Language of document : ECLI:EU:C:2024:560

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑27 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawża C236/23

Mutuelle assurance des travailleurs mutualistes (Matmut)

vs

TN,

Société MAAF assurances,

Fonds de garantie des assurances obligatoires de dommages (FGAO),

PQ

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/103/KE – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Estensjoni tal-garanzija mogħtija mill-assigurazzjoni obbligatorja favur terzi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddikjara l-infurzabbiltà fil-konfront tal-passiġġier vittma tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni abbażi ta’ dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali minn dan tal-aħħar fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt”






I.      Introduzzjoni

1.        Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża huwa segwitu tas-sentenza Fidelidade-Companhia de Seguros (2), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li d-direttivi fil-qasam tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li n-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li tirriżulta minn dikjarazzjonijiet inizjali foloz tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni dwar l-identità tal-proprjetarju u tas-sewwieq abitwali tal-vettura involuta f’inċident tat-traffiku, tkun infurzabbli fil-konfront ta’ terzi li sfaw vittmi tal-imsemmi inċident.

2.        F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex tiġi sostnuta l-istess interpretazzjoni fis-sitwazzjoni li fiha l-passiġġier vittma li fil-konfront tiegħu hija infurzabbli n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa, bħala detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, l-awtur ta’ tali dikjarazzjonijiet foloz inizjali. Fl-affermattiv, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk, minkejja n-nuqqas ta’ infurzabbiltà tan-nullità tal-kuntratt fil-konfront ta’ terz vittma tal-imsemmi inċident, l-assiguratur jistax jeżerċita azzjoni kontrih sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom imħallsa b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

3.        Il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103/KE (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà jiddefinixxi l-kunċett ta’ “parti li tkun sofriet ħsara” bħala “kull persuna intitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew korriment ikkawżati minn vetturi”.

4.        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.

[...]

L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”

5.        L-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3 għandha tkopri r-responsabbiltà għal danni personali tal-passiġġieri kollha, minbarra x-xufier, ikkawżati mill-użu ta’ vettura.”

6.        Skont l-Artikolu 13 tal-istess direttiva:

“1.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident, fejn dik id-dispożizzjoni statutorja jew klawsola kuntrattwali tkun teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

a)      persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew impliċita għal dan,

b)      persuni li ma jkollhomx liċenza li tippermettilhom isuqu l-vettura konċernata,

c)      persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura konċernata.

Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom ikunu daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jkun jista’ juri li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.

L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla — fil-każ ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom — li ma japplikawx id-dispożizzjoni tal-ewwel subparagrafu jekk u sakemm il-vittma tkun tista’ takkwista kumpens għall-ħsara li tkun saritilha mingħand korp ta’ sigurtà soċjali.

2.      Fil-każ ta’ vetturi misruqa jew miksuba bi vjolenza, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-korp speċifikat fl-Artikolu 10(1) iħallas kumpens minflok l-assiguratur skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-vettura tkun normalment ibbażata fi Stat Membru ieħor, dak il-korp ma jkun jista’ jagħmel ebda talba kontra xi korp f’dak l-Istat Membru.

L-Istati Membri li, fil-każ ta’ vetturi misruqa jew miksuba bi vjolenza, jipprovdu li l-korp imsemmi fl-Artikolu 10(1) għandu jħallas kumpens, jistgħu jiffissaw fir-rigward ta’ ħsara lil proprjetà eċċess ta’ mhux aktar minn EUR 250 li għandha tagħmel tajjeb għalih il-vittma.

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull dispożizzjoni statutorja jew klawżola kuntrattwali f’polza ta’ assigurazzjoni li teskludi passiġġier minn tali kopertura fuq il-bażi li kien jaf jew messu kien jaf li s-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza tal-alkoħol jew ta’ droga fil-ħin tal-inċident, għandu jitqies bħala null fir-rigward tat-talbiet ta’ tali passiġġier.”

B.      Iddritt Franċiż

7.        Skont l-Artikolu L. 113‑8 tal-code des assurances (il-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet), il-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa null fil-każ ta’ riluttanza jew dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali min-naħa tal-persuna assigurata meta din ir-riluttanza jew din id-dikjarazzjoni falza tbiddel is-suġġett tar-riskju jew tnaqqas l-opinjoni tal-assiguratur dwarha, minkejja li r-riskju mhux indikat jew żnaturat mill-persuna assigurata ma kellux effett fuq l-inċident.

III. Ilfatti li wasslu għallkawża prinċipali, iddomanda preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

8.        Fil‑5 ta’ Ottubru 2012, PQ ikkonkluda kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ vettura bil-mutur mal-kumpannija Mutuelle assurance des travailleurs mutualistes (Matmut). Waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, PQ iddikjara li kien l-uniku sewwieq tal-vettura assigurata.

9.        Fit‑28 ta’ Settembru 2013, din il-vettura, misjuqa minn TN, li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol, kienet involuta f’inċident tat-traffiku ma’ vettura oħra assigurata mill-Mutuelle d’assurance des artisans de France (iktar ’il quddiem “MAAF”). PQ, li kien passiġġier fl-ewwel vettura, safa midrub f’dan l-inċident.

10.      Imressaq quddiem it-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali, Franza), TN kien iddikjarat ħati, b’mod partikolari, ta’ korriment involontarju permezz ta’ sewqan ta’ vettura tal-art bil-mutur taħt l-influwenza tal-alkoħol b’inkapaċità ta’ iktar minn tliet xhur fuq il-persuna ta’ PQ.

11.      PQ ippreżenta talbiet għal kumpens ċivili. Matul seduta kriminali, Matmut invokat, fir-rigward ta’ dawn it-talbiet, l-eċċezzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni minħabba dikjarazzjoni falza ta’ PQ dwar l-identità tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata. Matmut talbet li tiġi eżentata u talbet it-teħid ta’ responsabbiltà tal-kumpens ta’ PQ mill-Fonds de garantie des assurances obligatoires de dommages (FGAO) (il-Fond ta’ Garanzija ta’ Assigurazzjonijiet Obbigatorji ta’ Danni, Franza (iktar ’il quddiem l-“FGAO”)), li huwa l-organu responsabbli mill-kumpens, b’mod partikolari, tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku li l-persuna responsabbli minnhom ma hijiex assigurata.

12.      Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2018, it-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali) iddikjarat in-nullità tal-kuntratt minħabba dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tal-persuna assigurata. Hija eżentat lill-kumpannija Matmut, ikkundannat lil TN jikkumpensa d-danni tal-vittmi u ddikjarat is-sentenza infurzabbli fil-konfront tal-FGAO (4).

13.      TN, l-FGAO u MAAF appellaw minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell, Franza), li kkonfermat din is-sentenza sa fejn tiddikjara n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li jorbot lil PQ u Matmut.

14.      Il-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell) ikkonstatat li waqt is-sottoskrizzjoni tal-kuntratt ta’ PQ, TN kien il-proprjetarju tal-vettura kkonċernata u s-sewwieq abitwali tagħha. Hija sostniet li għalhekk, PQ kien għamel dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali dwar l-identità tas-sewwieq abitwali, li kienet manifestament biddlet l-opinjoni dwar ir-riskju tal-assiguratur, fid-dawl tal-fatt li TN kien ġie kkundannat preċedentement għal sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol.

