tas-STL kienu jgħaqqdu ħames miżuri previsti f’diversi dispożizzjonijiet tar-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004, li Japprova t-Test Rivedut tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tal‑5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 61 tal‑11 ta’ Marzu 2004, p. 10951, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji”), u tar-Real Decreto 1777/2004, por el que se aprueba el Reglamento del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Irjali 1777/2004 li Japprova r-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (BOE Nru 189, tas‑6 ta’ Awwissu 2004, p. 28377, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji”). Dawn il-ħames miżuri kienu d-deprezzament aċċellerat tal-assi mogħtija f’lokazzjoni previst fl-Artikolu 115(6) tal-imsemmija liġi, l-applikazzjoni diskrezzjonali tad-deprezzament antiċipat li tirriżulta mill-Artikolu 48(4), mill-Artikolu 115(11) ta’ din il-liġi kif ukoll mill-Artikolu 49 tal-imsemmi regolament, id-dispożizzjonijiet dwar il-GIE, is-sistema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ prevista fl-Artikoli 124 sa 128 tal-istess liġi u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50(3) ta’ dan ir-regolament.

5        Konformement mal-Artikolu 115(6) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, id-deprezzament aċċellerat kien jibda fid-data li fiha l-assi mogħtija f’lokazzjoni kienu fi stat li jiffunzjonaw, jiġifieri mhux qabel ma dawn l-assi kienu kkonsenjati lil-lokatarju, u li dan ikun beda jużahom. Madankollu, l-Artikolu 115(11) tal-imsemmija liġi kien jipprovdi li l-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi Spanjol seta’, fuq talba formali tal-lokatarju, jiffissa data preċedenti għall-bidu tad-deprezzament ikkonċernat. Dan l-artikolu kien jimponi żewġ kundizzjonijiet ġenerali għad-deprezzament antiċipat. Il-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-GIE kienu jinsabu fl-Artikolu 48(4) tal-istess liġi. Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 115(11) ta’ din il-liġi kienet imfissra fid-dettall fl-Artikolu 49 tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji.

6        Is-sistema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ ġiet awtorizzata inkwantu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu tal‑5 ta’ Lulju 1997 (ĠU 1997, C 205, p. 5), kif emendati bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2004) 43 (ĠU 2004, C 13, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida marittimi”) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002) 582 final tas‑27 ta’ Frar 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat N 736/2001 implimentata minn Spanja – Sistema għat-tassazzjoni tal-kumpanniji tat-trasport marittimu skont it-tunnellaġġ (ĠU 2004, C 38, p. 4), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 1931 final, tat‑2 ta’ Ġunju 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat N 528/2003 implimentata minn Spanja. – Emenda tas-sistema għat-tassazzjoni tal-kumpanniji tat-trasport marittimu skont it-tunnellaġġ (ĠU 2005, C 77, p. 29). Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-impriżi rreġistrati f’wieħed mir-reġistri tal-kumpanniji marittimi u li kienu kisbu awtorizzazzjoni mill-amministrazzjoni fiskali għal dan il-għan ma humiex intaxxati skont il-qligħ u t-telf tagħhom, iżda abbażi tat-tunnellaġġ tagħhom. Il-leġiżlazzjoni Spanjola tippermetti lill-GIE jirreġistraw ruħhom f’wieħed minn dawn ir-reġistri, minkejja li ma jkunux kumpanniji marittimi.

7        L-Artikolu 125(2) tat-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji kien jipprevedi proċedura speċjali għall-bastimenti li jkunu diġà akkwistati fil-mument li jgħaddu għas-sistema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ u għall-bastimenti użati akkwistati meta l-impriża kienet diġà tibbenefika minn din is-sistema. Bl-applikazzjoni normali tal-imsemmija sistema, l-eventwali qligħ kapitali kien intaxxat taħt l-istess sistema u kien jiġi preżunt li t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali, għalkemm imdewma, kienet isseħħ meta l-bastiment ikun inbiegħ jew ġie skrepjat. Madankollu, b’deroga minn din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 50(3) tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji kien jipprovdi li, meta l-bastimenti kienu jinxtraw permezz ta’ opzjoni ta’ xiri fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni approvat minn qabel mill-awtoritajiet tat-taxxa, dawn kienu jitqiesu bħala bastimenti ġodda u mhux użati, fis-sens tal-Artikolu 125(2) tal-imsemmija liġi, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn kienu diġà ġew iddeprezzati, b’mod li l-qligħ kapitali eventwali ma kienx intaxxat. Din id-deroga, li ma kinitx ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni, kienet ġiet applikata biss għall-kuntratti ta’ lokazzjoni speċifiċi approvati mill-awtoritajiet tat-taxxa fil-kuntest ta’ talbiet għall-applikazzjoni tad-deprezzament antiċipat skont l-Artikolu 115(11) ta’ din il-liġi, jiġifieri għal bastimenti reċentement mibnija u mikrija, mixtrija permezz ta’ operazzjonijiet li jaqgħu taħt is-STL u, b’eċċezzjoni waħda biss, li joħorġu mit-tarzni Spanjoli.

8        Skont id-Deċiżjoni kkontestata, billi applika dawn il-miżuri kolla, il-GIE kien jirċievi l-vantaġġi fiskali f’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, deprezzament antiċipat u aċċellerat tal-ispiża tal-bastiment ikkonsenjat b’lokazzjoni kien applikat taħt il-qafas normali tat-taxxa fuq il-kumpanniji, li kien iwassal għal telf sinjifikattiv għal dan il-GIE, li, minħabba t-trasparenza fiskali tal-GIE, seta’ jitnaqqas mid-dħul proprju tal-investituri pro rata skont is-sehem tagħhom fl-imsemmi GIE. Filwaqt li dan id-deprezzament antiċipat u aċċellerat kien normalment ikkumpensat, sussegwentement, permezz taż-żieda fit-taxxi li għandhom jitħallsu meta dan il-bastiment kien iddeprezzat għal kollox jew meta dan il-bastiment kien mibjugħ filwaqt li jiġi ġġenerat qligħ kapitali, l-iffrankar mit-taxxa li jirriżulta mit-trasferiment tat-telf inizjali lill-investituri kien jinżamm, fit-tieni stadju, minħabba li l-istess GIE kien jgħaddi għas-sistema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ, li kienet tippermetti l-eżenzjoni sħiħa tal-profitti li jirriżultaw mill-bejgħ tal-imsemmi bastiment lill-kumpannija marittima.

9        Filwaqt li qieset li s-STL kellha tiġi deskritta bħala “sistema”, il-Kummissjoni analizzat ukoll kull waħda mill-miżuri inkwistjoni individwalment. Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, hija ddeċidiet li, fost dawn il-miżuri, dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 115(11) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji dwar id-deprezzament antiċipat, mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ għal impriżi, għal bastimenti jew għal attivitajiet mhux eliġibbli u mill-Artikolu 50(3) tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lill-GIE u lill-investituri tagħhom implimentata illegalment mir-Renju ta’ Spanja mill‑1 ta’ Jannar 2002, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Hija ddikjarat li l-miżuri fiskali inkwistjoni kienu inkompatibbli mas-suq intern, ħlief sa fejn l-għajnuna kienet tikkorrispondi għal remunerazzjoni konformi mas-suq għall-intervent ta’ investituri finanzjarji u sa fejn hija kienet ġiet allokata għal impriżi tat-trasport marittimu li setgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Linji gwida marittimi. Hija ddeċidiet li r-Renju ta’ Spanja kellu jwaqqaf l-applikazzjoni ta’ din l-iskema ta’ għajnuna sa fejn kienet inkompatibbli mas-suq intern u kellu jirkupra l-għajnuna inkompatibbli mingħand investituri tal-GIE li kienu bbenefikaw minnha, mingħajr ma dawn il-benefiċjarji jkunu jistgħu jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru ta’ din l-għajnuna lil persuni oħra.

