Language of document : ECLI:EU:T:2024:111

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

21 ta’ Frar 2024 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2016 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività – Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63 – Esklużjoni ta’ ċerti obbligazzjonijiet mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante – Self għall-iżvilupp – Attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

Fil-Kawża T‑466/16 RENV,

NRW.Bank, stabbilita fi Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Seitz u C. Marx, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn H. Ehlers, J. Kerlin u C. De Falco, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, S. Schelo, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Sikora-Kalėda u J. Bauerschmidt, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, A. Steiblytė u A. Nijenhuis, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,

wara li rat is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, NRW.Bank vs SRB (C‑662/19 P, EU:C:2021:846),

wara s-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, NRW.Bank, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/ES/2022/23 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tas‑27 ta’ April 2022, li tirtira d-Deċiżjoni SRB/ES/SRF/2016/06 tas-SRB tal‑15 ta’ April 2016, dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, sa fejn din tikkonċerna lil NRW.Bank, u tad-Deċiżjoni SRB/ES/SRF/2016/13 tas-SRB, tal‑20 ta’ Mejju 2016, dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li tissupplimenta d-Deċiżjoni SRB/ES/SRF/2016/06, sa fejn tikkonċerna lil NRW.Bank, u tikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante ta’ NRW.Bank għall‑2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża u latti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

2        Ir-rikorrenti hija l-bank ta’ żvilupp tal-Land Nordrhein-Westfalen (il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja, iktar il quddiem il-“Land”). Skont il-Gesetz über die NRW.BANK (il-Liġi dwar in-NRW.Bank) tas‑16 ta’ Marzu 2004 (GV. NRW. 2004, p. 126, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar in-NRW.Bank”), din teżerċita funzjoni ta’ servizz pubbliku li tikkonsisti fl-għoti ta’ għajnuna lil-Land u lill-awtoritajiet lokali tiegħu fil-qasam tal-politiki strutturali, ekonomiċi, soċjali u ta’ ppjanar tat-territorju, permezz tal-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni għal dan il-għan ta’ miżuri ta’ appoġġ, b’mod partikolari permezz tal-għoti ta’ self. Ir-rikorrenti teżegwixxi għal dawn il-finijiet operazzjonijiet bankarji u hija detentriċi ta’ awtorizzazzjoni bankarja.

3        L-attivitajiet tar-rikorrenti essenzjalment jinqasmu f’żewġ kategoriji. Fl-ewwel lok, hija teżerċita attivitajiet imsejħa “ta’ żvilupp”, li fil-kuntest tagħhom hija tagħti b’mod partikolari self issussidjat fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-Liġi dwar in-NRW.Bank (iktar ’il quddiem l-“attivitajiet ta’ żvilupp”).

4        Fit-tieni lok, ir-rikorrenti twettaq attivitajiet li hija ssejjaħ “attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp”, li huma inkwistjoni f’din il-kawża u huma previsti fl-Artikolu 3(5) tal-Liġi dwar in-NRW.Bank. Skont din id-dispożizzjoni, ir-rikorrenti tista’, sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha, “twettaq operazzjonijiet u tipprovdi servizzi direttament marbuta mat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha [filwaqt li, f’dan ir-rigward,] hija tista’ b’mod partikolari twettaq operazzjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ likwidità u ta’ riskju, tiġbor kapital ta’ garanzija subordinat, tinnegozja titoli parteċipattivi, bonds pubbliċi u obbligazzjonijiet oħra, kif ukoll takkwista u tittrasferixxi krediti” (iktar ’il quddiem l-“attivitajiet a ta’ żvilupp”). Fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet, ir-rikorrenti takkwista, b’mod partikolari, fondi fis-suq tal-kapital u tqegħedhom għal żmien twil fil-forma ta’ bonds li fil-parti l-kbira tagħhom jieħdu l-forma ta’ titoli tas-settur pubbliku.

5        Permezz tad-deċiżjoni tiegħu SRB/ES/SRF/2016/06, tal‑15 ta’ April 2016, dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, is-SRB stabbilixxa, konformement mal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet ex ante”), għas-sena 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016”), tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 tal-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”), fosthom ir-rikorrenti.

6        Permezz tad-deċiżjoni tiegħu SRB/ES/SRF/2016/13, tal‑20 ta’ Mejju 2016, dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2016 għas-SRF, li tissupplimenta d-Deċiżjoni SRB/ES/SRF/2016/06, is-SRB żied il-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti wara rettifika tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet kollha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016.

7        Permezz ta’ avviż għall-ħlas tat‑22 ta’ April 2016 u tal‑10 ta’ Ġunju 2016, il-Bundesanstalt für Finanzmarktstabilisierung (FMSA, l-Awtorità Federali ta’ Stabbilizzazzjoni tas-Swieq Finanzjarji, il-Ġermanja), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ordnat lir-rikorrenti tħallas il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, kif kienet ġiet stabbilita mis-SRB.

8        Fis‑27 ta’ April 2022, is-SRB adotta d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha huwa rtira u ssostitwixxa d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti 5 u 6 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet inizjali”). Skont il-premessi 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, din kienet intiża sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali li s-SRB kien ikkonstata wara s-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB (T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823), u tat‑28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB (T‑365/16, EU:T:2019:824).

II.    Iddeċiżjoni kkontestata

9        Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi test li huwa akkumpanjat minn tliet annessi.

10      It-test tad-deċiżjoni kkontestata jiddeskrivi, fit-Taqsimiet 3 sa 9 u 11, il-proċess ta’ determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, li huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet kollha.

11      B’mod iktar partikolari, fit-Taqsima 6 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddetermina l-livell fil-mira annwali, imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall‑applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (ĠU 2015, L 15, p. 1), għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016 (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira annwali”).

12      Is-SRB spjega li huwa kien stabbilixxa dan il-livell fil-mira annwali għal wieħed minn tmienja ta’ 1.05 % tal-ammont tad-depożiti koperti, ikkalkolat fi tmiem is-sena, tal-istituzzjonijiet kollha fl‑2015, kif kien inkiseb abbażi tad-data kkomunikata mill-istituzzjonijiet konformement mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

13      Fit-Taqsima 7 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddeskriva l-metodu li għandu jiġi segwit għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016. F’dan ir-rigward, dan speċifika, fil-premessa 91 tal-imsemmija deċiżjoni, li, għal dan il-perijodu, 60 % tal-kontribuzzjonijiet ex ante kienu ġew ikkalkolati fuq il-“bażi nazzjonali”, jiġifieri abbażi tad-data kkomunikata minn istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat (iktar ’il quddiem il-“bażi nazzjonali”), konformement mal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), u f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat 2015/63. Il-kumplament tal-kontribuzzjonijiet ex ante (jiġifieri 40 %) ġie kkalkolat fuq il-“bażi tal-unjoni bankarja”, jiġifieri abbażi tad-data kkomunikata mill-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM) (iktar ’il quddiem il-“bażi tal-unjoni” u l-“Istati Membri parteċipanti”), skont l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

14      Sussegwentement, is-SRB ikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet, bħar-rikorrenti, billi segwa l-fażijiet prinċipali li ġejjin.

15      Fl-ewwel fażi, is-SRB ikkalkola, konformement mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ kull istituzzjoni, li hija proporzjonali għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tat-total tal-obbligazzjonijiet, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Konformement mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB naqqas ċerti tipi ta’ obbligazzjonijiet mill-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni.

16      Fit-tieni fażi tal-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet ex ante, is-SRB wettaq aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjoni kkonċernata, konformement mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. Dan evalwa dan il-profil ta’ riskju abbażi tal-erba’ pilastri tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63, li huma komposti minn indikaturi tar-riskju. Sabiex jikklassifika l-istituzzjonijiet skont il-livell ta’ riskju tagħhom, qabel kollox, is-SRB stabbilixxa, għal kull indikatur tar-riskju applikat għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, intervalli (basktijiet) li fihom ġew raggruppati l-istituzzjonijiet, skont il-punt 3 tat-Titolu “Pass 2” tal-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat. L-istituzzjonijiet li jappartjenu għall-istess intervall ingħataw valur komuni għall-indikatur ta’ riskju partikolari, imsejjaħ “valur diskretizzat”. Billi għaqqad il-valuri diskretizzati għal kull indikatur ta’ riskju, is-SRB ikkalkola l-“multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju stabbilit [skont il-profil ta’ riskju]” tal-istituzzjoni kkonċernata (iktar ’il quddiem il-“multiplikatur tal-aġġustament”). Billi mmultiplika l-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ din l-istituzzjoni bil-multiplikatur tal-aġġustament tagħha, is-SRB kiseb il-“kontribuzzjoni annwali bażika aġġustata proporzjonalment għall-profil tar-riskju” tal-imsemmija istituzzjoni.

17      Sussegwentement, is-SRB żied il-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi kollha aġġustati skont il-profili ta’ riskju sabiex jinkiseb “denominatur komuni” użat sabiex tiġi kkalkolata l-parti tal-livell fil-mira annwali li kull istituzzjoni kellha tħallas.

18      Fl-aħħar nett, is-SRB ikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni billi qassam il-livell fil-mira annwali bejn l-istituzzjonijiet kollha abbażi tal-proporzjon eżistenti bejn il-kontribuzzjoni annwali bażika aġġustata skont il-profil ta’ riskju, minn naħa, u d-denominatur komuni, min-naħa l-oħra.

19      L-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi l-iskeda individwali tar-rikorrenti, li tinkludi r-riżultati tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha (iktar ’il quddiem l-“iskeda individwali”). Din l-iskeda tindika l-ammont tal-kontribuzzjoni annwali bażika tar-rikorrenti kif ukoll il-valur tal-multiplikatur tal-aġġustament tagħha, kemm fuq il-bażi tal-unjoni kif ukoll fuq il-bażi nazzjonali, billi ssemmi, għal kull indikatur ta’ riskju, in-numru tal-intervall li għalih ġiet assenjata r-rikorrenti. Barra minn hekk, l-iskeda individwali tindika data li tintuża għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati u li s-SRB iddetermina billi żied flimkien jew għaqqad id-data individwali ta’ dawn l-istituzzjonijiet kollha. Fl-aħħar nett, din l-iskeda tinkludi d-data ddikjarata mir-rikorrenti fil-formola ta’ dikjarazzjoni u użata fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha.

20      L-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi data statistika relatata mal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal kull Stat Membru parteċipanti, f’forma mqassra u aggregata. Dan l-anness jippreċiża, b’mod partikolari, l-ammont globali tal-kontribuzzjonijiet ex ante li għandhom jitħallsu mill-istituzzjonijiet ikkonċernati għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-imsemmi anness jelenka, għal kull indikatur ta’ riskju, in-numru ta’ intervalli, in-numru ta’ istituzzjonijiet li jappartjenu għal kull intervall, kif ukoll il-valuri minimi u massimi ta’ dawn l-intervalli. Fil-każ ta’ intervalli relatati mal-bażi nazzjonali, dawn il-valuri għandhom, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, jitnaqqsu jew jiżdiedu b’ammont każwali, filwaqt li tinżamm id-distribuzzjoni oriġinali tal-istituzzjonijiet.

21      L-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Evalwazzjoni tal-kummenti [tar-rikorrenti] sottomessi fil-kuntest tal-konsultazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall‑2016”, jeżamina l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni mwettqa mis-SRB qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

22      B’mod partikolari, fil-punti 21 u 27 sa 31 tal-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB indika r-raġunijiet li għalihom l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp ma ġewx esklużi, skont l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63, mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti.

III. Ittalbiet talpartijiet

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, inklużi l-annessi tagħha sa fejn dawn tal-aħħar jikkonċernawha;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

24      Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex tiġi adottata b’effett retroattiv, tannulla din id-deċiżjoni biss sa dan l-estent jew tannulla biss l-Artikolu 4 tagħha u żżommha għall-kumplament;

–        iktar sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, iżżomm l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni sas-sostituzzjoni tagħha jew, minn tal-inqas, matul perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza tkun definittiva.

25      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV.    Iddritt

26      Fir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv, hija qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. F’dan ir-rigward, hija sostniet li, fil-każ li dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux l-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, huma jiksru l-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 70(2) u (7) tar-Regolament Nru 806/2014. Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti qieset li, billi ma eskludiex mill-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjoni l-obbligazzjonijiet marbuta mal-imsemmija attivitajiet, is-SRB kien interpreta l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 b’mod żbaljat.

27      Fin-nota ta’ adattament, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Lulju 2022 skont l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tindika li hija żżomm l-argumenti kollha tagħha esposti fir-rikors, filwaqt li ppreċiżat li hija tqajjem motivi ġodda b’reazzjoni għas-sostituzzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali bid-deċiżjoni kkontestata.

28      Għalhekk, ir-rikorrenti tqajjem total ta’ ħdax-il motiv, ibbażati:

–        l-ewwel u s-seba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), sa fejn is-SRB naqas milli jismagħha b’mod regolari dwar is-sostituzzjoni, b’effett retroattiv, tad-deċiżjonijiet inizjali bid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll dwar l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar stess,

–        it-tieni wieħed, fuq ksur tar-regoli ta’ livell superjuri, sa fejn ma teżistix bażi legali għas-sostituzzjoni, b’effett retroattiv, tad-deċiżjonijiet inizjali bid-deċiżjoni kkontestata,

–        it-tielet wieħed, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma ssemmi ebda bażi legali li fuqha hija bbażata s-sostituzzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali b’effett retroattiv,

–        ir-raba’ wieħed, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata fir-rigward tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha,

–        il-ħames wieħed, fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47(1) tal-Karta, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata,

–        is-sitt wieħed, fuq ksur mid-deċiżjoni kkontestata tar-rekwiżiti ġenerali proċedurali li jirriżultaw mill-Artikolu 41 tal-Karta, mill-Artikolu 298 TFUE, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll mir-Regoli tal-Proċedura tas-SRB,

–        it-tmien wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63, tal-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59, tal-Artikolu 70(2) u (7) tar-Regolament Nru 806/2014, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti preferenza sħiħa lill-banek tal-iżvilupp u l-għan ta’ tnaqqis tal-baġits pubbliċi, sa fejn is-SRB ma eskludiex l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħha mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha,

–        Id-disa’ wieħed, sussidjarjament, fuq illegalità tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, sa fejn dawn imorru kontra r-regoli ta’ dritt superjuri;

–        l-għaxar wieħed, fuq illegalità tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) u tat-Titolu “Pass 2” tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet imorru kontra r-regoli tad-dritt superjuri;

–        il-ħdax-il wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, sa fejn is-SRB ma bbażax ruħu, b’mod żbaljat, fuq il-punti ta’ liġi fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

29      Qabel kollox għandhom jiġu eżaminati l-motivi li permezz tagħhom ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 5(1)(f), tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) kif ukoll it-Titolu “Pass 2” tal-Anness I, tar-Regolament Delegat 2015/63, u sussegwentement il-motivi li jirrigwardaw direttament il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

A.      Fuq leċċezzjonijiet ta’ illegalità talArtikolu 5(1)(f), talpunt (b) talewwel subparagrafu talArtikolu 6(5) kif ukoll tatTitolu “Pass 2” tal-Anness I, tarRegolament Delegat 2015/63

1.      Fuq iddisa’ motiv, ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità talArtikolu 5(1)(f) tarRegolament Delegat 2015/63.

a)      Osservazzjonijiet preliminari

30      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, fir-rikors, ir-rikorrenti tikkontesta l-validità kemm tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63, kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 fl-intier tiegħu, l-argumenti tagħha jirrigwardaw biss, essenzjalment, l-ewwel dispożizzjoni. Dan huwa kkonfermat mit-tweġiba tar-rikorrenti tat‑13 ta’ Ġunju 2022 għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑20 ta’ Mejju 2022, li fiha hija indikat li l-illegalità tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 twassal ukoll għall-illegalità tal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, sa fejn din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi għall-metodu ta’ kalkolu espost fir-Regolament Delegat 2015/63.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi eżaminat qabel kollox il-validità tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63.