15.      Madankollu, bid-differenza għat-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali), il-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell) ikkunsidrat li r-responsabbiltà ta’ Matmut setgħet tiġi stabbiliti, u għalhekk eżentat lill-FGAO. Skont dik il-qorti, fid-dawl tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt nazzjonali, in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni minħabba dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali, prevista fl-Artikolu L. 113‑8 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet, ma hijiex infurzabbli fil-konfront tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku jew tal-aventi kawża tagħhom. Il-fatt li vittma kienet il-passiġġier tal-vettura li kkawżat l-inċident, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jew il-proprjetarju ta’ din il-vettura ma jippermettix li tiġi mċaħħda mill-kwalità ta’ “terz vittma ta’ inċident”.

16.      Matmut appellat quddiem ix-chambre criminell de la Cour de cassation (l-Awla Kriminali tal-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) mis-sentenza tal-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell), għar-raġuni li, bi ksur tal-Artikoli L. 113-8 u R. 211-13 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet (5), din tal-aħħar kienet iddikjarat b’mod żbaljat li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma kinitx infurzabbli kontra PQ.

17.      Billi qieset li l-eżami ta’ dan l-appell kien jeħtieġ l-opinjoni tax-chambre spécialisée en droit des assurances (l-Awla Speċjalizzata fid-Dritt tal-Assigurazzjoni), ix-chambre criminelle (l-Awla Kriminali) staqsietha dwar l-infurzabbiltà tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li tirriżulta minn dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali fil-konfront ta’ vittma li fl-istess waqt hija l-passiġġier tal-vettura li kkawżat l-inċident u s-sottoskritt tal-assigurazzjoni.

18.      Adita b’din il-mistoqsija, id-deuxième chambre civile de la Cour de cassation (it-Tieni Awla Ċivili tal-Qorti tal-Kassazzjoni), il-qorti tar-rinviju, tispjega fid-dettall il-pożizzjoni tal-liġi Franċiża għal dak li jirrigwarda l-infurzabbiltà tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-konfront tal-persuni leżi f’inċident li fir-rigward tiegħu tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ assiguratur. Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) jirriżulta li l-mala fide tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, issanzjonata permezz tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, hija kkaratterizzata mill-intenzjoni li jqarraq bl-assiguratur. L-effett ta’ din id-dikjarazzjoni falza fuq l-inċident ma huwiex rilevanti. Barra minn hekk, in-nullità taffettwa retrospettivament il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, b’tali mod li dan jitqies li qatt ma eżista.

19.      Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) ikkunsidrat, bħala regola ġenerali, li n-nullità tal-kuntratt li tirriżulta mid-dikjarazzjoni falza tal-persuna assigurata kienet infurzabbli fil-konfront tal-vittma, sa fejn l-assiguratur li ċaħad il-garanzija tagħha kien regolarment daħħal fil-kawża lill-FGAO.

20.      Sa mis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ Awwissu 2019 (6), dik il-qorti ssostni li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni stabbilita permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet ma hijiex infurzabbli fil-konfront tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku jew tal-aventi kawża tagħhom u li l-FGAO ma jistax jintalab jikkumpensa l-vittmi f’tali każ. Din il-bidla fil-ġurisprudenza rriżultat mill-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tad-direttivi fil-qasam tal-assigurazzjoni.

21.      Il-qorti tar-rinviju żżid li, imbagħad, il-leġiżlatur Franċiż introduċa l-Artikolu L. 211-7-1 fil-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet sabiex iġibu konformi mad-dritt tal-Unjoni. Hija tispjega li, skont din id-dispożizzjoni, in-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ma hijiex infurzabbli fil-konfront tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku jew tal-aventi kawża tagħhom u li l-assiguratur li jiggarantixxi r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-vettura involuta huwa marbut li jikkumpensahom. L-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża li l-assiguratur huwa ssurrogat fid-drittijiet li għandu l-kreditur għall-kumpens kontra l-persuna responsabbli mill-inċident, sal-ammont tas-somom li huwa ħallas.

22.      L-istess dispożizzjoni, li għadha fis-seħħ, ma jidhirx li tapplika ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali, jiġifieri għall-konklużjoni tal-kuntratt u għall-inċident, li seħħew, rispettivament, fl‑2012 u fl‑2013.

23.      Fid-dawl ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tindika li, sa mill-iżvilupp tal-ġurisprudenza tagħha li jirriżulta mis-sentenza tad‑29 ta’ Awwissu 2019 u mid-dħul fis-seħħ tal-Artikolu L. 211-7-1 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) qatt ma ddeċidiet dwar jekk in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni hijiex infurzabbli fil-konfront tal-vittma, passiġġier tal-vettura, meta din il-persuna hija wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, awtur tad-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali li wasslet għan-nullità ta’ dan il-kuntratt. Il-qorti tar-rinviju tindika li ebda sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrigwarda sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

24.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ April 2023, li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva [2009/103] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur tiġi ddikjarata eżegwibbli kontra l-passiġġier vittma meta huwa jkun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jkun wettaq intenzjonalment dikjarazzjoni falza fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt li tkun wasslet għal din in-nullità?”

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Matmut, TN, MAAF, l-FGAO, PQ u l-Gvern Franċiż kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali f’din il-kawża.

IV.    Analiżi

A.      Ilportata taddomanda preliminari u rriformulazzjoni tagħha

26.      Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li n-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni tkun tista’ tiġi infurzata fil-konfront tal-passiġġier vittma meta dan ikun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li d-dikjarazzjonijiet żbaljati tiegħu huma l-oriġini ta’ din in-nullità.

27.      Madankollu minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din il-qorti tar-rinviju għandha wkoll dubji, fil-każ li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tiġi ddikjarata mhux infurzabbli fil-konfront tal-vittma detentriċi tal-polza ta’ assigurazzjoni, dwar jekk l-assiguratur jistax jieħu azzjoni kontra tagħha abbażi tan-nuqqas imwettaq intenzjonalment waqt il-konklużjoni tal-kuntratt sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

28.      Nirrileva li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippreċiżax jekk Matmut ippreżentatx tali azzjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-kawża prinċipali u lanqas jekk l-introduzzjoni tagħha hijiex possibbli fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik tal-kawża prinċipali.

29.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (7).

30.      Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita (8), fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirriformula d-domandi magħmulin lilha. Il-fatt li qorti nazzjonali għamlet, fuq livell formali, domanda preliminari billi rriferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jostakolax li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, irrispettivament jekk irriferietx għalihom fid-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha toħroġ mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima.

31.      Għalhekk, fit-twettiq tal-missjoni tagħha fil-qasam tad-domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun meħtieġa tirriformula d-domandi preliminari li, anki wara r-riformulazzjoni tagħhom imwettqa skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ikomplu jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ rilevanza (9).

32.      F’dan il-każ, minkejja nuqqas ta’ informazzjoni fit-talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-possibbiltà li assiguratur jintroduċi azzjoni kontra l-vittma detentriċi tal-polza ta’ assigurazzjoni, ma jidhirx b’mod ċar li l-kwistjoni tal-konformità tal-introduzzjoni ta’ tali azzjoni mad-dritt tal-Unjoni ma hijiex marbuta mal-fatti jew s-suġġett tal-kawża prinċipali jew tirrigwarda problema ipotetika. Fil-fatt, minkejja li l-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda r-responsabbiltà kriminali tal-awtur ta’ inċident, it-talbiet għall-kumpens ċivili huma madankollu eżaminati fil-kuntest ta’ dik il-proċedura. Barra minn hekk, kif juru l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet, li fil-kuntest tagħhom din il-kwistjoni hija ampjament diskussa, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinkludi l-elementi neċessarji kollha sabiex tingħata risposta utli għad-domanda dwar il-konformità ta’ tali azzjoni.