10      Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma għandux isir l-irkupru tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu impenjaw ruħhom biex jagħtu l-benefiċċju tal-miżuri permezz ta’ att legalment vinkolanti adottat qabel it‑30 ta’ April 2007, li hija d-data tal-pubblikazzjoni f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-Deċiżjoni 2007/256/CE tal‑20 ta’ Diċembru 2006, dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata minn Franza abbażi tal-Artikolu 39 CA tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi – Għajnuna mill-Istat C 46/04 (ex NN 65/04) (ĠU 2007, L 112, p. 41) tagħha.

 Fuq irrikorsi loħra ppreżentati kontra dDeċiżjoni kkontestata

11      Permezz tas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 u T‑719/13, EU:T:2015:1004), il-Qorti Ġenerali laqgħet żewġ rikorsi oħra ppreżentati, kontra d-Deċiżjoni kkontestata, mir-Renju ta’ Spanja u minn Lico Leasing, SA u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, SA (iktar ’il quddiem “PYMAR”), abbażi tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 296 TFUE, u annullat id-Deċiżjoni kkontestata.

12      Permezz tas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 u T‑719/13, EU:T:2015:1004), u bagħtet lura l-Kawżi T‑515/13 u T‑719/13 quddiem il-Qorti Ġenerali.

13      Permezz tas-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV, EU:T:2015:434), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi.

14      Permezz tas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat parzjalment is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV, EU:T:2020:434), u, billi ddeċidiet b’mod definittiv fiż-żewġ rikorsi kkonċernati, hija annullat parzjalment id-Deċiżjoni kkontestata.

15      Fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), il-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, ċaħdet l-appelli fir-rigward tal-argument tal-appellanti dwar l-allegata assenza ta’ selettività tas-STL. Hija ċaħdet ukoll l-appelli fir-rigward tal-aggravji li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, filwaqt li rrilevat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, iżda li ma għandu ebda effett fuq l-evalwazzjoni tagħha. Fl-aħħar nett, hija laqgħet l-aggravju tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV, EU:T:2020:434), fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni. Hija kkunsidrat li, billi llimitat ruħha li tikkonstata li r-rikorrenti ma kinux ikkontestaw l-indikazzjoni tal-benefiċjarji mwettqa fid-Deċiżjoni kkontestata u billi rreferiet ruħha għal-loġika kif ukoll għall-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li ddeduċiet mill-motiv imqajjem li dawn il-partijiet kienu sostnew, impliċitament, iżda neċessarjament, li huma kinux l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, peress li parti kbira minn din tal-aħħar kienet ġiet ittrasferita lill-kumpanniji marittimi, il-Qorti Ġenerali ma kinitx wieġbet għal dan il-motiv. Hija kkonkludiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u annullat l-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward.

16      Filwaqt li ddeċidiet definittivament fuq it-tilwima, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet il-motiv imqajjem minn Lico Leasing u PYMAR li permezz tiegħu dawn il-partijiet sostnew li l-investituri tal-GIE ma kinux l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, peress li parti kbira minn din l-għajnuna kienet ġiet ittrasferita lill-kumpanniji marittimi. Għaldaqstant, hija annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn indika lill-GIE u lill-investituri tagħhom bħala li huma l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni kif ukoll l-Artikolu 4(1) tal-istess deċiżjoni, sa fejn ordna lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna inkwistjoni mingħand investituri tal-GIE li kienu bbenefikaw minnha.

 Ittalbiet talpartijiet

17      Ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata sa fejn fiha kienet ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u ordnat l-irkupru tagħha mingħand investituri tal-GIE;

–        sussidjarjament, tneħħi kull effett mill-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna intiża għall-investituri tal-GIE fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, u tikkonstata li l-metodu ta’ kalkolu tal-allegat vantaġġ, li l-investituri tal-GIE għandhom jirrimborsaw, ma huwiex konformi mad-dritt;

–        tikkonstata l-ineżistenza tal-Artikolu 4(1) tal-istess deċiżjoni jew tannulla parzjalment din id-dispożizzjoni, sa fejn din tipprojbixxi li “jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru lil persuni oħra”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑29/14 titlob, barra minn hekk, sussidjarjament fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla l-Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jidentifikaw l-investituri tal-GIE bħala l-benefiċjarji li għandhom jirrimborsaw l-allegata għajnuna.

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        prinċipalment, tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż u, sussidjarjament, tiddikjara li huma għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż kollha tagħhom, tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

 Iddritt

20      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu ħames motivi.

–        l-ewwel, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn id-Deċiżjoni kkontestata tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat;

–        it-tieni, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li ċerti miżuri fiskali li jifformaw is-STL, ikkunsidrati b’mod individwali, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ġdida;

–        it-tielet, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi;

–        ir-raba’, ibbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikoli 107 u tal-108 TFUE, fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji u l-metodu ta’ rkupru tal-għajnuna;

–        il-ħames, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE, tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), tal-Artikolu 3(6) TUE, u tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), sa fejn l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata jipprojbixxi li “jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru lil persuni oħra”.

21      Fit-tweġiba tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), għat-trattament tar-rikorsi, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑29/14 indikat li hija kienet qiegħda tirrinunzja għall-ewwel u għat-tielet motiv. Fit-tweġiba tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali adottata fit‑28 ta’ Settembru 2023, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑31/14 indikat li hija kienet ser tirrinunzja għall-istess motivi, fl-ipoteżi fejn il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikors żamm l-iskop tiegħu u li hemm lok li tingħata deċiżjoni. Waqt is-seduta, hija indikat ukoll li hija kienet irrinunzjat għat-tieni parti tar-raba’ motiv.

 Fuq ittmiem parzjali tassuġġett tattilwimiet

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett tat-tilwima, kif ikun ġie ddeterminat mir-rikors promotur, għandu jissussisti, bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, bl-eżitu tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2014, Miettinen vs Il‑Kunsill, T‑303/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:48, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Għalhekk, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, ġie deċiż li l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata fil-mori tal-kawża kien iċaħħad ir-rikors mill-iskop tiegħu f’dak li jirrigwarda t-talbiet intiżi għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 37, u tad‑19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il‑Kummissjoni, T‑324/00, EU:T:2005:364, punti 116 u 117).

24      Fil-fatt, permezz tal-annullament tal-att ikkontestat, ir-rikorrent jikseb l-uniku riżultat li r-rikors tiegħu jista’ jagħtih u, għaldaqstant, ma għadx hemm raġuni għall-qorti tal-Unjoni Ewropea li tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑8 ta’ Marzu 1993, Lezzi Pietro vs Il‑Kummissjoni (C‑237/92 P, EU:C:2007:87, punt 10).

25      L-istess japplika meta l-annullament parzjali tal-att ikkontestat ikun ta lir-rikorrent ir-riżultat li huwa ried jilħaq minn parti mir-rikors tiegħu, b’tali mod li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq din il-parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punti 37 u 38).

26      Barra minn hekk, l-awtorità assoluta li tgawdi minnha sentenza ta’ annullament ta’ qorti tal-Unjoni hija marbuta kemm mad-dispożittiv tas-sentenza kif ukoll mal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni kkontestata biss parzjalment. Kif ġie rrilevat fil-punt 16 iktar ’il fuq, hija annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn indika lill-GIE u lill-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni kif ukoll l-Artikolu 4(1) sa fejn ordna lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna inkwistjoni mingħand investituri tal-GIE li kienu bbenefikaw minnha.