32      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tas-SRB li d-disa’ motiv huwa ammissibbli biss sa fejn dan tqajjem fir-rikors, peress li, skont is-SRB, ir-rikors jinkludi biss espożizzjoni fil-qosor u ipotetika tal-argumenti insostenn ta’ dan il-motiv. Għalhekk, is-SRB iqis, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet addizzjonali li ġew ippreżentati insostenn ta’ dan il-motiv fin-nota ta’ adattament, peress li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma sostanzjali u ma humiex “iġġustifikati”, fis-sens tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

33      Skont l-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta att, li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu, jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni mingħajr fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element il-ġdid.

34      F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-kunsiderazzjonijiet ppreżentati fin-nota ta’ adattament insostenn tad-disa’ motiv huma bbażati fuq motivi ta’ illegalità u argumenti li tqajmu fir-rikors u li jirrigwardaw kemm il-portata tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 kif ukoll il-partijiet kollha tad-disa’ motiv, kif eżaminati iktar ’il quddiem.

35      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi espożizzjoni ġdida tal-motivi li għalihom is-SRB qies li din id-dispożizzjoni ma kinitx tippermetti li jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tar-rikorrenti mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, filwaqt li d-deċiżjonijiet inizjali ma kienu jinkludu ebda motivazzjoni espliċita dwar dan il-punt.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oġġezzjoni tas-SRB għandha tiġi miċħuda.

37      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, wara li nżammet is-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex tippermetti lill-partijiet jieħdu pożizzjoni bil-miktub dwar is-separabbiltà tal-attivitajiet ta’ żvilupp u tal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp. F’dan ir-rigward, hija affermat li, waqt is-seduta, is-SRB kien sostna, għall-ewwel darba, li ma kienx possibbli li ssir distinzjoni netta bejn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet li hija kienet teżerċita. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Mejju 2023, il-President tat-Tmien Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali rrifjuta din it-talba għar-raġuni li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà tieħu pożizzjoni dwar l-argumenti tas-SRB ippreżentati fis-seduta waqt ir-replika finali tagħha.

38      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 biss sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali qieset li din id-dispożizzjoni ma kinitx tippermetti li jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħha mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante.

39      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, qabelxejn, jekk l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 jippermettix li jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti u, jekk dan ma jkunx il-każ, għandu jiġi evalwat, sussegwentement, jekk din id-dispożizzjoni hijiex konformi mal-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59 u mal-Artikolu 70(2) u (7) tar-Regolament Nru 806/2014.

b)      Fuq ilportata talArtikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63

40      Skont l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63, jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante “fil-każ ta’ istituzzjonijiet li joperaw self promozzjonali, l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni intermedjarja lejn il-bank oriġinatur jew bank promozzjonali ieħor jew istituzzjoni intermedjarja oħra u l-obbligazzjonijiet tal-bank promozzjonali oriġinali lejn il-partijiet tal-finanzjament tiegħu, sakemm l-ammont ta’ dawn l-obbligazzjonijiet ikun korrispost bis-self promozzjonali ta' dik l-istituzzjoni”.

41      Skont il-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, “self promozzjonali [għall-iżvilupp]” ifisser “self [mogħti] minn bank promozzjonali [ta’ żvilupp] jew permezz ta’ bank intermedjarju, fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt sabiex jiġu promossi l-objettivi tal-politika pubblika ta’ gvernijiet ċentrali jew reġjonali fi Stat Membru”.

42      Ir-rikorrenti ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp, bħal dawk deskritti fil-punt 4 iktar ’il fuq.

43      Is-SRB, sostnut mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, jikkontesta dawn l-argumenti.

44      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jagħtix setgħa diskrezzjonali lis-SRB biex jeskludi ċerti obbligazzjonijiet abbażi tal-aġġustament skont ir-riskju tal-kontribuzzjonijiet ex ante, iżda jelenka, għall-kuntrarju, b’mod preċiż il-kundizzjonijiet li fihom obbligazzjonijiet ikunu s-suġġett ta’ tali esklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 93). Skont din l-istess ġurisprudenza, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità ma jistax jiġġustifika riżultat differenti, peress li r-Regolament Delegat 2015/63 identifika sitwazzjonijiet li għandhom karatteristiċi partikolari notevoli, direttament marbuta mar-riskji rrappreżentati mill-obbligazzjonijiet inkwistjoni (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 95).

45      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi tliet kundizzjonijiet għall-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet ikkonċernati mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, peress li dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ natura kumulattiva, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minnhom tostakola l-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet ikkonċernati mill-imsemmi kalkolu.

46      L-ewwel nett, sabiex ikunu jistgħu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-obbligazzjonijiet għandhom jinżammu minn istituzzjoni li tamministra self għall-iżvilupp.

47      It-tieni nett, dawn l-obbligazzjonijiet għandhom jikkostitwixxu “obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni intermedjarja lejn il-bank oriġinatur jew bank promozzjonali ieħor jew istituzzjoni intermedjarja oħra” jew “obbligazzjonijiet tal-bank promozzjonali oriġinali lejn il-partijiet tal-finanzjament tiegħu”.

48      It-tielet nett, l-obbligazzjonijiet inkwistjoni jistgħu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-obbligazzjonijiet li jservu sabiex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni ex ante biss “sakemm l-ammont ta’ dawn l-obbligazzjonijiet ikun korrispost bis-self promozzjonali ta’ dik l-istituzzjoni”.

49      F’dan il-każ, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp, bħal dawk imsemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq, jissodisfawx it-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 48 iktar ’il fuq, jiġifieri dik li tipprovdi li l-ammont ta’ dawn l-obbligazzjonijiet għandu jkun kopert mill-ammont tas-self għall-iżvilupp amministrat mill-bank għall-iżvilupp ikkonċernat.

50      F’dan ir-rigward, qabel kollox mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63, imsemmija fil-punt 48 iktar ’il fuq, b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “sakemm”, jirriżulta li l-obbligazzjonijiet inkwistjoni jistgħu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tal-istituzzjoni kkonċernata biss sal-ammont tas-self għall-iżvilupp amministrat minn din l-istituzzjoni, kif iddefinit fil-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63.

51      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li donnha tissuġġerixxi r-rikorrenti, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante l-obbligazzjonijiet kollha ta’ bank ta’ żvilupp li huma marbuta, b’mod jew ieħor, mat-twettiq tal-funzjoni ta’ żvilupp tiegħu, iżda biss l-obbligazzjonijiet li l-ammont tagħhom jikkorrispondi eżattament mal-ammont tas-self għall-iżvilupp amministrat minn tali bank.

52      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp, bħal dawk deskritti fil-punt 4 iktar ’il fuq, jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “self għall-iżvilupp”, fis-sens tal-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fin-nota ta’ adattament tagħha u waqt is-seduta jirriżulta li l-attivitajiet li huma rilevanti għall-finijiet ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità jikkonsistu b’mod partikolari fix-xiri ta’ titoli ta’ dejn fis-suq tal-kapital.

53      F’dan ir-rigward, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk tali operazzjonijiet jistgħux jiġu kklassifikati bħala “self”, mill-formulazzjoni tal-punt 28 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament delegat, kif imfakkar fil-punt 41 iktar ’il fuq, jirriżulta li, sabiex jikkostitwixxu self għall-iżvilupp, dawn l-operazzjonijiet għandhom jissodisfaw, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni li dawn għandhom jitwettqu “fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt”.

54      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-kundizzjoni għandha tiġi ssodisfatta mhux biss fil-każ ta’ self mogħti minn istituzzjoni intermedjarja, iżda wkoll fil-każ ta’ self mogħti minn bank ta’ żvilupp. Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-verżjoni Ingliża u dik Franċiża tal-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, li fuqhom ibbażat ruħha r-rikorrenti. F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi, l-istess bħall-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, fosthom b’mod partikolari l-verżjoni Spanjola, Taljana jew Pollakka, jirriżulta li l-kundizzjoni li tirriżulta mill-użu tal-espressjoni “fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt” hija marbuta mal-użu tal-kelma “mogħti”, b’tali mod li tirreferi kemm għall-espressjoni “bank ta’ żvilupp” kif ukoll għall-espressjoni “stabbiliment intermedjarju”. Fuq dan il-punt, is-sempliċi fatt li l-imsemmija kundizzjoni ssegwi immedjatament dawn l-aħħar kliem ma jfissirx li din tikkonċerna biss is-self għall-iżvilupp mogħti mill-istabbilimenti intermedjarji.

55      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, barra minn hekk, mill-verżjoni Ġermaniża tal-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63. Fil-fatt, f’din il-verżjoni, il-kundizzjoni li tirriżulta mill-użu tal-espressjoni “fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt” tippreċedi l-kunċett ta’ “self” u għalhekk tapplika mingħajr distinzjoni għaż-żewġ ipoteżijiet ikkonċernati, jiġifieri kemm l-għoti ta’ self għall-iżvilupp minn istituzzjoni intermedjarja kif ukoll l-għoti ta’ self għall-iżvilupp minn bank ta’ żvilupp.

56      Il-konklużjoni stabbilita fil-punt 54 iktar ’il fuq hija kkonfermata wkoll mill-ewwel sentenza tal-premessa 13 tar-Regolament Delegat 2015/63, li ssemmi espliċitament il-kundizzjoni li tirriżulta mill-użu tal-espressjoni “fuq bażi mhux kompetittiva”, fil-kuntest tas-self mogħti direttament minn bank ta’ żvilupp.

57      Bl-istess mod, l-imsemmija kundizzjoni tagħmel parti integrali mill-punt 27 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “bank ta’ żvilupp” bħala kull impriża jew entità maħluqa minn gvern ċentrali jew reġjonali ta’ Stat Membru, li jagħti self għall-iżvilupp “fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt”.

58      Minn dan isegwi li, sabiex operazzjoni tkun tista’ titqies bħala self għall-iżvilupp għall-finijiet tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63, il-kundizzjoni li tirriżulta mill-użu tal-espressjoni “fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt” għandha tiġi ssodisfatta mhux biss fil-każ ta’ istituzzjoni intermedjarja, iżda wkoll fil-każ ta’ bank ta’ żvilupp.

59      Issa, fir-rigward tal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp li jikkonsistu fl-akkwist ta’ titoli ta’ dejn fis-suq tal-kapital, bħal dawk imsemmija fil-punt 52 iktar ’il fuq, xejn ma jindika li tali tranżazzjonijiet ta’ akkwist jissodisfaw il-kundizzjoni stabbilita fil-punt 58 iktar ’il fuq.

60      Fil-fatt, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li tali operazzjonijiet jitwettqu fis-suq tal-kapital miftuħ li fih joperaw atturi oħra, li jwettqu l-istess tipi ta’ operazzjonijiet u li jistgħu jakkwistaw l-istess titoli ta’ dejn bħall-banek ta’ żvilupp, u dan taħt l-istess kundizzjonijiet tas-suq bħal dawn tal-aħħar. Issa, f’tali suq, il-banek ta’ żvilupp huma, mid-definizzjoni tagħhom stess, f’kompetizzjoni diretta ma’ dawn l-atturi l-oħra tas-suq, b’tali mod li l-attività kkonċernata ma tistax titqies li hija eżerċitata fuq bażi mhux kompetittiva.

61      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tirrikonoxxi hija stess li l-attivitajiet li jikkonsistu f’akkwist ta’ titoli ta’ dejn fis-suq tal-kapital huma intiżi li jiġġeneraw, u effettivament jiġġeneraw, dħul, sa fejn dawn jipproduċu marġni ta’ interessi sabiex tiġi ffinanzjata l-attività bankarja bħala tali tal-banek tal-iżvilupp, bħar-rikorrenti. Għaldaqstant, dawn l-attivitajiet ma jistgħux jitqiesu li huma eżerċitati mingħajr skop ta’ lukru.

62      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-“għan aħħari” tal-imsemmija attivitajiet ma huwiex il-ksib ta’ profitt minħabba l-projbizzjoni imposta fuqha li tqassam dividendi. Fil-fatt, in-natura mhux profitabbli ta’ attività, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-natura ta’ kull attività kkonċernata, mingħajr ma huwa rilevanti jekk il-profitti ġġenerati minn din l-attività jintużawx sussegwentement għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ żvilupp, li min-naħa tagħhom huma eżerċitati mingħajr skop ta’ lukru. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal sabiex jitqies li l-attivitajiet ikkonċernati ma humiex intiżi għall-ksib ta’ profitt għas-sempliċi raġuni li dawn jitwettqu minn bank ta’ żvilupp, li jċaħħad mill-kontenut tagħha l-kundizzjoni li tirriżulta mill-użu tal-espressjoni “fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt”, prevista fil-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqri flimkien mal-punti 27 u 28 tal-Artikolu 3 ta’ dan l-istess regolament delegat, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tal-banek tal-iżvilupp, bħar-rikorrenti, mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom.

c)      Fuq illegalità talArtikolu 5(1)(f) tarRegolament Delegat 2015/63

64      Fil-każ li l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħha mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fil-konfront ta’ din id-dispożizzjoni billi ssostni li din hija inkompatibbli mal-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59 u mal-Artikolu 70(2) u (7) tar-Regolament Nru 860/2014.

65      Preliminarjament, minn naħa, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti tiżviluppa l-argument tagħha essenzjalment fir-rigward tal-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59 u li hija tinvoka ksur tal-Artikolu 70(2) u (7) tar-Regolament Nru 860/2014 biss minħabba r-riferiment magħmul mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 għall-metodu ta’ kalkolu espost fir-Regolament Delegat 2015/63.

66      Min-naħa l-oħra, mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 billi tifformula, fir-realtà, tliet partijiet ibbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2014/59, it-tieni, fuq il-ksur tal-għan ta’ tnaqqis tal-baġits pubbliċi u, it-tielet, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ allinjament tal-kontribuzzjonijiet ex ante mal-profil ta’ riskju u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

1)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilksur taxxogħol preparatorju tadDirettiva 2014/59

67      Ir-rikorrenti ssostni li, billi ma eskludiex l-obbligazzjonijiet kollha marbuta mal-attivitajiet tal-banek ta’ żvilupp ikkonċernati, li jibbenefikaw minn garanzija pubblika, mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, inkluż għalhekk dawk marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħhom, l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma huwiex konformi max-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2014/59. Fil-fatt, il-Parlament ippropona, matul il-proċess leġiżlattiv, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza partikolari ta’ dawn il-banek kif ukoll il-funzjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku fid-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante, billi ma jiġux inklużi tali obbligazzjonijiet fil-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. Il-fatt li l-emenda tal-Parlament dwar tali esklużjoni ma ġietx inkluża fit-test finali ta’ din id-direttiva ma huwiex dovut għal nuqqas ta’ qbil sostantiv, iżda għal nuqqas ta’ fehim. Għalhekk, l-imsemmija esklużjoni kienet diġà prevista waqt l-adozzjoni tal-imsemmija direttiva u kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63.

68      Is-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

69      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kontribuzzjonijiet ex ante huma imposti u kkalkolati abbażi tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

70      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li għandhom jikkontribwixxu għas-SRF l-“istituzzjonijiet” fis-sens tal-punt 13 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

71      Mill-punt 13 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(2) ta’ dan l-istess regolament u mal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, jirriżulta li jagħmlu parti minn dawn l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari, istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1), li ma jinsabux fost l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(5), tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338).

72      Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-banek ta’ żvilupp reġjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jikkostitwixxu istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 (iktar ’il quddiem il-“banek ta’ żvilupp reġjonali”), bħar-rikorrenti, ma kinux eżentati mis-sistema ġenerali ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante, peress li dawn ma kinux inklużi fost l-entitajiet esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016.

73      Fil-fatt, minn naħa, b’differenza mill-Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW), li huwa l-bank ta’ żvilupp nazzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-banek ta’ żvilupp reġjonali, bħar-rikorrenti, ma kinux jinsabu fil-punt 6 tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36 fil-verżjoni tagħha applikabbli qabel l-emenda tagħha permezz tad-Direttiva 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95).

74      Min-naħa l-oħra, għalkemm mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2014/59 jirriżulta li matul il-proċess leġiżlattiv, il-Parlament ippropona, essenzjalment, esklużjoni integrali tal-obbligazzjonijiet tal-banek ta’ żvilupp mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, il-verżjoni finali tal-imsemmija direttiva ma aċċettatx tali proposta.