33.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirriformula d-domanda preliminari fis-sens li permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, fl-ewwel lok, jekk l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li tirriżulta minn dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni fir-rigward tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, tkun infurzabbli fil-konfront tal-passiġġier vittma, meta dan ikun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni.

34.      Skont il-proposta ta’ riformulazzjoni tiegħi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda, fit-tieni lok, jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-assiguratur jeżerċita azzjoni kontra l-passiġġier vittma, meta dan ikun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, ibbażata fuq id-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tiegħu għal dak li jirrigwarda s-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lil dan il-passiġġier vittma b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

B.      Linfurzabbiltà tannullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni

35.      Il-kundizzjonijiet legali ta’ validità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda minn dak tal-Istati Membri (10). Madankollu, dawn tal-aħħar huma obbligati jiżguraw li l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur obbligatorja tippermetti lill-passiġġieri vittmi kollha ta’ inċident ikkawżat minn vettura, kumpens għad-danni li jkunu ġarrbu. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam f’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-ħsarat li jirriżultaw mill-inċidenti tat-traffiku ma jistgħux iċaħħdu lid-Direttiva 2009/103 mill-effett utli tagħha (11).

36.      Għalhekk, sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari, fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk passiġġier vittma li huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz magħmula fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwiex inkluż fost il-persuni li d-Direttiva 2009/103 trid tipproteġi. Fil-fatt, huwa biss fl-affermattiv li l-infurzabbiltà tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-konfront ta’ dan il-passiġġier vittma tkun tista’ ċċaħħdu mid-dritt tiegħu għall-kumpens, u għalhekk, tikkomprometti l-effett utli ta’ din id-direttiva. Għalhekk, jekk ikun il-każ, ser neżamina, fit-tieni lok, jekk l-infurzabbiltà ta’ din in-nullità fil-konfront tal-persuna kkonċernata tippreġudikax l-imsemmija direttiva u l-effettività tagħha.

1.      Fuq ilprotezzjoni ta’ terzi li sfaw vittmi

a)      Irregola ġenerali dwar ilprotezzjoni ta’ vittmi

37.      Id-Direttiva 2009/103 hija intiża sabiex tiggarantixxi, b’mod partikolari, li l-vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, irrispettivament mit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident, kif ukoll sabiex tiżgura l-protezzjoni ta’ vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi bil-mutur (12). Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jikkostitwixxu r-riżultat ta’ żvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja li b’mod kostanti segwa u saħħaħ l-għan ta’ protezzjoni ta’ vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi (13).

38.      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, id-Direttiva 2009/103 kkodifikat id-direttivi preċedenti relatati mal-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u mal-kontroll tal-obbligu li tiġi żgurata din ir-responsabbiltà, mingħajr ma għamlitilhom emendi sostanzjali. Għalhekk, il-ġurisprudenza dwar dawn id-direttivi preċedenti hija trasponibbli għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 2009/103 (14).

39.      Sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni “paragunabbli” tal-vittmi fi ħdan l-Unjoni, id-Direttiva 2009/103 tistabbilixxi r-regola ġenerali li permezz tagħha l-persuni leżi għandhom id-dritt li jkunu kkumpensati mill-assiguratur kif ukoll l-eċċezzjonijiet għal din ir-regola. F’din il-perspettiva, dawn l-eċċezzjonijiet huma ta’ natura eżawrjenti u għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (15).

40.      F’dan ir-rigward, minn qari konġunt tal-Artikolu 1(2) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta li l-protezzjoni li għandha tiġi żgurata skont l-imsemmija direttiva għandha tkun estiża għal kull persuna li jkollha dritt, skont id-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili, għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn vetturi bil-mutur (16).

41.      B’mod iktar konkret, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u jippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u terzi li sfaw vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri. Għal dak li jirrigwarda d-drittijiet irrikonoxxuti lil terzi li sfaw vittmi, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprekludi li kumpannija tal-assigurazzjonijiet għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur tkun tista’ tinvoka dispożizzjonijiet legali jew klawżoli kuntrattwali sabiex tirrifjuta li tikkumpensa lill-vittmi terzi ta’ inċident ikkawżat mill-vettura assigurata. L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva sempliċement ifakkar dan l-obbligu għal dak li jirrigwarda ċerti eżempji speċifiċi msemmija f’din id-dispożizzjoni (17).

42.      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-passiġġier vittma, li huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz, jaqax taħt it-“terzi li sfaw vittmi” li d-Direttiva 2009/103 hija intiża li tipproteġi.

b)      Ilpassiġġier bħala persuna leża

43.      L-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi, stabbilita mid-Direttiva 2009/103, tkopri, b’mod partikolari, kif jeħtieġ l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, id-danni fiżiċi tal-passiġġieri kollha minbarra x-xufier li jirriżultaw mill-użu ta’ vettura.

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li l-għan tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi preċedenti jikkorrispondi għal dak tad-Direttiva 2009/103 li huwa li tiżgura, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn dawn id-direttivi, li l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur tippermetti lill-passiġġieri vittmi kollha ta’ inċident ikkawżat minn vettura li jkunu kkumpensati għad-danni mġarrba minnhom (18).

45.      Huwa minnu li l-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi eċċezzjoni li tista’ taffettwa s-sitwazzjoni tal-passiġġieri minbarra x-xufier. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jagħmel klawżola ta’ esklużjoni (kuntrattwali jew leġiżlattiva) infurzabbli kontra persuni li minn jeddhom ikunu daħlu fil-vettura, meta l-assiguratur ikun jista’ juri li dawn kienu jafu li din il-vettura kienet misruqa. Madankollu, huwa stabbilit li f’dan il-każ, dan ma huwiex il-każ.

46.      Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-assigurazzjoni obbligatorja stabbilita mid-Direttiva 2009/103, il-fatt li persuna leża kienet il-passiġġier ta’ vettura li kkawżatilha d-dannu ma jistax iċaħħad lil din il-persuna mid-dritt tagħha għall-kumpens għad-danni kkawżati minn inċident tat-traffiku.

c)      Iddetentur talpolza ta’ assigurazzjoni bħala persuna leża

47.      F’din il-kawża, hija waħda mill-partijiet tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, jiġifieri d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, li jinvoka l-kwalità ta’ “vittma ta’ inċident” sabiex jikseb kumpens min-naħa tal-kumpannija ta’ assigurazzjoni.

48.      F’dan ir-rigward, kif osservajt (19), sabiex jiġu ddeterminati l-benefiċjarji tal-protezzjoni li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, kemm id-Direttiva 2009/103 kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jużaw il-kunċett ta’ “terzi li sfaw vittmi”. L-użu ta’ dan il-kunċett jista’ jagħti x’jifhem li l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva tapplika biss għall-persuni li ma humiex kuntrattwalment marbuta (“terzi”) mal-assiguratur li tista’ tintalab ir-responsabbiltà tiegħu.

49.      Madankollu, fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “terzi li sfaw vittmi” jinsab biss fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/103. Din id-dispożizzjoni, intitolata “Klawsoli ta’ esklużjoni”, tobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex, “[għall-finijiet ta]l-applikazzjoni tal-Artikolu 3” ta’ din id-direttiva, titqies mingħajr effett, għal dak li jirrigwarda l-pretensjonijiet ta’ vittmi terzi ta’ inċident, kull dispożizzjoni legali jew klawżola kuntrattwali li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi u dettaljati f’din id-dispożizzjoni tal-ewwel.