28      Fil-punti 138 u 139 tas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, peress li l-GIE kienu obbligati, skont kuntratti legalment vinkolanti konklużi mal-kumpanniji marittimi u suġġetti għall-amministrazzjoni fiskali, li jittrasferixxu lill-kumpanniji marittimi parti mill-vantaġġ fiskali miksub.

29      Fil-kuntest tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti, li ssuċċedew impriżi li wettqu investimenti fil-GIE fil-kuntest tas-STL, isostnu, permezz tal-ewwel parti tar-raba’ motivi tagħhom, li l-Kummissjoni wettqet żball sa fejn hija kklassifikat, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-GIE u l-investituri bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna u sa fejn iddeċidiet li l-ammont kollu tal-għajnuna kellu jiġi rkuprat mingħand dawn tal-aħħar, minkejja li impriżi oħra li kienu pparteċipaw fl-operazzjonijiet STL, bħat-tarzni u l-kumpanniji marittimi, kienu wkoll benefiċjarji ta’ din l-iskema u wkoll kisbu vantaġġ minnha. Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑29/14 issostni wkoll, fil-kuntest ta’ din il-parti, li d-Deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement immotivata fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tas-STL.

30      Għalhekk, permezz tal-ewwel parti tar-raba’ motivi, ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali tannulla l-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn jindikaw il-GIE u l-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tas-STL u sa fejn jordnaw lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna inkwistjoni mingħand l-imsemmija investituri.

31      Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 16 u 27 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata ġew annullati parzjalment, f’dan ir-rigward, mill-Qorti tal-Ġustizzja.

32      Minn dan isegwi li l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni kkontestata deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja ta lir-rikorrenti r-riżultat li huma kienu jfittxu minn parti mir-rikors tagħhom, jiġifieri t-tmiem ta’ dan l-aspett tad-deċiżjoni tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Settembru 2014, Justice & Environment vs Il‑Kummissjoni, T‑405/10, mhux ippubblikat, EU:T:2014:821, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-ilmenti msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq huma fondati fid-dritt, dawn ma jwasslux għal annullament tad-Deċiżjoni kkontestata li jmur lil hinn minn dak deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60). B’mod partikolari, l-ilment, jekk jitqies fondat, li skont dan impriżi oħra li jkunu pparteċipaw fl-operazzjonijiet STL, bħal b’mod partikolari t-tarzni, għandhom ukoll jitqiesu bħala li jagħmlu parti miċ-ċirku ta’ benefiċjarji tas-STL u tal-impriżi msemmija fl-ordni ta’ rkupru, iwassal għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn jindika lill-GIE u lill-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, kif ukoll tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn jordna lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna inkwistjoni mingħand investituri tal-GIE li kienu bbenefikaw minnha. Issa, kif tfakkar fil-punt 16, 27 u 31 iktar ’il fuq, dawn l-artikoli ġew parzjalment annullati, sa dan il-punt, mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60).

34      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dawn ir-rikorsi saru mingħajr skop f’dan ir-rigward.

35      Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jikkontestaw l-esklużjoni tat-tarzni mill-benefiċjarji tas-STL u tal-impriżi kkonċernati mill-ordni ta’ rkupru, li r-rikorrenti ma wrewx li tali argument seta’, jekk jitqies fondat, jagħtihom benefiċċju li jmur lil hinn minn dak li huma jisiltu mis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60).

36      Skont ir-rikorrenti, il-GIE żammew biss bejn 10 sa 15 % tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-operazzjonijiet imwettqa abbażi tas-STL, bl-ikbar parti mill-vantaġġi miksuba permezz ta’ dawn l-operazzjonijiet, jiġifieri 85 sa 90 % tal-iffrankar ta’ natura finanzjarja u fiskali li jirriżulta minn kull operazzjoni, tiġi ttrasferita lil terzi. Huma jindikaw li dawn it-terzi huma l-kumpanniji marittimi skont id-Deċiżjoni kkontestata, iżda li, fir-realtà, il-benefiċjarji reali tas-STL huma t-tarzni, u b’mod iktar preċiż it-tarzni Spanjoli.

37      Issa, fil-punt 138 tas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-GIE “kienu obbligati, skont ir-regoli tad-dritt applikabbli għall-kuntratti konklużi mal-kumpanniji marittimi, jittrasferixxu lil dawn tal-aħħar parti mill-vantaġġ fiskali miksub”. Fil-punt 131 ta’ din is-sentenza, hija osservat li, fil-premessa 11 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet indikat li operazzjoni STL kienet tippermetti lil kumpannija marittima takkwista bastiment mibni ġdid bi tnaqqis ta’ bejn 20 % u 30 % fuq il-prezz mitlub mit-tarzna u li, fil-premessa 12 ta’ din id-deċiżjoni, din kienet qieset li s-STL kienet tikkostitwixxi skema ta’ ppjanar tat-taxxa, ġeneralment organizzata minn bank biex tiġġenera vantaġġi fiskali għal investituri miġbura fi ħdan GIE “trasparenti fir-rigward tat-taxxa” u sabiex tittrasferixxi parti minn dawn il-vantaġġi fiskali lil din il-kumpannija marittima fil-forma ta’ tnaqqis fuq il-prezz tal-bastiment, billi l-investituri jżommu l-benefiċċju tal-vantaġġi l-oħra. Fil-premessa 132 tal-istess sentenza, hija rrilevat ukoll li, fil-premessa 162 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet indikat li, fil-livell ekonomiku, parti sostanzjali mill-vantaġġ fiskali miksub mill-GIE kienet ġiet ittrasferita lill-imsemmija kumpannija marittima fil-forma ta’ tnaqqis fuq il-prezz.

38      F’dan ir-rigward, mill-premessa 19 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “benefiċċju mit-taxxa ta’ madwar 30 % tal-prezz gross inizjali tal-bastiment […] – li oriġinarjament jiksbu l-GIE/l-investituri tiegħu–jiħduh l-investituri (10 %-15 %), u parti minnu (85 %-90 %) [kienet ġiet] [i]ttrasferita lill-kumpanija tat-tbaħħir, li eventwalment [saret] is-sid tal-bastiment, bi tnaqqis ta’ 20 % sa 30 % tal-prezz gross inizjali tal-bastiment”.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ġiet adita, fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), bil-kwistjoni dwar jekk it-tarzni kellhomx, huma wkoll, jitqiesu bħala benefiċjarji tas-STL, b’tali mod li ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li xejn fl-argumenti tar-rikorrenti ma jindika li l-ammont tal-vantaġġ li minnu bbenefikaw l-investituri, jiġifieri bejn 10 sa 15 % tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-operazzjonijiet imwettqa abbażi tal-STL, u li huma għandhom jirrimborsaw lir-Renju ta’ Spanja, ikun differenti li kieku t-tarzni kellhom jitqiesu, huma wkoll, bħala benefiċjarji tas-STL. Fil-fatt, kif ir-rikorrenti fil-Kawża T‑29/14 barra minn hekk ammettiet waqt is-seduta, il-parti mill-vantaġġ li l-GIE żammew għas-STL ma tvarjax skont il-kwistjoni dwar jekk, fost il-benefiċjarji l-oħra tas-STL, hemmx biss il-kumpanniji marittimi jew inkella kemm dawn tal-aħħar kif ukoll it-tarzni.

40      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, ma wrewx li huma kellhom interess li jqajmu l-ewwel parti tar-raba’ motivi sa fejn din hija intiża sabiex tikkontesta l-esklużjoni tat-tarzni mill-benefiċjarji tas-STL.