75      Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li din il-proposta ma ġietx aċċettata ma jistax jitqies li huwa “nuqqas ta’ fehim” li seħħ waqt il-proċess leġiżlattiv. Fil-fatt, minbarra l-fatt li din l-allegazzjoni ma hijiex sostnuta, din ma tistax tintlaqa’ minħabba li ċ-ċaħda ta’ proposta ta’ emendi tikkostitwixxi indizju tal-interpretazzjoni a contrario tad-dispożizzjoni inkwistjoni, sa fejn il-leġiżlatur espressament u deliberatament iddeċieda li jeskludi l-emenda inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1996, RTI et, C‑320/94, C‑328/94, C‑329/94 u C‑337/94 sa C‑339/94, EU:C:1996:486, punt 44).

76      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li la r-Regolament Nru 806/2014 u lanqas id-Direttiva 2014/59 ma kienu jeżentaw, b’mod ġenerali, lill-banek ta’ żvilupp reġjonali mill-obbligu li jħallsu kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom, minkejja l-fatt li huma jibbenefikaw minn garanzija pubblika, u li dan ir-regolament u din id-direttiva għalhekk ma jeskludux l-obbligazzjonijiet kollha marbuta mal-attivitajiet ta’ dawn il-banek mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante.

77      Bl-istess mod, ebda wieħed minn dawn l-atti ma jipprevedi l-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li teskludi lil ċerti stabbilimenti, bħall-banek ta’ żvilupp reġjonali, mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

78      Għaldaqstant, l-ewwel parti tad-disa’ motiv għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilksur talgħan ta’ tnaqqis talbaġits pubbliċi

79      Ir-rikorrenti tqis li r-rifjut ta’ esklużjoni tal-banek ta’ żvilupp reġjonali mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tal-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħhom, kif jirriżulta mir-Regolament Delegat 2015/63, jikser ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni u l-għan ta’ tnaqqis tal-baġits pubbliċi stabbilit mid-Direttiva 2014/59. Għalhekk, teżisti pressjoni doppja fuq il-baġits pubbliċi sa fejn l-ammont li għandu jitħallas fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet ex ante jinġabar mill-banek ta’ żvilupp reġjonali, bħar-rikorrenti, iżda wkoll indirettament fuq l-awtoritajiet pubbliċi li għandhom tali banek u, konsegwentement, fuq il-baġits pubbliċi.

80      Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

81      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 69 sa 77 iktar ’il fuq, la r-Regolament Nru 806/2014 u lanqas id-Direttiva 2014/59 ma kienu jeżentaw, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, lill-banek ta’ żvilupp reġjonali mill-obbligu li jħallsu kontribuzzjonijiet ex ante, u dan minkejja l-fatt li huma jibbenefikaw minn garanzija pubblika.

82      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-għan ta’ tnaqqis tal-baġits pubbliċi msemmi fid-Direttiva 2014/59 li fuqu tibbaża ruħha r-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti.

83      Huwa minnu li, kif jirriżulta mill-premessa 109 tad-Direttiva 2014/59, din hija intiża li tilħaq l-għan li l-maġġoranza tal-finanzjament tal-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati għandha toriġina mill-azzjonisti u mill-kredituri tal-istituzzjonijiet suġġetti għal tali proċeduri, u sussegwentement minn entitajiet tas-settur, u mhux mill-baġits pubbliċi.

84      Madankollu, sa fejn awtorità pubblika tkun azzjonista, kreditur jew garanti ta’ tali istituzzjoni, ma huwiex inkompatibbli mal-għan imsemmi fil-punt 83, iktar ’il fuq, li din tipparteċipa, f’din il-kwalità, fil-finanzjament tas-SRF u li tikkontribwixxi għalhekk sabiex tiżgura s-solidità tas-sistema ta’ arranġamenti ta’ finanzjament għar-riżoluzzjoni tal-Unjoni.

85      Għaldaqstant, l-imsemmi għan ma jistax jikkontesta l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 76 iktar ’il fuq.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tad-disa’ motiv għandha tiġi miċħuda.

3)      Fuq ittielet parti, ibbażata fuq ilksur talprinċipju ta’ allinjament talkontribuzzjonijiet ex ante malprofil ta’ riskju u talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

87      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li, sa fejn ma jeskludix mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tal-banek ta’ żvilupp reġjonali l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħhom, l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 jikser l-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59, li jeżiġi li l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante għandu jkun allinjat mal-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet.

88      Ir-rikorrenti tqis li, fid-dawl tal-loġika inerenti għall-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni, stabbilita fil-premessa 103 tad-Direttiva 2014/59, il-probabbiltà li l-istituzzjoni tkun suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni jista’ jkollha, f’każ speċifiku, importanza predominanti meta mqabbla mal-parametri l-oħra li jippermettu l-allinjament tal-kontribuzzjonijiet ex ante mal-profil ta’ riskju, kif elenkati fl-Artikolu 103(7) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, ir-Regolament Delegat 2015/63, li huwa bbażat, sa fejn jipprevedi l-metodu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, fuq dan l-Artikolu 103(7), huwa legali biss sa fejn dan jinkludi suffiċjentement, fil-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-probabbiltà li l-istituzzjonijiet ikkonċernati jkunu suġġetti għal proċedura ta’ riżoluzzjoni.

89      Issa, mill-perspettiva ta’ din il-probabbiltà, ma teżistix differenza bejn l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet ta’ żvilupp u dawk marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp. Minn naħa, il-Land jiżgura, fil-kwalità tiegħu ta’ garanti tar-rikorrenti, il-kopertura sħiħa ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ obbligazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, minħabba l-garanzija tal-Land, falliment tar-rikorrenti huwa prattikament eskluż, li jfisser li din ma għandha l-ebda bżonn tirrikorri għall-istrumenti ta’ riżoluzzjoni.

90      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest ta’ setgħa ddelegata fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa meta tintalab, b’mod partikolari, twettaq evalwazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Dan huwa l-każ fir-rigward tal-iffissar tal-kriterji ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil ta’ riskju skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59.

92      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-natura speċifika ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet tikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, fil-garanzija, f’loġika bbażata fuq assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti għas-SRM sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jħeġġeġ l-adozzjoni, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

93      F’dan il-kuntest, u kif jirriżulta mill-premessa 114 tad-Direttiva 2014/59, il-leġiżlatur tal-Unjoni inkariga lill-Kummissjoni tispeċifika, permezz ta’ att iddelegat, il-mod kif il-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet jiġu aġġustati għall-arranġamenti ta’ finanzjament għar-riżoluzzjoni b’mod proporzjonali għall-profil ta’ riskju tagħhom.

94      Bl-istess mod, il-premessa 107 ta’ din id-direttiva tispeċifika li, sabiex jiġi żgurat kalkolu ġust tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali u biex tiġi inċentivata l-adozzjoni ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi, dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-kreditu, il-likwidità u r-riskju tas-suq meħud mill-istituzzjonijiet.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kellha tfassal regoli ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet billi ssegwi żewġ għanijiet marbuta, jiġifieri, minn naħa, li tiżgura t-teħid inkunsiderazzjoni tad-diversi riskji li jiġġeneraw l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, bankarji jew finanzjarji b’mod iktar wiesa’, u, min-naħa l-oħra, tinkoraġġixxi lil dawn l-istess istituzzjonijiet isegwu modi ta’ funzjonament inqas riskjużi.

96      Issa, kif jirriżulta mid-dokumenti relatati mal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63, b’mod partikolari d-dokumenti “JRC technical work supporting Commission 2 level legislation on risk based contributo the (single) resolution fund” (Studju tekniku tal-JRC insostenn tal-leġiżlazzjoni tat-tieni livell tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskji għall-fond ta’ riżoluzzjoni (uniku)), u “Commission Staff Working Document: estimates of the application of the proposed methodology for the callation of contributions to resolution financing arrangements” (Dokument ta’ Ħidma tad-Dipartimenti tal-Kummissjoni: stimi tal-applikazzjoni tal-metodu propost għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjonijiet), it-tfassil ta’ tali regoli kien jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni sa fejn din kellha teżamina d-diversi elementi li fid-dawl tagħhom id-diversi tipi ta’ riskju kienu kkunsidrati fis-settur bankarju u finanzjarju.

97      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kellha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex tadotta, skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, ir-regoli li jippreċiżaw il-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-metodu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk din tal-aħħar eċċedietx manifestament il-limiti ta’ din is-setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60).

99      Konsegwentement, hija r-rikorrenti li għandha turi li l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 huwa vvizzjat b’tali difetti sa fejn ma jeskludix l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tal-banek ta’ żvilupp reġjonali mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante.

100    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, la r-Regolament Nru 806/2014 u lanqas id-Direttiva 2014/59 ma kienu jeskludu, b’mod ġenerali, lill-banek ta’ żvilupp reġjonali mill-obbligu li jħallsu kontribuzzjonijiet ex ante, u dan minkejja l-fatt li huma jibbenefikaw minn garanzija pubblika u indipendentement mill-probabbiltà tar-riżoluzzjoni tagħhom (ara l-punti 69 sa 77 iktar ’il fuq).

101    Bl-istess mod, la d-Direttiva 2014/59 u lanqas ir-Regolament Nru 806/2014 ma jobbligaw lill-Kummissjoni teskludi ċerti obbligazzjonijiet ta’ tali istituzzjonijiet mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

102    Għalhekk, konformement mal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u mal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59, l-obbligazzjonijiet kollha tal-imsemmija istituzzjonijiet, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, bla ħsara għall-aġġustament tal-imsemmija kontribuzzjonijiet skont ir-riskju tal-istituzzjonijiet.

103    Tali approċċ jikkorrispondi għal-loġika bbażata fuq assigurazzjoni tas-sistema tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li fiha s-settur finanzjarju kollu għandu jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti għas-SRM sabiex ikun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). Fil-fatt, konformement ma’ din il-loġika, l-istituzzjonijiet kollha, inklużi dawk li l-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni tagħhom hija iktar baxxa, jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom permezz tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kif żgurata mis-SRF.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Kummissjoni kienet obbligata teskludi ċerti obbligazzjonijiet tal-banek ta’ żvilupp reġjonali, bħall-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp, mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom għas-sempliċi raġuni li dawn il-banek kellhom probabbiltà ta’ riżoluzzjoni iktar baxxa.

105    Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li r-rikorrenti ma kkontestatx li ma kienx eskluż, fuq il-livell ġuridiku, li bank ta’ żvilupp reġjonali jista’, minkejja l-fatt li dan jibbenefika minn garanziji pubbliċi, ikun is-suġġett ta’ riżoluzzjoni u, għaldaqstant, jista’ jirrikorri għas-SRF.

106    Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjoni ex ante ma hijiex ikkalkolata biss abbażi tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, iżda din il-kontribuzzjoni hija aġġustata, sussegwentement, skont il-profil ta’ riskju tagħhom. Għalhekk, skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, il-Kummissjoni hija awtorizzata tispeċifika, permezz ta’ att iddelegat, il-modalitajiet ta’ dan l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju tal-imsemmija istituzzjonijiet.

107    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 jipprevedi tmien elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ tali adattament. Issa, għalkemm “il-probabbiltà li l-istituzzjoni tidħol f’riżoluzzjoni” u “l-iskopertura tar-riskju tal-istituzzjoni” jinsabu fost dawn l-elementi, b’tali mod li l-Kummissjoni hija obbligata teħodhom inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni ta’ att iddelegat bħar-Regolament Delegat 2015/63, dawn l-elementi jikkostitwixxu biss tnejn mit-tmien l-oħra li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni fit-tfassil ta’ tali att.

108    Barra minn hekk, xejn fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 ma jindika li l-Kummissjoni hija obbligata tagħti importanza predominanti lil wieħed jew iktar mill-imsemmija elementi, bħall-probabbiltà li l-istituzzjoni tkun suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni.

109    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59.

110    Minn naħa, mill-premessa 105 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jinġabru mingħand l-atturi tas-settur finanzjarju qabel kwalunkwe operazzjoni ta’ riżoluzzjoni u indipendentement minnha. Min-naħa l-oħra, l-istrumenti ta’ riżoluzzjoni jistgħu japplikaw biss għall-entitajiet li l-falliment tagħhom ikun qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u biss meta dan ikun neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja fl-interess pubbliku. Il-leġiżlazzjoni għalhekk ma tistabbilixxi ebda rabta awtomatika bejn il-ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante tal-istituzzjoni kkonċernata u r-riżoluzzjoni ta’ din tal-aħħar, peress li huwa biss il-ħarsien tal-interess pubbliku, u mhux l-interess individwali tal-imsemmija istituzzjoni, li huwa l-fattur deċiżiv għall-użu tas-SRF (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 70). Minn dan jirriżulta li l-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni ma hijiex l-uniku element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha.

111    Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet tal-iżvilupp mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, prevista mill-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63, ma hijiex iġġustifikata mill-fatt li l-banek ta’ żvilupp, li għandhom dawn l-obbligazzjonijiet, ikollhom inqas probabbiltà ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament delegat, l-esklużjoni tal-imsemmija obbligazzjonijiet hija bbażata fuq il-fatt li s-self għall-iżvilupp isegwi għan ta’ politika pubblika, li jingħata fuq bażi mhux kompetittiva u mingħajr skop ta’ lukru u li huwa parzjalment iggarantit, direttament jew indirettament, mill-amministrazzjoni ċentrali jew reġjonali jew mill-awtorità lokali ta’ Stat Membru. Għalhekk, din l-esklużjoni hija bbażata fuq il-karatteristiċi proprji ta’ ċerta kategorija ta’ attivitajiet, iktar milli fuq il-profil ta’ riskju globali tal-banek ta’ żvilupp li jwettqu dawn l-attivitajiet, peress li tali banek ma jippreżentawx neċessarjament l-istess profil ta’ riskju għas-sempliċi raġuni li huma jwettqu, fost attivitajiet oħra, attivitajiet ta’ żvilupp.

112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 kien ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew li kien eċċeda manifestament il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni minħabba l-fatt li ma kienx jeskludi l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tal-banek ta’ żvilupp reġjonali mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom.

113    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, filwaqt li l-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59 jeżiġi ugwaljanza fit-trattament bejn il-banek li għandhom l-istess profil ta’ riskju.

114    L-ewwel nett, l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament delegat 2015/63 jistabbilixxi differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp u l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet ta’ żvilupp. F’dan ir-rigward, mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-iskema pprivileġġata tal-obbligazzjonijiet tal-banek ta’ żvilupp allokati għall-finanzjament mill-ġdid ta’ ċertu self hija mmotivata mill-fatt li dan is-self huwa ggarantit, direttament jew indirettament, mill-amministrazzjoni ċentrali jew reġjonali jew mill-awtorità lokali inkwistjoni. Issa, il-garanzija taż-żamma fl-attività li tibbenefika minnha r-rikorrenti, u għalhekk il-probabbiltà “estremament baxxa” tar-riżoluzzjoni tagħha, bl-ebda mod ma tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-obbligazzjonijiet ta’ din tal-aħħar jikkorrispondux għal krediti marbuta mal-attività tagħha ta’ żvilupp jew mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħha. Id-differenza fit-trattament lanqas ma hija ġġustifikata mill-perspettiva tan-natura ta’ dawn l-attivitajiet, peress li l-attivitajiet ta’ żvilupp huma ekonomikament inseparabbli mill-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp.

115    It-tieni nett, l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, iwassal għal differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn impenji lejn kontropartijiet li magħhom istituzzjoni tkun ħolqot sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali (iktar ’il quddiem is-“SPI”), peress li dawn l-aħħar obbligazzjonijiet huma esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament delegat. Fil-fatt, ir-rikorrenti tibbenefika, fir-rigward tal-mezzi użati għall-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħha, minn mekkaniżmu ta’ protezzjoni indipendenti mis-SRF, jiġifieri l-garanzija tal-Land, li hija paragunabbli mal-garanzija mogħtija minn SPI.