50.      Il-premessa 15 tad-Direttiva 2009/103 tiċċara l-għan tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva u tistabbilixxi li fl-interess tal-vittmi, l-effetti ta’ ċerti klawżoli ta’ esklużjoni għandhom ikunu limitati għar-relazzjoni bejn l-assiguratur u l-persuna responsabbli għall-inċident. Għall-kuntrarju, skont din il-premessa, permezz tal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minnha, tali klawżoli ta’ esklużjoni (leġiżlattivi u kuntrattwali) huma, għalhekk, mingħajr effett għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-assiguratur u kwalunkwe persuna leża minbarra l-persuna responsabbli għall-inċident. Konsegwentement, skont l-imsemmija premessa, ir-riferiment għall-“partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident” li jinsab f’din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem fis-sens li dan it-terminu jirrigwarda l-vittmi ta’ inċident tat-traffiku minbarra l-awtur tiegħu. Għalhekk, u b’mod iktar globali, il-kunċett ta’ “terzi li sfaw vittmi” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni jista’ jkopri wkoll il-persuni kuntrattwalment marbuta mal-assiguratur.

51.      Fit-tieni lok, tali qari tad-Direttiva 2009/103 jikkorrispondi għal dak magħmul mill-Avukat Ġenerali Mengozzi li fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Churchill Insurance Company u Evans, ippropona li jiġi sostnut li fil-każ ta’ inċident, huma effettivament meqjusa bħala “terzi” l-persuni kollha minbarra s-sewwieq li kkawża l-inċident (20).

52.      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-fatt li l-persuna leża waqt inċident tat-traffiku hija d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma jippermettix li din il-persuna tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “terzi li sfaw vittmi”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi preċedenti għad-Direttiva 2009/103, li jikkorrispondu għall-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva (21).

53.      Għalhekk, il-fatt li l-passiġġier vittma huwa d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni lanqas jippermetti li dan jiġi eskluż mill-protezzjoni li d-Direttiva 2009/103 tagħti lill-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku.

d)      Lawtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz bħala persuna leża

54.      Il-partikolarità ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li l-persuna kkonċernata hija mhux biss il-passiġġier vittma tal-inċident tat-traffiku, kuntrattwalment marbut mal-assiguratur li r-responsabbiltà tiegħu hija inkwistjoni, iżda wkoll l-awtur tad-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali li wasslet għan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

55.      Kif osservajt (22), id-Direttiva 2009/103 tinkludi eċċezzjoni li tippermetti li l-vittmi ma jiġux ikkumpensati fid-dawl tas-sitwazzjoni li ħolqu huma stess, jiġifieri l-persuni li minn jeddhom ikunu daħlu fil-vettura li kkawżat id-dannu, meta l-kumpannija ta’ assigurazzjonijiet tkun tista’ turi li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa. Mill-banda l-oħra, din id-direttiva ma tipprevedix tali eċċezzjoni meta l-kuntratt ta’ assigurazzjoni kien konkluż abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz min-naħa tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni.

56.      Għalhekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (23), il-fatt li l-kumpannija assiguratriċi kkonkludiet dan il-kuntratt fuq il-bażi ta’ ommissjonijiet jew ta’ dikjarazzjonijiet foloz min-naħa tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma huwiex ta’ natura li jippermettilha li tinvoka d-dispożizzjonijiet legali fuq in-nullità tal-kuntratt u li tinfurzahom fil-konfront tat-terz li safa vittma sabiex teżenta l-obbligu tagħha li tikkumpensa lil din tal-aħħar għal inċident ikkawżat mill-vettura assigurata. Fi kliem ieħor, mill-perspettiva tad-Direttiva 2009/103, il-fatt li l-passiġġier vittma huwa d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li għamel dawn id-dikjarazzjonijiet foloz waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma jbiddel xejn mill-kwalità tiegħu ta’ “terz li safa vittma” fis-sens ta’ din id-direttiva u mill-protezzjoni mogħtija lill-persuni li għandhom din il-kwalità.

57.      Issa, għandu jiġi vverifikat jekk din il-konklużjoni hijiex ikkontestata minn argument ibbażat fuq il-prinċipju tal-projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Matmut targumenta li, mill-perspettiva ta’ dan il-prinċipju, wieħed ma jistax jaċċetta li l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz jista’ jipprevalixxi ruħu mill-assigurazzjoni u għalhekk jagħmel qligħ mill-frodi tiegħu.

e)      Ilprinċipju ta’ projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż

1)      Espożizzjoni talkwistjoni

58.      Id-Direttiva 2009/103 ma tirregolax il-kwistjoni tal-abbuż, mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, tad-drittijiet li tagħtih din id-direttiva. Madankollu, jeżisti, fid-dritt tal-Unjoni, prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan id-dritt ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri t-tranżazzjonijiet abbużivi jew frawdolenti. Barra minn hekk, jidhirli li dan il-prinċipju fil-kuntest tal-infurzabbiltà tan-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni kien previst mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet reċenti Liberty Seguros.

59.      Id-domanda preliminari analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan id-digriet kienet toriġina mir-rikors tal-assiguratur intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni minħabba dikjarazzjonijiet foloz tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni dwar l-attività mwettqa bil-vettura kkonċernata. Il-qorti adita b’dan ir-rikors kellha tiddeċiedi dwar jekk din in-nullità setgħetx tkun infurzabbli fil-konfront ta’ terzi li sfaw vittmi ta’ inċident tat-traffiku.

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fin-negattiv u kkunsidrat, b’mod partikolari, li ma jistax jiġi sostnut li f’sitwazzjoni li fiha d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ħeba l-attività reali li huwa kien ser iwettaq bil-vettura kkonċernata u fejn il-passiġġieri ma setgħux jinjoraw in-natura illegali tas-servizz ipprovdut mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, id-dritt tal-Unjoni huwa invokat bil-għan li jiġi evitat id-dritt nazzjonali sabiex jingħata vantaġġ li jmur kontra l-iskopijiet u l-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni (24).

61.      F’dan it-test, il-Qorti tal-Ġustizzja donnha riedet tindika li s-sitwazzjoni inkwistjoni ma kinitx tikkorrispondi għaż-żewġ kuntesti ewlenin li fihom jista’ jiġi analizzat il-kunċett ta’ abbuż, jiġifieri meta d-dritt tal-Unjoni huwa invokat sabiex jiġi evitat id-dritt nazzjonali u meta id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huma invokati sabiex jingħata vantaġġ b’mod li jmur kontra l-iskopijiet u l-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet stess (25).

62.      Madankollu, jekk fid-dawl tal-kuntest li fih jaqa’, il-qari tiegħi tal-imsemmi test huwa korrett, is-sitwazzjoni li fuqha ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja tikkorrispondi għat-tieni kuntest, jiġifieri s-sitwazzjoni li fiha d-dritt tal-Unjoni kien invokat mill-persuni leżi f’inċident tat-traffiku li riedu jipprevalixxu ruħhom mill-kwalità tagħhom ta’ “terzi li sfaw vittmi” sabiex ma jkunux imċaħħda, minħabba n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li tirriżulta minn dikjarazzjonijiet foloz min-naħa tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, mid-dritt tagħhom għall-kumpens.

63.      Mill-banda l-oħra, f’dan il-każ, jekk wieħed isegwi r-raġunament ta’ Matmut, huwa d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jfittex li jipprevalixxi ruħu mill-kwalità tiegħu ta’ “terz li safa vittma t” sabiex jilħaq l-istess għan. F’tali sitwazzjoni, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar preċiż, l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103, ikunu invokati sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali dwar in-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni li altrimenti hija infurzabbli fil-konfront tal-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz.

