Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Jannar 2010 - Elementis et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-43/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Elementis plc, Elementis Holdings Ltd, Elementis UK Ltd u Elementis Services Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: T.Wessely, A. de Brousse, E. Spinelli, avukati u A. Woods, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Novembru 2009, Nru C(2009)8682 fil-Każ COMP/38589 - Stabbilizzaturi tas-sħana sa fejn tirrigwarda r-rikorrenti;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas b'mod sostanzjali l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti taħt l-imsemmija deċiżjoni;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tar-rikorrenti relatati mal-pagament sħiħ jew parzjali tal-multa, u

tieħu kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Novembru 2009, Nru (2009)8682, fil-Każ COMP/38589 - Stabbilizzaturi tas-sħana, li biha ċertu numru ta' impriżi, inklużi r-rikorrenti, ġew iddikjarati responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE) u l-Artikolu 53 ŻEE billi pparteċipaw f'żewġ akkordji li affettwaw is-setturi tal-istabbilizzaturi tal-landa u tal-ESBO/esters, fiż-ŻEE kollha, rispettivament.

Il-motivi u l-argumenti prinċipali invokati mir-rikorrenti huma dawn li ġejjin:

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi billi adottat deċiżjoni li biha imponiet multi bi ksur tar-regoli dwar il-preskrizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 25(5) u (6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE) (iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1/2003") 1. Skont l-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003, it-terminu ta' preskrizzjoni assolut, li meta jiskadi l-Kummissjoni ma tistax timponi sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni huwa ta' 10 snin li jiddekorru mid-data tat-tmiem tal-ksur. Konsegwentement, ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni meħuda iktar minn 11-il sena wara t-tmiem tal-ksur mir-rikorrenti (it-2 ta' Ottubru 1998) ġiet adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq il-legalità tal-multa, minkejja l-iskadenza tal-perijodu ta' 10 snin, hija bbażata fuq interpretazzjoni erga omnes, li skont ir-rikorrenti hija żbaljata, tas-sospenzjoni tal-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti sa fejn id-dewmien eċċessiv tal-fażi tal-investigazzjoni dwar il-fatti mminat il-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw l-imsemmija drittijiet, b'mod effettiv, f'din il-proċedura.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta kkalkolat il-multa imposta fuq ir-rikorrenti billi bbażat, b'mod żbaljat, il-multi imposti fuq i) il-perjiodu ta' qabel it-twaqqif tal-joint venture u ii), għal dak li jikkonċerna l-effett dissważiv tal-multa, fuq id-dħul mill-bejgħ tal-joint venture Akcros, minflok fuq id-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, il-multi għandhom jitnaqqsu b'50 %.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' liġi u kisret il-prinċipji ta' ċertezza legali, tar-responsabbiltà personali u ta' proporzjonalità inkwantu naqset milli tippreċiża l-ammont tal-multa li r-rikorrenti ġew ikkundannati jħallsu in solidum.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.