116    It-tielet nett, il-banek ta’ żvilupp reġjonali huma ttrattati b’mod differenti mill-banek ta’ żvilupp nazzjonali, li ma humiex meqjusa bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-sens tar-Regolament Nru 575/2013 u għalhekk huma eżentati mill-obbligu li jħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante, minkejja li l-banek ta’ żvilupp reġjonali jeżerċitaw, l-istess bħall-banek ta’ żvilupp nazzjonali, funzjonijiet partikolari ta’ finanzjament fl-interess ġenerali u għandhom garanzija ta’ żamma fl-attività.

117    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 95).

118    Peress li r-rikorrenti invokat il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, hija għandha tidentifika b’mod preċiż is-sitwazzjonijiet paragunabbli li hija tqis li fihom ġiet ittrattata b’mod differenti jew is-sitwazzjonijiet differenti li hija tqis li fihom ġiet ittrattati b’mod identiku (sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 311).

119    Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħthom jaqa’ dan l-att (sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    F’dak li jirrigwarda s-suġġett u l-għan tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2015/63, għandu jitfakkar li dawn l-atti jaqgħu fil-qasam tas-SRM, li l-ħolqien tiegħu huwa intiż, konformement mal-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014, li jiżgura approċċ newtrali fit-trattament tal-istituzzjonijiet li qegħdin ifallu, li jsaħħaħ l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri parteċipanti u li jipprevjeni t-tixrid ta’ kriżijiet possibbli għall-Istati Membri li ma jipparteċipawx f’dan il-mekkaniżmu, sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern kollu kemm hu.

121    Bl-għan li jiġi żgurat finanzjament tal-attivitajiet tas-SRM, id-Direttiva 2014/59, ir-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament Delegat 2015/63 stabbilixxew il-kontribuzzjonijiet ex ante li n-natura speċifika tagħhom tikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 ta’ din id-direttiva u mill-premessa 41 ta’ dan ir-regolament, fil-garanzija, b’loġika bbażata fuq assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti lis-SRM sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu u sabiex l-istituzzjonijiet jiġu mħeġġa jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

122    F’dan il-kuntest, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 hija mmotivata, kif jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament delegat, mill-fatt li s-self għall-iżvilupp isegwi għan ta’ politika pubblika, jingħata fuq bażi mhux kompetittiva u mingħajr skop ta’ lukru, u huwa parzjalment iggarantit, direttament jew indirettament, mill-amministrazzjoni ċentrali jew reġjonali jew mill-awtorità lokali ta’ Stat Membru.

123    Fir-rigward tal-ewwel ilment, dan għandu jinftiehem fis-sens li r-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp huma paragunabbli mal-attivitajiet ta’ żvilupp, b’tali mod li l-obbligazzjonijiet ta’ bank ta’ żvilupp reġjonali li jwettaq iż-żewġ kategoriji ta’ attivitajiet kellhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante mhux biss sal-ammont li jikkorrispondi għall-attivitajiet ta’ żvilupp, iżda sal-ammont li jikkorrispondi għaż-żewġ kategoriji ta’ attivitajiet.

124    F’dan ir-rigward, jirriżulta qabel kollox mill-punt 60 iktar ’il fuq li l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp jitwettqu fis-suq tal-kapital miftuħ u bi skop ta’ lukru, li dawn jistgħu jitwettqu minn stabbilimenti li ma humiex il-banek ta’ żvilupp reġjonali u li huma eżerċitati f’kompetizzjoni mal-istabbilimenti l-oħra. Għall-kuntrarju, l-attivitajiet ta’ żvilupp jitwettqu abbażi ta’ obbligu legali li tingħata assistenza lill-amministrazzjoni ċentrali jew reġjonali ta’ Stat Membru fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet ta’ interess pubbliku tiegħu.

125    Barra minn hekk, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 62 u 124 iktar ’il fuq u kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-fatt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ attivitajiet huma komplementari għal xulxin mill-perspettiva ekonomika ma jfissirx li dawn huma paragunabbli.

126    Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza invokata mir-rikorrenti li l-garanzija tal-Land li hija tibbenefika minnha tkopri, fil-każ individwali tagħha, l-attivitajiet kollha tagħha, kemm fir-rigward tal-attivitajiet ta’ żvilupp jew tal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp, hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura paragunabbli ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ attivitajiet fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 122 iktar ’il fuq, l-għan previst minn din id-dispożizzjoni ma kienx li mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet kollha tal-banek ta’ żvilupp reġjonali kollha li jibbenefikaw minn garanziji bħal dawk li tibbenefika minnhom ir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, ma huwiex stabbilit li l-garanziji pubbliċi li jibbenefikaw minnhom, bħala regola ġenerali, l-attivitajiet ta’ żvilupp tal-banek ta’ żvilupp reġjonali jestendu, fil-każ ta’ dawn il-banek kollha, ukoll għall-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti, b’mod partikolari, ma kkontestatx b’mod partikolari l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li kienu jeżistu sitwazzjonijiet li fihom l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp ta’ ċerti banek ta’ żvilupp reġjonali ma kienu koperti minn ebda garanzija mill-Istat jew garanzija ekwivalenti.

127    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp ma jistgħux jitqiesu li huma paragunabbli mal-attivitajiet ta’ żvilupp. Għalhekk, ma huwiex stabbilit li dawn għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod fir-rigward tal-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

128    Fir-rigward tat-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni b’mod żbaljat li, fid-dawl tal-għan speċifiku segwit mill-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Delegat 2015/63, l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp huma paragunabbli mal-obbligazzjonijiet marbuta mal-impenji lejn kontropartijiet li magħhom l-istituzzjoni kkonċernata ħolqot SPI. Fil-fatt, skont il-premessa 8 ta’ dan ir-regolament delegat, l-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet marbuta mas-SPI tirriżulta minn rieda li jiġi evitat l-għadd doppju ta’ ċerti obbligazzjonijiet meta tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni ex ante tal-istituzzjonijiet li huma membri ta’ SPI jew li huma affiljati b’mod permanenti ma’ organu ċentrali. Issa, ir-rikorrenti ma sostnietx li l-inklużjoni tal-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante kienet tikkostitwixxi għadd doppju ta’ tali obbligazzjonijiet.

129    Fir-rigward tat-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-banek ta’ żvilupp reġjonali huma ttrattati b’mod differenti mill-banek ta’ żvilupp nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-obbligu li jħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

130    Qabel kollox, din id-differenza fit-trattament tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-atti leġiżlattivi msemmija fil-punti 70 sa 73 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif ġie spjegat f’dawn il-punti, huwa l-punt 6 tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36, fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel l-emenda tiegħu bid-Direttiva 2019/878, li kien jeskludi b’isimha lill-KfW mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/36 u, konsegwentement, mis-sistema ġenerali tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Issa, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-validità ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ dispożizzjonijiet oħra msemmija fil-punti 70 sa 73 iktar ’il fuq.

131    Għall-kuntrarju, l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63, li tiegħu hija eċċepita l-illegalità permezz ta’ dan il-motiv, japplika għall-banek ta’ żvilupp kollha, fis-sens tal-punt 27 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tas-sistema ġenerali ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi ebda differenza fit-trattament bejn dawn il-banek skont jekk inħolqux minn amministrazzjoni ċentrali jew amministrazzjoni reġjonali ta’ Stat Membru.

132    Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 77 iktar ’il fuq, la l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva jew tar-Regolament Nru 806/2014 ma jawtorizza lill-Kummissjoni teżenta kompletament, f’att iddelegat, lil ċerti istituzzjonijiet, bħall-banek ta’ żvilupp reġjonali jew nazzjonali, mill-obbligu li jħallsu kontribuzzjonijiet ex ante.

133    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-legalità tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma tistax tiġi affettwata għas-sempliċi raġuni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien iddeċieda li jeżenta, individwalment, lill-KfW, imsemmija b’isimha fil-punt 6 tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36, fil-verżjoni tagħha applikabbli qabel l-emenda tagħha bid-Direttiva 2019/878, mis-sistema ġenerali ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

134    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li l-metodu ta’ kalkolu previst minn dan ir-regolament u applikat fid-deċiżjoni kkontestata jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u joħloq distorsjoni bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri, sa fejn dan il-metodu jwassal għal sussidji trażversali tal-banek kummerċjali mis-settur tal-banek tal-iżvilupp. Għalhekk, dan il-metodu joħloq distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri, bi ksur tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

135    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 165, u tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 142; ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 51).

136    Issa, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda element intiż li juri li l-inklużjoni tal-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante hija ta’ natura mhux xierqa meta mqabbla mal-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni u l-Kummissjoni għandhom l-intenzjoni li jilħqu, kif imsemmija fil-punti 120 sa 122 iktar ’il fuq.

137    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma ressqet ebda motiv intiż sabiex juri li l-inklużjoni ta’ dawn l-obbligazzjonijiet fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante kienet tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-punti 120 u 121 iktar ’il fuq, jew kienet twassal għal inkonvenjenzi sproporzjonati meta mqabbla mal-imsemmija għanijiet.

138    Fir-rigward tal-uniku argument konkret invokat mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-ilment, jiġifieri l-fatt li l-inklużjoni tal-imsemmija obbligazzjonijiet fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante twassal, fil-fehma tagħha, għal “sussidji trażversali” tal-banek kummerċjali mis-settur tal-banek tal-iżvilupp, ir-rikorrenti ma spjegatx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-raġunijiet li għalihom tali inklużjoni ma kinitx tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punt 135 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, kif diġà ssemma fil-punt 124 iktar ’il fuq, l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp jitwettqu fis-suq tal-kapital miftuħ bi skop ta’ lukru, b’tali mod li l-eventwali esklużjoni tal-obbligazzjonijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tirriskja li twassal għar-riżultat kuntrarju minn dak previst mir-rikorrenti, jiġifieri l-ħolqien ta’ distorsjonijiet bejn istituzzjonijiet attivi differenti f’tali suq.

139    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li t-tielet parti tad-disa’ motiv għandha tiġi miċħuda u, magħha, dan il-motiv kollu kemm hu.

2.      Fuq lgħaxar motiv, ibbażat fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità talpunt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) u tatTitolu “Pass 2” talAnness I, tarRegolament Delegat 2015/63

140    Fil-kuntest tal-għaxar motiv, ir-rikorrenti ssostni li “il-metodu ta’ kalkolu ddefinit fir-Regolament Delegat [...] 2015/63” jikser ir-Regolament Nru 806/2014, id-Direttiva 2014/59 u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li għalkemm ir-rikorrenti ssostni, f’termini ġenerali, li huwa l-metodu ta’ kalkolu previst mir-Regolament Delegat 2015/63 li jikser, bħala tali, ir-regoli tad-dritt superjuri li hija tinvoka u għalkemm tippreċiża li l-argument tagħha dwar il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) u t-Titolu “Pass 2” tal-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat huwa żviluppat biss bħala eżempju, is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ma jinkludux kunsiderazzjonijiet fuq aspetti oħra tal-metodu ta’ kalkolu ħlief dawk previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

142    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami ta’ dan il-motiv għandu jiġi limitat għall-allegata illegalità tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) u tat-Titolu “Pass 2” tal-Anness I tal-imsemmi regolament delegat.

143    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-garanzija pubblika li hija tibbenefika minnha ma tteħditx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-pilastru ta’ riskju intitolat “indikaturi tar-riskju addizzjonali li jiġu ddeterminati mill-awtorità tar-riżoluzzjoni”, previst fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63, jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll ir-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59, peress li dawn l-atti jimponu allinjament tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante mal-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet. Huwa, b’mod partikolari, s-sottoindikatur tar-riskju “[s]ħubija [tal-istituzzjoni] fi [SPI]”, previst fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63, li kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-garanziji pubbliċi, bħal dik li tibbenefika minnha r-rikorrenti, li huma potenzjalment saħansitra iktar rilevanti għall-evalwazzjoni tal-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet milli appartenenza għal SPI.

144    Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, il-mekkaniżmu ta’ assenjazzjoni tal-istituzzjonijiet għall-intervalli, stabbilit fit-Titolu “Pass 2” tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, jikser id-Direttiva 2014/59, il-prinċipju ta’ allinjament tal-kontribuzzjonijiet ex ante mal-profil ta’ riskju u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Minn naħa, din l-assenjazzjoni ssir abbażi ta’ paragun tal-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet kollha tal-Istati Membri parteċipanti, li jista’ jwassal għal riżultati manifestament inġusti. Min-naħa l-oħra, peress li l-metodu previst fit-Titolu “Pass 2” tal-Anness I tal-imsemmi regolament delegat jikkonsisti fl-assenjazzjoni, sa fejn huwa possibbli, tal-istess numru ta’ istituzzjonijiet għal kull intervall, dan jista’ jwassal sabiex istituzzjonijiet li jippreżentaw indikaturi ta’ riskju gross simili jiġu ttrattati b’mod differenti u istituzzjonijiet li jippreżentaw indikaturi differenti, b’mod identiku.

145    Għalhekk, bħala eżempju, mill-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kuntest tas-sottoindikatur ta’ riskju “assi ponderati skont ir-riskju tas-suq, diviżi bit-total tal-assi” f’dak li jirrigwarda l-istituzzjonijiet Ġermaniżi, l-intervalli 1 sa 15 huma okkupati minn 646 istituzzjoni li għandhom valur ta’ 0 % u l-istituzzjoni bl-ogħla profil ta’ riskju għal dan l-indikatur, b’valur ta’ madwar 1121.1 %, hija assenjata għal intervall 18, jiġifieri unikament għal intervall ogħla minn dak tar-rikorrenti, li, bil-valur tagħha ta’ 0.05 % hija assenjata għall-intervall 17. Konsegwentement, istituzzjonijiet bi profil ta’ riskju kompletament differenti jiġu kklassifikati fl-istess kategorija.

146    Is-SRB isostni li l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli kollu kemm hu minħabba li kellu jitqajjem sa mill-preżentata tar-rikors fl‑2016. Fi kwalunkwe każ, huwa infondat.

147    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li huwa minnu li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-invokazzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv jew argument, li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv invokat preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkun marbut mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 46).

148    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’ jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid.

149    Barra minn hekk, l-Artikoli 84 u 86 tar-Regoli tal-Proċedura għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li r-regoli tal-proċedura għandhom natura imperattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punt 48, u tal‑20 ta’ Settembru 2018, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑114/17 P, EU:C:2018:753, punt 54).

150    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ppreżentat l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) u t-Titolu “Pass 2” tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 biss fin-nota ta’ adattament.

151    Fil-fatt, ir-rikors promotur ma jinkludi ebda argument li jista’ jitqies li għandu rabta, anki impliċita, mal-legalità tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 150 iktar ’il fuq. Ċertament, ir-rikors jinkludi argument dwar l-appartenenza tal-istituzzjonijiet għal SPI, iżda dan huwa relatat mal-esklużjoni ta’ ċerti obbligazzjonijiet mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante konformement mal-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63, u mhux mal-aġġustament ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet konformement mal-Artikoli 6 sa 9 tal-istess regolament delegat. Għaldaqstant, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità tikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv diġà invokat fir-rikors fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 147 iktar ’il fuq.

152    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata, hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali, li japplika b’mod partikolari għall-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) u għat-Titolu “Pass 2” tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63. F’dan ir-rigward, xejn ma jindika li r-rikorrenti ma kellhiex, diġà fl-istadju tar-rikors, l-elementi kollha li fuqhom hija bbażat ruħha fin-nota ta’ adattament tagħha sabiex tikkontesta l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

153    Fuq dan il-punt, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt, ikkontestat mir-rikorrenti, li l-assenjazzjoni tal-istituzzjonijiet għall-intervalli ssir abbażi tal-valuri ta’ indikatur tar-riskju gross tal-istituzzjonijiet kollha li għalihom huwa kkalkolat dan l-indikatur jirriżulta direttament mit-Titolu “Pass 2” tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63.

154    L-istess jgħodd għall-kalkolu tan-numru ta’ intervalli fi ħdan indikatur ta’ riskju partikolari u tan-numru ta’ istituzzjonijiet assenjati għal kull intervall, peress li, skont il-punt 3 tat-Titolu “Pass 2” tal-Anness I, tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB jassenja, bħala prinċipju, l-istess numru ta’ istituzzjonijiet għal kull intervall, billi jibda bl-assenjazzjoni għall-ewwel intervall tal-istituzzjonijiet li għalihom il-valuri tal-indikatur gross huma l-iktar baxxi.