41      Sussegwentement, ir-rikorrenti jikkontestaw, permezz tat-tieni parti tar-raba’ motivi tagħhom, il-metodu deskritt fil-premessi 263 sa 269 tad-Deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi kkalkolat l-ammont li għandu jiġi rrimborsat mill-investituri. B’mod partikolari, huma jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-imsemmi metodu, l-investimenti msejħa “mingħajr ma jkun jista’ jiġi rkuprat il-kapital” imwettqa minnhom. Fil-fehma tagħhom, meta ordnat l-irkupru, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-investimenti b’telf imwettqa mill-investituri tal-GIE sabiex jiġġeneraw il-vantaġġ fiskali, liema investimenti huma piżijiet speċifiċi inerenti għal dan il-vantaġġ. Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni kellha tnaqqas l-ammonti mill-vantaġġi li l-investituri tal-GIE ttrasferew lil terzi fil-kuntest tas-STL.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 263 sa 269, id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi taqsima intitolata “Determinazzjoni tal-kwantitajiet li għandhom jiġu rkuprati”, li fiha l-Kummissjoni tindika metodu f’erba’ stadji, li hija tqis li r-Renju ta’ Spanja għandu japplika sabiex jiddetermina, f’kull każ, l-ammont tal-għajnuna inkompatibbli li għandha tiġi rkuprata mingħand benefiċjarji. Il-Kummissjoni tippreċiża li dan il-metodu jista’ jkun is-suġġett ta’ aġġustament importanti, b’mod partikolari sabiex jiġi stabbilit l-ammont attwali tal-vantaġġ fiskali li jgawdu minnu l-investituri, b’kont meħud tas-sitwazzjoni tat-taxxa individwali tagħhom.

43      Dawn l-erba’ stadji huma li ġejjin:

–        l-ewwel nett, jiġi kkalkolat il-vantaġġ fiskali totali ġġenerat mill-operazzjoni [jew valur preżenti nett (VPN) tal-vantaġġi tat-taxxa miksuba mill-GIE jew mill-investituri tiegħu, jiġifieri, qabel it-tnaqqis tal-parti minn dawn il-vantaġġi ttrasferita lill-kumpannija marittima permezz ta’ tnaqqis fuq il-prezz];

–        it-tieni nett, jiġi kkalkolat il-vantaġġ fiskali ġġenerat mill-miżuri fiskali ġenerali applikati għall-operazzjoni (jiġifieri l-VPN – ikkakolat bl-istess mod bħal fl-ewwel stadju – tal-ammont tal-vantaġġi fiskali li l-GIE jew l-investituri tiegħu jkunu kisbu f’sitwazzjoni ta’ referenza fejn fiha jintuża biss id-deprezzament aċċellerat mill-mument meta jkun beda l-operat tal-bastiment u fejn l-operazzjoni tiġi intaxxata skont is-sistema ordinarji tat-taxxa fuq il-kumpanniji);

–        it-tielet nett, jiġi kkalkolat il-vantaġġ fiskali ekwivalenti għal għajnuna mill-Istat, jiġifieri d-differenza bejn l-ammonti miksuba wara l-ewwel u t-tieni stadju;

–        ir-raba’ nett, jiġi kkalkolat l-ammont tal-għajnuna li tirriżulta mill-kalkolu tat-tielet stadju li huwa kompatibbli (jiġifieri l-vantaġġ mogħti lill-kumpannija marittima li huwa kompatibbli konformement mat-Taqsima 11 tal-Linji gwida marittimi, peress li l-Kummissjoni, fil-fatt, ikkunsidrat, fil-premessi 202 et seq. tad-Deċiżjoni kkontestata, li parti mill-vantaġġ ittrasferit lill-kumpannija marittma setgħet titqies bħala li hija kompatibbli jekk din il-kumpannija, il-bastiment inkwistjoni u l-attivitajiet ta’ trasport kienu eliġibbli skont il-Linji gwida marittimi, kif dan ġie indikat fil-punt 9 iktar ’il fuq).

44      Issa, kif ir-rikorrenti fil-Kawża T‑29/14 essenzjalment ammettiet waqt is-seduta, l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jiġi kkontestat il-metodu deskritt fil-premessi 263 sa 269 tad-Deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari l-assenza ta’ tnaqqis tal-investimenti “mingħajr ma jkun jista’ jiġi rkuprat il-kapital” kif ukoll, b’mod ġenerali, tal-ammonti li kienu ġew ittrasferiti lil terzi, huwa bbażat fuq il-premessa li l-irkupru tal-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern ser isegwi l-imsemmi metodu.

45      Madankollu, wara l-annullament parzjali tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata, il-GIE u l-investituri tagħhom ma humiex iktar meqjusa bħala l-uniċi benefiċjarji tas-STL u l-investituri ma humiex iktar meqjusa bħala l-uniċi impriżi li mingħandhom ir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi ordnat jirkupra l-għajnuna. Għalhekk, il-metodu deskritt fil-premessi 263 sa 269 tad-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn huwa bbażat fuq il-premessa, illum żbaljata, li l-vantaġġ kollu għandu jiġi rkuprat biss mill-investituri tal-GIE, ma għadux applikabbli wara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60).

46      B’mod partikolari, parti sinjifikattiva mill-vantaġġ jista’ jkollha titħallas lura minn benefiċjarji oħra tas-STL. Issa, il-metodu deskritt fil-premessi 263 sa 269 tad-Deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq premessa oħra, meqjusa żbaljata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C-662/20 P, EU:C:2023:60), li tipprovdi li l-vantaġġ inkompatibbli kollu għandu jitħallas lura mill-investituri tal-GIE. Għalhekk, pereżempju, fit-tielet stadju ta’ dan il-metodu, li jirrigwarda l-“kalkolu tal-vantaġġi tat-taxxa ekwivalenti għall-għajnuna mill-Istat” (premessa 266 tal-imsemmija deċiżjoni), huwa affermat li l-“għajnuna li rċevew l-GIE u l-investituri tagħhom bħala benefiċjarji tal-miżuri tat-taxxa taħt konsiderazzjoni”, tikkorrispondi għal “il-[valur preżenti nett] tal-vantaġġ totali li jinħoloq mill-użu tad-deprezzament antiċipat, is-sistema tat-[tassazzjoni fuq it-tunnaġġ] […] u l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali miksuba”.

47      Għaldaqstant, skont l-Artikolu 266 TFUE li jobbligaha tislet il-konsegwenzi mis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari teżamina mill-ġdid kompletament il-metodu ta’ kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati. Barra minn hekk, fit-tweġiba tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Mejju 2023 u waqt is-seduta, din indikat li l-ordni ta’ rkupru kellha tiġi adattata sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.

48      Minn dan isegwi li, kif ammettew ir-rikorrenti waqt is-seduta, ir-rikorsi tilfu l-iskop tagħhom sa fejn huma intiżi sabiex jikkontestaw il-metodu deskritt fil-premessi 263 sa 269 tad-Deċiżjoni kkontestata, u barra minn hekk ir-rikorrenti fil-Kawża T‑31/14 kienet irrinunzjat għall-ilmenti li hija kienet qajmet f’dan ir-rigward, kif dan huwa indikat fil-punt 21 iktar ’il fuq.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li dawn ir-rikorsi ma għadx għandhom skop sa fejn huma intiżi sabiex jikkontestaw, minn naħa, l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tas-STL u tal-impriżi kkonċernati mill-ordni ta’ rkupru kif ukoll il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, il-metodu deskritt fil-premessi 263 sa 269 tad-Deċiżjoni kkontestata.

50      Min-naħa l-oħra, dejjem hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti sa fejn dawn huma intiżi għall-annullament ta’ partijiet mid-Deċiżjoni kkontestata li ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60).

