Language of document : ECLI:EU:T:2011:94

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

17 ta’ Marzu 2011

Kawża T-44/10 P

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Rimbors tal-ispejjeż mediċi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Att li jikkawża preġudizzju — Appell manifestament infondat”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-25 ta’ Novembru 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑11/09), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 25)

2.      Uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Ċaħda ta’ talba għal rimbors ta’ spejjeż mediċi għal 100 % wara r-rifjut li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ mard serju — Esklużjoni

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 90)

1.       L-obbligu ta’ motivazzjoni għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l‑legalità u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni. Il-motivazzjoni rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata hija wkoll dik li tinsab fid-deċiżjoni li biha l-ilment huwa miċħud.

(ara l-punti 32, 33)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, punt 22; Il-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, punt 108; Il‑Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, punt 64; Il-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ġunju 2010, Meister vs UASI, T‑284/09 P, punt 21

2.       Fin-nuqqas ta’ elementi ġodda, iċ-ċaħda ta’ talba għal rimbors ta’ spejjeż mediċi għal 100 % imressqa minn uffiċjal wara r-rifjut mill-Awtorità tal-Ħatra li tirrikonoxxi li huwa qed ibati minn mard serju li jagħti dritt għal tali rimbors, skont l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma hijiex att li jikkawża preġudizzju, sa fejn din bl-ebda mod ma tbiddel s-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punt 45)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑143/08, punti 39 sa 41, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑144/08, punti 32 sa 34, ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑513/08 P, punt 53, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑528/08 P, punt 44