155    Issa, ir-rikorrenti tikkontesta t-Titolu “Pass 2” tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 preċiżament sa fejn jipprevedi l-assenjazzjoni tal-istess numru ta’ istituzzjonijiet għal kull intervall.

156    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità ma hija bbażata fuq ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt li ħareġ matul il-proċedura fis-sens tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura. Bl-istess mod, din ma hijiex ibbażata fuq element li r-rikorrenti setgħet validament tieħu inkunsiderazzjoni, għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-adattament tar-rikors tagħha skont l-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

157    Għaldaqstant, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba tardività.

B.      Fuq ilmotivi dwar lillegalità taddeċiżjoni kkontestata

1.      Fuq ittieni u ttielet motiv, ibbażati fuq ksur middeċiżjoni kkontestata talArtikolu 41 tal-Karta u talobbligu ta’ motivazzjoni minħabba lassenza ta’ bażi legali għassostituzzjoni, b’effett retroattiv, taddeċiżjonijiet inizjali

158    Ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tissostitwixxi, b’effett retroattiv, id-deċiżjonijiet inizjali, tikser l-Artikolu 41 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, il-prinċipju tal-Istat tad-dritt u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba li ma kinitx teżisti bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata b’effett retroattiv. F’dan ir-rigward, la l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u lanqas l-Artikolu 17(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jikkostitwixxu tali bażi legali.

159    Fi kwalunkwe każ, ma teżistix ġustifikazzjoni oġġettiva għas-sostituzzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali b’effett retroattiv. B’mod partikolari, ma jeżistix riskju reali li l-assenza ta’ tali effett tikkomprometti l-għan li jintlaħaq il-livell fil-mira finali. F’dan ir-rigward, defiċit eventwali fil-finanzjament tas-SRB jista’ jiġi kkumpensat permezz ta’ kontribuzzjonijiet ex ante ogħla matul is-snin sussegwenti jew permezz ta’ estensjoni tal-fażi inizjali skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament Nru 806/2014. Barra minn hekk, l-assenza ta’ natura retroattiva tad-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix lir-rikorrenti vantaġġ kompetittiv żleali meta mqabbla mal-istituzzjonijiet l-oħra, peress li din ma hijiex, bħala bank ta’ żvilupp, f’kompetizzjoni ma’ dawn l-istituzzjonijiet l-oħra. Din lanqas ma bbenefikat minn vantaġġ żleali minħabba l-fatt li l-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016 kienet ser tkun eżiġibbli iktar tard minn dik tal-istituzzjonijiet l-oħra, peress li hija kienet, fi kwalunkwe każ, diġà ħallset din il-kontribuzzjoni fl‑2016.

160    Barra minn hekk, permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta, sa fejn din ma ssemmix il-bażi legali li fuqha s-SRB ibbaża ruħu sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata b’effett retroattiv.

161    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

162    Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fis‑27 ta’ April 2022 u, skont dak li jipprevedi l-Artikolu 4 tad-dispożittiv tagħha, din daħlet fis-seħħ fil‑15 ta’ April 2016, jiġifieri fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-ewwel waħda mid-deċiżjonijiet inizjali.

163    Fil-premessi 177 sa 184 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB espona r-raġunijiet li għalihom huwa kien stabbilixxa l-effetti ratione temporis ta’ din id-deċiżjoni bil-mod deskritt fil-punt 162 iktar ’il fuq. Huwa speċifika, b’mod partikolari, li kien għamel dan sabiex iżomm it-titolu legali li permezz tiegħu l-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti għall‑2016 kienet inġabret fl‑2016 u sabiex tinżamm il-validità tal-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni mir-rikorrenti.

164    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-portata ta’ att tal-Unjoni jkollu effett minn data preċedenti għall-adozzjoni tiegħu, ħlief, eċċezzjonalment, meta l-għan li għandu jintlaħaq jeżiġih u meta l‑aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament irrispettati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 45, u tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-kundizzjonijiet indikati minnha jkunu ssodisfatti, is-setgħa tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni li jadottaw att b’effett retroattiv tirriżulta mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ bażi legali espliċita fil-leġiżlazzjoni kkonċernata.

166    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti permezz tat-tielet motiv tagħha, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għal dispożizzjoni espliċita tal-leġiżlazzjoni kkonċernata li tagħti lis-SRB tali setgħa ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

167    Barra minn hekk, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata għandhiex portata verament retroattiva, kif issostni r-rikorrenti permezz tat-tieni motiv tagħha, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 164 iktar ’il fuq huma, fi kwalunkwe każ, issodisfatti f’dan il-każ.

168    Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma tallegax li n-natura retroattiva tad-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti jew dawk ta’ terzi ma ġewx debitament osservati fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

169    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-deċiżjoni kkontestata kinux jeżiġu li din tal-aħħar tidħol fis-seħħ f’data preċedenti għad-data tal-adozzjoni tagħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih ittieħdet din id-deċiżjoni.

170    Kif jirriżulta mill-premessi 19, 20 u 183 tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar ġiet adottata sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali, li s-SRB ikkonstata wara s-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB (T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823), u tat‑28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB (T‑365/16, EU:T:2019:824), mingħajr ma din id-deċiżjoni jew dawn is-sentenzi ma biddlu l-portata tal-obbligu tar-rikorrenti li tħallas kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, kif kienet ġiet adottata mid-deċiżjonijiet inizjali u kif kienet teżisti għal dan il-perijodu ta’ kontribuzzjoni.

171    Fil-fatt, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti għall-imsemmi perijodu ta’ kontribuzzjoni kif ukoll l-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni kienu l-istess kemm fit-tieni waħda mid-deċiżjonijiet inizjali, kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, is-SRB irrileva b’mod partikolari, fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li din tal-aħħar kienet “ibbażata fuq id-data miġbura, l-ipoteżijiet ifformulati, l-istadji preparatorji mwettqa u l-metodoloġija applikata fil-kuntest tal-proċedura tal‑2016 li wasslet għall-adozzjoni tad-[deċiżjonijiet inizjali]”. Għalhekk, l-uniku element ġdid introdott mid-deċiżjoni kkontestata kien motivazzjoni iktar estiża għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti għall‑2016.

172    F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, li kieku s-SRB ma kienx adotta d-deċiżjoni kkontestata bl-għoti ta’ effett mid-data effettiva tal-ewwel waħda mid-deċiżjonijiet inizjali, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tkun tista’ tipproduċi l-effetti tagħha matul il-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ April 2016 u s‑27 ta’ April 2022, li matulu r-rikorrenti kienet ġiet eżentata mill-obbligu tagħha li tħallas kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, filwaqt li hija kienet suġġetta għal dan l-obbligu skont l-Artikolu 2, l-Artikolu 67(4) u l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014. Bl-istess mod, matul dan il-perijodu, is-SRF kien ikun ġie mċaħħad, bi ksur ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, mill-fondi provenjenti mill-kontribuzzjonijiet ex ante tar-rikorrenti, fatt li kien jippreġudika l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2015/63 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 176 u 177).

173    Konsegwentement, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’effett mill‑15 ta’ April 2016 kien intiż li jiżgura koinċidenza bejn l-applikabbiltà tad-deċiżjoni kkontestata u l-mument li fih kien tnissel l-obbligu tar-rikorrenti li tħallas kontribuzzjoni ex ante għall‑2016 u, għalhekk, li jiġi evitat riżultat li jmur kontra l-leġiżlazzjoni applikabbli. Issa, it-twettiq ta’ tali għan kien jeżiġi li din id-deċiżjoni jkollha d-dħul fis-seħħ tagħha stabbilit għal data preċedenti għal dik tal-adozzjoni tagħha.

174    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni u t-tielet motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti taddeċiżjoni kkontestata firrigward talkalkolu talkontribuzzjoni ex ante tarrikorrenti

175    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata fir-rigward tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha u għalhekk tikser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

176    Ir-raba’ motiv għandu jinqasam, essenzjalment, fi tliet partijiet ibbażati, l-ewwel, fuq l-assenza ta’ motivazzjoni individwali tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni, fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni tad-data individwali tal-istituzzjonijiet l-oħra u, it-tielet, fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni dwar il-kostituzzjoni tal-intervalli.

a)      Osservazzjonijiet preliminari

177    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jipprovdi li l-atti legali għandhom jindikaw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati. Bl-istess mod, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jipprevedi l-obbligu, għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni, li jagħtu r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom.

178    Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni għandha importanza partikolari, sa fejn din tippermetti lill-persuna kkonċernata li tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk għandhiex l-intenzjoni li tippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni kif ukoll lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, u li għalhekk tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tal-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    Tali motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, skont l-interess li l-persuni kkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180    Sabiex jiġi eżaminat jekk din il-motivazzjoni hijiex suffiċjenti fir-rigward ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante, l-ewwel, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-motivazzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus għandha neċessarjament tinkludi l-elementi kollha li jippermettu lid-destinatarju tiegħu jivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma ta’ flus (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

181    It-tieni nett, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, obbligati, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa, b’mod partikolari, ikkonkretizzat fl-Artikolu 339 TFUE, li ma jiżvelax lill-kompetituri ta’ operatur privat informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minnu (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

182    It-tielet nett, li jitqies li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tas-SRB li tiffissa kontribuzzjonijiet ex ante għandha neċessarjament tippermetti lill-istituzzjonijiet jivverifikaw l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom timplika, neċessarjament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiġi pprojbit milli jistabbilixxi metodu ta’ kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni li jinkludi data li n-natura kunfidenzjali tagħha hija protetta mid-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, li jnaqqas b’mod eċċessiv is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu jkollu, għal dan l-għan, dan il-leġiżlatur, billi pprekludietu, b’mod partikolari, milli jagħżel metodu li jista’ jiżgura adattament dinamiku tal-finanzjament tas-SRF għall-evoluzzjonijiet tas-settur finanzjarju, permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni komparattiv, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 118).

183    Ir-raba’ nett, għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu s-SRB għandu jiġi bbilanċjat, minħabba l-loġika tas-sistema ta’ finanzjament tas-SRF u tal-metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, mal-obbligu tas-SRF li josserva s-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-aħħar obbligu ma għandux jiġi interpretat b’mod tant wiesa’ li jċaħħad lill-obbligu ta’ motivazzjoni mis-sustanza tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 120).

184    Madankollu, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni mal-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, ma jistax jitqies li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus mingħajr ma tipprovdilu l-elementi kollha li jippermettu li jiġi vverifikat b’eżattezza l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma ta’ flus neċessarjament tippreġudika, fil-każijiet kollha, is-sustanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 121).

185    Fir-rigward tad-deċiżjoni tas-SRB li tiffissa kontribuzzjonijiet ex ante, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jitqies li ġie osservat meta l-persuni kkonċernati minn din id-deċiżjoni, minkejja li ma jkunux irċevew data koperta mis-sigriet kummerċjali, ikollhom il-metodu ta’ kalkolu użat mis-SRB u informazzjoni suffiċjenti sabiex jifhmu, essenzjalment, b’liema mod ittieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħhom, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra kollha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

186    F’tali każ, dawn il-persuni huma, fil-fatt, f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk il-kontribuzzjoni ex ante tagħhom ġietx stabbilita b’mod arbitrarju, billi tkun ġiet injorata r-realtà tas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jew billi tkun intużat data dwar il-kumplament tas-settur finanzjarju li ma tkunx plawżibbli. L-imsemmija persuni jistgħu, għalhekk, jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom u jevalwaw jekk jidhirx utli li titressaq azzjoni kontra din id-deċiżjoni, b’tali mod li jkun eċċessiv li s-SRB jintalab jikkomunika kull waħda miċ-ċifri li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 123).

187    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-SRB ma huwiex, b’mod partikolari, obbligat li jipprovdi lil istituzzjoni d-data li tippermettilha tivverifika, b’mod komplet, l-eżattezza tal-valur tal-multiplikatur ta’ aġġustament, peress li din il-verifika tippreżupponi li jkun hemm data koperta mis-sigriet kummerċjali dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull wieħed mill-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 135).

188    Għall-kuntrarju, huwa s-SRB li għandu jippubblika jew jittrażmetti lill-istituzzjonijiet ikkonċernati, f’forma aggregata u anonimizzata, l-informazzjoni dwar dawn l-istituzzjonijiet, użata sabiex tiġi kkalkolata din il-kontribuzzjoni, sa fejn din l-informazzjoni tista’ tiġi kkomunikata mingħajr preġudizzju għas-sigriet kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 166).

189    Fost l-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet hemm, b’mod partikolari, il-valuri limitu ta’ kull intervall u dawk tal-indikaturi ta’ riskju relatati magħhom, li abbażi tagħhom il-kontribuzzjoni ex ante tal-istituzzjonijiet ġiet adattata għall-profil ta’ riskju tagħhom (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 167).

190    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ motiv.

b)      Fuq lewwel parti dwar lassenza ta’ motivazzjoni individwali taddeċiżjoni kkontestata

191    Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn din ma tinkludix motivazzjoni individwali suffiċjenti. B’mod partikolari, il-premessi 24 sa 164 ta’ din id-deċiżjoni ma jsemmux lir-rikorrenti u l-annessi tal-imsemmija deċiżjoni ma jinkludux eżami suffiċjentement konkret tal-karatteristiċi partikolari individwali tagħha.

192    B’mod iktar konkret, id-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-premessi 53 sa 57 tagħha, ma tinkludix eżami tas-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp ta’ din tal-aħħar fid-dawl tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63. Barra minn hekk, l-espożizzjoni li tikkonċerna din il-kwistjoni li tinsab fl-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp”. Barra minn hekk, din l-espożizzjoni hija limitata għas-sempliċi ċaħda tal-privileġġ tal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp għar-rikorrenti u tinkludi argumenti li ma għandhom ebda rabta mal-imsemmija attivitajiet.

193    Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom is-SRB tbiegħed minn prattika preċedenti tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ġermaniża li applikat, għas-sena ta’ kontribuzzjoni 2015, l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għall-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tar-rikorrenti.

194    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

195    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif diġà ssemma fil-punti 9 sa 21 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata fiha erba’ partijiet distinti. Għalhekk, il-premessi 24 sa 164 u 167 sa 175 tat-test ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll l-Anness II tagħha jesponu kunsiderazzjonijiet u elementi ta’ kalkolu li huma applikabbli għall-istituzzjonijiet kollha. Madankollu, l-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Dettalji tal-kalkolu (aġġustat skont ir-riskji)”, u l-Anness III tagħha, li jinkludi evalwazzjoni tal-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tal-konsultazzjoni mwettqa mis-SRB qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jinkludu elementi ta’ kalkolu u motivi li huma speċifiċi għall-kontribuzzjoni individwali li għandha titħallas lis-SRF mir-rikorrenti.

196    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement individwalizzata fir-rigward tar-rikorrenti.

197    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kontenut konkret tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti identifikat biss, minbarra l-assenjazzjoni tal-istituzzjonijiet għall-intervalli li ser tiġi eżaminata fit-tieni parti ta’ dan il-motiv, element wieħed biss li ma huwiex suffiċjentement motivat, jiġifieri n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għall-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħha.

198    Issa, fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB indika li huwa kien astjena milli japplika l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għal obbligazzjonijiet li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha sabiex jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, meta l-interpretazzjoni li tippermetti tali esklużjoni kienet tkun inkompatibbli mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Is-SRB ippreċiża wkoll f’din l-istess premessa li, minħabba n-natura derogatorja tal-imsemmija dispożizzjoni, din tal-aħħar kienet ta’ interpretazzjoni stretta u ma kellhiex tiġi applikata b’mod estensiv jew b’analoġija, la fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni “suġġettiv” tagħha, jiġifieri fir-rigward tal-istituzzjonijiet li għalihom hija kienet tapplika, u lanqas fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha “oġġettiv”, jiġifieri fid-dawl tat-tipi ta’ obbligazzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw mill-esklużjoni mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

199    Barra minn hekk, fil-punti 21 sa 23 u 27 tal-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB indika r-raġunijiet li għalihom l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tar-rikorrenti ma kinux jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63. Dan speċifika, b’mod partikolari, fil-punt 22 ta’ dan l-anness, li l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tar-rikorrenti u l-attivitajiet ta’ żvilupp tagħha kienu indipendenti u distinti. Dan qies, fl-istess premessa, li l-attivitajiet ta’ żvilupp la kienu bbażati fuq l-ekonomija tas-suq u lanqas fuq il-kompetizzjoni u kienu mwettqa abbażi tal-mandat mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp kienu mwettqa fil-kundizzjonijiet tas-suq u kienu fakultattivi, kompetittivi u ta’ profitt. Għalhekk, is-SRB ikkonkluda, fil-punt 27 tal-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, li l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tar-rikorrenti ma setgħux, min-natura tagħhom stess, jitqiesu li twettqu fuq bażi mhux kompetittiva u li ma kinux jiġġeneraw profitt, irrispettivament mill-mod kif il-profitti li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħha kienu użati.