64.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, skont ir-regoli dwar il-provi tad-dritt nazzjonali, sakemm ma tiġix ippreġudikata l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni, jekk fil-kawża prinċipali jeżistux l-elementi li jikkostitwixxu prattika abbużiva jew frawdolenti (26). Meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet lill-qrati nazzjonali sabiex tiggwidahom fl-evalwazzjoni tal-każ inkwistjoni mressaq quddiemhom (27). Għalhekk, ser nagħmel xi kummenti dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti tali indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju.

2)      Kummenti dwar limplimentazzjoni talprinċipju ta’ projbizzjoni talfrodi u talabbuż

65.      Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ is-sodisfazzjon ta’ element oġġettiv u ta’ element suġġettiv.

66.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (28), il-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx, u min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb.

67.      Fil-fehma tiegħi, peress li, f’dan il-każ, l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jidher li ntlaħaq a priori, jidhirli xieraq li l-analiżi tibda mhux bl-element oġġettiv iżda bl-element suġġettiv sabiex jiġi ddeterminat x’kienet l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata u jiġi vverifikat jekk din l-intenzjoni tikkostitwixxix abbuż, u jekk ikun il-każ, ir-riżultat mixtieq jistax jikkomprometti l-għan tad-dritt tal-Unjoni (29).

68.      Fil-fatt, l-għan imfittex mill-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 huwa li jiġi żgurat li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn din id-direttiva, kull persuna leża f’inċident tat-traffiku jkollha d-dritt għall-kumpens u li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali u ta’ klawżoli kuntrattwali li jistgħu jillimitaw dan id-dritt.

69.      Huwa stabbilit li PQ indarab waqt l-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li skont il-liġi applikabbli, huwa għandu dritt għall-kumpens għad-danni mġarrba. Barra minn hekk, xejn ma jindika li dan l-inċident seħħ f’ċirkustanzi artifiċjalment maħluqa jew li, fid-dawl tal-fatt li s-sewwieq huwa eskluż mill-persuni koperti mill-assigurazzjoni (30), minflok saq il-vettura huwa stess, PQ ħa l-post tal-passiġġier sabiex fil-każ ta’ inċidenti jkun jista’ jiġi kkumpensat.

70.      Barra minn hekk, wieħed ma jistax jinsa li, permezz tal-argument tagħha, Matmut issostni mhux li TN kien isuq il-vettura kkonċernata fil-mument tal-inċident iżda li huwa ma kienx identifikat bħala sewwieq abitwali ta’ din il-vettura waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. F’dan ir-rigward, kieku PQ kien is-sewwieq abitwali tal-vettura u TN kien isuqha okkażjonalment, il-kwistjoni tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma kinitx tqum. Fil-fatt, id-Direttiva 2009/103 tipprekludi li l-obbligu li l-assiguratur jikkumpensa vittma ta’ inċident tat-traffiku li jinvolvi vettura assigurata jkun eskluż meta dan l-inċident kien ikkawżat minn persuna li ma hijiex il-persuna koperta mill-polza ta’ assigurazzjoni (31).

71.      Għalhekk, l-argument ta’ Matmut jirrigwarda l-fatt li PQ għamel dikjarazzjoni falza waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni u li fittex li jeskludi, mhux għall-benefiċċju ta’ kull vittma iżda għall-benefiċċju personali tiegħu, dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa vvizzjat minn nullità minħabba din id-dikjarazzjoni falza.

72.      F’dan ir-rigward, irrid nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża formulazzjonijiet differenti sabiex tiddeskrivi l-element suġġettiv ta’ prattika abbużiva jew frawdolenti.

73.      Fil-fatt, fi wħud mis-sentenzi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-element suġġettiv jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb (32), filwaqt li f’oħrajn, hija tenfasizza li dan l-element jeżisti biss jekk l-għan ewlieni tal-prattiki inkwistjoni huwa limitat għall-kisba ta’ tali vantaġġ (33).

74.      Fi kwalunkwe każ, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, għal dak li jirrigwarda l-evitar tad-dritt nazzjonali permezz tad-dritt derivat, il-projbizzjoni ta’ tali prattika ma hijiex rilevanti meta t-tranżazzjonijiet ikkonċernati jkun jista’ jkollhom ġustifikazzjoni oħra minbarra s-sempliċi kisba ta’ vantaġġ indebitu (34).

75.      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-għan ewlieni tal-prattika inkwistjoni ta’ PQ kienx limitat għall-evitar tad-dispożizzjonijiet nazzjonali altrimenti applikabbli. F’dan ir-rigward, il-verifika tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ lill-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, inkluż dawk preċedenti u sussegwenti għat-tranżazzjoni li hija allegata n-natura abbużiva tagħha (35).

76.      Skont il-qari tiegħi tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, id-dikjarazzjonijiet foloz saru minn PQ sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ assigurazzjoni tal-vettura kkonċernata u sabiex jibbenefika minn primjum ta’ assigurazzjoni iktar vantaġġjuż minn dak li kien ikun dovut li kieku l-assiguratur kien jaf l-identità tas-sewwieq abitwali ta’ din il-vettura. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju donnu jirriżulta li r-raġuni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet foloz kienet li TN ma jiġix indikat bħala sewwieq abitwali tal-imsemmija vettura fid-dawl tal-fatt li preċedentement kien ġie kkundannat għal sewqan taħt l-effett tal-alkoħol. Issa, dan il-fatt bidel manifestament l-opinjoni tal-assiguratur dwar ir-riskju.

77.      Għalhekk, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, wieħed ma jistax jikkunsidra li PQ għamel dikjarazzjonijiet foloz bil-għan ewlieni li jipprevalixxi ruħu huwa stess mill-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 u li jevita dispożizzjoni nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet legali ta’ nullità ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni. Fid-dawl tal-preċedenti u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, PQ għandu jitqies bħala “terz li safa vittma” ta’ inċident.

78.      Fir-rigward ta’ dawn il-verifiki, għandu jiżdied li l-persuna li fil-konfront tagħha huma allegati prattiċi frawdolenti jew abbużivi għandu jkollha l-possibbiltà li tirribatti l-elementi li fuqhom hija bbażata din l-allegazzjoni, fl-osservanza tal-garanziji marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq (36).

79.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, wieħed jista’ jistaqsi jekk l-Artikolu L. 113‑8 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet għandux jitqies bħala dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-leġiżlatur Franċiż irid isib rimedju għall-prattiki frawdolenti u abbużivi tad-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni nazzjonali hija possibbli biss fis-sitwazzjoni li fiha l-aġir tal-persuna kkonċernata jkun bi kwalunkwe mod, skont il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż, ikkunsidrat frawdolenti jew abbużiv (37). Fil-fatt, l-implimentazzjoni ta’ tali dispożizzjoni nazzjonali ma tistax tippreġudika l-effett sħiħ u l-applikazzjoni uniformi tal-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 (38). Għalhekk, ma tistax tinbidel il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (39), li jkun il-każ kieku d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz ikunu mċaħħda mill-kwalità ta’ “terzi li sfaw vittmi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

80.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk l-effett utli tal-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 tipprekludix li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tkun infurzabbli fil-konfront ta’ vittma terza li hija d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz magħmula waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

2.      Fuq leffett utli talArtikoli 3 u 13 tadDirettiva 2009/103

a)      Linfurzabbiltà tannullità talkuntratt fil-konfront ta’ terz li safa vittma

81.      F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rifjut tad-dritt għal kumpens minn kumpannija ta’ assigurazzjonijiet jistax jirriżulta mill-infurzabbiltà fil-konfront tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li tirriżulta minn dikjarazzjonijiet foloz ta’ dan id-detentur.