51      Fil-fatt, ċerti kapijiet tat-talbiet imressqa mir-rikorrenti huma intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata li tmur lil hinn minn dik deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60). Għalhekk, kull waħda mir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors tagħhom, li tannulla l-imsemmija deċiżjoni sa fejn tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u tordna li din tiġi rkuprata mingħand investituri tal-GE, fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikors tagħhom, li jċaħħad kull effett mill-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna intiża għall-investituri tal-GIE sa fejn din tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, fil-kuntest tar-raba’ kap tat-talbiet tar-rikors tagħhom, tannulla l-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni sa fejn jipprojbixxi li tiġi ttrasferita l-ispiża tal-irkupru fuq persuni oħra. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑29/14 titlob l-annullament tal-Artikoli 1, 2 u tal-Artikolu 4(1) tal-istess deċiżjoni sa fejn dawn jidentifikaw lill-investituri bħala l-benefiċjarji li għandhom jirrimborsaw l-għajnuna.

52      Fir-rigward tal-motivi mqajma insostenn tal-kapijiet tat-talbiet imsemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar qabelxejn, kif dan ġie indikat fil-punt 21 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti rrinunzjaw kull waħda għall-ewwel u għat-tielet motiv tar-rikors tagħhom.

53      Minn dan jirriżulta li hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-parti tar-rikorsi li permezz tagħha r-rikorrenti jinvokaw, fil-kuntest tat-tieni motivi, ksur tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li ċerti miżuri fiskali li jifformaw is-STL, ikkunsidrati b’mod individwali, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ġdida u, fil-kuntest tal-ħames motivi, ksur tal-Artikolu 108 TFUE, tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, tal-Artikolu 3(6) TUE, u tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, sa fejn l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata jipprojbixxi li “jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru lil persuni oħra”.

54      Fil-fatt, li kieku t-tieni u l-ħames motivi kellhom jintlaqgħu, dawn jistgħu jwasslu għall-annullament ta’ partijiet mid-Deċiżjoni kkontestata li ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60).

55      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fil-Kawża T‑31/14, l-identifikazzjoni tal-GIE u tal-investituri tagħhom inkwantu benefiċjarji tas-STL kif ukoll l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna mingħand dawn tal-aħħar, li tinsab fid-Deċiżjoni kkontestata, ma ġewx kompletament annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja bil-konsegwenza li r-rikorsi tilfu l-iskop tagħhom fl-intier tagħhom.

56      Fil-fatt, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti fil-Kawża T‑31/14 tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60).

57      Permezz tas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), kif dan ġie rrilevat fil-punt 16 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat parzjalment biss id-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-Artikolu 1 tagħha biss “sa fejn jindika lill-[GIE] u l-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna prevista f’din id-deċiżjoni” (punt 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza) u l-Artikolu 4(1) tagħha “sa fejn jordna lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna prevista f’din id-deċiżjoni mingħand l-investituri tal-[GIE] li bbenefikaw minnha” (punt 4 tal-istess dispożittiv).

58      Min-naħa l-oħra, l-identifikazzjoni tal-GIE u tal-investituri bħala benefiċjarji tas-STL u l-obbligu tar-Renju ta’ Spanja li jirkupra l-għajnuna, jew parti minnha, tal-inqas mingħand dawn tal-aħħar, ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

59      Fil-fatt, il-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ għajnuna hija t-tneħħija tagħha permezz tal-irkupru sabiex terġa’ tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Issa, fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591, punt 46), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet qieset ġustament li l-GIE kellhom il-kwalità ta’ benefiċjarji tas-STL. Barra minn hekk, fir-rikorsi li taw lok għas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), l-argumenti tar-rikorrenti f’dawn il-kawżi intiżi li juru li s-STL ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE favur GIE u l-investituri tagħhom ġew miċħuda. Barra minn hekk, l-argumenti ta’ dawn il-partijiet intiżi sabiex juru li l-irkupru mingħand investituri tal-GIE kien imur kontra l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali ukoll ma ntlaqgħux mill-Qorti tal-Ġustizzja.

61      Għalhekk, wara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), id-Deċiżjoni kkontestata tibqa’ valida sa fejn tiddikjara illegali u inkompatibbli mas-suq intern l-għajnuna li hija ta’ benefiċċju minn tal-inqas lill-GIE u lill-investituri tagħhom, u tobbliga lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-imsemmija għajnuna, jew parti minnha, mingħand dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, il-fatt li, għall-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, il-metodu deskritt fil-premessi 263 sa 269 tad-Deċiżjoni kkontestata għandu jiġi mibdul fid-dawl tal-imsemmija sentenza bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li dan l-obbligu ta’ rkupru jippersisti bħala tali.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikorsi sa fejn dawn huma intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn jindika lill-GIE u lill-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni u tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn jordna lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni mingħand investituri tal-GIE li bbenefikaw minnha.

 Fuq ilmertu

 Fuq ittieni motivi, ibbażati fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-miżuri fiskali li jikkostitwixxu s-STL, ikkunsidrati individwalment, bħala għajnuna ġdida

63      Permezz tat-tieni motivi, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi fl-analiżi tagħha tad-diversi miżuri fiskali li jifformaw is-STL ikkunsidrati individwalment.

64      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ deprezzament antiċipat għandha portata ġenerali u li ma tikkostitwixxix miżura selettiva u ma tagħti ebda vantaġġ ekonomiku, b’tali mod li ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

65      It-tieni nett, fir-rigward tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ għall-GIE u tal-Artikolu 50(3) tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, ir-rikorrenti jirrilevaw, essenzjalment, li dawn il-miżuri ma humiex selettivi, u li dawn kienu diġà ġew awtorizzati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C(2004) 1931, b’tali mod li, jekk l-imsemmija miżuri kellhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, dawn jikkostitwixxu, jekk ikun il-każ, għajnuna eżistenti.

66      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti, li jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ ċerti miżuri fiskali li jifformaw is-STL bħala għajnuna ġdida, in-natura selettiva tagħhom u l-eżistenza ta’ vantaġġ, huma bbażati, fir-realtà, fuq il-premessa li l-imsemmija miżuri għandhom jiġu evalwati separatament, fir-rigward tal-Artikolu 107 TFUE, u mhux billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-STL kollha kemm hi.

68      Issa, din il-premessa hija żbaljata. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni indikat fil-premessa 116 tad-Deċiżjoni kkontestata, id-diversi miżuri fiskali li jifformaw is-STL huma marbuta fid-dritt, essenzjalment, peress li d-deprezzament antiċipat kien suġġett għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa, li minnha kienet tiddependi barra minn hekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 50(3) tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji li jistabbilixxi eċċezzjoni għas-sistema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ. Dawn kienu, barra minn hekk, marbuta fil-fatt, peress li l-awtorizzazzjoni amministrattiva għad-deprezzament antiċipat kienet mogħtija unikament fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni ta’ bastimenti eliġibbli għall-imsemmija sistema, li għalhekk setgħu jibbenefikaw mir-regola prevista fl-Artikolu 50(3) tal-imsemmi regolament.

69      Huwa minħabba l-eżistenza ta’ tali rabta bejn il-miżuri fiskali li jifformaw is-STL li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 101 tas-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV, EU:T:2020:434), li, peress li waħda mill-miżuri li jippermettu benefiċċju mis-STL kollha kemm hi tagħha kienet selettiva, jiġifieri l-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat, kien mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni kienet qieset, fid-Deċiżjoni kkontestata, li s-sistema kienet selettiva kollha kemm hi, fejn din il-konklużjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 71 u 72 tas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60).

70      Barra minn hekk, in-neċessità li s-STL kollha kemm hi tiġi evalwata bħala skema ta’ għajnuna ġiet impliċitament ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60). Fil-fatt, fil-punt 137 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-indikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni u, konsegwentement, fir-rigward tal-irkupru tagħha, ibbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet qieset li s-STL kienet tikkostitwixxi, kollha kemm hi, skema ta’ għajnuna li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola u tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-amministrazzjoni fiskali Spanjola, u intiża, irrispettivament mill-proċeduri legali użati, sabiex tiġġenera vantaġġ b’mod partikolari favur GIE u kumpanniji marittimi.