200    Tali elementi ppermettew lir-rikorrenti tidentifika r-raġunijiet li għalihom is-SRB kien qies li l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħha ma kinux esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha skont l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63.

201    F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jippermetti li jiġi affermat li s-SRB illimita ruħu għal sempliċi ċaħda tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għar-rikorrenti jew li uża argumenti li ma għandhom ebda rabta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tar-rikorrenti.

202    Fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegata fehim żbaljat mis-SRB tal-kunċett ta’ “attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp” ma huwiex ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, iżda fuq kontestazzjoni tal-fondatezza tal-motivi li għalihom is-SRB ma applikax l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għall-imsemmija attivitajiet tar-rikorrenti. L-istess japplika għall-argument intiż li jikkontesta l-opinjoni tas-SRB li tali attivitajiet huma kompetittivi u profitabbli min-natura tagħhom stess. Issa, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni hija kwistjoni distinta minn dik tal-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2006, Ter Lembeek vs Il‑Kummissjoni, T‑217/02, EU:T:2006:361, punt 234).

203    Barra minn hekk, jekk dan l-argument kellu jinftiehem fis-sens li r-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tal-imsemmija motivi, dan jikkoinċidi, fir-realtà, mat-tmien motiv, li ser jiġi eżaminat fil-punti 258 sa 262 iktar ’il quddiem.

204    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument li s-SRB tbiegħed minn prattika preċedenti tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ġermaniża li kienet tikkonsisti fl-applikazzjoni, fl‑2015, tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għall-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tat-rikorrenti, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti tikkontesta s-sempliċi nuqqas ta’ motivazzjoni dwar it-tbegħid mill-prattika preċedenti, mingħajr ma invokat il-ksur ta’ dispożizzjoni legali oħra.

205    F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-punti 198 sa 200 iktar ’il fuq jirriżulta li s-SRB indika r-raġunijiet li għalihom kien qies li l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tar-rikorrenti ma kinux jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63. Min-naħa l-oħra, fil-punt 23 tal-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega li l-evalwazzjoni mwettqa għaċ-ċiklu ta’ kontribuzzjoni partikolari ma tistax torbot lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni meta hija twettaq l-evalwazzjoni fir-rigward ta’ ċiklu differenti, b’mod partikolari meta dawn iċ-ċikli ta’ kontribuzzjoni jkunu, kull wieħed minnhom, jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni differenti. Dan żied li ma kienx il-kompitu tiegħu li jiddeċiedi dwar evalwazzjoni mwettqa minn awtorità ta’ riżoluzzjoni oħra.

206    Tali elementi jippermettu lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet li wasslu lis-SRB sabiex ma japplikax l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għall-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħha għas-sena ta’ kontribuzzjoni 2016, minkejja dak li hija tqis li hija prattika preċedenti differenti. Għaldaqstant, dawn l-elementi jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 179 iktar ’il fuq.

207    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

c)      Fuq ittieni parti dwar lassenza ta’ komunikazzjoni taddata individwali talistituzzjonijiet loħra

208    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġi vverifikat jekk il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante josservax il-leġiżlazzjoni applikabbli. Barra minn hekk, id-dettall tal-kalkoli li jinsabu fl-Annessi I u II ta’ din id-deċiżjoni la jippermettu li tiġi vverifikata l-assenjazzjoni tar-rikorrenti għall-intervalli u lanqas l-iffissar tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha. B’mod partikolari, l-imsemmija deċiżjoni kellha tinkludi d-data individwali tal-istituzzjonijiet l-oħra, tal-inqas f’forma anonimizzata, li mingħajrha r-rikorrenti ma tkunx f’pożizzjoni li tivverifika l-assenjazzjoni tagħha għall-intervalli.

209    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

210    Fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB osserva li “s-sigrieti kummerċjali tal-istituzzjonijiet, jiġifieri l-informazzjoni kollha dwar l-attività professjonali tal-istituzzjonijiet li, fil-każ ta’ żvelar lil kompetitur u/jew pubbliku usa’, jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-interessi tal-istituzzjonijiet, [kienu] meqjusa bħala informazzjoni kunfidenzjali”. Dan żied li, “[f]il-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-informazzjoni individwali pprovduta mill-istituzzjonijiet permezz tal-formoli tagħhom ta’ [dikjarazzjoni] […], li dan [ibbaża] ruħhom fuqhom għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, [kienet] ikkunsidrata bħala sigrieti tan-negozju”.

211    Barra minn hekk, fil-premessi 120, 122 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li huwa kien ipprojbit milli “jiżvela l-punti tad-data ta’ kull istituzzjoni, li [kienu] jikkostitwixxu l-bażi tal-kalkoli fl-[imsemmija deċiżjoni]”, filwaqt li kien awtorizzat “jiżvela l-punti ta’ data aggregati u komuni, sa fejn din id-data [kienet] akkumulata”. Madankollu, l-istituzzjonijiet kienu jibbenefikaw, skont l-imsemmija deċiżjoni, minn “trasparenza totali fir-rigward tal-kalkolu tal-[kontribuzzjoni annwali bażika] u l-multiplikatur tal-aġġustament tagħhom” għall-passi ta’ kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni, kif kienu ddefiniti fl-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, li kienu jirrigwardaw il-“Kalkolu tal-Indikaturi mhux maħduma” (Pass 1), ir-“Rigradazzjoni tal-Indikaturi” (Pass 3) u l-“Kalkolu tal-Indikaturi Maħdum” (Pass 5). Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet kienu f’pożizzjoni li jiksbu “punti ta’ data komuni użati mingħajr distinzjoni mis-SRB għall-istituzzjonijiet kollha aġġustati skont il-profil ta’ riskju tagħhom” għall-passi ta’ kalkolu li jirrigwardaw id-“Diskretizzazzjoni” (Pass 2), l-“Inklużjoni tal-Sinjal Assenjat” (Pass 4) u l-“Kalkolu tal-Kontribuzzjonijiet Annwali” (Pass 6).

212    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-prinċipju stess tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif jirriżulta mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014, jimplika l-użu, mis-SRB, ta’ data koperta mis-sigriet kummerċjali li ma tistax tiġi riprodotta fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ffissar tal-kontribuzzjonijiet ex ante (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 114).

213    Sussegwentement, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 177 sa 189 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, is-SRB ma kienx obbligat li jippermettilha tivverifika, b’mod komplet, la d-determinazzjoni tan-numru ta’ intervalli u lanqas l-assenjazzjoni tal-istituzzjonijiet għal dawn l-intervalli billi jipprovdilha d-data individwali tal-istituzzjonijiet l-oħra, peress li tali approċċ kien ikun jinvolvi l-komunikazzjoni lilha ta’ data li hija koperta mis-sigriet kummerċjali.

214    Peress li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda element intiż li jikkontesta l-pożizzjoni tas-SRB li l-valuri ta’ indikaturi grossi huma koperti mis-sigriet kummerċjali, hija ma tistax tikkritika lis-SRB li ma żvelahomx lill-istituzzjonijiet.

215    Fl-aħħar nett, jekk il-kumment tar-rikorrenti dwar l-anonimizzazzjoni tal-valuri ta’ indikaturi grossi kellu jinftiehem fis-sens li jirrigwarda sitwazzjoni fejn l-isem tal-istituzzjoni jiġi ssostitwit b’psewdonimu, tali proċess ma jistax jiggarantixxi li l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu identifikati abbażi tad-data hekk ikkomunikata. Effettivament ma huwiex eskluż li ċerti istituzzjonijiet, anki jekk psewdonimizzati, jistgħu madankollu jiġu identifikati minħabba data individwali li diġà saret pubblika, b’mod partikolari fil-każ ta’ istituzzjonijiet kbar u f’dak ta’ Stati Membri li għandhom biss ftit istituzzjonijiet.

216    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

d)      Fuq ittielet parti, dwar insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda lkostituzzjoni talintervalli

217    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax għal liema raġuni n-numru ta’ istituzzjonijiet f’kull intervall, kif ukoll in-numru totali ta’ intervalli jvarjaw minn indikatur ta’ riskju għal ieħor.

218    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

219    Fir-rigward tan-numru ta’ intervalli fi ħdan kull indikatur ta’ riskju, is-SRB jikkalkola dan in-numru skont ir-regoli stabbiliti mill-Anness I, taħt it-Titolu “Pass 2”, tar-Regolament Delegat 2015/63, li għalih is-SRB irrefera fil-premessi 85, 117 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod iktar preċiż skont il-formula prevista fil-punt 2 tat-Titolu “Pass 2” tal-Anness I ta’ dan l-istess regolament delegat. Skont din il-formula, l-“għadd ta’ intervalli” () għal kull indikatur gross, bl-eċċezzjoni tal-indikatur “daqs tal-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”, huwa kkalkolat, b’mod partikolari, abbażi tan-“numru ta’ istituzzjonijiet, li jikkontribixxu fl-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, li jiġi kkalkolat l-indikatur għalihom” (N) u valuri tal-indikaturi grossi inkwistjoni (). Għalhekk, in-numru ta’ intervalli jista’ jvarja skont id-data tal-input inkluża f’din il-formula.

220    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma pprovdietx spjegazzjonijiet dwar il-varjazzjonijiet tan-numru totali ta’ intervalli minn indikatur ta’ riskju għal ieħor.

221    Bl-istess mod, fir-rigward tan-numru mhux ugwali ta’ istituzzjonijiet assenjati għal kull intervall, is-SRB spjega b’mod suffiċjenti, fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għal tali tqassim, billi indika li dan kien intiż li jevita li istituzzjonijiet li jippreżentaw l-istess valur għal indikatur ta’ riskju gross jiġu assenjati għal intervall differenti, b’tali mod li istituzzjonijiet li għandhom l-istess valur għal tali indikatur ġew assenjati għall-istess intervall, li seta’ jwassal sabiex numru differenti ta’ istituzzjonijiet jiġi assenjat għal kull intervall.

222    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, magħha, ir-raba’ motiv kollu kemm hu.

3.      Fuq issitt motiv, ibbażat fuq ksur tar“rekwiżiti ġenerali proċedurali” li jirriżultaw millArtikolu 41 talKarta, millArtikolu 298 TFUE, millprinċipji ġenerali taddritt u mirRegoli talProċedura tasSRB

223    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser “rekwiżiti ġenerali proċedurali” li jirriżultaw mill-Artikolu 41 tal-Karta, mill-Artikolu 298 TFUE, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u mir-Regoli tal-Proċedura tas-SRB. B’mod partikolari, ma ntweriex li din id-deċiżjoni kienet tosserva t-“tul minimu tal-proċeduri bil-miktub” u r-rikorrenti ma tistax tivverifika dan. Lanqas ma huwa possibbli għaliha li tivverifika jekk regoli proċedurali oħra ġewx osservati. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha twettaq verifika ex officio.

224    Is-SRB isostni li dan il-motiv ma huwiex sostnut u għandu jiġi miċħud bħala purament spekulattiv.

225    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi u li din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex il-konvenuta tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha, fejn possibbli, mingħajr informazzjoni oħra ta’ sostenn (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni, T‑194/13, EU:T:2017:144, punt 191).

226    Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, BSCA vs Il‑Kummissjoni, T‑818/14, EU:T:2018:33, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata). Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta jiġi invokat ilment insostenn ta’ motiv (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2015, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, T‑538/11, EU:T:2015:188, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

227    B’mod partikolari, is-sempliċi invokazzjoni tal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li l-ksur tiegħu huwa allegat, mingħajr indikazzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata din l-allegazzjoni, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il‑Parlament, T‑818/17, EU:T:2018:780, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

228    F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement issostni li d-deċiżjoni kkontestata kisret “rekwiżiti ġenerali ta’ proċedura kif jirriżultaw mill-Artikolu 41 tal-Karta, mill-Artikolu 298 [TFUE], mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u mir-Regoli tal-Proċedura tas-SRB” minħabba li ma ntweriex li din id-deċiżjoni kienet osservat it-“tul minimu tal-proċeduri bil-miktub” u regoli proċedurali oħra, mingħajr madankollu ma żviluppat argument rilevanti f’dan ir-rigward.

229    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ ex officio fir-rigward tal-ksur ta’ dawn il-prinċipji, mit-tweġiba tagħha tal‑31 ta’ Jannar 2023 għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, permezz tas-sitt motiv tagħha, hija titlob lil din tal-aħħar tordna “l-produzzjoni ta’ dokumenti li jippermettu li tiġi vverifikata r-regolarità tal-proċedura” li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, kif jirriżulta mill-punt 228 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tindikax, bi preċiżjoni, ir-raġunijiet eżatti ta’ natura li jiġġustifikaw tali produzzjoni, b’tali mod li din it-talba ma tissodisfax, fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 88(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

230    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

4.      Fuq lewwel u sseba’ motiv, ibbażati fuq ksur talArtikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta minħabba nnuqqas ta’ rispett taddritt għal smigħ

231    Fil-kuntest tal-ewwel u s-seba’ motiv, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura ta’ konsultazzjoni mmexxija mis-SRB għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġu ssostitwiti d-deċiżjonijiet inizjali ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tad-dritt għal smigħ, stabbilit fl-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta.

232    Dan il-motiv għandu jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq l-insuffiċjenza tat-terminu sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ konsultazzjoni u, it-tieni, fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet stabbilita b’mod definittiv qabel l-imsemmija proċedura.

a)      Fuq lewwel parti, dwar linsuffiċjenza tatterminu għassottomissjoni talosservazzjonijiet filkuntest talproċedura ta’ konsultazzjoni

233    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-“kumplessità tal-proċedura” u tal-volum tad-dokumenti kkomunikati mis-SRB, it-terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol li dan tal-aħħar taha sabiex tippreżenta osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx twil biżżejjed sabiex jippermettilha twettaq eżami sħiħ tad-dokumenti kkomunikati. Fil-fatt, is-SRB bagħat lir-rikorrenti mhux biss abbozz ta’ deċiżjoni kkontestata li jinkludi 39 paġna, iżda wkoll “diversi annessi” li jinkludu dettalji ta’ kalkolu u ċifri li ma jinftehmux.

234    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

235    Id-dritt għal smigħ, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, jiggarantixxi lil kwalunkwe persuna l-possibbiltà li jsemma’, b’mod utli u effettiv, il-fehma tiegħu matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

236    F’dan il-każ, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (Bafin, l-Awtorità Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji, il-Ġermanja), bagħat lir-rikorrenti komunikazzjoni tas-SRB tat‑2 ta’ Marzu 2022, li fiha dan tal-aħħar kien indika l-intenzjoni tiegħu li jirtira u jissostitwixxi d-deċiżjonijiet inizjali. Din il-komunikazzjoni kienet tinkludi abbozz dwar id-deċiżjoni ġdida tas-SRB u l-Annessi I u II tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016. Fl-imsemmija komunikazzjoni, is-SRB stieden lir-rikorrenti tissottometti, sa mhux iktar tard mit‑23 ta’ Marzu 2022, osservazzjonijiet dwar id-dokumenti hekk ikkomunikati.

237    Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Marzu 2022 indirizzata lill-BaFin.