82.      Kif semmejt (40), id-Direttiva 2009/103 ma hijiex intiża sabiex tarmonizza l-kundizzjonijiet legali ta’ validità ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni. Minkejja li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw dawn il-kundizzjonijiet, huma għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens ta’ inċidenti tat-traffiku ma jistgħux iċaħħdu lil din id-direttiva mill-effett utli tagħha.

83.      Għalhekk, minkejja li d-Direttiva 2009/103 ma tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa vvizzjat minn nullità meta dan ikun konkluż abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, din id-direttiva tillimita l-effetti tan-nullità sa fejn din tista’ tikkomprometti l-effett utli ta’ dan l-att tad-dritt tal-Unjoni.

84.      F’dan ir-rigward, l-infurzabbiltà tan-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-konfront tal-passiġġier vittma li huwa d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni twassal għall-assenza ta’ kumpens għal din il-persuna, u konsegwentement, tippreġudika l-effett utli tad-Direttiva 2009/103. Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-possibbiltà li l-imsemmija persuna tkun ikkumpensata mill-FGAO.

b)      Lintervent talorganu responsabbli millkumpens talvittmi

85.      Il-qorti tar-rinviju tesponi dubji dwar jekk il-fatt li l-FGAO huwa obbligat jikkumpensa l-vittma fil-każ fejn in-nullità tal-kuntratt tiġi ddikjarata infurzabbli fil-konfront tagħha huwiex ta’ natura li jaffettwa l-interpretazzjoni li għandha tiġi sotnuta.

86.      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/103, kull Stat Membru għandu l-obbligu li “jistabbilixxi jew jawtorizza korp bil-kompitu li jipprovdi kumpens, mill-inqas sal-limiti tal-obbligu ta’ assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew danni persunali kkawżati minn vettura li ma tkunx identifikata jew vettura li għaliha l-obbligu ta’ assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 ma jkunx ġie sodisfatt”.

87.      Madankollu, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja (41), il-konstatazzjoni li dispożizzjoni nazzjonali tista’ twassal għall-assenza ta’ kumpens ta’ terzi li sfaw vittmi, u konsegwentement, tippreġudika l-effett utli tad-Direttiva 2009/103 ma hijiex ikkontestata mill-possibbiltà li jitħallas kumpens lill-vittma minn organu stabbilit b’konformità mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva.

88.      Fil-fatt, l-intervent ta’ tali organu kien previst bħala l-aħħar miżura, unikament għall-każ fejn id-danni ġew ikkawżati minn vettura li fir-rigward tagħha ma kienx issodisfat l-obbligu ta’ assigurazzjoni. L-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur hija obbligatorja u huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li, bla ħsara għad-derogi previsti mid-Direttiva 2009/103, kull proprjetarju jew detentur ta’ vettura normalment ibbażata fit-territorju tiegħu jikkonkludi kuntratt ma’ kumpannija ta’ assigurazzjoni. In-nuqqas ta’ Stat Membru li jikkonforma ma’ dan l-obbligu ta’ sorveljanza ma għandux ikun ta’ detriment għall-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku, u jekk dan ikun il-każ, huwa dan l-organu stabbilit jew awtorizzat minn dan l-Istat Membru li għandu jikkumpensa l-vittmi. Mill-banda l-oħra, l-intervent ta’ organu awtorizzat ma jistax jiġi invokat sabiex jeżenta lill-assiguratur mir-responsabbiltà tiegħu meta l-obbligu li jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, ikun ġie ssodisfat.

3.      Konklużjoni dwar lewwel parti taddomanda preliminari

89.      Wara l-analiżi li għadni kemm għamilt, nikkunsidra, qabelxejn, li l-fatt li l-passiġġier vittma huwa d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li għamel id-dikjarazzjonijiet foloz dwar l-identità tas-sewwieq abitwali waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma jbiddel xejn mill-kwalità tiegħu ta’ “terz li safa vittma”, fis-sens tad-Direttiva 2009/103, u mill-protezzjoni mogħtija lill-persuni li għandhom din il-kwalità (42). Imbagħad, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, wieħed ma jistax jikkunsidra li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż tippermetti r-rifjut ta’ din il-protezzjoni (43). Fl-aħħar nett, din id-direttiva tkun imċaħħda mill-effett utli tagħha jekk l-assiguratur jirrifjuta lil din il-persuna d-dritt li tkun ikkumpensata minħabba l-infurzabbiltà tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li tirriżulta minn dawn id-dikjarazzjonijiet foloz (44).

90.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-infurzabbiltà fil-konfront tal-passiġġier vittma, meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li tirriżulta minn dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali ta’ dan id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għal dak li jirrigwarda s-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata.

C.      Iddritt tależerċizzju ta’ azzjoni ta’ rkupru

91.      Infakkar li t-tieni parti tad-domanda preliminari tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-assiguratur jeżerċita azzjoni kontra l-passiġġier vittma, meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, ibbażata fuq id-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tiegħu għal dak li jirrigwarda s-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lil dan il-passiġġier vittma b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

92.      Sabiex tingħata risposta għat-tieni parti tad-domanda preliminari, ser neżamina qabelxejn, jekk il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għad-dikjarazzjonijiet foloz inizjali humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni. Jekk dan ma huwiex il-każ, ser nindirizza mbagħad il-punt dwar jekk dan id-dritt jipprekludix, madankollu, li r-responsabbiltà ta’ dan id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni tiġi stabbilita permezz ta’ azzjoni ta’ rkupru tal-assiguratur.

1.      Ilkundizzjonijiet tarresponsabbiltà taddetentur talpolza ta’ assigurazzjoni

93.      Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-dritt tal-assiguratur li jeżerċita azzjoni ta’ rkupru kontra passiġġier vittma meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, f’dan ir-rigward jistgħu jinsiltu tagħlimiet utli mill-ġurisprudenza (45).

94.      Azzjoni ta’ rkupru kontra persuna leża wara inċident kienet inkwistjoni fis-sentenza Churchill Insurance Company Limited u Evans (46).

95.      Din is-sentenza kienet tirrigwarda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li kienet tippermetti lill-assiguratur jirkupra mingħand il-persuna assigurata s-somma mħallsa fir-rigward tar-responsabbiltà tiegħu li tirriżulta mill-kuntratt tal-assigurazzjoni. Il-qari tal-imsemmija sentenza juri li din id-dispożizzjoni setgħet tingħata żewġ interpretazzjonijiet differenti u li dawn kienu s-suġġett tad-dibattitu bejn il-partijiet.

96.      Fil-fatt, skont l-ewwel interpretazzjoni, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tipprevedi azzjoni ta’ rkupru kontra l-persuna assigurata għall-irkupru ta’ dan il-kumpens meta din il-persuna assigurata tkun ikkawżat jew ippermettiet l-użu tal-vettura mis-sewwieq li kkawża l-inċident (47). Skont it-tieni interpretazzjoni, din id-dispożizzjoni kellha l-effett li teskludi awtomatikament mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni passiġġier vittma ta’ inċident tat-traffiku li kien assigurat u li awtorizza lil sewwieq mhux assigurat isuq (48). Il-qorti tar-rinviju sostniet din it-tieni interpretazzjoni, u konsegwentement, dan kien rifless fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

97.      Iktar importanti minn hekk, il-qari ta’ din is-sentenza jista’ jissuġġerixxi li dispożizzjoni li teskludi b’mod awtomatiku l-benefiċċju tal-kumpens eventwalment dovut lill-persuna assigurata (it-tieni interpretazzjoni) taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103, filwaqt li dispożizzjoni li tagħti lill-assiguratur id-dritt li jistabbilixxi r-responsabbiltà ċivili tal-kontraenti tiegħu permezz ta’ azzjoni ta’ rkupru (l-ewwel interpretazzjoni) ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

98.      Fil-fatt, wara li indikat li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali sostnuta mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri t-tieni interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-domandi preliminari “ma [kinux jikkonċernaw] il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili, iżda [kienu] jikkonċernaw il-kompatibbiltà ta’ dan id-dritt ma’ dispożizzjoni li, skont l-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju, billi teskludi b’mod awtomatiku l-benefiċċju tal-kumpens possibbli dovut lill-assigurat, tillimita l-portata tal-kopertura tar-responsabbiltà ċivili” (49). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-domandi magħmula kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam.