71      Minn dan jirriżulta li, sa fejn l-argumenti kollha tar-rikorrenti huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li kull waħda mit-tliet miżuri fiskali li jifformaw is-STL imsemmija fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq għandha tiġi analizzata individwalment fid-dawl tal-Artikolu 107 TFUE, u mhux billi tiġi evalwata s-STL kollha kemm hi, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati.

72      Għalhekk, sabiex twieġeb b’mod iktar partikolari għall-ilmenti mqajma mir-rikorrenti, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilmenti li jikkontestaw is-selettività ta’ ċerti miżuri fiskali li jifformaw is-STL, b’mod partikolari l-applikazzjoni tas-sistema tad-deprezzament antiċipat, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ għall-GIE u l-Artikolu 50(3) tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fil-punti 57 sa 74 tas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-eżistenza tal-aspetti diskrezzjonali tas-STL kienet ta’ natura li tiffavorixxi lill-benefiċjarji fil-konfront ta’ persuni taxxabbli oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, u kkonfermat li d-deprezzament antiċipat kien għalhekk ta’ natura selettiva. Minbarra dan, hija ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta kkunsidrat li d-deprezzament antiċipat irrenda s-STL selettiva kollha kemm hi.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġu miċħuda l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-iskema ta’ deprezzament antiċipat, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ għall-GIE u l-Artikolu 50(3) tar-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, meqjusa individwalment bħala miżuri fiskali li jifformaw is-STL, kienu selettivi.

74      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-iskema ta’ deprezzament antiċipat tagħti vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarji tas-STL, għandu jiġi rrilevat li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-vantaġġi mogħtija lill-GIE u lill-investituri li kienu membri tiegħu bħala li jikkonsistu fi:

–        il-fatt li d-deprezzament aċċellerat seta’ jibda qabel il-bidu tal-użu tal-assi, konformement mal-Artikolu 115(11) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji (premessa 132 tad-Deċiżjoni kkontestata);

–        l-applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ għall-GIE (premessa 142 tal-imsemmija deċiżjoni);

–        id-deroga mill-applikazzjoni ordinarja tal-Artikolu 125(2) ta’ din il-liġi, li permezz tagħha ċerti bastimenti ta’ navigazzjoni marittima li normalment jitqiesu użati, jitqiesu ġodda fil-mument tat-trasferiment tagħhom għal din is-sistema, bil-konsegwenza li l-ħlas tal-obbligi fiskali moħbija huwa definittivament annullat (premessa 145 ta’ din id-deċiżjoni).

75      Issa, kif tfakkar fil-punt 70 iktar ’il fuq, fil-punt 137 tas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60), il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-indikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, irrilevat li s-STL kienet tikkostitwixxi, kollha kemm hi, skema ta’ għajnuna li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola u mill-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-amministrazzjoni fiskali Spanjola, u ddestinata li tiġġenera vantaġġ favur b’mod partikolari GIE u kumpanniji marittimi.

76      Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li d-deprezzament antiċipat ma jagħtix vantaġġ ekonomiku għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat, peress li huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li din il-miżura fiskali għandha tiġi analizzata individwalment fir-rigward tal-Artikolu 107 TFUE, u mhux billi tiġi evalwata s-STL kollha kemm hi.

77      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-assenza ta’ għajnuna ġdida, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni stabbilixxiet, fil-premessa 238 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, “[b]illi l-miżuri separati [kienu] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (ħlief id-deprezzament aċċellerat ta’ assi lokati)”, xorta jibqa’ l-fatt li, kif dan ġie rrilevat fil-punt 68 iktar ’il fuq, is-STL ġiet analizzata flimkien mas-sistema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ u li hija l-operazzjoni tas-STL kollha kemm hi li tqieset bħala għajnuna mill-Istat illegali u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern, u li dan l-approċċ ġie vvalidat mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif tfakkar fil-punt 70 iktar ’il fuq.

78      Fil-fatt, kif ir-rikorrenti kkonfermaw waqt is-seduta, huma ma jikkontestawx li s-STL bħala sistema ma kinitx ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni, u lanqas ma ġiet awtorizzata minn din l-istituzzjoni f’deċiżjoni preċedenti u li l-imsemmija skema, evalwata kollha kemm hi, ma tistax, konsegwentement, tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, huwa paċifiku li mill-inqas waħda mill-miżuri fiskali li jifformaw is-STL, b’mod partikolari d-deprezzament antiċipat, meqjusa individwalment, ma ġietx ikkomunikata lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar ma approvathiex f’deċiżjoni preċedenti.

79      Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellhiex tirrikorri għall-proċedura applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna eżistenti meta hija eżaminat is-STL fid-Deċiżjoni kkontestata.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata tweġiba għall-argument tar-rikorrenti dwar in-natura selettiva, l-eżistenza ta’ vantaġġ jew il-klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida tal-miżuri fiskali inkwistjoni, meqjusa individwalment.

 Fuq ilħames motivi, dwar ilklawżoli kuntrattwali li jipproteġu lbenefiċjarji kontra lirkupru ta’ għajnuna millIstat illegali u inkompatibbli

81      Il-ħames motivi huma bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, tal-Artikolu 3(6) TUE, kif ukoll tal-libertà ta’ intrapriża u tad-dritt għall-proprjetà stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

82      B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi li r-Renju ta’ Spanja għandu jirkupra l-għajnuna mingħand benefiċjarji “mingħajr ma dawn il-benefiċjarji jkollhom il-possibbiltà jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru lil persuni oħra”, jipprovdi b’mod żbaljat li l-klawżoli kuntrattwali li bis-saħħa tagħhom l-investituri jistgħu jitolbu, b’mod partikolari mingħand tarzni, l-ammonti li huma kellhom jirrimborsaw lill-Istat (iktar ’il quddiem il-“klawżoli ta’ kumpens”) huma nulli.

83      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza, fil-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, sabiex tikkunsidra, kif għamlet fil-premessa 275 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-klawżoli ta’ kumpens, konklużi bejn individwi, imorru kontra l-essenza stess tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Hija ma tistax tipprojbixxi flussi ekonomiċi jew ftehimiet ta’ kumpens bejn individwi, li ma jaffettwawx l-Istat, u lanqas ir-riżorsi tiegħu.

84      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

85      L-ewwel nett, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, li, konformement mal-Artikolu 5(2) TUE, l-Unjoni taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi li l-Istati Membri attribwixxew lilha fit-Trattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet li dawn it-Trattati jistabbilixxu. Skont l-Artikolu 4(1) TUE u l-Artikolu 5(2) TUE, kull kompetenza mhux attribwita lill-Unjoni fit-Trattati tappartjeni lill-Istati Membri.

86      Fir-rigward tal-prinċipji li jirregolaw ir-rwoli tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 108 TFUE u mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-każ, il-Kummissjoni hija kompetenti mhux biss sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, iżda wkoll sabiex tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern. B’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’, fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva rigward għajnuna illegali, tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat “jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju”. Għalkemm l-ordni ta’ rkupru għandha tiġi eżegwita mill-awtoritajiet nazzjonali, konformement mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali, għandu jitfakkar li l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri hija limitata b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-Artikolu 14(3) tal-istess regolament.