238    Huwa paċifiku li r-rikorrenti ngħatat terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

239    F’dak li jirrigwarda n-natura suffiċjenti ta’ dan it-terminu, l-ewwel nett, għandu jitfakkar il-kuntest li fih tinsab id-deċiżjoni kkontestata. Kif ġie rrilevat fil-punti 170 u 171 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ssostitwixxiet id-deċiżjonijiet inizjali sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni tagħhom ikkonstatat mis-SRB, peress li l-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016 kif ukoll l-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni kienu l-istess fit-tieni waħda mid-deċiżjonijiet inizjali u fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, diversi elementi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, bħan-nuqqas ta’ esklużjoni tal-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tar-rikorrenti mill-kalkolu tal-obbligazzjonijiet li jservu sabiex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni ex ante tagħha, kienu magħrufa mir-rikorrenti mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali, li huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-motivi invokati mir-rikorrenti fl-istadju tar-rikors.

240    It-tieni nett, minkejja li r-rikorrenti ssostni li l-proċedura ta’ konsultazzjoni mwettqa mis-SRB kienet kumplessa, hija ma tispjegax fiex kienet tikkonsisti din il-kumplessità. B’mod partikolari, hija ma tagħmilx riferiment għal inċertezzi konkreti dwar il-kontenut tad-dokumenti pprovduti fil-kuntest ta’ din il-proċedura u lanqas għal diffikultajiet prattiċi li pprekludewha milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fit-terminu stabbilit.

241    It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tistax tingħata raġun meta tibbaża ruħha, sabiex turi n-natura insuffiċjentement twila tat-terminu ta’ konsultazzjoni, fuq “il-volum tad-dokumenti kkomunikati mis-SRB”. Fil-fatt, kif hija ppreċiżat waqt is-seduta, ir-riferiment tagħha għad-“diversi annessi” pprovduti fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-Annessi I u II tal-abbozz ta’ deċiżjoni kkontestata. Issa, dan l-Anness I kien jinkludi tliet paġni, li paġna waħda minnhom kienet tinkludi biss lista ta’ data kkomunikata mir-rikorrenti. Barra minn hekk, minkejja li l-Anness II, min-naħa tiegħu, kien jinkludi 105 paġni, dan kien jinkludi data statistika dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal kull Stat Membru parteċipanti f’forma sommarja u aggregata. Għalhekk, kienet biss parti limitata ta’ dan l-anness li kienet direttament rilevanti għar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jindika li l-volum tad-dokumenti kkomunikati mis-SRB ipprekluda lir-rikorrenti milli tagħti, b’mod utli u effettiv, l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni kkontestata fit-terminu stabbilit.

242    Ir-raba’ nett, għandu jingħad ukoll li l-argument tar-rikorrenti li jinsab fil-punti 18 sa 22 tan-nota ta’ adattament tagħha, li tfittex li tikkontesta b’mod individwali kull wieħed mill-argumenti mressqa mis-SRB sabiex jiġġustifika n-natura suffiċjenti tat-terminu mogħti minnu lill-istituzzjonijiet, ma jipproduċi ebda element ta’ natura li jsostni t-teżi tiegħu li l-kumplessità tal-proċedura ta’ konsultazzjoni u l-volum tad-dokumenti kkomunikati kienu tali li t-terminu ta’ għaxart ijiem li ngħatalha kien insuffiċjenti.

243    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li dan it-terminu ma ppermettiex lir-rikorrenti tesprimi, b’mod utli u effettiv, l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni kkontestata.

244    Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq ittieni parti li tirrigwarda lfatt li ddeċiżjoni kkontestata ġiet definittivament stabbilita qabel ilproċedura ta’ konsultazzjoni

245    Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB qies il-proċedura ta’ konsultazzjoni bħala sempliċi formalità, peress li inizjalment ħabbar, qabel din il-proċedura, l-intenzjoni tiegħu li jadotta d-deċiżjoni kkontestata matul l-ewwel trimestru tal‑2022, jiġifieri biss sitt ijiem ta’ xogħol wara l-iskadenza tat-terminu li kien ingħatalha sabiex tippreżenta osservazzjonijiet. Għalhekk, ir-rikorrenti ma setgħetx tistenna eżami serju mis-SRB tal-osservazzjonijiet tagħha. Huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li s-SRB kien, sussegwentement, iddeċieda li jipprevedi iktar minn sitt ijiem ta’ xogħol wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

246    Barra minn hekk, mill-konstatazzjoni tiegħu li tinsab fil-punt 9 tal-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li dan ma kienx ippreveda li l-evalwazzjoni tal-argument kien proċess twil, jirriżulta li s-SRB ma kienx lest jirrevedi l-abbozz ta’ deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata jagħti l-impressjoni li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ġew ittrattati biss parzjalment u miċħuda permezz ta’ “kunsiderazzjonijiet parzjalment inadegwati”.

247    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

248    F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanzi msemmija mir-rikorrenti, bħall-kalendarju segwit mis-SRB għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u għall-emenda sussegwenti tagħha, ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li dan ma kellux l-intenzjoni li jagħti l-attenzjoni kollha meħtieġa għall-osservazzjonijiet potenzjalment ippreżentati mir-rikorrenti. L-allegazzjonijiet li r-rikorrenti tislet mill-imsemmija ċirkustanzi huma fil-fatt purament spekulattivi.

249    Barra minn hekk, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-osservazzjonijiet tagħha ġew ittrattati biss parzjalment u miċħuda permezz ta’ kunsiderazzjonijiet “parzjalment inadegwati”, ir-rikorrenti ma identifikat ebda osservazzjoni speċifika li għaliha s-SRB ma weġibx.

250    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ma taqbilx mal-evalwazzjoni tas-SRB fid-deċiżjoni kkontestata, tali nuqqas ta’ qbil ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti iżda jaqa’ taħt l-eżami tal-fondatezza ta’ tali evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2015, Slovenská pošta vs Il‑Kummissjoni, T‑556/08, mhux ippubblikata, EU:T:2015:189, punt 89).

251    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-punt 31 tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il‑Qorti tal‑Awdituri (C‑315/99 P, EU:C:2001:391), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li istituzzjoni tal-Unjoni kienet naturalment iktar disposta li tilqa’ kummenti qabel ma tkun ħadet il-pożizzjoni definittiva tagħha milli wara l-pubblikazzjoni tagħha, peress li l-aċċettazzjoni tal-fondatezza tal-kritika wara l-pubblikazzjoni tobbligaha tibdel il-fehma tagħha bl-adozzjoni ta’ rettifika. Fil-fatt, f’din il-kawża, ir-rikorrenti ma kinitx mistiedna tippreżenta osservazzjonijiet dwar pożizzjoni definittivament deċiża mis-SRB, li emenda tagħha kienet tkun teħtieġ rettifika, iżda dwar abbozz ta’ deċiżjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali.

252    Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, magħha, l-ewwel u s-seba’ motivi kollha kemm huma.

5.      Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ksur middeċiżjoni kkontestata taddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

253    Ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni esposti fil-kuntest tar-raba’ motiv irendu b’mod sinjifikattiv iktar diffiċli għaliha l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, ikun prattikament impossibbli għaliha li tifhem il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, li telabora l-motivi tar-rikors tagħha. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni tikser l-Artikolu 47 tal-Karta u l-prinċipju ta’ kontradittorju.

254    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

255    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma hemmx lok li jiġi eżaminat ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva b’mod awtonomu meta dan l-ilment ma jkunx sostnut minn argumenti speċifiċi, iżda sempliċement jirreferi għall-argumenti esposti fil-kuntest tal-ilmenti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2015, First Islamic Investment Bank vs Il‑Kunsill, T‑161/13, EU:T:2015:667, punt 68, u tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 101).

256    F’din il-kawża, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma ssostnih b’argumenti speċifiċi, minbarra dawk li hija tqajjem fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha.

257    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 175 sa 222 iktar ’il fuq fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-raba’ motiv.

6.      Fuq ittmien motiv, ibbażat fuq lillegalità taddeċiżjoni kkontestata fiddawl talpunt 28 talArtikolu 3 u tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63

258    Ir-rikorrenti ssostni li, billi ma eskludiex l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħha mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, is-SRB interpreta b’mod żbaljat ir-Regolament Delegat 2015/63, b’mod partikolari l-punt 28 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 5(1)(f) tiegħu.

259    Is-SRB, sostnut mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, jikkontesta dan l-argument. Barra minn hekk, dan iqis li t-tmien motiv huwa ammissibbli biss sa fejn dan tqajjem fir-rikors, u dan għall-istess raġunijiet bħal dawk miġbura fil-qosor fil-punt 32 iktar ’il fuq.

260    Fil-punt 27 tal-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB qies li l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tar-rikorrenti, “min-natura tagħhom stess, ma [setgħux] jitqiesu li twettqu fuq bażi mhux kompetittiva u mingħajr skop ta’ lukru, indipendentement mill-mod kif id-dħul li huma [kienu] jiġġeneraw jiġi investit, u, fi kwalunkwe każ, [li] l-ammont [tal-imsemmija attivitajiet] tiegħu ma [kienx ikopri] l-ammont tas-self għall-iżvilupp tar-[rikorrenti]”.

261    F’dan ir-rigward, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fin-nota ta’ adattament tagħha, mill-punti 44 sa 63 iktar ’il fuq jirriżulta li kien b’mod ġust li s-SRB qies, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, li l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp ta’ din tal-aħħar ma kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “self għall-iżvilupp”, kif iddefinit fil-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, u li l-obbligazzjonijiet tagħha marbuta mal-imsemmija attivitajiet ma kellhomx għalhekk jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha skont l-Artikolu 5(1)(f) ta’ dan ir-regolament delegat.

262    Konsegwentement, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

7.      Fuq ilħdaxil motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ġenerali taddritt, sa fejn iddeċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq ilpunti ta’ liġi fisseħħ fiddata taladozzjoni tagħha

263    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser ir-rekwiżit li jirriżulta mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u mill-ġurisprudenza li tgħid li att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq il-punti ta’ liġi fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tiegħu. Għalhekk, is-SRB kellu jieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fl‑2022, il-fatt li, sa mill-adozzjoni tad-Direttiva 2019/878, ir-rikorrenti ma kinitx għadha istituzzjoni li taqa’ taħt ir-Regolament Nru 806/2014, b’tali mod li hija ma għadhiex obbligata tħallas kontribuzzjonijiet ex ante. Fil-fatt, is-sostituzzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali li jikkonċernaw il-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016 b’deċiżjoni ġdida fir-realtà tikkostitwixxi sempliċi adozzjoni, fl‑2022, ta’ deċiżjoni ġdida.

264    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

265    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni ratione temporis tal-liġi kif ukoll ir-rekwiżiti dwar il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tar-regoli sostantivi fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni anki jekk dawn ir-regoli ma jkunux għadhom fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ att mill-istituzzjoni, mill-korp jew mill-organu tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

266    Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom ikunu bbażati fuq dawn l-istess prinċipji.

267    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tiffissa l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016 abbażi tal-livell fil-mira annwali ffissat għal dan il-perijodu.

268    Issa, huwa paċifiku li, matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, ir-rikorrenti kienet istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 u tal-punt 13 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, b’tali mod li hija kienet tikkostitwixxi istituzzjoni li kellha obbligu li tħallas kontribuzzjoni ex ante għal dan il-perijodu, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, moqri flimkien mal-Artikolu 2, mal-Artikolu 67(4) u mal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

269    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu tar-rikorrenti li tħallas kontribuzzjoni ex ante għas-sena 2016 ma jistax jiġi affettwat mill-adozzjoni sussegwenti tad-Direttiva 2019/878, li ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis‑7 ta’ Ġunju 2019, u daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha, b’terminu ta’ traspożizzjoni li kien jiskadi, bħala prinċipju, sa mhux iktar tard mit‑28 ta’ Diċembru 2020. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tipprevedi l-esklużjoni ex tunc tar-rikorrenti mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante. Konsegwentement, ma kienx hemm lok għas-SRB li jieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza fid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tal-iffissar ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet.

270    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħdax-il motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

8.      Fuq ilmotivazzjoni taddeterminazzjoni tallivell filmira annwali

271    Għandu jitfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew li għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

272    F’dan il-każ, il-partijiet ġew mistoqsija, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, dwar l-eventwali nuqqasijiet ta’ motivazzjoni li bihom hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

273    Mit-tweġibiet tal-partijiet jirriżulta li dawn ma jaqblux dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex suffiċjentement motivata f’dan ir-rigward, peress li r-rikorrenti tqis li dan ma huwiex il-każ, filwaqt li s-SRB huwa ta’ opinjoni kuntrarja.

274    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u minkejja li r-rikorrenti ma tikkritikax il-motivazzjoni tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali fir-rikors tagħha u fin-nota ta’ adattament tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li hija għandha teżamina ex officio jekk is-SRB immotivax b’mod suffiċjenti fid-dritt, fid-deċiżjoni kkontestata, id-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

275    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal tal-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

276    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’mod uniformi kemm jista’ jkun fiż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 275 iktar ’il fuq, iżda billi tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

277    L-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12.5 % tal-livell fil-mira finali.

278    Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, fid-dawl tal-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena preċedenti, ikkalkolat kull tliet xhur, għall-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

279    Bl-istess mod, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, is-SRB jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante għal kull istituzzjoni abbażi tal-livell fil-mira annwali, li għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-livell fil-mira finali u konformement mal-metodu espost fir-Regolament Delegat 2015/63.

280    Sabiex jiġi eżaminat jekk is-SRB osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, għandu qabelxejn jitfakkar li, anki jekk l-awtur ta’ deċiżjoni ma huwiex obbligat, fil-motivazzjoni tagħha, li jispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, xorta jibqa’ l-fatt li din il-motivazzjoni għandha tesponi tal-inqas il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata).

281    Sussegwentement, meta s-SRB jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante, huwa għandu jinforma lill-istituzzjonijiet ikkonċernati bil-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

282    L-istess għandu japplika għall-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, peress li dan l-ammont għandu importanza essenzjali fl-istruttura ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jikkonsisti fit-tqassim tal-imsemmi ammont bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, b’tali mod li żieda jew tnaqqis ta’ dan l-istess ammont iwassal għal żieda jew tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

283    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-istituzzjonijiet responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom ikunu jistgħu jifhmu, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata, tal-inqas l-istadji prinċipali tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni kkonċernat.

284    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa l-ammont tal-livell fil-mira għal EUR 7 007 654 704.

285    Fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB fakkar li ddetermina dan il-livell fil-mira fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ammont imbassar tal-livell fil-mira finali, li kellu jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali, kif ukoll tal-mezzi finanzjarji diġà disponibbli fis-SRF.

286    Is-SRB espona l-approċċ segwit sabiex jiġi ddeterminat il-livell fil-mira annwali fil-premessi 62 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata.

287    Fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega li l-iffissar tal-livell fil-mira annwali għal wieħed minn tmienja ta’ 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tas-sena preċedenti ma huwiex suffiċjenti sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira finali fil-każ li jkun mistenni tkabbir tad-depożiti koperti fil-futur.

288    Fil-premessi 63 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreċiża li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp previst tad-depożiti koperti matul il-perijodu inizjali, huwa kien analizza, fin-nuqqas ta’ data affidabbli dwar l-iżvilupp tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet, ir-rati ta’ tkabbir tad-depożiti tal-unitajiet domestiċi u tad-depożiti tal-kumpanniji kummerċjali mhux finanzjarji, billi bbaża ruħu fuq id-data ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Huwa nnota li, abbażi ta’ din l-analiżi, rata ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti ta’ madwar 3 % kienet l-iktar xenarju realistiku.

289    Barra minn hekk, is-SRB wettaq, fil-premessi 67 sa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, evalwazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u tal-effett proċikliku potenzjali li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. F’dan l-aħħar rigward, huwa indika, b’mod partikolari, li ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2016 kienu ser ikunu sostanzjalment ogħla mill-kontribuzzjonijiet miġbura għall‑2015 mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni abbażi tad-Direttiva 2014/59.