99.      Dan il-qari tas-sentenza Churchill Insurance Company Limited u Evans (50) huwa kkorroborat mid-digriet BUL INS (51), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/103 jirrigwarda l-eventwali limitazzjonijiet tal-kopertura ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ terzi li sfaw vittmi ta’ inċident, u mhux għall-azzjonijiet ta’ rkupru mibdija mill-assiguratur wara l-għoti ta’ kumpens lill-persuna leża.

100. Għalhekk, il-kundizzjonijiet relatati mal-istabbiliment tar-responsabbiltà tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għal dak li jirrigwarda s-somom mħallsa mill-assiguratur wara inċident ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni. Jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà, previsti mit-tieni parti tad-domanda preliminari, jistgħux, madankollu, jippreġudikaw l-effett utli tad-Direttiva 2009/103.

2.      Leffett utli tadDirettiva 2009/103 u lazzjoni ta’ rkupru

101. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-assiguratur jistax jintroduċi azzjoni ta’ rkupru kontra d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lil dan tal-aħħar b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

102. Minkejja li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jippreġudikaw l-effett utli ta’ dan id-dritt.

103. F’dan ir-rigward, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-effett utli tad-Direttiva 2009/103, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-assigurazzjoni li jillimitaw il-kopertura tar-responsabbiltà ċivili tal-assiguratur fir-relazzjoni bejn it-terz li safa vittma u l-assiguratur, u min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tas-sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili li jiddeterminaw ir-responsabbiltà tal-persuna assigurata fir-rigward ta’ tali terz li safa vittma (52). Bħala prinċipju, huwa fuq kollox dawn l-ewwel dispożizzjonijiet li jistgħu jippreġudikaw l-effett utli ta’ din id-direttiva (53). Fil-fatt, bħala regola ġenerali, ir-responsabbiltà tal-assiguratur toriġina mir-responsabbiltà ċivili imposta fuq il-persuna assigurata u l-imsemmija direttiva ma hijiex intiża li tarmonizza s-sistemi ta’ din ir-responsabbiltà ċivili fl-Istati Membri.

104. Barra minn hekk, skont l-istess ġurisprudenza, sabiex jiżguraw l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jippreġudikaw dan l-effett utli, sa fejn, billi jeskludu ex officio jew billi jillimitaw b’mod sproporzjonat id-dritt tal-vittma milli tikseb kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, dawn jikkompromettu l-possibbiltà li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku, kontinwament imfittex u msaħħaħ mil-leġiżlatur tal-Unjoni (54).

105. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-assiguratur jeżerċita azzjoni kontra l-passiġġier vittma, meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz magħmula fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lil dan il-passiġġier vittma b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, tista’ tippreġudika d-dritt ta’ dan l-individwu li jiġi kkumpensat mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u għalhekk, l-effett utli tad-Direttiva 2009/103.

106. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha l-effett li tinfluwenza r-relazzjoni bejn it-terz li safa vittma u l-assiguratur, mingħajr ma tinfluwenza r-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata direttament responsabbli mill-inċident tat-traffiku. Il-fatt li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tfittex li tissanzjona d-dikjarazzjonijiet foloz magħmula mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma jikkontestax din il-kunsiderazzjoni. Fil-fatt, il-fatt li l-passiġġier vittma huwa d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li għamel id-dikjarazzjonijiet foloz dwar l-identità tas-sewwieq abitwali waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma jbiddel xejn mill-kwalità tiegħu ta’ “terz li safa vittma”, fis-sens tad-Direttiva 2009/103 (55).

107. F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fis-sentenza Ruiz Bernáldez (56), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “l-kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja kien jipprevedi li, f’tali każijiet, l-assiguratur ikollu azzjoni ta’ rkupru kontra l-persuna assigurata”. Madankollu, wieħed ma jistax jifhem din is-sentenza fis-sens li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-assiguratur jista’ jintroduċi azzjoni ta’ rkupru kontra l-persuna li magħha kkonkluda l-kuntratt ta’ assigurazzjoni meta din hija wkoll it-terz li safa vittma, fis-sens tad-Direttiva 2009/103.

108. Fil-fatt, kif jenfasizza l-Gvern Franċiż, fis-sentenza Ruiz Bernáldez (57), il-persuna assigurata kienet is-sewwieq tal-vettura u l-awtur tad-danni b’tali mod li l-kwistjoni tar-riskju ta’ ksur tad-dritt għall-kumpens tal-vittma minħabba dan ir-rikors ma kinitx tqum. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja kienu jirrigwardaw, b’mod iktar speċifiku, klawżola ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni li tippermetti lill-assiguratur jeżerċita azzjoni ta’ rkupru kontra l-persuna assigurata sabiex jirkupra s-somom li huwa ħallas lill-vittma ta’ inċident tat-traffiku kkawżat minn sewwieq taħt l-influwenza tal-alkolħol (58). Mill-banda l-oħra, f’din is-sentenza xejn ma jissuġġerixxi li tali azzjoni ta’ rkupru tista’ tiġi introdotta, mingħajr ebda restrizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kontra l-persuna kkumpensata mill-assiguratur. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “il-kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja ma jistax jipprevedi li, f’ċerti każijiet, u b’mod partikolari, fil-każ fejn is-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza tal-alkoħol, l-assiguratur ma għandux jikkumpensa d-danni fiżiċi u materjali kkawżati lil terzi mill-vettura assigurata” (59).

109. Iktar importanti minn hekk, azzjoni ta’ rkupru bħal dik prevista mit-tieni parti tad-domanda preliminari tinjora l-ħtieġa li tiġi żgurata l-proporzjonalità ta’ miżura intiża sabiex iċċaħħad lill-vittma mid-dritt li tikseb kumpens min-naħa tal-assiguratur.

110. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, in-nullità tal-kuntratt tirriżulta minn dikjarazzjonijiet foloz li biddlu l-opinjoni tal-assiguratur dwar ir-riskju, u għalhekk, l-ispiża tal-assigurazzjoni, mingħajr ma kellha ebda effett fuq l-inċident u l-portata tad-dannu. Issa, jekk tiġi introdotta azzjoni sabiex jinkiseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lill-persuna kkonċernata fir-rigward tal-kumpens tad-danni mġarrba f’inċident tat-traffiku, bħala sanzjoni tad-dikjarazzjonijiet foloz tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għal dak li jirrigwarda l-identità tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, fil-prattika, l-imsemmija azzjoni għandha r-riżultat li ċċaħħad lil din il-persuna, definittivament u b’mod sproporzjonat, mill-protezzjoni li d-Direttiva 2009/103 tagħti lill-vittmi ta’ tali inċidenti.

111. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni parti tad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-assiguratur jeżerċita azzjoni kontra l-passiġġier vittma, meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, ibbażata fuq id-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tiegħu dwar is-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lil dan il-passiġġier vittma b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

V.      Konklużjoni

112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza):

L-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi infurzata fil-konfront tal-passiġġier vittma, meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li tirriżulta minn dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali ta’ dan id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni fir-rigward tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata;

–        jipprekludu wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-assiguratur jeżerċita azzjoni kontra l-passiġġier vittma, meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, abbażi tad-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tiegħu fir-rigward tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lil dan il-passiġġier vittma b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017 (C‑287/16, EU:C:2017:575).


3      ĠU 2009, L 263, p. 11.


4      Għandu jiġi kkonstatat li l-identità tal-persuni li jaqgħu fil-kategorija ta’ vittmi, minbarra PQ, ma hijiex indikata b’mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju. Wieħed jista’ jikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi tal-proċedura fil-kawża prinċipali, MAAF taqa’ f’din il-kategorija sa fejn mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din il-kumpannija pprovdiet kopertura ta’ assigurazzjoni lit-tieni vettura involuta fl-inċident tal‑5 ta’ Ottubru 2012 (ara l-punt 2 tad-deċiżjoni tar-rinviju, li jipprovdi li “l-inċident [kien] jinvolvi wkoll vettura oħra assigurata minn [MAAF]”). Jekk MAAF ikkumpensat persuna leża f’dan l-inċident, il-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura tkun spjegata mill-fatt li hija ssurrogat lil din il-persuna fid-drittijiet tagħha u li hija tista’ tinvokahom kontra l-awtur tal-imsemmi inċident.


5      Minkejja li l-Artikolu R. 211-13 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet ma huwiex riprodott fit-talba għal deċiżjoni preliminari, madankollu huwa jissemma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni Ewropea. Essenzjalment, dan l-artikolu jsemmi diversi strumenti tad-dritt tal-assigurazzjoni li huma intiżi sabiex jillimitaw ir-responsabbiltà tal-assiguratur, bħall-eċċess, li ma humiex infurzabbli kontra l-vittmi jew l-aventi kawża tagħhom. Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu jipprevedi li, fil-każijiet li jirrigwardaw dawn l-istrumenti mhux infurzabbli kontra dawn il-persuni “l-assiguratur jipproċedi bil-ħlas tal-kumpens għan-nom tal-persuna responsabbli” u li “[l-assiguratur] jista’ jeżerċita kontra [l-persuna responsabbli] azzjoni għar-rimbors tas-somom kollha li huwa ħallas jew irriżerva għan-nom tiegħu”.


6      Sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tad‑29 ta’ Awwissu 2019, it-Tieni Awla Ċivili, Appell Nru 18-14.768.


7      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 67).


8      Ara, reċentement, id-digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros (C‑375/20, iktar ’il quddiem id-“digriet Liberty Seguros”, EU:C:2021:861, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Sparkasse Südpfalz (C‑206/22, EU:C:2023:984, punti 19 sa 24).


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Fidelidade-Companhia de Seguros (C‑287/16, EU:C:2017:575, punt 31), u d-digriet Liberty Seguros (punt 64).


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Fidelidade-Companhia de Seguros (C‑287/16, EU:C:2017:575, punt 32), u d-digriet Liberty Seguros (punt 65).


12      Ara, reċentement, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, KBC Verzekeringen (C‑286/22, EU:C:2023:767, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara, reċentement, id-digriet Liberty Seguros (punt 56). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti AELE tal‑14 ta’ Ġunju 2001, Helgadóttir (E‑7/00, EFTA Court Report 2000‑2001, punt 30).


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 23).


15      Ara, f’dan is-sens, id-digriet Liberty Seguros (punt 62).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs (C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 42), tal‑15 ta’ Diċembru 2022, HUK-COBURG-Allgemeine Versicherung (C‑577/21, EU:C:2022:992, punt 41), u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 42).


17      Ara, f’dan is-sens, id-digriet Liberty Seguros (punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2005, Candolin et (C‑537/03, EU:C:2005:417, punti 27, 32 u 33).


19      Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Churchill Insurance Company u Evans (C‑442/10, EU:C:2011:548, punt 23).


21      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017 Delgado Mendes (C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 44).


22      Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Fidelidade-Companhia de Seguros (C‑287/16, EU:C:2017:575, punt 27).


24      Ara d-digriet Liberty Seguros (punt 70).


25      Dwar din id-distinzjoni, deskritta f’termini kważi identiċi għal dawk użata f’dan it-test, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Halifax et (C‑255/02, EU:C:2005:200, punt 63).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 42).


27      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et (C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punt 126).


28      Ara, reċentement, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 285).


29      Ara, f’dan is-sens, Butler, G., Sørensen, K.E., “The prohibition of abuse of EU law: a special general principle”, fi Ziegler, K.S., Neuvonen, P.J., Moreno-Lax, V., Research Handbook on General Principles in EU law, Cheltenham – Northampton 2022, p. 415.


30      Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917, punt 46).


32      Ara, reċentement, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 285).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 40).


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 2006, Agip Petroli (C‑456/04, EU:C:2006:241, punt 23), u tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Vinyls Italia (C‑54/16, EU:C:2017:433, punt 52).


35      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, SICES et (C‑155/13, EU:C:2014:145, punt 34).


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 56), u tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 99).


37      Ara Szpunar, M., “Quelques remarques générales sur le concept de l’abus de droit en droit de l’Union”, La Cour de justice de l’Union européenne sous la présidence de Vassilios Skouris (2003-2015): liber amicorum Vassilios Skouris, Bruylant, Brussell, 2015, p. 623 sa 632.


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2000, Diamantis (C‑373/97, EU:C:2000:150, punt 34).


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 1998, Kefalas et (C‑367/96, EU:C:1998:222, punt 22),


40      Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Fidelidade-Companhia de Seguros (C‑287/16, EU:C:2017:575, punt 35), u d-digriet Liberty Seguros (punt 69).


42      Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Ara l-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Ara wkoll, f’dan is-sens, Pokrzywniak, J., “How far shall the protection of a traffic accident victim go under motor third party liability insurance?”, Wiadomości Ubezpieczeniowe, 2024, Nru 1, p. 31.


46      Sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011 (C‑442/10, EU:C:2011:799).


47      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans (C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 21).


48      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans (C‑442/10, EU:C:2011:799, punti 20 u 23).


49      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans (C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 24).


50      Sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011 (C‑442/10, EU:C:2011:799).


51      Digriet tad‑9 ta’ Jannar 2024 (C‑387/23, EU:C:2024:2, punt 24)


52      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida (C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 34).


53      Madankollu, wieħed ma jistax jeskludi li, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, id-dispożizzjonijiet tas-sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili jistgħu jippreġudikaw ukoll l-effett utli tad-Direttiva 2009/103. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja donnha teżamina wkoll tali dispożizzjonijiet nazzjonali mill-perspettiva tal-konformità tagħhom mal-effett utli ta’ din id-direttiva. Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, HUK-COBURG-Allgemeine Versicherung (C‑577/21, EU:C:2022:992, punti 45 sa 49). Ara wkoll, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑14 ta’ Ġunju 2001, Helgadóttir (E‑7/00, EFTA Court Report 2000-2001, punt 31).


54      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 44).


55      Ara l-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1996 (C‑129/94, EU:C:1996:143, punt 24).


57      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1996 (C‑129/94, EU:C:1996:143).


58      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1996, Ruiz Bernáldez (C‑129/94, EU:C:1996:143, punt 23).


59      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1996, Ruiz Bernáldez (C‑129/94, EU:C:1996:143, punt 24).