87      Għalhekk, Stat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra għajnuna illegali huwa obbligat, skont l-Artikolu 288 TFUE, li jadotta l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Huwa għandu jasal għal irkupru effettiv tas-somom dovuti sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv miksub permezz tal-għajnuna illegali (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑529/09, EU:C:2013:31, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      L-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jtemm, permezz ta’ rkupru, għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq uniku huwa intiż, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni qabel l-għoti tal-għajnuna. Dan il-għan jintlaħaq meta din l-għajnuna inkwistjoni, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-interessi moratorji, tkun tħallset lura mill-benefiċjarju jew, fi kliem ieħor, mill-impriżi li effettivament ibbenefikaw minnha. Permezz ta’ dan il-ħlas lura, il-benefiċjarju jitlef fil-fatt il-vantaġġ li minnu huwa jkun ibbenefika fis-suq fil-konfront tal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni qabel il-ħlas tal-għajnuna tiġi stabbilita mill-ġdid (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2003, Spanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Minbarra dan, l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tiegħu kull waħda minnhom taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat FUE. Fl-ambitu ta’ din il-kooperazzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u joqogħdu lura minn dawk li jistgħu jipperikolaw il-kisba tal-għanijiet tat-Trattat, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Għalhekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-osservanza mill-Istati Membri tal-obbligi imposti fuqhom mill-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat FUE, il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni jissodisfaw rwoli komplementari u distinti. Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel tal-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et, C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punti 74 u 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-ħames motivi.

92      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li r-Renju ta’ Spanja għandu jirkupra l-għajnuna mingħand benefiċjarji “mingħajr ma [dawn] jkollhom il-possibbiltà jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru lil persuni oħra”, hija redatta f’termini wisgħin u ma tillimitax ruħha espressament, fil-formulazzjoni tagħha, għall-klawżoli ta’ kumpens analizzati mill-Kummissjoni fil-premessi 270 sa 276 tal-imsemmija deċiżjoni.

93      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożittiv ta’ att huwa indissoċjabbli mill-motivazzjoni tiegħu, b’tali mod li għandu jiġi interpretat, jekk ikun meħtieġ, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et, C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 1258 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Minbarra dan, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn ikun possibbli, b’tali mod li ma jqajjimx dubju dwar il-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata għandu jinqara fid-dawl tal-premessi 270 sa 276 ta’ din id-deċiżjoni.

96      F’dan ir-rigward, huma minnu li, fil-premessa 270 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħmel riferiment, b’mod ġenerali, għall-“[l-eżistenza ta’] xi klawżoli f’xi kuntratti bejn l-investituri, l-kumpaniji u t-tarzni” li skont dawn “ it-tarzni jkunu meħtieġa jikkumpensaw lill-partijiet l-oħra jekk ma jistgħux jinkisbu l-vantaġġi tat-taxxa previsti”. Issa, għandu jiġi rrilevat li, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ma identifikatx b’mod konkret dawn il-klawżoli u ma ċċitatx il-formulazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, kif essenzjalment ammettiet waqt is-seduta, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija klawżoli ma jirrigwardawx speċifikament l-ipoteżi tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali jew inkompatibbli mas-suq intern, iżda, b’mod iktar ġenerali, il-konsegwenzi tal-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti ma japprovawx il-vantaġġi fiskali li jirriżultaw mis-STL, jew li, wara l-approvazzjoni tagħhom, il-validità tagħhom tiġi kkontestata.

97      Madankollu, fil-premessi 271 et seq. tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tipproċedi, b’mod iktar konkret, għall-identifikazzjoni tal-aspetti speċifiċi tal-klawżoli ta’ kumpens li, fil-fehma tagħha, jirriżultaw problematiċi fil-kuntest tal-irkupru tal-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Għalhekk, fil-premessi 272 sa 274 tal-imsemmija deċiżjoni, hija tippreċiża li l-għan tal-irkupru, li huwa intiż sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti, u b’mod partikolari l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-għajnuna illegali u li hija inkompatibbli mas-suq intern, ikun irrimedjabbilment kompromess jekk l-atturi tas-settur privat setgħu, permezz ta’ klawżoli kuntrattwali, ibiddlu l-effetti tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru adottati mill-Kummissjoni. Hija tikkunsidra, fil-premessa 275 ta’ din id-deċiżjoni, li l-klawżoli kuntrattwali li jipproteġu lill-benefiċjarji tal-għajnuna kontra l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli, permezz tat-trasferiment lil persuni oħra tar-riskji legali u ekonomiċi tal-irkupru, huma kontra l-essenza nnifisha tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, li tikkostitwixxi ġabra ta’ regoli ta’ ordni pubbliku.

98      Għaldaqstant, u minkejja l-formulazzjoni wiesgħa tagħha, il-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata għandha tinftiehem bħala li tkopri biss il-klawżoli ta’ kumpens sa fejn dawn jistgħu jiġu interpretati bħala li jipproteġu lill-benefiċjarji ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern kontra l-irkupru tagħha.

99      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata ma timplikax li l-Kummissjoni kienet ipprevediet li l-klawżoli ta’ kumpens huma nulli, peress li tali kompetenza taqa’, jekk ikun il-każ, taħt il-qrati nazzjonali.

100    Fil-fatt, il-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata għandha tinftiehem bħala li hija intiża biss sabiex tiċċara l-portata tal-obbligu ta’ rkupru impost, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fil-punti 87 u 88 iktar ’il fuq, fuq ir-Renju ta’ Spanja.

101    B’mod partikolari, il-klawżoli ta’ kumpens, sa fejn dawn jistgħu jiġu interpretati fis-sens indikat fil-punt 98 iktar ’il fuq, jistgħu jipprekludu li l-Istat Membru inkwistjoni jikkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu ta’ rkupru tal-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern mingħand benefiċjarji li kellhom it-tgawdija effettiva tagħha. Fil-fatt, minħabba dawn il-klawżoli, dawn tal-aħħar jevitaw l-ispiża tal-irkupru, li ma jippermettix l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tal-għajnuna. Hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, tali sitwazzjoni tista’ tikkomprometti l-effett utli tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat. Għaldaqstant, huwa r-Renju ta’ Spanja, inklużi l-qrati nazzjonali, li għandu jiżgura li l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mingħand benefiċjarji jew, fi kliem ieħor, impriżi li effettivament ibbenefikaw minnha, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, jiġi osservat b’mod sħiħ.

102    Għalhekk, il-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata ma timplikax li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza mogħtija lilha skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-irkupru jseħħ konformement mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, konformement mal-Artikolu 14(3) tal-istess regolament, xorta jibqa’ l-fatt li din l-aħħar dispożizzjoni teżiġi li dawn il-proċeduri jippermettu l-implimentazzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tippreċiża, fl-imsemmija deċiżjoni, li r-Renju ta’ Spanja għandu jiżgura li l-benefiċjarji jirrimborsaw l-ammonti tal-għajnuna li huma effettivament ibbenefikaw minnha, mingħajr ma jkunu jistgħu jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru ta’ dawn l-ammonti lil parti oħra fil-kuntratt.

103    F’dan il-każ, din il-konklużjoni hija iktar u iktar iġġustifikata peress li, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-klawżoli ta’ kumpens kienu previsti f’kuntratti qafas konklużi bejn id-diversi parteċipanti tas-STL. Issa, dawn il-kuntratti qafas kienu jagħmlu parti mill-kuntratti legalment vinkolanti kollha li, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60, punt 138), kienu suġġetti għall-amministrazzjoni fiskali u li din tal-aħħar kienet tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat. Fil-punt 137 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li għandha tiġi evalwata s-STL kollha kemm hi li tinkludi mhux biss il-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola rilevanti, iżda wkoll l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-amministrazzjoni fiskali Spanjola u, għalhekk, l-imsemmija kuntratti legalment vinkolanti.

104    F’tali ċirkustanzi, peress li, fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tas-STL mar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat, inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-klawżoli ta’ kumpens previsti fil-kuntratti li kienu suġġetti għall-amministrazzjoni fiskali u li din tal-aħħar kienet tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat, hija ma marritx lil hinn mill-kompetenzi tagħha meta fakkret, essenzjalment, li r-Renju ta’ Spanja kellu jirkupra l-għajnuna mingħand benefiċjarji tagħha, mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu jistgħu, abbażi tal-klawżoli ta’ kumpens, jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru lil parti oħra fil-kuntratt, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq.