290    Fi tmiem din l-evalwazzjoni, is-SRB ikkonkluda, fil-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata li, fid-dawl tal-iżviluppi sfavorevoli fi ħdan is-settur bankarju u tal-livell ta’ inċertezza li tikkaratterizza l-ekonomija dinjija fl‑2016, kien xieraq, sabiex ma jiġux aggravati l-effetti proċikliċi tal-kontribuzzjonijiet ex ante fuq is-solvenza tas-settur bankarju, li tiġi adottata rata ta’ tkabbir iktar baxxa minn dik li kienet tbassret fuq il-bażi tar-rati ta’ tkabbir tad-depożiti tal-unitajiet domestiċi u tad-depożiti tal-kumpanniji kummerċjali mhux finanzjarji, jiġifieri rata ta’ tkabbir inqas minn 3 %.

291    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB ippreveda, fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, koeffiċjent li huwa applika sabiex jiddetermina l-livell fil-mira annwali (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”), u stabbilixxa l-valur tiegħu għal 1.05 %. Sussegwentement, huwa kkalkola l-ammont tal-livell fil-mira annwali billi mmultiplika l-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha fl‑2015 b’dan il-koeffiċjent u billi qasam ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu bi tmienja, konformement mal-formula matematika li ġejja:

Objettiv0 [ammont tal-livell annwali fil-mira] = 5 339 158 631 522 [Total depożiti koperti 2015] * 0.0105 * ⅛ = EUR 7 007 654 704.

292    Fir-rigward tan-natura suffiċjenti ta’ din il-motivazzjoni, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016 jikkorrispondi għall-ewwel sena tal-perijodu inizjali ta’ tmien snin. Għalhekk, minkejja li mill-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-livell fil-mira annwali għandu jiġi ffissat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-mezzi finanzjarji diġà disponibbli fis-SRF, l-istituzzjonijiet setgħu jkunu jafu li dan l-element ma kellu ebda impatt fuq il-kalkolu tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016.

293    Barra minn hekk, mill-premessi 60 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, b’mod partikolari, li s-SRB iddetermina l-livell fil-mira annwali billi segwa żewġ stadji prinċipali. Fl-ewwel lok, huwa ddetermina l-ammont imbassar tal-livell fil-mira finali u, fit-tieni lok, huwa qasam dan l-ammont bi tmienja sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-perijodu inizjali kien jinkludi tmien snin ta’ kontribuzzjoni (ara l-punti 285 sa 291 iktar ’il fuq).

294    Għall-kuntrarju, xejn ma jindika li l-kalkolu tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016 kien sar skont formula matematika differenti minn dik li tinsab fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata jew li kien jinkludi stadji supplimentari oħra mhux esposti fid-deċiżjoni kkontestata.

295    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li s-SRB naqas milli jesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, l-istadji prinċipali tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016.

296    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-ammont imbassar tal-livell fil-mira finali, għandu jiġi rrilevat li dan l-ammont jista’ jiġi dedott mill-formula matematika li tinsab fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti stess u kif ikkonferma s-SRB waqt is-seduta. B’mod iktar konkret, bil-multiplikazzjoni tal-ewwel żewġ elementi ta’ din il-formula, jiġifieri l-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet fl‑2015 (jiġifieri EUR 5 339 158 631 522) u l-koeffiċjent (jiġifieri 0.0105), huwa possibbli li jinkiseb l-ammont imbassar tal-livell fil-mira finali, jiġifieri madwar EUR 56 biljun.

297    It-tielet nett, fir-rigward tal-mod kif is-SRB iddetermina l-ammont imbassar tal-livell fil-mira finali, mill-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB ibbaża l-analiżi tiegħu fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, dan l-ammont kellu jikkorrispondi għal tal-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti, fi tmiem il-perijodu inizjali, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha.

298    F’dan ir-rigward, mill-premessi 62 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB ħa inkunsiderazzjoni l-iżvilupp imbassar tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha, u dan abbażi tal-ammont ta’ dawn id-depożiti kif kien fl‑2015 u sat-tmiem tal-perijodu inizjali, jiġifieri sal-aħħar tas-sena 2023.

299    Barra minn hekk, mill-premessi 66 u 78 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, b’mod partikolari, li s-SRB identifika, fl-ewwel lok, rata ta’ tkabbir annwali tal-imsemmija depożiti koperti ta’ 3 % bejn l‑2015 u l‑2023, iżda li, fit-tieni lok, huwa naqqas dan il-perċentwali sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-analiżi tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-effett proċikliku potenzjali li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet (ara l-punti 289 sa 290 iktar ’il fuq).

300    Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB adotta rata ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti inqas minn 3 % bejn l‑2015 u l‑2023 sabiex jiġi ddeterminat il-livell fil-mira finali.

301    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 64 u 79 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ma kellux, fil-mument tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, data affidabbli dwar l-iżvilupp probabbli tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet bejn l‑2015 u l‑2023 minħabba l-fatt li definizzjoni ġdida tad-depożiti koperti kienet ġiet introdotta biss sena qabel mid-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149, rettifiki fil-ĠU 2014, L 212, p. 47 u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37). Fin-nuqqas ta’ tali data, is-SRB kellu jevalwa l-iżvilupp imbassar tal-imsemmija depożiti abbażi tar-rati ta’ tkabbir tad-depożiti tal-unitajiet domestiċi u tad-depożiti tal-kumpanniji kummerċjali mhux finanzjarji, kif jirriżulta mill-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata.

302    F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, u fid-dawl, barra minn hekk, tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirrigwarda l-ewwel perijodu ta’ kontribuzzjoni wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, l-istituzzjonijiet, bħala operaturi avżati, setgħu raġonevolment jistennew li, sabiex jiġi ddeterminat il-livell fil-mira annwali għal dan il-perijodu, is-SRB jieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-ammont imbassar tal-livell fil-mira finali, kif kien jidher fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni COM(2013) 520 final, tal‑10 ta’ Lulju 2013, li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, li abbażi tiegħu l-Kummissjoni qieset li l-livell fil-mira finali kien jikkorrispondi għal EUR 55 biljun.

303    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-istituzzjonijiet kienu f’pożizzjoni li jifhmu l-modalitajiet prinċipali li bihom is-SRB kien ser jiddetermina l-livell fil-mira finali, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016.

304    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

305    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata la tinkludi l-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha mbassar għat-tmiem tal-perijodu inizjali, u lanqas l-ammont mbassar tal-livell fil-mira finali.

306    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 296 iktar ’il fuq, l-ammont imbassar tal-livell fil-mira finali jista’ jitnaqqas mill-formula matematika li tinsab fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata.

307    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ammont tad-depożiti koperti mbassar għat-tmiem tal-perijodu inizjali, dan l-ammont ma jikkostitwixxix, fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata, data essenzjali li mingħajrha r-rikorrenti ma setgħetx tifhem l-istadji prinċipali tal-metodu segwit mis-SRB, deskritt fil-punt 293 iktar ’il fuq.

308    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix ċifri li jippermettu li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom is-SRB stabbilixxa l-koeffiċjent preċiżament għal 1.05 %. Barra minn hekk, iċ-ċifri li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata huma kontradittorji. Fil-fatt, il-fatt li s-SRB applika l-koeffiċjent ta’ 1.05 % ifisser li d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali hija bbażata fuq tkabbir kumulattiv tad-depożiti koperti ta’ 5 % fuq it-tmien snin tal-perijodu inizjali, filwaqt li fid-deċiżjoni kkontestata huwa ppreċiżat li din id-determinazzjoni hija bbażata fuq rata ta’ tkabbir “annwali” tad-depożiti koperti ta’ madwar 3 %. Din l-aħħar rata twassal għal żieda kumulattiva tad-depożiti koperti ferm ogħla minn 5 % fi tmiem il-perijodu inizjali. Barra minn hekk, ma huwiex speċifikat jekk ir-riferiment għal “approċċ konservattiv”, fil-premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, jfissirx li l-livell fil-mira annwali kellu jiġi ffissat, bħala miżura ta’ sigurtà, f’livell għoli, jew jekk dan ifissirx pjuttost li s-SRB ibbaża ruħu fuq tkabbir baxx tad-depożiti koperti.

309    Dan l-argument huwa bbażat, minn naħa, fuq il-premessa żbaljata li tgħid li s-SRB adotta, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira finali, rata ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti “ta’ madwar 3 %”. Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 300 iktar ’il fuq, mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-premessa 78 tagħha, jirriżulta li s-SRB qies li kien xieraq li “jiġi ffissat il-livell fil-mira annwali għall‑2016 abbażi ta’ rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti mbassra iktar baxxa minn dik identifikata abbażi tar-rata ta’ tkabbir osservata tad-depożiti tal-unitajiet domestiċi u tad-depożiti ta’ kumpaniji kummerċjali mhux finanzjarji”, jiġifieri rata inqas minn 3 %. Għalhekk, minn din il-premessa jista’ jiġi dedott li s-SRB adotta rata ta’ bejn 0 % u 3 %. Barra minn hekk, billi enfasizza li kien segwa “approċċ konservattiv”, is-SRB indika, essenzjalment, li huwa kien qies li kien xieraq, għar-raġunijiet li huwa espona fid-deċiżjoni kkontestata, li tiġi adottata rata ta’ tkabbir annwali li tinsab fil-parti inferjuri ta’ din il-firxa.

310    F’dan ir-rigward, is-SRB ippreċiża waqt is-seduta, mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-ammont tal-livell fil-mira finali ta’ EUR 56 biljun, stabbilit mid-deċiżjoni kkontestata, kien jikkorrispondi għal rata ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti ta’ madwar 0.6 %. Issa, tali rata ta’ tkabbir annwali applikata għas-somma ta’ EUR 5 339 158 631 522 tikkorrispondi, wara tmien snin, għal rata kumulattiva ta’ 4.92 % u għalhekk ma hijiex inkonsistenti, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma’ rata ta’ tkabbir akkumulata fi tmiem l-imsemmi perijodu ta’ tmien snin ta’ madwar 5 %, kif rifless fil-koeffiċjent ta’ 1.05 %.

311    Għaldaqstant, fuq dan il-punt, id-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata b’ebda inkoerenza.

312    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix ċifri li jippermettu li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom is-SRB stabbilixxa l-koeffiċjent preċiżament għal 1.05 %, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mill-elementi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata u minn dawk imfakkra fil-punti 309 u 310 iktar ’il fuq seta’ jiġi dedott li dan il-koeffiċjent kien jikkorrispondi għal rata kumulattiva ta’ tkabbir tad-depożiti koperti mistennija fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin ta’ madwar 5 %, li f’dan il-każ kien jissarraf f’rata ta’ tkabbir annwali ta’ madwar 0.6 %. Din l-aħħar rata tinsab għalhekk fil-parti inferjuri tal-firxa ta’ bejn 0 % u 3 % adottata mis-SRB, fatt li huwa koerenti mal-approċċ konservattiv tiegħu ġġustifikat mill-evalwazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u tal-effett proċikliku potenzjali li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Operatur avżat, bħar-rikorrenti, seta’ għalhekk jifhem ir-rabta bejn dawn l-elementi. It-tieni nett, il-koeffiċjent ta’ 1.05 % kien jippermetti lis-SRB, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ imfakkra fil-punt 302 iktar ’il fuq, li jqarreb il-livell fil-mira finali tal-ammont imbassar għal dan il-livell, kif kien jirriżulta mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 806/2014. It-tielet nett, fir-rigward tal-iffissar ta’ koeffiċjent intiż li jirrifletti, essenzjalment, tbassir ekonomiku bbażat fuq diversi fatturi evoluttivi, inċerti jew varjabbli, ikun eċċessiv li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi jew għal kull wieħed mill-elementi numeriċi li fuqhom huwa bbażat ir-raġunament, peress li d-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar ir-raġunament segwit sabiex tkun tista’ tiġi kkontestata ulterjorment il-fondatezza quddiem il-qorti kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

313    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016.

C.      Konklużjoni

314    Peress li l-ebda wieħed mill-motivi invokati mir-rikorrenti ma huwa fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

V.      Fuq lispejjeż

315    Skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza li tagħlaq l-istanza. Skont l-Artikolu 219 tal-imsemmija regoli, applikabbli għal din il-proċedura wara rinviju, hija l-Qorti Ġenerali, li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż, minn naħa, relatati mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

316    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

317    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-appell, annullat is-sentenza inizjali u rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant, għandha tingħata deċiżjoni, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż relatati mal-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali, mal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ma’ din il-proċedura wara r-rinviju.

318    Peress li s-SRB tilef fil-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-appellanti relatati ma’ din il-proċedura.

319    Peress li r-rikorrenti tilfet fuq il-mertu fil-proċedura ta’ rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-argumenti li hija kienet ressqet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali qabel l-appell, hemm lok li jiġi deċiż li hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mis-SRB relatati ma’ dawn iż-żewġ proċeduri.

320    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn NRW.Bank relatati mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kawża C662/19 P.

3)      NRW.Bank għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mis-SRB relatati mal-proċedura tar-rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kawża T466/16 RENV, kif ukoll mal-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kawża T466/16.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

 

Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Frar 2024.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

T. Henze, Assistent Reġistratur


Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża u latti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

II. Iddeċiżjoni kkontestata

III. Ittalbiet talpartijiet

IV. Iddritt

A. Fuq leċċezzjonijiet ta’ illegalità talArtikolu 5(1)(f), talpunt (b) talewwel subparagrafu talArtikolu 6(5) kif ukoll tatTitolu “Pass 2” tal-Anness I, tarRegolament Delegat 2015/63

1. Fuq iddisa’ motiv, ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità talArtikolu 5(1)(f) tarRegolament Delegat 2015/63.

a) Osservazzjonijiet preliminari

b) Fuq ilportata talArtikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63

c) Fuq illegalità talArtikolu 5(1)(f) tarRegolament Delegat 2015/63

1) Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilksur taxxogħol preparatorju tadDirettiva 2014/59

2) Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilksur talgħan ta’ tnaqqis talbaġits pubbliċi

3) Fuq ittielet parti, ibbażata fuq ilksur talprinċipju ta’ allinjament talkontribuzzjonijiet ex ante malprofil ta’ riskju u talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

2. Fuq lgħaxar motiv, ibbażat fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità talpunt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) u tatTitolu “Pass 2” talAnness I, tarRegolament Delegat 2015/63

B. Fuq ilmotivi dwar lillegalità taddeċiżjoni kkontestata

1. Fuq ittieni u ttielet motiv, ibbażati fuq ksur middeċiżjoni kkontestata talArtikolu 41 tal-Karta u talobbligu ta’ motivazzjoni minħabba lassenza ta’ bażi legali għassostituzzjoni, b’effett retroattiv, taddeċiżjonijiet inizjali

2. Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti taddeċiżjoni kkontestata firrigward talkalkolu talkontribuzzjoni ex ante tarrikorrenti

a) Osservazzjonijiet preliminari

b) Fuq lewwel parti dwar lassenza ta’ motivazzjoni individwali taddeċiżjoni kkontestata

c) Fuq ittieni parti dwar lassenza ta’ komunikazzjoni taddata individwali talistituzzjonijiet loħra

d) Fuq ittielet parti, dwar insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda lkostituzzjoni talintervalli

3. Fuq issitt motiv, ibbażat fuq ksur tar“rekwiżiti ġenerali proċedurali” li jirriżultaw millArtikolu 41 talKarta, millArtikolu 298 TFUE, millprinċipji ġenerali taddritt u mirRegoli talProċedura tasSRB

4. Fuq lewwel u sseba’ motiv, ibbażati fuq ksur talArtikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta minħabba nnuqqas ta’ rispett taddritt għal smigħ

a) Fuq lewwel parti, dwar linsuffiċjenza tatterminu għassottomissjoni talosservazzjonijiet filkuntest talproċedura ta’ konsultazzjoni

b) Fuq ittieni parti li tirrigwarda lfatt li ddeċiżjoni kkontestata ġiet definittivament stabbilita qabel ilproċedura ta’ konsultazzjoni

5. Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ksur middeċiżjoni kkontestata taddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

6. Fuq ittmien motiv, ibbażat fuq lillegalità taddeċiżjoni kkontestata fiddawl talpunt 28 talArtikolu 3 u tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63

7. Fuq ilħdaxil motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ġenerali taddritt, sa fejn iddeċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq ilpunti ta’ liġi fisseħħ fiddata taladozzjoni tagħha

8. Fuq ilmotivazzjoni taddeterminazzjoni tallivell filmira annwali

C. Konklużjoni

V. Fuq lispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.