105    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-argumenti tar-rikorrenti li skont dawn il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha billi għamlet preċiżazzjoni fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

106    Ebda wieħed mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma jista’ jikkontesta l-legalità tal-imsemmija preċiżazzjoni.

107    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jinvokaw nuqqas ta’ koerenza minħabba l-fatt li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni interferixxiet fil-kuntratti privati billi pprojbixxiet flussi ekonomiċi li jirriżultaw minn klawżoli ta’ kumpens konklużi bejn individwi, filwaqt li eżentat it-tarzni u l-kumpanniji marittimi minn kull obbligu ta’ rimbors, minħabba li l-vantaġġi miksuba rriżultaw minn relazzjoni rregolata mid-dritt privat bejn dawn l-entitajiet.

108    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60, punti 137 u 138), tali kontradizzjoni possibbli, fi kwalunkwe każ, intemmet, peress li, fl-imsemmija sentenza u kif dan ġie indikat fil-punt 103 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Kummissjoni kellha, fl-evalwazzjoni tas-STL kollha kemm hi, tieħu inkunsiderazzjoni kuntratti suġġetti għall-amministrazzjoni fiskali u li din tal-aħħar kienet tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax, fid-dawl ta’ din is-sentenza, jintlaqa’.

109    It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, billi tipprojbixxi l-klawżoli ta’ kumpens, id-Deċiżjoni kkontestata tikkontradixxi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, li ma qajmet ebda oġġezzjoni fir-rigward ta’ ftehimiet bejn bejjiegħa u xerrejja li jirregolaw il-konsegwenzi, bejn partijiet privati, tal-irkupru eventwali ta’ għajnuna illegali.

110    Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, xejn fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprekludi li, billi tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni tippreċiża li l-Istat Membru kkonċernat għandu jirkupraha mingħand il-benefiċjarji tagħha, mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu jistgħu, abbażi ta’ klawżoli ta’ kumpens bħal dawk f’dan il-każ, jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru fuq parti oħra f’kuntratt, u dan minkejja l-eventwali konsegwenzi ta’ din il-preċiżazzjoni għall-kuntratti konklużi bejn partijiet privati.

111    Għall-kuntrarju, fis-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814), iċċitata fil-premessa 274 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment kien jeżiġi li l-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li huwa kellu fis-suq fil-konfront tal-kompetituri tiegħu u li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-għajnuna (ara l-punt 34 ta’ din is-sentenza). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi rrimedjata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna, il-qrati nazzjonali setgħu jintervjenu u jiddikjaraw in-nullità tal-kuntratti, inkluż għad-detriment ta’ partijiet li ma kinux benefiċjarji tal-għajnuna. Issa, f’dan il-każ, il-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata sempliċement tfakkar lir-Renju ta’ Spanja l-obbligu tiegħu li jirkupra l-għajnuna mingħand benefiċjarji tagħha sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-imsemmija għajnuna. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li, b’differenza minn din il-kawża, dik li wasslet għas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tikkonċerna għajnuna fil-forma ta’ garanzija mill-Istat kif ukoll il-ġurisdizzjonijiet tal-qrati nazzjonali li jiddikjaraw in-nullità ta’ kuntratti privati huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 99 iktar ’il fuq, il-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata ma timplikax li l-Kummissjoni kienet ipprevediet li l-klawżoli ta’ kumpens ikunu nulli.

112    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni kkontestata tikkontradixxi ċerti deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar kawżi oħra ma tistax taffettwa l-legalità ta’ deċiżjoni, li tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tar-regoli oġġettivi tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2022, Ighoga Region 10 et vs Il‑Kummissjoni, T‑582/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:648, punt 215 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    It-tielet nett, skont ir-rikorrenti, il-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata tikser ukoll il-libertà ta’ intrapriża, stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-imsemmija preċiżazzjoni ċċaħħad inġustament lill-investituri tal-GIE mid-dritt għal kumpens li huma għandhom b’mod partikolari fir-rigward tat-tarzni, u b’hekk tinħoloq esproprjazzjoni tad-drittijiet privati tagħhom, bi ksur tad-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta.

114    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 16 tal-Karta, il-libertà ta’ intrapriża hija rrikonoxxuta konformement mad-dritt tal-Unjoni u mal-leġiżlazzjonijiet u prassi nazzjonali.

115    Il-protezzjoni mogħtija minn dan l-artikolu tinkludi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ intrapriża ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta. Hija tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi mill-awtorità pubblika li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess pubbliku, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Konformement mal-Artikolu 17(1) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt, u l-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 84).

118    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għall-proprjetà ggarantit minn din id-dispożizzjoni ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun is-suġġett ta’ restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess pubbliku mfittxija mill-Unjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jiġu introdotti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha, bħalma huma l-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, sa fejn dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet u kemm-il darba, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess pubbliku rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 86).

120    F’dan il-każ, anki jekk jitqies li l-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata titqies bħala li tillimita l-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li din il-limitazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-obbligu ta’ rkupru, previst mill-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, b’tali mod li hija prevista mil-liġi.

121    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-osservanza tal-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża u tad-dritt għall-proprjetà, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata ma taffettwax dan il-kontenut essenzjali.

122    Sussegwentement, din il-preċiżazzjoni ssegwi għan ta’ interess pubbliku. Fil-fatt, hekk kif ġie espost fil-punti 101 u 102 iktar ’il fuq, din hija intiża sabiex tiżgura li l-klawżoli ta’ kumpens ma jikkompromettux l-obbligu ta’ rkupru li r-Renju ta’ Spanja għandu u, b’mod iktar ġenerali, sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat.

123    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova quddiem il-Qorti Ġenerali li tippermetti li jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ dan l-għan, il-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi intervent sproporzjonat jew intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tal-libertà ta’ intrapriża jew tad-dritt għall-proprjetà.

124    F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, in-natura neċessarja tal-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma jipproduċux prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li, billi għamlet din il-preċiżazzjoni, il-Kummissjoni qabżet il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu kif tfakkru fil-punt 122 iktar ’il fuq, bħal b’mod partikolari dak tal-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tal-għajnuna u l-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni mill-benefiċjarji. Barra minn hekk, hekk kif ikkunsidrat il-Qorti Ġenerali fil-punt 102 iktar ’il fuq, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni jippreċiża biss il-portata tal-obbligu ta’ rkupru li r-Renju ta’ Spanja għandu.

125    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-ħames motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

126    Għandu jiġi konkluż li r-rikorsi tilfu parzjalment l-iskop tagħhom u li għandhom jitqiesu bħala li huma, għall-kumplament, infondati.

 Fuq lispejjeż

127    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

128    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

129    F’dan il-każ, huwa paċifiku li parti mit-tilwima kienet tilfet l-iskop tagħha. Issa, it-tmiem parzjali tas-suġġett tat-tilwima huwa l-konsegwenza ta’ żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni li tqajjem ukoll mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi, li wassal għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni kkontestata deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60).

130    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tilfu għal dak li jirrigwarda l-parti tat-tilwima, li fir-rigward tagħha għad hemm lok li tingħata deċiżjoni.

131    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikorsi sa fejn dawn huma ppreżentati kontra l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni, sa fejn jindika l-gruppi b’interess ekonomiku u l-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni, u l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn jordna lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni mingħand investituri ta’ gruppi b’interess ekonomiku li kienu bbenefikaw minnha.

2)      Il-kumplament tar-rikorsi huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Frar 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.